Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Ir-Regolament il-ġdid dwar il-produzzjoni organika

Brussell, I-20ta' novembru 2017

Ir-Regolament il-ġdid dwar il-produzzjoni organika

Il-Kummissjoni tilqa' l-approvazzjoni min-naħa tal-Kunsill tal-ftehim tal-koleġiżlaturi dwar ir-regoli l-ġodda dwar il-produzzjoni organika, u tistenna bil-ħerqa l-aħħar passi li jwasslu għall-adozzjoni tar-Regolament il-ġdid. Ladarba jiġu adottati, ir-regoli l-ġodda se jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2021. Dan għandu jagħti żmien biżżejjed lill-produtturi, lill-operaturi u lis-sħab kummerċjali biex jadattaw għall-qafas il-ġdid.

Għala għandna bżonn sett ġdid ta' reġoli għas-settur tal-prodotti organiċi?

Ħafna mir-regoli attwali ilhom aktar minn 20 sena fis-seħħ, u jeħtieġu jiġu aġġornati biex jirriflettu l-bidliet il-kbar li saru fis-settur tal-prodotti orġaniċi tal-UE matul dak iż-żmien. Il-prodotti organiċi m'għadhomx sempliċi niċċa tas-settur agroalimentari tal-UE, kif kienu meta tfasslu għall-ewwel darba r-regoli attwali. Anzi, illum saru wieħed mill-iktar setturi dinamiċi tal-agrikultura tal-UE, bl-ammont ta' artijiet maħduma għall-biedja organika tikber b'rata ta' madwar 400,000 ettaru fis-sena. Is-suq tal-prodotti organiċi fl-UE jiswa mas-€27 biljun, jiġifieri xi 125% iktar minn għaxar snin ilu. It-traqqigħ ta' regoli u derogi fis-seħħ illum ma jagħtix biżżejjed ċertezza u sigurtà lil dan is-settur tant importanti tal-agrikultura Ewropea. L-istrateġija simplifikata u aktar armonizzata tar-Regolament il-ġdid għandha tgħin lis-settur jikber b'ritmu saħansitra aktar mgħaġġel.

X'inhu l-valur miżjud ta' din ir-riforma, u x'se jinbidel?

Se tiġi żgurata l-ekwità għall-bdiewa organiċi tal-UE, u l-logo organiku tal-UE se joffri l-istess garanziji ta' kwalità lill-konsumaturi fl-Ewropa kollha. Fid-dawl tal-prezz għoli li l-maġġoranza tal-konsumaturi jħallsu għall-ikel organiku, din il-garanzija ta' kwalità hija importanti għall-aħħar.

L-iktar titjib importanti huwa l-introduzzjoni ta' sett wieħed ta' regoli għall-UE kollha, li jkopri s-settur organiku kollu tal-UE. Ir-regoli l-antiki kienu jagħtu lok għal sistema ta' eċċezzjonijiet à la carte, xi kultant fil-livell ta' produttur individwali. Ir-regoli l-ġodda jilqgħu l-bżonn ta' flessibbiltà li dawk id-derogi kienu jakkomodaw fil-passat, iżda ormaj se jkunu limitati fiż-żmien, se jiġu vvalutati b'mod regolari, u fejn meħtieġ, se jiġu applikati lill-produtturi kollha, b'mod li jkun hemm trattament indaqs għal kulħadd. Madankollu, se jibqgħu permessi eċċezzjonijiet ġustifikati fejn xieraq, pereżempju s-sostituzzjoni temporanja ta' ingredjent organiku b'ingredjent mhux organiku f'każ ta' stokkijiet limitati. L-istess regoli se japplikaw għall-produtturi u l-prodotti organiċi kollha.

Dan is-sett ta' regoli waħdani se japplika wkoll lill-bdiewa mhux tal-UE li jesportaw il-prodotti organiċi tagħhom lejn is-suq tal-UE. Se jieħu post l-istandards differenti attwali, li jammontaw għal aktar minn sittin u jitqiesu ekwivalenti, u japplikaw għall-ikel organiku importat. Illum ninsabu f'sitwazzjoni fejn jistgħu japplikaw standards differenti għal produtturi fl-istess pajjiż, f'pajjiż li ma jkollux ftehim ta' ekwivalenza mal-UE għas-sempliċi raġuni illi l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jistipulaw l-istandards proprji tagħhom. Il-konformità mas-sett ta' regoli waħdani tal-UE se tieħu post il-prinċipju tal-ekwivalenza. Dan iġib miegħu titjib importanti fir-rigward tal-kummerċ, partikularment il-ħolqien ta' kundizzjonijiet indaqs bejn l-operaturi mill-UE u dawk minn pajjiżi mhux tal-UE.

Il-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli twessa' biex ikopri firxa ta' prodotti ġodda, fosthom il-melħ, is-sufra u ż-żjut essenzjali. Fil-ġejjieni jkun possibbli wkoll li jiżdiedu prodotti ġodda bi tweġiba għall-iżvilupp tas-settur u għall-eżiġenzi tal-konsumaturi, u b'hekk jinħolqu aktar opportunitajiet għall-produtturi.

Ir-Regolament il-ġdid joffri wkoll simplifikazzjoni għall-bdiewa. Ngħidu aħna, il-bdiewa fuq skala żgħira issa jkunu jistgħu jagħżlu ċ-ċertifikazzjoni ta' grupp, u b'hekk inaqqsu l-ispejjeż taċ-ċertifikazzjoni tagħhom u jsibuha iktar faċli li jinkitbu fl-iskema organika.

Se jinħolqu opportunitajiet ġodda wkoll billi jinfetaħ suq ġdid għaż-żrieragħ organiċi u għal materjal ieħor riproduttiv tal-pjanti, b'livell għoli ta' bijodiversità ġenetika. Dan se jtejjeb il-bijodiversità u s-sostenibbiltà tal-għelejjel, filwaqt li jixpruna l-innovazzjoni. Se tissaħħaħ ir-reżistenza għall-pesti u għall-mard, u se tingħata attenzjoni speċifika lill-adattament aħjar għall-kundizzjonijiet lokali.

Dawn ir-regoli ġodda se jissarrfu f'iktar kontrolli u iktar burokrazija għall-produtturi organiċi u għall-korpi taċ-ċertifikazzjoni?

Pjuttost bil-maqlub: ir-regoli l-ġodda jilħqu bilanċ bejn il-bżonn li jsiru kontrolli biex tiġi żgurata l-fiduċja tal-konsumaturi fis-settur, u l-piż li dan jitfa' fuq il-bdiewa u l-awtoritajiet kompetenti. Il-kontrolli jsiru fil-livell tal-Istat Membru, u jsiru mingħajr ma jitħabbru minn qabel, biex tiġi żgurata l-effettività tagħhom. Il-proċedura standard hija li jsiru kontrolli annwali, iżda r-regoli l-ġodda jagħrfu li dan mhux dejjem ikun meħtieġ għall-produtturi organiċi stabbiliti. Għall-produtturi li jkollhom rekord nadif wara tliet snin konsekuttivi ta' kontrolli annwali, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jiddeċiedu li jwettqu kontrolli fuqhom darba kull sentejn. Dan għandu jnaqqas il-burokrazija żejda għall-bdiewa kif ukoll għall-amministrazzjonijiet nazzjonali.

Il-pestiċidi huma permessi fl-ikel organiku?

Fuq dan ir-regoli dwar il-produzzjoni organika huma ċari kristall: il-produtturi ċċertifikati bl-ebda mod ma jistgħu jużaw sustanzi mhux awtorizzati, bħall-pestiċidi, fuq l-għelejjel tagħhom. Dan minn dejjem kien il-każ, u mhux se jinbidel bir-regoli l-ġodda.

Li jistipulaw ir-regoli l-ġodda huma l-miżuri ta' prekawzjoni li l-operaturi għandhom iwettqu biex inaqqsu r-riskju ta' “tniġġis” aċċidentali mill-pestiċidi użati fl-għelejjel konvenzjonali li jitkabbru ħdejn għelejjel organiċi. Huwa f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali li jikkontrollaw dawk il-miżuri. Il-konsumaturi jrid ikollhom fiduċja sħiħa li l-ebda pestiċida ma tkun intużat attivament fil-produzzjoni tal-prodotti li jġorru l-logo organiku tal-UE, u li tkun ittieħdet kull prekawzjoni possibbli biex jitnaqqas ir-riskju żgħir li jkun hemm preżenza aċċidentali ta' pestiċidi.

F'każijiet fejn ikun hemm allegazzjonijiet li xi prodotti organiċi jkun fihom il-pestiċidi, l-awtoritajiet nazzjonali huma obbligati li jinvestigaw. Madankollu, biex tinfetaħ investigazzjoni formali, tali allegazzjonijiet iridu jkunu sostanzjati biċ-ċar. L-investigazzjoni għandha sservi biex tiddetermina l-oriġini u l-kawża tal-preżenza ta' tali sustanzi, u għandha tinkludi kull metodu xieraq biex jitneħħa s-suspett mingħajr dewmien żejjed.

Il-Kummissjoni se tivvaluta s-sitwazzjoni fi żmien erba' snin mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament il-ġdid, li hija l-1 ta' Jannar 2021. B'hekk tkun tista' ssir analiżi tar-regoli u tal-prattiki nazzjonali fir-rigward tal-limiti għas-sustanzi mhux awtorizzati, u tkun tista' tittieħed deċiżjoni dwar kif għandha tiġi ttrattata l-kwistjoni.

Xi jfissru r-regoli l-ġodda għall-prodotti organiċi importati?

Ir-Regolament il-ġdid ikopri mhux biss il-prodotti organiċi tal-UE, iżda wkoll il-prodotti organiċi importati fl-UE minn pajjiżi oħra.

Fir-rigward tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni rikonoxxuti, ir-regoli l-ġodda se jkunu l-istess kemm għall-produtturi fl-UE u kemm għal dawk minn pajjiżi mhux tal-UE li jkunu jixtiequ jbigħu fis-suq uniku tal-Unjoni Ewropea. Flok jipproduċu skont standards meqjusin ekwivalenti għar-regoli tal-UE, il-produtturi f'pajjiżi mhux tal-UE issa għandhom ikunu konformi mal-istess sett ta' regoli bħall-produtturi fl-UE. B'hekk, mill-prinċipju tal-ekwivalenza, ngħaddu għall-prinċipju tal-konformità. Dan mhux biss joħloq kundizzjonijiet indaqs għall-produtturi kollha – li jistgħu jibqgħu ċerti li huma lkoll obbligati li jilħqu l-istess sett ta' standards għoljin –, iżda wkoll iserraħ moħħ il-konsumaturi billi jiggarantixxi li l-prodotti organiċi mibjugħa fl-UE, irrispettivament minn fejn ikunu ġew prodotti, jilħqu l-istess standards tal-kwalità.

Sal-lum, il-prodotti importati kienu jiġu ċċertifikati skont ir-regoli nazzjonali ta' pajjiżi mhux tal-UE li kienu jitqiesu ekwivalenti, jew inkella skont is-60 sett differenti ta' regoli u fuqhom, stipulati minn korpi tal-kontroll li l-UE kienet tirrikonoxxi bħala ekwivalenti għar-regoli organiċi tagħha stess. Pereżempju, ċerti korpi ta' kontroll kienu jippermettu l-użu ta' ċerti prodotti ta' trattament tal-pjanti li ma jintużawx fl-UE (fost l-oħrajn f'każijiet fejn dawk il-prodotti jittrattaw mard li mhuwiex preżenti fl-Ewropa, u li għalhekk ma kienx hemm regoli Ewropej għalihom).

X'se jsir mill-ftehimiet dwar il-prodotti organiċi li hemm fis-seħħ bejn l-UE u pajjiżi oħra?

S'issa l-UE kienet tqis li għadd ta' pajjiżi mhux tal-UE (l-hekk imsejħa “pajjiżi terzi”) għandhom regoli dwar il-produzzjoni organika u sistemi ta' kontroll ekwivalenti għal dawk tal-UE. Ċerti pajjiżi mhux tal-UE, fosthom il-Kanada, il-Ġappun, l-Istati Uniti, it-Tuneżija u New Zealand, kienu jqisu wkoll lir-regoli tal-UE bħala ekwivalenti għal tagħhom, permezz ta' arranġamenti jew ftehimiet ta' ekwivalenza, jiġifieri li ż-żewġ partijiet irrikonoxxew ir-regoli dwar il-produzzjoni organika u s-sistema ta' kontroll ta' xulxin bħala ekwivalenti skont ir-regoli rispettivi tagħhom. Dawn ir-rikonoxximenti jippermettu lill-konsumaturi Ewropej jagħżlu minn firxa wiesgħa ta' prodotti organiċi, filwaqt li jiftħu opportunitajiet ta' esportazzjoni għall-produtturi tal-UE.

L-arranġamenti jew ftehimiet bħalissa fis-seħħ ser ikollhom jintegraw ir-regoli l-ġodda fejn rilevanti, f'perjodu ta' żmien raġonevoli.

Ir-rikonoxximenti ta' ekwivalenza tal-pajjiżi mhux tal-UE li jinsabu barra mill-ambitu tal-arranġamenti ta' ekwivalenza reċiproka ser ikollhom jinbidlu f'arranġamenti ta' kummerċ reċiproku, sabiex jagħtu qafas legali sod għall-operaturi. Il-perjodu tranżitorju ta' ħames snin se jiżgura li kemm l-UE kif ukoll is-sħab tagħha jkollhom żmien biżżejjed biex jinnegozjaw ftehim li jkun ta' ġid għaż-żewġ partijiet.

Xi jfissru r-regoli l-ġodda għall-produzzjoni organika fis-serer?

L-alimentazzjoni tal-pjanti primarjament bl-ekosistema tal-ħamrija hija waħda mir-rekwiżiti ewlenin tal-produzzjoni organika. Ir-Regolament il-ġdid iseddaq ir-rabta mal-ħamrija bħala prinċipju bażiku. Għaldaqstant, l-użu ta' “miżirgħat demarkati” ma jitqiesx kompatibbli ma' prinċipji organiċi usa'.

Madankollu, għall-produtturi fl-Istati Membri fejn il-prattika diġà ġiet awtorizzata għall-agrikultura organika, ir-Regolament il-ġdid se jippermettilhom jibqgħu jużaw is-serer għal perjodu limitat ta' għaxar snin. Il-Kummissjoni se tressaq rapport dwar l-użu tal-miżirgħat demarkati fis-serer ħames snin wara d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament il-ġdid. Jekk ikun xieraq, dak ir-rapport aktarx ikun akkumpanjat bi proposta leġiżlattiva.

Ir-regoli se japplikaw għall-prodotti organiċi kollha, inkluż il-prodotti pproċessati?

Ir-Regolament il-ġdid dwar il-produzzjoni organika se japplika għall-prodotti agrikoli ħajjin u mhux ipproċessati, inkluż iż-żrieragħ u materjal ieħor riproduttiv tal-pjanti, kif ukoll għall-prodotti agrikoli pproċessati li jintużaw bħala ikel jew għalf. Il-prodotti pproċessati jistgħu jiġu ttikkettati bħala organiċi biss jekk mill-inqas 95% tal-ingredjenti agrikoli jkunu organiċi.

MEMO/17/4686

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar