Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Il-pakkett tal-proċeduri ta' ksur għal Diċembru: id-deċiżjonijiet ewlenin

Brussell, is-7ta' dicembru 2017

Ħarsa ġenerali skont il-qasam ta' politika

Fil-pakkett tagħha ta' kull xahar tad-deċiżjonijiet dwar il-ksur, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) qed tieħu azzjoni legali kontra l-Istati Membri li ma kkonformawx mal-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-UE. Dawn id-deċiżjonijiet, li jkopru diversi setturi u oqsma ta' politika tal-UE, għandhom l-għan li jiżguraw l-applikazzjoni kif suppost tad-dritt tal-UE għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji.

Id-deċiżjonijiet ewlenin meħuda mill-Kummissjoni qed jiġu ppreżentati hawn taħt, skont il-qasam ta' politika. Il-Kummissjoni qed tagħlaq ukoll 130 każ li fihom il-kwistjonijiet mal-Istati Membri kkonċernati ġew solvuti mingħajr ma l-Kummissjoni kellha għalfejn tkompli għaddejja bil-proċedura.

Għal aktar tagħrif dwar il-proċedura ta' ksur tal-UE, ara l-MEMO/12/12 sħiħa. Għal aktar dettalji dwar id-deċiżjonijiet meħuda, ikkonsulta r-reġistru tad-deċiżjonijiet ta' ksur.

 

1. Is-Suq Uniku Diġitali

(Għal aktar tagħrif: Nathalie Vandystadt - tel.: +32 229 67083, Inga Höglund – tel.: +32 229 50698)

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

L-Immaniġġjar Kollettiv tad-Drittijiet: Il-Kummissjoni tressaq lill-BULGARIJA, lil-LUSSEMBURU, lir-RUMANIJA u lil SPANJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Illum il-Kummissjoni Ewropea ddeċiediet li tressaq lill-Bulgarija, lil-Lussemburgu, lir-Rumanija u lil Spanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE talli naqsu milli jinnotifikaw it-traspożizzjoni sħiħa fil-liġi nazzjonali tar-regoli tal-UE dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, kif ukoll dwar il-ħruġ ta' liċenzji multiterritorjali ta' drittijiet f'xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn, kif previst sal-10 ta' April 2016 mid-Direttiva tal-Immaniġġjar Kollettiv tad-Drittijiet, Direttiva 2014/26/UE. Il-Kummissjoni qiegħda titlob lill-Qorti li timponi penali finanzjarji fuq dawk l-4 Stati Membri (il-Bulgarija - €19,121.60 kuljum, il-Lussemburgu - €12,920.00 kuljum, ir-Rumanija - €42,377.60 kuljum u Spanja - €123,928.64 kuljum). Il-proċeduri ta' ksur kontra dawn il-pajjiżi nfetħu f'Mejju 2016. Sal-lum, dawn l-Istati Membri għadhom ma nnotifikawx lill-Kummissjoni li ħadu l-passi meħtieġa biex jittrasponu d-Direttiva fil-liġi nazzjonali. F'każ ta' ksur separat li jinvolvi lir-Rumanija, il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li tibgħat ittra ta' intimazzjoni dwar l-implimentazzjoni tas-sistema obbligatorja tal-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet f'xogħlijiet mużikali f'Mejju 2016. Il-Kummissjoni tqis li l-liġi Rumena tonqos milli tikkonforma mad-Direttiva rigward l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni u fid-Direttiva tal-Immaniġġjar Kollettiv tad-Drittijiet. Id-Direttiva tal-Immaniġġjar Kollettiv tad-Drittijiet timmira li ttejjeb il-mod ta' kif l-organizzazzjonijiet kollha tal-immaniġġjar tad-drittijiet kollettivi jiġu mmaniġġjati, billi tistabbilixxi standards komuni ta' governanza, trasparenza u ġestjoni finanzjarja. Tistabbilixxi wkoll standards komuni għall-ħruġ ta' liċenzji multiterritorjali f'xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern. Id-Direttiva tal-Immaniġġjar Kollettiv tad-Drittijiet hija parti essenzjali mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur. L-organizzazzjonijiet kollha tal-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet għandhom itejbu l-istandards tagħhom tal-governanza u tat-trasparenza. Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok irreferi għall-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

 

Ittra ta' intimazzjoni

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lir-RUMANIJA biex tiżgura l-applikazzjoni kif suppost tas-sistema obbligatorja tal-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lir-Rumanija talli naqset milli tinnotifika l-implimentazzjoni bis-sħiħ tar-regoli tal-UE dwar is-sistema obbligatorja tal-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tax-xogħlijiet mużikali. Il-Kummissjoni tqis li l-liġi Rumena tonqos milli tikkonforma mad-Direttiva rigward l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (id-Direttiva 2001/29/KE) u d-Direttiva dwar l-Immaniġġjar Kollettiv tad-Drittijiet (id-Direttiva 2014/26/UE). Skont id-dritt tal-UE, l-awturi jistgħu jawtorizzaw jew jipprojbixxu l-komunikazzjoni ta' xogħolhom lill-pubbliku. Madankollu, skont il-liġi Rumena, l-awturi ma għandhom l-ebda għażla ħlief li jħallu l-immaniġġjar tad-dritt tagħhom ta' komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet mużikali f'idejn organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv. Dan iwassal għal privazzjoni tad-dritt esklussiv tal-awtur għall-komunikazzjoni lill-pubbliku, u fil-fehma tal-Kummissjoni, dan mhuwiex iġġustifikat skont id-dritt tal-UE. Issa r-Rumanija għandha xahrejn biex twieġeb din l-ittra.

 

2. L-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni

(Għal aktar tagħrif: Christian Wigand - tel.: +32 229 62253, Sara Soumillion – tel.: +32 229 67094)

Opinjoni motivata

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-ITALJA tinnotifika t-traspożizzjoni bis-sħiħ tar-regoli tal-UE dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol

Bil-ħruġ tal-opinjoni motivata preżenti, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Italja tinnotifika l-miżuri nazzjonali kollha li jittrasponu r-regoli tal-UE dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-2006 (MLC; id-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE). Id-Direttiva timplimenta l-ftehim fost is-sħab soċjali tal-UE fis-settur marittimu dwar l-implimentazzjoni tal-MLC. Din id-Direttiva daħlet fis-seħħ fl-20 ta' Awwissu 2013, dakinhar tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni. Id-Direttiva tieħu f'idejha d-dispożizzjonijiet vinkolanti tal-MLC dwar il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol għall-baħħara skont l-Artikolu 153 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikulari d-dispożizzjonijiet dwar il-ftehim tal-impjieg, l-età minima, il-ħinijiet tax-xogħol, is-saħħa u s-sikurezza, u l-benessri tal-baħħara. L-Italja nnotifikat għadd ta' miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali, iżda bosta dispożizzjonijiet baqgħu mhux ċari. Il-Kummissjoni talbet kjarifika mingħand l-awtoritajiet Taljani, u dawn ipprovdewha kif xieraq. Madankollu, minkejja li din it-tweġiba ċċarat ċerti dubji, għad ma hemm ebda informazzjoni rigward il-miżuri nazzjonali li jittrasponu ċerti obbligi tad-Direttiva. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-Italja naqset parzjalment milli tinnotifika l-miżuri biex jimplimentaw id-Direttiva sal-20 ta' Awwissu 2014. Issa l-Kummissjoni qed tistieden lill-Italja tieħu l-miżuri meħtieġa biex tikkonforma bis-sħiħ mad-Direttiva. Jekk l-Italja tonqos milli ġġib il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha f'konformità mad-dritt tal-Unjoni fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=celex%3A32009L0013

 

3. L-Enerġija

(Għal aktar tagħrif: Anna-Kaisa Itkonen - tel.: +32 229 56186, Nicole Bockstaller – tel.: +32 229 52589)

Ittri ta' intimazzjoni

Is-Suq Intern tal-Enerġija: Il-Kummissjoni titlob lil ĊIPRU u lir-REPUBBLIKA ĊEKA jimplimentaw it-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija tal-UE

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittri ta' intimazzjoni lil Ċipru u lir-Repubblika Ċeka li jitolbuhom formalment li jiżguraw l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni korretti tad-Direttiva dwar l-Enerġija (id-Direttiva 2009/72/KE) u tad-Direttiva dwar il-Gass (id-Direttiva 2009/73/KE). Id-Direttivi huma parti mit-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija u jinkludu dispożizzjonijiet legali ewlenin li jippermettu lis-swieq tal-enerġija jiffunzjonaw kif suppost.

L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija: Il-Kummissjoni tistieden lill-GREĊJA u lil MALTA jimplimentaw b'mod korrett ir-regoli tal-UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija

Il-Kummissjoni bagħtet ittri ta' intimazzjoni li fihom titlob lill-Greċja u lil Malta jiżguraw l-implimentazzjoni korretta tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (id-Direttiva 2010/31/UE). Id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu u japplikaw rekwiżiti minimi ta' rendiment tal-enerġija għall-bini kollu ġdid u eżistenti, jiżguraw li r-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija jiġi ċċertifikat, u jiżguraw li s-sistemi tat-tisħin u tal-arja kkundizzjonata jiġu spezzjonati b'mod regolari. Id-Direttiva tirrikjedi wkoll li l-pajjiżi tal-UE jiżguraw li l-bini kollu ġdid ikun “b'użu ta' kważi żero enerġija” mill-2021 ‘il quddiem (mill-2019 għall-bini pubbliku).

 

4. L-Ambjent

(Għal aktar tagħrif: Enrico Brivio – tel.: +32 229 56172, Iris Petsa – tel.: +32 229 93321)

Opinjonijiet motivati

L-Impatt ambjentali: Il-Kummissjoni titlob lir-REPUBBLIKA ĊEKA tlesti l-konformità tagħha mar-regoli tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea tħeġġeġ lir-Repubblika Ċeka tindirizza l-kwistjonijiet pendenti ta' nuqqas ta' konformità fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (VIA; id-Direttiva 2011/92/UE). L-għan tad-Direttiva huwa li tiżgura li l-proġetti li aktarx ikollhom effett sinifikanti fuq l-ambjent ikunu vvalutati b'mod xieraq qabel ma jiġu approvati. Il-Kummissjoni fetħet każ formali ta' ksur f'April 2013. Il-parti l-kbira mit-tħassib imsemmi mill-Kummissjoni ġie solvut mill-awtoritajiet Ċeki fl-2015. Madankollu, fadal għadd ta' kwistjonijiet mhux solvuti. Il-leġiżlazzjoni Ċeka tħalli barra proġetti li għadhom ma ġewx implimentati, ġew skrinjati qabel l-1 ta' April 2015, jew għaddew minn xi bidliet qabel ma rċevew il-kunsens tal-iżvilupp. Barra minn hekk, l-aċċess għall-ġustizzja għal tali proġetti mhuwiex żgurat bi qbil mar-rekwiżiti tad-Direttiva. Issa l-awtoritajiet Ċeki għandhom xahrejn biex iwieġbu dwar kif se jirrimedjaw is-sitwazzjoni; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq lir-Repubblika Ċeka quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32011L0092

L-Ilma: Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-UNGERIJA tiżgura r-rispett tar-regoli tal-UE dwar it-trattament tal-ilma urban mormi

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Ungerija dwar in-nuqqas tagħha li tikkonforma mar-rekwiżiti tal-UE tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi (id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE), f'total ta' 22 agglomerazzjoni. L-ilma mormi mhux trattat jista' jpoġġi s-saħħa tal-bniedem fil-periklu, u jista' jniġġes il-lagi, ix-xmajjar, il-ħamrija, u l-ilma kostali u tal-pjan. Dawn l-agglomerazzjonijiet kollha kellhom isiru konformi sal-31 ta' Diċembru 2008 (f'żoni sensittivi b'ekwivalent ta' popolazzjoni ta' aktar minn 10,000) u sal-31 ta' Diċembru 2010 (f'żoni normali b'ekwivalent ta' popolazzjoni ta' aktar minn 15,000), kif stipulat fl-Att tal-Adeżjoni tal-Ungerija. Il-Kummissjoni fetħet proċeduri formali ta' ksur fi Frar 2017. L-aħħar dejta pprovduta mill-awtoritajiet Ungeriżi turi li l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE għadha ma ntlaħqitx, u mit-tweġiba tal-Ungerija ma joħroġx ċar meta l-konformità se tintlaħaq. Issa l-awtoritajiet Ungeriżi għandhom xahrejn biex iwieġbu dwar kif se jirrimedjaw is-sitwazzjoni; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq lill-Ungerija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Dan il-każ huwa parti minn azzjoni orizzontali li tinvolvi 12-il Stat Membru li lkoll ibbenefikaw minn derogi temporanji skont it-Trattati tal-Adeżjoni rispettivi tagħhom.

L-Arja: Il-Kummissjoni titlob lill-POLONJA tippromulga leġiżlazzjoni ġdida tal-UE dwar it-titjib tal-kwalità tal-arja

Il-Kummissjoni qiegħda tħeġġeġ lill-Polonja tittrasponi regoli tal-UE dwar il-metodi ta' referenza, il-validazzjoni tad-dejta u s-siti tal-punti ta' ġbir ta' kampjuni għall-valutazzjoni tal-kwalità tal-arja fl-ambjent (id-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2015/1480). Id-Direttiva taġġorna għadd ta' għanijiet ta' kwalità tad-dejta u metodi ta' referenza għall-kejl ta' ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja. Tikkumplimenta wkoll il-kriterji għall-valutazzjoni tad-dejta tal-kwalità tal-arja l-ambjent u għall-għażla tas-siti tal-punti ta' ġbir ta' kampjuni. L-Istati Membri kienu meħtieġa li jittrasponu din id-Direttiva sal-31 ta' Diċembru 2016. Billi l-Polonja naqset milli tagħmel dan, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat opinjoni motivata, u qed tagħti lill-Polonja xahrejn biex twieġeb. Fin-nuqqas ta' risposta sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq lill-Polonja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Il-Basktijiet tal-plastik: Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-PORTUGALL tippromulga regoli tal-UE dwar il-basktijiet tal-plastik ħfief

Il-Kummissjoni qiegħda titlob lill-Portugall tlesti l-promulgazzjoni ta' leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart (id-Direttiva dwar il-Basktijiet tal-Plastik, Direttiva (UE) 2015/720) fi-liġijiet nazzjonali tagħha. Bl-għan li jindirizzaw il-ħela tar-riżorsi u l-iskart, l-Istati Membri tal-UE kellhom sas-27 ta' Novembru 2016 biex jadottaw miżuri sabiex jitnaqqas il-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief kif meħtieġ bid-Direttiva. Il-gvernijiet nazzjonali jistgħu jagħżlu minn lista ta' miżuri biex jilħqu l-għanijiet maqbula b'mod komuni. Dawn jinkludu strumenti ekonomiċi, bħat-tariffi jew l-imposti. Għażla oħra hija l-introduzzjoni ta' miri nazzjonali ta' tnaqqis: l-Istati Membri jridu jiżguraw li sa tmiem l-2019 kull persuna tikkonsma mhux iktar minn 90 minn dawn il-basktijiet fis-sena. Sa tmiem l-2025, dak in-numru għandu jonqos għal mhux iktar minn 40 basket għal kull persuna. L-għan taż-żewġ għażliet jista' jintlaħaq permezz ta' miżuri obbligatorji jew permezz ta' ftehimiet mas-setturi ekonomiċi. Huwa possibbli wkoll li l-basktijiet tal-plastik jiġu pprojbiti, dejjem jekk dawk il-projbizzjonijiet ma jmorrux lil hinn mil-limiti stabbiliti bid-Direttiva sabiex jiġi kkonservat il-moviment ħieles tal-oġġetti fis-Suq Uniku Ewropew. Il-Kummissjoni tivverifika bħala kwistjoni ta' prijorità jekk l-Istati Membri jkunux issodisfaw l-obbligu li jittrasponu din id-Direttiva. Illum, il-Kummissjoni qed tibgħat opinjoni motivata lill-Portugall talli baqa' ma nnotifikax lill-Kummissjoni bil-miżuri tiegħu. Issa l-awtoritajiet Portugiżi għandhom xahrejn biex iwieġbu; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq lill-Portugall quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

 

Ittri ta' intimazzjoni

L-Ilma: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-UNGERIJA li tippromulga regoli tal-UE dwar l-ilma tax-xorb

Il-Kummissjoni qed titlob lill-Ungerija tikkonforma mal-valuri parametriċi għall-arseniku, għall-boron u għall-fluworidu kif stipulat fid-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb (id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE) fiż-żoni kollha tal-pajjiż. 365 żona Ungeriża bbenefikaw minn deroga temporanja, li skadiet fil-25 ta' Diċembru 2012. F'April 2016, rapport mill-awtoritajiet Ungeriżi żvela li wħud minn dawn iż-żoni baqgħu mhux konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva. Għaldaqstant, il-Kummissjoni fetħet proċedura formali ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni li tkopri s-66 żona mhux konformi f'Mejju 2016. Madankollu, rapport riċenti mill-Ungerija wera li dak ir-rapport preċedenti kien fih dejta żbaljata għal bosta żoni. Għalhekk, illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni addizzjonali lill-Ungerija dwar 28 żona mhux konformi. L-Ungerija għandha xahrejn biex twieġeb għall-punti ta' tħassib li qajmet il-Kummissjoni; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

It-Trattament xieraq tal-annimali: il-Kummissjoni titlob lill-UNGERIJA tippromulga b'mod korrett miżuri dwar il-protezzjoni tal-annimali fil-laboratorji

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija rigward it-traspożizzjoni skorretta tagħha, fil-liġi Ungeriża, ta' għadd ta' dispożizzjonijiet tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tal-annimali li jintużaw għal skopijiet xjentifiċi (id-Direttiva 2010/63/UE). Id-Direttiva, li kellha tiġi ttrasposta sal-10 ta' Novembru 2012, tiżgura livell għoli ta' trattament xieraq tal-annimali, filwaqt li tissalvagwardja l-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Id-Direttiva timmira wkoll li tnaqqas kemm jista' jkun l-għadd ta' annimali użati f'esperimenti, u tirrikjedi li jintużaw alternattivi kull fejn possibbli. L-awtoritajiet Ungeriżi ttrasponew id-Direttiva b'mod skorrett fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, u għaldaqstant iridu jindirizzaw għadd ta' kwistjonijiet ta' nuqqas ta' konformità. Avolja l-awtoritajiet Ungeriżi indikaw ir-rieda tagħhom li jindirizzaw il-biċċa l-kbira minn dawk il-kwistjonijiet, sal-lum għadhom ma ġewx adottati l-emendi leġiżlattivi meħtieġa. L-Ungerija għandha xahrejn biex twieġeb għall-punti ta' tħassib li qajmet il-Kummissjoni; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

L-Istorbju: il-Kummissjoni tħeġġeġ lil FRANZA u lill-GREĊJA jadottaw pjanijiet ta' azzjoni dwar l-istorbju ambjentali

Il-Kummissjoni titlob lil Franza u lill-Greċja jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva dwar l-Istorbju (id-Direttiva 2002/49/KE). L-istorbju ambjentali – ikkawżat mit-traffiku fit-toroq, ferrovjarju u fl-ajruporti – huwa t-tieni kawża prinċipali ta' mwiet prematuri wara t-tniġġis tal-arja. Id-Direttiva dwar l-Istorbju tirrikjedi li l-Istati Membri jadottaw mapep tal-istorbju li juru l-esponiment għall-istorbju fl-agglomerazzjonijiet il-kbar, mal-linji ferrovjarji u t-toroq prinċipali, u fl-ajruporti maġġuri. Wara dan, il-mapep iservu bħala bażi għad-definizzjoni ta' miżuri fi pjanijiet ta' azzjoni dwar l-istorbju. Għal Franza, jonqsu pjanijiet ta' azzjoni għal 58 agglomerazzjoni identifikati, kif ukoll għal għadd sinifikanti ta' toroq prinċipali, linji ferrovjarji prinċipali u ajruporti maġġuri. Il-Greċja għadha ma adottatx il-mapep tal-istorbju u l-pjanijiet ta' azzjoni dwar l-istorbju kollha għall-agglomerazzjonijiet u għat-toroq prinċipali, u għadha ma rrevedietx il-pjan ta' azzjoni eżistenti għal ajruport maġġuri wieħed. Barra minn hekk, Franza u l-Greċja għadhom ma identifikawx kif suppost l-infrastrutturi ewlenin kollha eżistenti fit-territorji tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni liż-żewġ Stati Membri, li tagħtihom xahrejn biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata. Mill-2016 ‘l hawn, il-Kummissjoni bdiet azzjoni orizzontali ta' proċedura ta' ksur kontra 13-il Stat Membru dwar l-istorbju ambjentali.

L-Impatt ambjentali: il-Kummissjoni titlob lil SPANJA tapplika kif suppost ir-regoli tal-UE meta tirregolarizza ċerti proġetti

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedura formali ta' ksur kontra Spanja, wara lmenti dwar l-implikazzjonijiet ta' proġett ta' żvilupp urban li hu ppjanat li jsir f'ċentru turistiku fuq il-gżira ta' Fuerteventura. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-proġett kien ġie approvat mingħajr determinazzjoni xierqa tal-bżonn ta' valutazzjoni tal-impatt ambjentali minn qabel tal-effetti ta' dak il-proġett skont id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (VIA; id-Direttiva 2011/92/UE), u mingħajr il-valutazzjoni tal-impatt xierqa tal-effetti fuq iż-Żoni ta' Protezzjoni Speċjali (ŻPS) meħtieġa skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats (id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE). Barra minn hekk, il-proġett ġie ddikjarat null u bla effett mill-Qrati Spanjoli, iżda x-xogħlijiet ta' kostruzzjoni ma twaqqfux, u tkomplew taħt proġett immodifikat. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil Spanja, li fiha titlobha tiżgura l-konformità mad-Direttivi dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali u dwar il-Ħabitats meta kostruzzjoni illegali tiġi rregolarizzata skont il-leġiżlazzjoni reġjonali tal-Gżejjer Kanarji. Spanja għandha xahrejn biex twieġeb; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

 

5. Is-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs

(Għal aktar tagħrif: Lucia Caudet – tel.: +32 229 56182, Maud Noyon – tel.: +32 229 80379)

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Il-Ħlas tard: il-Kummissjoni tressaq lill-ITALJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talli naqset milli tiżgura li l-fornituri jitħallsu fil-ħin

Illum il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Italja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE minħabba dewmien sistemiku fil-ħlas min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi Taljani fi tranżazzjonijiet kummerċjali, li jikser ir-regoli tal-UE dwar l-arranġamenti tal-ħlas (id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard, Direttiva 2011/7/UE). Skont id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom iħallsu tal-merkanzija u tas-servizzi li jakkwistaw fi żmien 30 jum, jew inkella, f'ċirkustanzi eċċezzjonali, fi żmien 60 jum mill-wasla tal-fattura. Il-Kummissjoni tagħti ħafna importanza lill-kwistjoni tal-ħlas tard min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi, problema li ġiet identifikata f'bosta Stati Membri, u tfittex politika stretta ta' infurzar tad-Direttiva dwar il-Ħlas Tard. Il-ħlasijiet fil-ħin huma partikolarment importanti għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), li jiddependu minn fluss tal-flus pożittiv biex ikunu jistgħu jiżguraw il-ġestjoni finanzjarja, il-kompetittività, u f'ħafna każijiet, is-sopravvivenza tagħhom. Il-Kummissjoni tagħraf l-isforzi li saru mill-gvern Taljan biex itejjeb is-sitwazzjoni mindu nfetħet il-proċedura ta' ksur b'ittra ta' intimazzjoni f'Ġunju 2014. Fi Frar 2017 intbagħtet opinjoni motivata. Madankollu, aktar minn tliet snin wara l-ftuħ tal-proċedura ta' ksur, l-awtoritajiet pubbliċi Taljani għadhom idumu medja ta' madwar 100 jum biex iħallsu l-fatturi tagħhom, b'każijiet estremi li jistgħu jisbqu ferm dik iċ-ċifra ta' 100 jum. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-Italja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok irreferi għall-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

Il-Kummissjoni tressaq lill-UNGERIJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE minħabba l-Liġi dwar l-Edukazzjoni Għolja

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-Ungerija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea minħabba li l-Liġi dwar l-Edukazzjoni Għolja tagħha, kif emendata fl-4 ta' April 2017, tirrestrinġi b'mod sproporzjonat l-operati ta' universitajiet tal-UE u mhux tal-UE, u jeħtieġ li dik il-Liġi terġa' tinġieb konformi mad-dritt tal-UE. Il-Kummissjoni ressqet dan il-każ għaliex il-liġi kif emendata mhijiex kompatibbli mal-libertà tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja li jipprovdu servizzi u jistabbilixxu ruħhom fi kwalunkwe post l-UE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tibqa' tal-fehma li l-leġiżlazzjoni l-ġdida tmur kontra d-dritt tal-libertà akkademika, id-dritt tal-edukazzjoni u l-libertà tal-intrapriża, kif previst mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-obbligi legali tal-Unjoni skont il-liġi kummerċjali internazzjonali (il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi, GATS, fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, WTO). Il-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta' ksur kontra l-Ungerija f'April 2017. Billi l-Ungerija żammet mal-pożizzjoni tagħha fit-tweġibiet tagħha għall-ittra ta' intimazzjoni, għall-opinjoni motivata u għall-opinjoni motivata addizzjonali u ma ġabitx il-Liġi tal-Edukazzjoni Għolja konformi mad-dritt tal-UE, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-Ungerija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok irreferi għall-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

 

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ittra ta' intimazzjoni u opinjoni motivata

Il-Kwalifiki professjonali: il-Kummissjoni tressaq lill-BELĠJU, lil FRANZA u lill-ĠERMANJA quddiem il-Qorti, u tiftaħ proċedura ta' ksur kontra ĊIPRU

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-Belġju, lil Franza u lill-Ġermanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE talli naqsu milli jinnotifikaw it-traspożizzjoni sħiħa tad-dritt tal-UE dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali (id-Direttiva 2013/55/KE). Id-Direttiva riveduta kellha tiġi trasposta fil-leġiżlazzjoni nazzjonali sat-18 ta' Jannar 2016. Il-Kummissjoni bagħtet opinjonijiet motivati lill-awtoritajiet Belġjani, Franċiżi u Ġermaniżi f'Settembru 2016. Minn dakinhar ‘l hawn, il-Belġju, Franza u l-Ġermanja għadhom ma nnotifikawx it-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva lill-Kummissjoni. Għalkemm sar progress sostanzjali, b'mod partikulari mill-Ġermanja u minn Franza, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lit-3 pajjiż quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Il-Kummissjoni se titlob lill-Qorti timponi penali ta' kuljum ta' €22,260.48 għall-Belġju, €53,287.52 għal Franza u €62,203.68 għall-Ġermanja, mill-ġurnata tas-sentenza sa meta din id-Direttiva tkun ippromulgata bis-sħiħ u fis-seħħ fil-liġi nazzjonali. Fl-istess nifs, il-Kummissjoni tħeġġeġ lil Ċipru jneħħi, minn ċerti regolamenti dwar il-professjonijiet, restrizzjonijiet li mhumiex kompatibbli mad-dritt tal-UE. Il-Kummissjoni qed tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil Ċipru talli ma jirrikonoxxix it-taħriġ professjonali fl-oqsma tal-inġinerija u tal-arkitettura miksub minn ċittadini Ċiprijotti fi Stati Membri oħra, pożizzjoni li jidher li ma taqbilx mad-Direttiva 2005/36/KE. Barra minn hekk, ir-regoli nazzjonali ma jirrispettawx bis-sħiħ il-prinċipju tar-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki professjonali miksuba f'pajjiż barrani mill-periti, kif stipulat fl-Artikolu 49 tad-Direttiva 2005/36/KE. Issa Ċipru għandu xahrejn biex jirrimedja s-sitwazzjoni; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata lil Ċipru. Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok irreferi għall-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=celex%3A32005L0036

 

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u ittra ta' intimazzjoni

L-Akkwist pubbliku: il-Kummissjoni tressaq lil 4 Stati Membri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u tiftaħ każ ġdid

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Awstrija, lil-Lussemburgu, lis-Slovenja u lil Spanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE talli naqsu milli jinnotifikaw it-traspożizzjoni bis-sħiħ fil-liġi nazzjonali ta' regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet (id-Direttivi 2014/23/UE, 2014/24/UE, 2014/25/UE). L-Istati Membri kollha kienu obbligati li jinnotifikaw it-traspożizzjoni tal-aktar regoli riċenti tal-akkwist pubbliku sat-18 ta' April 2016. Il-Kummissjoni bagħtet ittri ta' intimazzjoni lil 21 Stat Membru li kienu għadhom ma ttrasponewx dawn ir-regoli f'Mejju 2016, u aktar tard bagħtet opinjonijiet motivati indirizzati lil 15-il Stat Membru minnhom f'Diċembru 2016. L-4 Stati Membri għadhom ma nnotifikawx it-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni li ġejja: l-Awstrija u l-Lussemburgu - id-Direttivi 2014/23/UE, 2014/24/UE, 2014/25/UE; Spanja - id-Direttivi 2014/23/UE, 2014/25/UE; is-Slovenja - id-Direttiva 2014/23/UE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-4 pajjiżi li huma quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Il-Kummissjoni se titlob lill-Qorti li timponi, skont id-Direttiva kkonċernata, penali ta' kuljum ta' €52,972, €42,377.60 u €42,377.60 għall-Awstrija, ta' €12,920, €11,628 u €11,628 għal-Lussemburgu, ta' €8,992.32 għas-Slovenja, u ta' €61,964.32 u €123,928.64 għal Spanja, mill-ġurnata tas-sentenza sa meta dawn id-Direttivi jkunu ppromulgati bis-sħiħ u fis-seħħ fil-liġi nazzjonali. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni qed tibgħat ittra ta' intimazzjoni lin-Netherlands, billi għadhom ma kkwalifikawx il-korporazzjonijiet tal-akkomodazzjoni Netherlandiżi bħala awtoritajiet kontraenti minkejja li huma involuti fil-kuntratti pubbliċi. Il-Kummissjoni tqis li n-Netherlands kisru l-obbligu ta' trasparenza fid-Direttiva 2014/23/UE u fid-Direttiva 2014/24/UE. In-Netherlands għandhom xahrejn biex iwieġbu għall-punti ta' tħassib li qajmet il-Kummissjoni; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata. Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok irreferi għall-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=uriserv:OJ.L_.2014.094.01.0001.01.MLThttp://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=celex:32014L0024http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=OJ%3AJOL_2014_094_R_0243_01

 

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u l-għeluq ta' każ

Is-Servizzi: il-Kummissjon tressaq lill-AWSTRIJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u tagħlaq każ kontra ĊIPRU

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-Awstrija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE minħabba regoli eċċessivament restrittivi dwar il-forniment ta' servizzi minn periti, inġiniera, avukati tal-privattivi u veterinarji. Fl-istess nifs, il-Kummissjoni qiegħda tagħlaq każ kontra Ċipru, billi indirizza t-tħassib tal-Kummissjoni u neħħa restrizzjonijiet fuq il-kumpaniji tal-inġinerija. Il-leġiżlazzjoni tal-Awstrija timponi għadd ta' rekwiżiti fuq il-professjonijiet regolati: rekwiżiti dwar is-sede għall-periti, għall-inġiniera u għall-avukati tal-privattivi; forma legali u rekwiżiti eċċessivi ta' parteċipazzjoni azzjonarja għall-periti, għall-inġiniera, għall-avukati tal-privattivi u għall-veterinjarji; restrizzjonijiet fuq kumpaniji multidixxiplinari għall-periti, għall-inġiniera u għall-avukati tal-privattivi. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dawn ir-rekwiżiti joħolqu xkiel mhux iġġustifikat għall-forniment ta' servizzi minn dawn il-professjonijiet, u jmorru kontra l-libertà tal-provvista tas-servizzi (l-Artikoli 49 u 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE, TFUE), kif ukoll kontra d-Direttiva dwar is-Servizzi (l-Artikoli 14, 15 u 25 tad-Direttiva 2006/123/KE). L-Awstrija ntalbet li tirrimedja dan il-ksur tad-dritt tal-UE, l-ewwel b'ittra ta' intimazzjoni mibgħuta f'Ġunju 2015, imbagħad b'opinjoni motivata fi Frar 2016, u wara skambju mal-awtoritajiet tal-Awstrija, b'opinjoni motivata kumplimentari f'Novembru 2016. Peress li l-awtoritajiet Awstrijaċi żammew il-pożizzjoni tagħhom, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-Awstrija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li tagħlaq każ kontra Ċipru rigward rekwiżit ta' parteċipazzjoni azzjonarja ta' 100% impost fuq il-kumpaniji tal-inġinerija li jinsabu inkorporati f'Ċipru. Id-dispożizzjoni skont il-liġi Ċiprijotta kienet tfisser li l-azzjonisti kollha ta' tali kumpaniji kellhom ikunu professjonisti kkwalifikati, u li d-drittijiet tal-vot kellhom ikunu kollha tagħhom. Il-Kummissjoni qieset li dawk ir-restrizzjonijiet kienu sproporzjonati, u li jmorru kontra l-libertà tal-istabbiliment u kontra d-Direttiva dwar is-Servizzi (id-Direttiva 2006/123/KE). Wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni f'Novembru 2016 li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, Ċipru emenda l-liġi biex tippermetti maġġoranza sempliċi ta' ishma kapitali kif ukoll drittijiet tal-vot għall-professjonisti. Abbażi ta' dan, illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħlaq il-każ. Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok irreferi għall-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

 

Ittra ta' intimazzjoni

Il-Moviment liberu tal-merkanzija: Il-Kummissjoni titlob lil SPANJA tneħħi r-restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet tal-mediċini omeopatiċi

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil Spanja dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet paralleli tal-mediċini omeopatiċi. Il-prattiki attwali jagħmluha impossibbli, fil-prattika, li jiġu introdotti fis-suq Spanjol mediċini omeopatiċi li huma kkummerċjalizzati skont il-liġi fi Stati Membri oħra tal-UE. Il-Kummissjoni tqis li dawn il-prattiki jmorru kontra r-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija (l-Artikolu 34 tat-TFUE) u kontra d-Direttiva dwar il-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (l-Artikoli 6 u 13(1) tad-Direttiva 2001/83). Issa Spanja għandha xahrejn biex twieġeb għall-punti ta' tħassib imressqa mill-Kummissjoni; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata lil Spanja.

 

Għeluq ta' każijiet

Il-Kummissjoni tagħlaq il-proċeduri ta' ksur u l-ilmenti fis-settur tal-logħob tal-azzard

Illum il-Kummissjoni Ewropea, f'konformità mal-impenn politiku tagħha li terfa' rwol aktar strateġiku fl-infurzar tad-dritt tal-UE, iddeċidiet li tagħlaq il-proċeduri ta' ksur tagħha u l-ilmenti li kienet qiegħda tindirizza fil-qasam tal-logħob tal-azzard. Il-Kummissjoni Juncker ilha tiffoka fuq il-prijoritajiet politiċi tagħha u taħdem għalihom bla heda mill-bidu tal-mandat. Dan l-approċċ politiku jidher ukoll fil-mod li bih il-Kummissjoni titratta l-każijiet ta' ksur. Il-Komunikazzjoni “Id-Dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta' applikazzjoni aħjar” tispjega kif il-Kummissjoni tipprijoritizza l-każijiet b'mod strateġiku billi tiżen id-diversi interessi pubbliċi u privati involuti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni llum iddeċidiet li tagħlaq il-proċeduri ta' ksur tagħha u l-ilmenti kontra għadd ta' Stati Membri li kienet qiegħda tindirizza fil-qasam tal-logħob tal-azzard online. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kemm-il darba rrikonoxxiet id-drittijiet tal-Istati Membri li jirrestrinġu s-servizzi tal-logħob tal-azzard fejn dan ikun meħtieġ għall-ħarsien tal-objettivi tal-interess pubbliku bħalma huma l-ħarsien tal-minorenni, il-ġlieda kontra d-dipendenza fuq il-logħob u l-ġlieda kontra l-irregolaritajiet u l-frodi. Il-Kummissjoni tagħraf il-leġittimità politika usa' tal-għanijiet tal-interess pubbliku li għandhom l-Istati Membri huma u jirregolaw is-servizzi tal-logħob tal-azzard. Il-Kummissjoni ħadet nota wkoll tal-isforzi mill-Istati Membri biex jimmodernizzaw l-oqfsa ġuridiċi tagħhom dwar il-logħob tal-azzard online, biex jiddevjaw id-domanda miċ-ċittadini għal-logħob tal-azzard minn fornituri mhux regolati lejn websites awtorizzati u sorveljati u biex jiżguraw li l-operaturi jħallsu t-taxxi dovuti. Fid-dawl ta' dan kollu, mhix prijorità għall-Kummissjoni li tuża s-setgħat tagħha fil-qasam tal-proċeduri tal-ksur biex tippromwovi Suq Uniku tal-UE fil-qasam tas-servizzi tal-logħob tal-azzard online. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jimmodernizzaw l-oqsfa ġuridiċi nazzjonali tagħhom tal-logħob tal-azzard online u biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn ir-regolaturi nazzjonali tal-logħob tal-azzard. Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok irreferi għall-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

 

6. Il-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

(Għal aktar tagħrif: Christian Wigand – tel.: +32 229 62253, Melanie Voin - tel.: +32 229 58659)

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea tressaq lill-UNGERIJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minħabba l-Liġi dwar l-NGOs tagħha

Illum il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tressaq lill-Ungerija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE minħabba l-liġi tagħha dwar l-NGOs iffinanzjati minn barra l-pajjiż. Dan huwa t-tielet pass fil-proċedura ta' ksur. Isegwi l-ittra ta' intimazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni fl-14 ta' Lulju u l-opinjoni motivata maħruġa fl-4 ta' Ottubru ta' din is-sena. Il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda proċeduri legali kontra l-Ungerija billi naqset milli taqdi l-obbligi tagħha skont id-dispożizzjonjiet tat-Trattat dwar il-moviment ħieles tal-kapital, minħabba dispożizzjonijiet fil-Liġi dwar l-NGOs li jiddiskriminaw indirettament u jirrestrinġu b'mod sproporzjonat id-donazzjonjiet minn barra lejn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Minbarra dawn il-punti ta' tħassib, il-Kummissjoni hija tal-fehma wkoll li l-Ungerija qiegħda tikser id-dritt tal-libertà tal-assoċjazzjoni u d-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-dejta personali, kif imnaqqxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-UE dwar il-moviment liberu tal-kapital. L-Ungerija wieġbet l-ittra ta' intimazzjoni tal-Kummissjoni fl-14 ta' Awwissu u fis-7 ta' Settembru. Wara li analizzat mill-qrib l-ispjegi mressqa mill-Ungerija, il-Kummissjoni Ewropea kkonkludiet li l-punti ta' tħassib serju tagħha ma ġewx indirizzati, u għalhekk ħarġet opinjoni motivata. L-Ungerija ngħatat xahar biex tieħu l-miżuri meħtieġa biex tikkonforma ma' din l-opinjoni motivata. L-awtoritajiet Ungeriżi ma weġbux l-opinjoni motivata sal-iskadenza stipulata. Sal-lum, l-Ungerija lanqas ma emendat jew ħassret id-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Liġi dwar l-NGOs biex jinġiebu konformi mad-dritt tal-UE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok irreferi għall-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

 

Opinjonijiet motivati u ittri ta' intimazzjoni

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lil 8 Stati Membri jittrasponu r-4a' Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus

Illum il-Kummissjoni ħeġġet lill-Bulgarija, lil Ċipru, lill-Greċja, lil-Lussemburgu, lil Malta, lin-Netherlands, lill-Polonja u lir-Rumanija jittrasponu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom ir-“4a' Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus” (id-Direttiva (UE) 2015/849). Ir-regoli l-ġodda tal-UE se jsaħħu r-rekwiżiti eżistenti kontra l-ħasil tal-flus, filwaqt li jtejbu l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu. L-Istati Membri kellhom jittrasponu din id-Direttiva sal-26 ta' Ġunju 2017. It-8 Stati Membri s'issa ma nnotifikawx miżuri ta' traspożizzjoni, u l-abbozzi tal-liġijiet għadhom għaddejjin mill-proċess leġiżlattiv nazzjonali. Għalhekk, wara li tat lil dawn it-8 pajjiżi l-opportunità li jressqu l-osservazzjonijiet tagħhom bi tweġiba għall-ittri ta' intimazzjoni mibgħuta f'Lulju 2017, il-Kummissjoni issa qed tħeġġeġ lil dawn il-pajjiżi jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw bis-sħiħ mad-Direttiva. Jekk dawn l-Istati Membri jonqsu milli jġibu l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom f'konformità mad-dritt tal-UE fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Minbarra proċeduri ta' ksur kontra għadd ta' Stati Membri li fetħet il-Kummissjoni f'Lulju li għadda, fit-23 ta' Novembru 2017, il-Kummissjoni fetħet proċeduri ta' ksur u bagħtet ittri ta' intimazzjoni lill-Belġju u lil Spanja, billi l-Kummissjoni qieset li l-miżuri nnotifikati ma jirrappreżentawx traspożizzjoni sħiħa tar-reġoli tal-UE dwar id-Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom. Il-Belġju u Spanja għandhom xahrejn biex iwieġbu għall-ittra ta' intimazzjoni; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

 

Għeluq ta' każ

Il-Kummissjoni u l-ITALJA jsolvu b'suċċess kwistjoni dwar il-vjaġġi kollox kompriż, biex jiżguraw li l-konsumaturi jkunu mħarsa f'każ li operatur turistiku jfalli

Illum il-Kummissjoni għalqet proċedura ta' ksur kontra l-Itajla, billi l-pajjiż issa ġab ir-regoli nazzjonali tiegħu dwar il-vjaġġi kollox kompriż f'konformità mad-Direttiva tal-UE dwar il-Vjaġġi Kollox Kompriż (id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE). Il-leġiżlazzjoni tal-UE tirrikjedi li l-organizzaturi ta' pakketti tal-ivvjaġġar ikollhom protezzjoni kontra l-insolvenza, li tiggarantixxi li l-konsumaturi jirċievu rimborż u jitwasslu lura d-dar f'każ li l-organizzatur tal-ivvjaġġar ifalli. Bis-saħħa ta' lment mingħand organizzazzjoni tal-konsumaturi Taljana fl-2011, il-Kummissjoni saret taf bi kwistjoni fir-rigward tal-Fondo Nazionale di Garanzia. Wara li l-organizzatur tal-vjaġġi Todomondo kien falla fl-2009, il-Fond irċieva aktar minn 4,000 talba għal rimborż, li ammontaw għal kważi €7 miljun. Madankollu, ma kienx hemm biżżejjed flus fil-Fond biex ikopru t-talbiet kollha. B'riżultat ta' dan, il-Kummissjoni fetħet proċedura ta' ksur fl-2012. Bis-saħħa ta' bidliet fil-leġiżlazzjoni Taljana, li saru applikabbli f'Lulju 2016, l-awtoritajiet Taljana issa bidlu l-Fond Nazzjonali ta' Garanzija nieqes mill-finanzjament bl-obbligu, għall-operaturi turistiċi u għall-aġenziji tal-ivvjaġġar, li jixtru assigurazzjoni jew jipprovdu garanzija bankarja għal kull ħlas li jirċievu mingħand il-konsumaturi. Din il-protezzjoni tista' tingħata wkoll permezz ta' fondi kollettivi ġġestiti b'mod privat. Il-vjaġġaturi li jużaw operaturi turistiċi Taljani issa huma mħarsa bis-sħiħ f'każ li l-kumpanija tfalli. L-Italja għamlet ukoll arranġamenti biex jingħata rimborż lill-vjaġġaturi kollha li tilfu l-flus minħabba insolvenzi fil-passat.

 

7. L-Affarijiet Marittimi u s-Sajd

(Għal aktar tagħrif: Enrico Brivio – tel.: +32 229 56172, Iris Petsa – tel.: +32 229 93321)

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Il-Politika marittima integrata Ewropea: il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lill-BULGARIJA, lill-FINLANDJA u lill-GREĊJA quddiem il-Qorti

Illum il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Bulgarija, lill-Finlandja u lill-Greċja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE talli ma nnotifikawx, jew innotifikaw parzjalment, il-miżuri tagħhom biex jittrasponu r-regoli tal-UE li jistabbilixxu qafas għall-ippjanar spazjali marittimu (id-Direttiva 2014/89/UE). L-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Direttiva fil-liġi nazzjonali sat-18 ta' Settembru 2016. Il-Kummissjoni se titlob lill-Qorti timponi l-ħlas ta' penali ta' €14,089.60 kuljum għall-Bulgarija, €7,739.76 kuljum għall-Finlandja, u €31,416.00 kuljum għall-Greċja, mill-ġurnata tas-sentenza sa meta din id-Direttiva tkun ippromulgata bis-sħiħ u fis-seħħ fil-liġi nazzjonali. Il-proċeduri ta' ksur infetħu kontra l-Bulgarija, il-Finlandja u l-Greċja f'Novembru 2016, u fil-kuntest ta' dawn il-proċeduri ntbagħtu opinjonijiet motivati f'Lulju 2017. Il-Bulgarija u l-Greċja għadhom ma nnotifikawx lill-Kummissjoni dwar l-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jittrasponu d-Direttiva. Il-Finlandja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar l-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jittrasponu d-Direttiva, iżda dawn il-miżuri japplikaw biss għall-Finlandja kontinentali u mhux għall-Provinċja ta' Åland, li hija koperta wkoll mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva. Il-kompetizzjoni għall-ispazju marittimu – għat-tagħmir tal-enerġija rinnovabbli, għat-trasport fuq il-baħar, għas-sajd, għall-akkwakultura u għal użi oħra – xeħtet dawl qawwi fuq il-ħtieġa li nimmaniġġjaw l-ilmijiet Ewropej b'mod konġunt u b'mod aktar koerenti. L-ippjanar spazjali marittimu jaħdem lil hinn mill-fruntieri u fost setturi differenti, sabiex jiżgura li l-attivitajiet tal-bniedem fuq il-baħar isiru b'mod effiċjenti, sikur u sostenibbli. L-Ippjanar Spazjali Marittimu jappoġġa direttament u jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbar intelliġenti, sostenibbli u inklussiv. L-għanijiet ewlenin tagħha jinkludu livelli għoljin ta' impjieg, ta' produttività, ta' koeżjoni soċjali u ta' inklużjoni. Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok irreferi għall-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

 

8. Il-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza

(Għal aktar tagħrif: Tove Ernst – tel.: +32 229 86764, Katarzyna Kolanko - tel.: +32 229 63444)

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Ir-Rilokazzjoni: Il-Kummissjoni tressaq lir-REPUBBLIKA ĊEKA, lill-UNGERIJA u lill-POLONJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Illum il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lir-Repubblika Ċeka, lill-Ungerija u lill-Polonja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE minħabba n-nuqqas ta' konformità mal-obbligi legali tagħhom dwar ir-rilokazzjoni. Fil-15 ta' Ġunju 2017, il-Kummissjoni fetħet proċeduri ta' ksur kontra r-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u l-Polonja. It-tweġibiet mogħtija mit-tliet Stati Membri ma tqisux sodisfaċenti, u l-Kummissjoni ddeċidiet li tgħaddi għall-istadju li jmiss tal-proċedura ta' ksur billi tibgħat opinjonijiet motivati fis-26 ta' Lulju 2017. Minkejja l-konferma mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE tal-validità tal-iskema ta' rikolazzjoni fis-sentenza tagħha tas-6 ta' Settembru, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u l-Polonja għadhom qegħdin jiksru l-obbligi legali tagħhom. Mill-ġdid, it-tweġibiet li waslu tqiesu mhux sodisfaċenti, u t-tliet Stati Membri li huma ma taw ebda indikazzjoni li se jikkontribwixxu lejn l-implimentazzjoni tal-iskema ta' rilokazzjoni ta' emerġenza. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni ddeċidiet li tikkonferma li l-ksur li identifikat fl-opinjonijiet motivati tagħha għandu eżistenti, billi tmexxi għall-istadju li jmiss tal-proċedura ta' ksur. Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok irreferi għall-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

 

Opinjonijiet motivati

Il-Migrazzjoni: il-Kummissjoni tintensifika l-proċedura ta' ksur kontra l-UNGERIJA minħabba l-liġi tal-ażil tagħha

Illum il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tmexxi fuq il-proċedura ta' ksur kontra l-Ungerija fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tagħha dwar l-ażil, billi tibgħat opinjoni motivata. Il-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta' ksur kontra l-Ungerija f'Diċembru 2015. Wara sensiela ta' skambji kemm fil-livell politiku u kemm f'dak tekniku mal-awtoritajiet Ungeriżi, u wara l-punti ta' tħassib li tqajmu minħabba l-emendi għal-liġi Ungeriża dwar l-ażil introdotti f'Marzu ta' din is-sena, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni kumplimentari fis-17 ta' Mejju 2017. Wara l-analiżi tat-tweġiba mogħtija mill-awtoritajiet Ungeriżi, u fid-dawl tal-leġiżlazzjoni ġdida adottata mill-Parlament Ungeriż f'Ottubru, il-Kummissjoni mhux se tkompli fuq erbgħa mill-11-il kwistjoni identifikati fl-ittra ta' intimazzjoni kumplimentari. Madankollu, it-tweġiba mogħtija mill-awtoritajiet Ungeriżi tqieset mhux sodisfaċenti, għax naqset milli tindirizza l-parti l-kbira tal-punti ta' tħassib. Il-Kummissjoni għadha tal-fehma li l-leġiżlazzjoni Ungeriża mhijiex konformi mad-dritt tal-UE, b'mod partikulari d-Direttiva 2013/32/KE dwar il-Proċeduri tal-Ażil, id-Direttiva 2008/115/UE dwar ir-Ritorn, u d-Direttiva 2013/33/UE dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza, kif ukoll għadd ta' dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok irreferi għall-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

 

Ittri ta' intimazzjoni:

Il-Migrazzjoni legali: il-Kummissjoni titlob lill-GREĊJA, lin-NETHERLANDS u lill-PORTUGALL jerġgħu jikkunsidraw l-imposti għal permessi tar-residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, u tħeġġeġ lir-RUMANIJA timplimenta korrettament id-direttivi dwar il-migrazzjoni legali

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittri ta' intimazzjoni: lill-Greċja, lin-Netherlands u lill-Portugall, minħabba l-imposti eċċessivi u sproporzjonati għall-permessi tar-residenza li jinħarġu skont Direttivi tal-UE dwar il-migrazzjoni legali; kif ukoll lir-Rumanija - dwar it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni skorretti ta' ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttivi tal-UE dwar il-migrazzjoni legali. Dawn id-Direttivi jkopru l-kundizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza għal ċerti kategoriji ta' migranti, bħall-istudenti, ir-riċerkaturi, u l-ħaddiema b'ħiliet għoljin, iżda wkoll ir-residenti għat-tul u l-benefiċjarji tar-regoli dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja. Filwaqt li l-Istati Membri jistgħu jimponu ħlasijiet amministrattivi għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet, l-imposti eċċessivi u sproporzjonati jiksru d-drittijiet tal-applikanti. Dan jikkonċerna l-implimentazzjoni, mill-4 Stati Membri li huma, tad-Direttiva dwar l-Istudenti (Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE), tad-Direttiva dwar ir-Riċerkaturi (Direttiva tal-Kunsill 2005/71/KE), tad-Direttiva dwar il-Karta Blu (Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE) u tad-Direttiva dwar il-Permess Uniku (Direttiva 2011/98/UE), kif ukoll l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Residenti għat-Tul (Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE) u d-Direttiva dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familja (Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE) min-naħa tal-Greċja, tal-Portugall u tar-Rumanija. Il-Kummissjoni hija tal-fehma wkoll li l-Greċja naqset milli taqdi l-obbligi tagħha skont id-Direttiva dwar ir-Residenti għat-Tul, billi imponiet kundizzjonijiet għat-tiġdid tal-permessi tar-residenza għat-tul minflok iġġeddidhom awtomatikament. Barra minn hekk, illum il-Kummissjoni fetħet proċedura ta' ksur kontra r-Rumanija minħabba t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni skorretti tad-dispożizzjonijiet rigward iċ-ċaħda tal-applikazzjonijiet għall-permessi tar-residenza u l-obbligu li jiġu ġġustifikati r-raġunijiet għaċ-ċaħda fid-Direttivi tal-UE dwar il-migrazzjoni legali. Id-Direttivi kkonċernati huma d-Direttiva dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familja (Direttiva 2003/86/KE), id-Direttiva dwar l-Istudenti (Direttiva 2004/114/KE), id-Direttiva dwar ir-Riċerkaturi (Direttiva 2005/71/KE), id-Direttiva dwar il-Karta Blu (Direttiva 2009/50/KE) u d-Direttiva dwar il-Permess Uniku (Direttiva 2011/98/UE). Issa l-Greċja, in-Netherlands, il-Portugall u r-Rumanija għandhom xahrejn biex iwieġbu l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni.

 

9. Il-Mobbiltà u t-Trasport

(Għal aktar tagħrif: Enrico Brivio – tel.: +32 229 56172, Alexis Perier - tel.: +32 229 69143)

Opinjoni motivata

It-Trasport sostenibbli: Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-AWSTRIJA tittrasponi r-regoli dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi

Il-Kummissjoni talbet lill-Awstrija tittrasponi bis-sħiħ ir-regoli tal-UE dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi (id-Direttiva 2014/94/UE). L-għan prinċipali tad-Direttiva huwa li jiġi stabbilit qafas komuni għall-introduzzjoni fuq skala kbira tal-infrastruttura tal-karburanti alternattivi fl-Ewropa. Dan huwa essenzjali biex titnaqqas id-dipendenza fuq iż-żejt tat-trasport, biex jittaffa l-impatt ambjentali tiegħu, u b'hekk, biex twassal l-Istrateġija Ewropea għal Mobbiltà b'Emissjonijiet Baxxi adottata mill-Kummissjoni fl-20 ta' Ġunju 2016. Id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-bini ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi, inklużi punti tal-iċċarġjar għall-vetturi li jaħdmu bl-elettriku u punti ta' riforniment għall-vetturi li jaħdmu bil-gass naturali u bl-idroġenu. Din id-Direttiva kellha tiġi implimentata sa mhux iktar tard mit-18 ta' Novembru 2016. Madankollu, l-Awstrija nnotifikat biss parzjalment lill-Kummissjoni dwar il-miżuri tagħha biex tittrasponi d-Direttiva fil-liġi nazzjonali. Issa l-Awstrija għandha xahrejn biex tinnotifika lill-Kummissjoni b'dawn il-miżuri; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

 

Ittri ta' intimazzjoni

Is-Sikurezza fit-toroq: Il-Kummissjoni titlob lil ĊIPRU tittrasponi bis-sħiħ ir-regoli dwar it-testijiet tal-affidabbiltà stradali

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil Ċipru li titlobha tittrasponi u timplimenta bis-sħiħ il-liġi tal-UE dwar it-testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali għal vetturi bil-mutur u t-trejlers (id-Direttiva 2014/45/UE). Id-Direttiva tkopri kull tip ta' vettura, u tiddefinixxi r-rekwiżiti armonizzati għall-elementi li għandhom jiġu ttestjati waqt it-test tal-affidabbiltà stradali, għall-metodi, għad-difetti u għall-valutazzjoni tagħhom. Jekk it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva ma jsirux, dan iwassal għal applikazzjoni inkonsistenti tar-regoli madwar l-UE, b'effetti negattivi fuq is-sikurezza fit-toroq. Issa Ċipru għandu xahrejn biex jiġi konformi mad-dritt tal-UE; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata dwar din il-kwistjoni.

Il-Baħħara: il-Kummissjoni titlob lill-IRLANDA tirrispetta r-regoli tal-UE dwar ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-baħħara

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Irlanda talli naqset milli tikkonforma mad-dritt tal-UE dwar ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-baħħara (id-Direttiva 2005/45/KE). Fi Frar 2017, l-awtoritajiet Irlandiżi ħarġu Avviż dwar l-Affarijiet Marittimi li skont, fost l-oħrajn, iċ-ċertifikati maħruġa minn fornituri ta' taħriġ approvati mill-awtorità kompetenti ta' Stati Membri oħra mhumiex aċċettati għat-taħriġ li jsir fl-Irlanda. Issa l-Irlanda għandha xahrejn biex tiġi konformi mad-dritt tal-UE; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata dwar din il-kwistjoni.

Il-Baħħara: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-ITALJA tikkonforma mar-regoli tal-UE dwar il-livell minimu ta' taħriġ tal-baħħara

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Italja minħabba n-nuqqas ta' konformità tagħha mar-regoli Ewropej dwar il-livell minimu ta' taħriġ tal-baħħara (id-Direttiva 2008/106/KE, kif emendata). Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Italja tieħu azzjonijiet korrettivi, b'mod partikulari fir-rigward tal-edukazzjoni u tal-programmi ta' taħriġ marittimi, kif ukoll fir-rigward tad-disinn, ir-reviżjoni u l-approvazzjoni tal-korsijiet; ir-rikonoxximent taċ-ċertifikati; iċ-ċertifikazzjoni u l-approvazzjoni fuq iċ-ċertifikati ta' kompetenza għall-uffiċjali tal-inġinerija fil-livell maniġerjali; u r-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni. Issa l-Italja għandha xahrejn biex tiġi konformi mad-dritt tal-UE; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lir-RUMANIJA tittrasponi korrettament il-leġiżlazzjoni tal-UE li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea

Illum il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lir-Rumanija minħabba nuqqasijiet fl-applikazzjoni tar-regoli tal-UE li jistabbilixxu żona ferrovjarja unika Ewropea (Direttiva 2012/34/UE). L-ittra ta' intimazzjoni tikkonċerna servizzi ferrovjarji internazzjonali ġodda tal-passiġġieri, il-ħruġ ta' liċenzji għall-intrapriżi ferrovjarji, informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-aċċess u l-imposti għas-servizzi fit-terminals, fl-istazzjonijiet u fil-postijiet fejn jissewwew il-magni tal-ferrovija. Jonqos fil-liġi nazzjonali l-obbligu li jiġi kkonsultat is-settur ferrovjarju dwar ftehimiet kuntrattwali ġodda u l-allinjar ta' ftehimiet eżistenti mar-regoli l-ġodda. Jenħtieġ ukoll li l-liġi nazzjonali tirrikjedi proċedura trasparenti għas-selezzjoni tal-persunal li jieħu d-deċiżjonijiet fil-korp regolatorju ferrovjarju. Issa r-Rumanija għandha xahrejn biex tiġi konformi mad-dritt tal-UE; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata dwar din il-kwistjoni.

 

10. It-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali

(Għal aktar tagħrif: Vanessa Mock – tel.: +32 229 56194, Patrick Mc Cullough – tel.: +32 229 87183)

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

It-Tassazzjoni: il-Kummissjoni tressaq lill-AWSTRIJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minħabba t-trattament rigward il-VAT tad-drittijiet ta' bejgħ mill-ġdid ta' xogħlijiet tal-arti

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Awstrija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE billi applikat b'mod skorrett it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) fuq il-ħlasijiet ta' drittijiet lill-artisti għall-bejgħ mill-ġdid ta' xogħlijiet tal-arti. Id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid – li jagħti lok għall-hekk imsejha “royalties” – huwa dritt ta' proprjetà mhux assenjabbli u mhux trasferibbli, li minnu jgawdi l-awtur ta' xogħol oriġinal tal-arti grafika jew plastika, għal interess ekonomiku fil-bejgħ suċċessiv tax-xogħol ikkonċernat. Dan id-dritt jippermetti lil artist, skont ċerti kundizzjonijiet, jirċievi perċentwal mill-prezz tal-bejgħ ta' xogħol tal-art meta jinbiegħ. Skont il-liġi tal-Awstrija, il-ħlasijet tad-drittijiet lil artist, jew lil dawk intitolati għad-drittijiet, għall-bejgħ ta' xogħol tal-arti oriġinali, bħalissa huma soġġetti għall-VAT. Dan jikser il-liġi tal-UE li skontha l-VAT hija dovuta biss fuq merkanzija u servizzi “pprovduti għall-konsiderazzjoni”, jiġifieri magħmula bi ħlas (id-Direttiva dwar il-VAT, Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE). F'sentenza preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE ddeċidiet li meta persuna tipprovdi servizzi mingħajr ma tirċievi konsiderazzjoni diretta, ma jkun hemm l-ebda bażi ta' valutazzjoni jew ammont li abbażi tiegħu tista' tiġi applikata l-VAT. Għaldaqstant, fil-fehma tal-Qorti, tali servizzi mhumiex soġġetti għall-VAT (C-16/93 tat-3 ta' Marzu 1994, R. J. Tolsma). Billi l-ħlasijiet tad-drittijiet għall-bejgħ mill-ġdid jitħallsu għall-konsiderazzjoni għall-merkanzija jew servizzi pprovduti mill-artist, ma għandhomx ikunu soġġetti għall-VAT. Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-awtoritajiet Awstrijaċi f'LuljuLulju 2016. Billi l-Awstrija naqset milli ġġib il-leġiżlazzjoni tagħha f'konformità mad-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-Awstrija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok irreferi għall-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

 

Opinjoni motivata

It-Tassazzjoni: il-Kummissjoni titlob lil-LATVJA tallinja mad-dritt tal-UE r-regoli nazzjonali tat-tassazzjoni rigward il-kontribuzzjoni kapitali lill-kumpaniji fil-forma ta' proprjetà immobbli

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil-Latvja talli kisret ir-regoli tal-UE dwar it-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (id-Direttiva tal-Kunsill 2008/7/KE). Bħalissa, il-leġiżlazzjoni Latvjana tistabbilixxi limitu massimu għall-ħlasijiet għar-reġistrazzjoni meta s-sjieda ta' proprjetà immobbli mhux residenzjali tiġi ttrasferita bi ftehim ta' xiri jew ta' skambju, jew fi rkant. Madankollu, tali limitu massimu mhuwiex previst meta t-trasferiment tas-sjieda jieħu l-forma ta' kontribuzzjoni kapitali. F'ċerti każijiet, dan iwassal għal trattament sfavorevoli tal-kontribuzzjoni kapitali, li mhuwiex kompatibbli mad-dritt tal-UE. It-talba tal-Kummissjoni qed issir f'forma ta' opinjoni motivata. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista' tressaq lil-Latvja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

 

Opinjonijiet motivati u għeluq

It-Tassazzjoni: il-Kummissjoni titlob lill-BELĠJU jittrasponi regoli ġodda ta' trasparenza għall-iskambju ta' deċiżjonijiet tat-taxxa, u tagħlaq il-każijiet għall-BULGARIJA, ĊIPRU u l-PORTUGALL

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Belġju talli naqas milli jikkomunika t-traspożizzjoni ta' miżuri ġodda dwar l-iskambju awtomatika ta' deċiżjonijiet tat-taxxa fost l-awtoritajiet tat-taxxa tal-UE (id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/2376). L-Istati Membri kellhom jittrasponu dawn il-miżuri sal-31 ta' Diċembru 2016. Ir-regoli l-ġodda huma ddisinjati biex jgħinu jrażżnu l-evitar tat-taxxa transfruntiera, l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-kompetizzjoni tat-taxxa dannuża. It-talba tal-Kummissjoni qed issir f'forma ta' opinjoni motivata. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista' tressaq lill-Belġju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Sadanittant, il-Kummissjoni laqgħet it-traspożizzjoni tal-istess miżuri mill-Bulgarija, minn Ċipru u mill-Portugall, u llum iddeċidiet li tagħlaq il-każijiet ta' ksur rispettivi.

It-Tassazzjoni: il-Kummissjoni titlob lil ĊIPRU jittrasponi regoli ġodda dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni pajjiż b'pajjiż, u tagħlaq każijiet għal 6 Stati Membri

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil Ċipru talli naqas milli jikkomunika t-traspożizzjoni ta' miżuri ġodda dwar l-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/881). L-Istati Membri kellhom jittrasponu dawn il-miżuri sal-4 ta' Ġunju 2017. Ir-regoli l-ġodda huma ddisinjati biex jgħinu jrażżnu l-evitar tat-taxxa transfruntiera, l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-kompetizzjoni tat-taxxa dannuża. It-talba tal-Kummissjoni qed issir f'forma ta' opinjoni motivata. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista' tressaq lil Ċipru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Sadanittant, il-Kummissjoni laqgħet it-traspożizzjoni tal-istess miżuri mill-Belġju, mill-Bulgarija, mir-Repubblika Ċeka, mill-Greċja, mill-Portugall u mir-Renju Unit, u llum iddeċidiet li tagħlaq il-każijiet ta' ksur rispettivi.

 

Ittri ta' intimazzjoni

It-Tassazzjoni: il-Kummissjoni titlob lil FRANZA tallinja mar-regoli tal-UE r-regoli tagħha dwar it-tassazzjoni tal-bonds u d-dispożizzjonijiet tagħha dwar it-tnaqqis possibbli tal-ħlasijiet ta' parteċipazzjoni

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil Franza talli llimitat id-dritt li jitnaqqas it-telf tal-kapital biss għall-abbonati għal bonds maħruġa minn entitajiet residenti. Il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ukoll ittra ta' intimazzjoni lil Franza minħabba t-trattament sfavorevoli tal-kontribwenti mhux residenti. Skont ir-regoli Franċiżi attwali, il-kontribwenti jistgħu jnaqqsu bis-sħiħ mill-bażi taxxabbali l-kostijiet u l-ispejjeż marbutin mal-parteċipazzjoni, filwaqt li dawn il-kostijiet jistgħu jitnaqqsu biss parzjalment għall-kontribwenti mhux residenti. Dawn il-limitazzjonijiet jiksru d-dritt tal-UE dwar il-libertà tal-istabbiliment (l-Artikolu 49 tat-TFUE), il-moviment liberu tal-kapital (l-Artikolu 63 tat-TFUE), u l-Artikoli 31 u 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) li jiggarantixxu d-dritt tal-istabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital fl-UE u fiż-ŻEE. Jekk Franza ma tiħux azzjoni fix-xahrejn li ġejjin, il-Kummissjoni tista' tibgħat opinjoni motivata lill-awtoritajiet Franċiżi.

 

Għeluq ta' każijiet

It-Tassazzjoni: il-Kummissjoni tagħlaq 4 każijiet wara komunikazzjoni mingħand xi Stati Membri dwar it-traspożizzjoni tar-regoli dwar l-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea tilqa' t-traspożizzjoni tar-regoli dwar l-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qafas tat-tassazzjoni (id-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE) min-naħa ta' Ċipru, il-Kroazja, Malta u s-Slovakkja. Skont dawn ir-regoli, id-dħul finanzjarju, inkluż id-dividendi u l-qligħ kapitali, u l-bilanċi tal-kontijiet, huma soġġetti għall-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni fi ħdan l-UE. Illum il-Kummissjoni ddeċiediet li tagħlaq il-proċeduri ta' ksur miftuħa għal dawn l-Istati Membri f'Jannar 2016.

MEMO/17/4767

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar