Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

rescEU: Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li ssaħħaħ il-ġestjoni tal-UE għad-diżastri : Mistoqsijiet u Tweġibiet

Brussell, it-23ta' novembru 2017

Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat sett ta' proposti biex issaħħaħ ir-rispons tal-protezzjoni ċivili tal-UE u biex tagħti spinta lill-abbiltà tal-Istati Membri biex jiffaċċjaw aħjar id-diżastri naturali.

Il-proposta tikkomplementa sistemi ta' reazzjonijiet ta' diżastri billi tistabbilixxi riżerva dedikata għall-kapaċitajiet operazzjonali fil-livell tal-Unjoni – rescEU – u billi ssaħħaħ il-miżuri ta' tħejjija u ta' prevenzjoni. B'mod konkret, tiffoka fuq żewġ oqsma ewlenin: Il-ħolqien tas-sistema rescEU biex jiżdiedu l-kapaċitajiet globali fl-UE tar-reazzjoni għad-diżastri u aktar investiment fil-prevenzjoni u t-tħejjija.

Il-Kummissjoni għalfejn qed tipproponi rescEU bħala inizjattiva ġdida issa?

Id-diżastri madwar l-Ewropa qed isiru iktar frekwenti u kumplessi. L-effetti tat-tibdil fil-klima u riskji li qed jinbidlu raw lil ħafna pajjiżi jiġu affettwati serjament fis-snin reċenti. L-Unjoni Ewropea ffaċċjat għadd kbir ta' diżastri bit-telf ta' ħajjiet u konsegwenzi oħrajn ta' ħsara għaċ-ċittadini, in-negozji, il-komunitajiet u l-ambjent. Fl-2017 biss, fl-Ewropa tilfu ħajjithom 200 ruħ kawża ta' diżastri naturali. L-ispejjeż ekonomiċi huma enormi wkoll: fl-2016 ġew irreġistrati kważi EUR 10 biljun f'danni fil-kontinent Ewropew. L-UE għandha twieġeb għal din l-isfida u tipproteġi aħjar liċ-ċittadini minn dawn id-diżastri.

L-għodod attwali tal-UE għar-rispons għal diżastri huma limitati u ħafna drabi ma jkunux jistgħu jipprovdu l-assistenza li l-Istati Membri jitolbu waqt kriżi jew iwassluha malajr biżżejjed. Dan għaliex il-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili attwali tal-UE jiddependi fuq sistema volontarja u fuq il-kapaċitajiet żejda li l-Istati Membri jistgħu joffru lil pajjiż ieħor fil-bżonn.

Ir-rescEU kif se jaħdem mil-lat operattiv?

Essenzjalment, rescEU hija riżerva ta' assi użati meta l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jlaħħqu waħedhom u jkunu jirrikjedu assistenza addizzjonali mill-UE li tkun trid titwassal malajr. L-ispejjeż u l-kapaċitajiet kollha tar-rescEU jkunu kompletament koperti mill-finanzjament tal-UE, fejn il-Kummissjoni żżomm il-kontroll operattiv ta' dawn l-assi u tiddeċiedi fuq kif għandhom jintużaw.

Din taħdem hekk f'sitwazzjoni ta' kriżi:

1) Stat Membru jiddeċiedi li jattiva l-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili tal-UE biex jitlob għal appoġġ meta ma jkunx jista jlaħħaq ma' kriżi (bħalma jistgħu jagħmlu pajjiżi oħra u organizzazzjonijiet internazzjonali). Biex inkunu ċari: il-Kummissjoni Ewropea ma tistax tattiva l-Mekkaniżmu Ċivili waħedha.

2) Iċ-Ċentru ta' Koordinazzjoni għal Rispons ta' Emerġenza 24/7 tal-Kummissjoni, li huwa bbażat fi Brussell, jissorvelja u jimmaniġja sistema ta' kondiviżjoni ta' informazzjoni li l-Istati Membri kollha tal-UE jużaw biex jagħmlu talbiet għal assistenza u jippreċiżaw l-appoġġ li għandhom bżonn. Immedjatament meta tasal talba għall-għajnuna, l-Istati kollha parteċipanti fil-Mekkaniżmu jiġu avżati dwar it-talba.

3) Meta l-kapaċitajiet fil-Pool Ewropew ta' Protezzjoni Ċivili ma jkunux biżżejjed biex iwieġbu għal diżastru, il-Kummissjoni tista' imbagħad tiddeċiedi li tuża l-kapaċitajiet “rescEU” tagħha stess biex tappoġġa l-azzjonijiet tal-Istati Membri. Tali kapaċitajiet se jaqgħu fl-erba' oqsma ta' azzjoni; inġenji tal-ajru għat-tifi tan-nar, tagħmir ta' ppumpjar b'kapaċità qawwija għall-għargħar, kapaċitajiet ta' tiftix u salvataġġ urbani u sptar fuq il-post u għajnuna medika ta' emerġenza.

4) Ladarba jiġi identifikat l-appoġġ meħtieġ, dan jintbagħat lill-pajjiż milqut. Il-Kummissjoni żżomm kontroll operattiv tal-assi tar-rescEU. Waqt l-operazzjoni, il-pajjiż affettwat jiżgura li l-attivitajiet li jinvolvu l-kapaċitajiet tar-rescEU jiġu esegwiti f'konformità mal-iskjerament operazzjonali miftiehem mal-Kummissjoni.

L-UE kif se tappoġġa s-solidarjetà fl-Istat Membru permezz tal-użu ta' kapaċitajiet nazzjonali fil-Pool Ewropew ta' Protezzjoni Ċivili?

Il-proposta tinkludi għadd ta' dispożizzjonijiet ġodda li se jgħinu lill-Istati Membri jżidu l-kapaċitajiet eżistenti u jikkontribwixxu iktar għall-Pool Ewropew ta' Protezzjoni Ċivili:

  1. L-Istati Membri se jirċievu kofinanzjament sinifikanti tal-UE ta' 75% biex jaġġornaw il-kapaċitajiet nazzjonali tagħhom. Dawn imbagħad isiru parti mill-Pool Ewropew ta' Protezzjoni Ċivili u jsiru disponibbli għar-rispons għal diżastri.
  2. Jekk ikun hemm bżonn ta' kapaċitajiet għal rispons għal diżastri fi Stat Membru ieħor, l-UE tikkofinanzja l-ispejjeż imġarrba għall-iskjerament tal-assi li huma parti mill-Pool Ewropew ta' Protezzjoni Ċivili . Il-kofinanzjament mill-UE għal assi li l-Istati Membri jistabbilixxu fil-Pool Ewropew ta' Protezzjoni Ċivili se jkun ta' 75 % tal-ispejjeż operazzjonali meta dawn jintużaw fl-UE jew fi Stat Parteċipanti. Bħalissa, il-baġit tal-UE jiffinanzja biss sehem tal-ispejjeż tat-trasport, imma mhux l-ispejjeż operazzjonali. Madankollu, fil-biċċa l-kbira tal-operazzjonijiet, kif wieħed jasal minn A sa B mhuwiex il-parti l-għalja: l-ispejjeż operazzjonali huma ħafna ogħla mill-ispejjeż tat-trasport. Pereżempju, l-ispejjeż tat-trasport ta' sptar fuq il-post huma biss frazzjoni tal-ispejjeż operazzjonali tagħha li jammontaw għal madwar EUR 6 miljun/xahar. Titjira bl-ajruplan minn Franza għall-Portugall hija wkoll irħisa meta din titqabbel mal-ispiża biex wieħed joperaha hemm għal bosta ġranet.
  3. In-Netwerk ta' Għarfien tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE se jiġi stabbilit biex jappoġġa atturi tal-protezzjoni ċivili madwar l-Ewropa. Dan se jippermetti lill-atturi kollha ta' rispons għad-diżastri biex jibqgħu aġġornati u li jitkellmu “l-istess lingwaġġ tekniku”.
  4. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex tiżgura li l-investimenti li jsiru bil-Fondi Strutturali jkunu “jifilħu għad-diżastri”. Dan ifisser li se jkollhom iqisu l-valutazzjonijiet tar-riskju li jipprovdu l-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkun tista' titlob pjanijiet nazzjonali tal-ġestjoni tar-riskji u t-tħejjija, tissorvelja l-implimentazzjoni tagħhom u tagħmel rakkomandazzjonijiet f'investimenti nazzjonali għall-prevenzjoni u t-tħejjija. Fit-tul, dan se jirriżulta fl-aktar mod effettiv fl-għoti ta' għajnuna lill-Istati Membri biex jitnaqqas it-telf u tiżdied il-kapaċità tagħhom fil-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għad-diżastri.

Il-Pool Ewropew għall-Protezzjoni Ċivili: kemm assi u minn liema pajjiżi?

Il-Pool Ewropew għall-Protezzjoni Ċivili jibni fuq il-“Kapaċità Ewropea għal Reazzjoni f'każ ta' Emerġenza” li diġà jeżisti, li ġie stabbilit f'Ottubru 2014, u li kien magħruf ġeneralment bħala pool volontarju. Bħalissa hemm aktar minn 90 kapaċità ta' reazzjoni fil-Pool, impenjati minn 20 Stat Parteċipanti differenti. Ħarsa ġenerali hija disponibbli hawnhekk. Dawn jinkludu assi bħal timijiet u inġenji tal-ajru tat-tifi tan-nar, il-kontroll tal-għargħar, il-purifikazzjoni tal-ilma u d-detenzjoni u l-kampjunar Kimiċi, Bijoloġiċi, Radjoloġiċi u Nukleari. Madankollu, minħabba l-fatt li d-diżastri jseħħu b'mod simultanju, bi frekwenza u kumplessità dejjem jiżdiedu, l-esperjenza uriet li dawn il-kapaċitajiet mhumiex biżżejjed.

Il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-Pool Ewropew għall-Protezzjoni Ċivili billi tagħti iktar finanzjament tal-Unjoni lill-Istati Membri għall-adattament, it-tiswija u l-ispejjeż operattivi ta' kwalunkwe assi fih. Dan jagħti inċentiv ieħor lill-Istati Membri li mbagħad jimpenjaw il-kapaċitajiet tagħhom fil-Pool Ewropew għall-Protezzjoni Ċivili.

Din l-istruttura se taħdem ukoll għall-attivazzjonijiet tal-protezzjoni ċivili barra mill-UE?

Il-proposta tiffoka prinċipalment fuq it-tisħiħ tal-abbiltà kollettiva tal-UE u tal-Istati Membri fir-reazzjoni tagħhom għal diżastri lokalment.

Għal attivazzjonijiet barra l-UE u l-Istati Parteċipanti tagħha, il-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE ser tkompli tiżgura l-konsistenza tar-reazzjoni tal-Unjoni skont il-leġislazzjoni diġà eżistenti, kif ukoll bil-finanzjament ta' 75% tal-ispejjeż tat-trasport ta' kapaċitajiet tal-Pool Ewropew għall-Protezzjoni Ċivili.

L-Istati Parteċipanti tal-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili tal-UE (l-Iżlanda, in-Norveġja, is-Serbja, l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u t-Turkija) se jibbenifikaw ukoll mill-possibbiltajiet ġodda offruti taħt rescEU.

Il-proposta kif se ttejjeb it-tħejjija u l-prevenzjoni?

Il-prevenzjoni u t-tħejjija huma s-sisien ta' rispons effettiv għad-diżastri naturali. L-investiment fil-prevenzjoni ta' diżastri għandu benefiċċju ċar - li jsalva l-ħajjiet u l-għajxien, kif ukoll il-minimizzazzjoni tal-ħsara ekonomika u fiżika. Il-proposta tqiegħed it-tisħiħ tal-prevenzjoni tad-diżastri u t-tnaqqis tar-riskji fil-qalba tal-ippjanar u tintegra l-valutazzjoni u t-tnaqqis tar-riskji fl-użu tal-fondi tal-UE.

L-UE tipproponi li tagħmel dan billi:

  • Tinvolvi lill-Istati Membri fil-valutazzjoni aħjar tar-riskji u fl-ippjanar ta' tħejjija u prevenzjoni effettivi. Pereżempju, jekk nafu li żona hija suxxettibbli għall-għargħar, għandna niżguraw li d-djar, in-negozju u l-ambjent ikunu mħarsa b'mod xieraq. Jeħtieġ li jkun hemm fis-seħħ ukoll pjanijiet ta' tħejjija f'postijiet fejn jgħixu l-anzjani f'żoni rurali mwarrba li huma f'riskju ta' nirien fil-foresti sabiex jgħinuhom jevakwaw.

  • Tiżgura li l-aħjar għarfien espert Ewropew disponibbli jitħarreġ flimkien. L-assi u t-timijiet għandhom faċilment joperaw flimkien lil hinn mill-fruntieri u għandhom ikunu qrib il-postijiet fejn jista' jseħħ diżastru. Dan jikkonċerna wkoll il-kondiviżjoni ta' għarfien u tagħlimiet minn diżastri preċedenti. Dawn l-aspetti kollha se jiġu promossi permezz tan-Netwerk ta' Għarfien tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE.

L-Istati Membri se jkollhom bżonn iħejju pjanijiet ta' prevenzjoni u tħejjija li l-Kummissjoni se tanalizza biex tgħin lil dawk l-Istati Membri li jirrikjedu appoġġ addizzjonali.

Kemm-il darba ġie attivat il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili f'dawn l-aħħar sentejn?

Fuq dawn l-aħħar sentejn (2016 u 2017), il-Mekkaniżmu ġie attivat b'kollox 56 darba, kemm ġewwa kif ukoll barra mill-UE.

Jekk ikun hemm qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill, kemm se tiġi tqum il-proposta tal-Kummissjoni?

L-impatt baġitarju ta' din il-proposta huwa stmat għal ammont addizzjonali ta' EUR 280 miljun għall-kumplament tal-perjodu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (2018–2020).

 

MEMO/17/4732

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar