Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Mistoqsijiet u Tweġibiet: Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2018

Strasburgu, I-24ta' ottubru 2017

X'inhu l-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni?

Kull sena, il-Kummissjoni Ewropea tadotta Programm ta' Ħidma li jispjega l-inizjattivi ewlenin tagħha għas-sena li jmiss. Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni jinforma liċ-ċittadini u lis-sħab istituzzjonali tagħna u lill-persunal kif se nwettqu l-prijoritajiet politiċi tagħna u nsarrfuhom f'azzjoni konkreta.

Dan huwa r-raba' Programm ta' Ħidma li qed jiġi ppreżentat mill-Kummissjoni Juncker, u jinkludi inizjattivi biex jitlesta x-xogħol fuq l-10 prijoritajiet stabbiliti fil-Linji Gwida Politiċi tal-President Juncker sa tmiem il-mandat ta' ħames snin tal-Kummissjoni, kif ukoll inizjattivi fuq perjodu itwal ta' żmien bl-għan li jissawwar il-ġejjieni tal-UE għas-sena 2025 u lil hinn minnha.

X'inhuma l-prijoritajiet għall-Kummissjoni fl-2018?

Il-Kummissjoni qed tkompli tfassal il-ħidma tagħha madwar il-Linji Gwida Politiċi tal-President Juncker ta' Lulju 2014. L-aġenda tal-Kummissjoni sa tmiem il-mandat preżenti ġiet ippreżentata fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-President Juncker tat-13 ta' Settembru 2017. L-Istat tal-Unjoni ta' din is-sena kien mibni fuq id-dibattitu dwar il-Ġejjini tal-Ewropa li tnieda mill-Kummissjoni permezz tal-White Paper tagħha dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa ppubblikata fl-1 ta' Marzu 2017. L-azzjonijiet għas-sena li ġejja għandhom bażi wkoll fid-Dikjarazzjoni ta' Bratislava ta' Settembru 2016 dwar l-UE ta' 27, u d-Dikjarazzjoni ta' Ruma maqbula mill-mexxejja fil-25 ta' Marzu 2017 fl-okkażjoni tas-60 Anniversarju mit-Trattati ta' Ruma. Issa, t-toroq kollha jwasslu għal Sibiu, fejn se jsir l-ewwel Summit tal-UE ta' 27 Stat Membru; il-Kummissjoni ta' Juncker qed tiffoka kemm fuq li twettaq affarijiet fit-terminu ta' żmien qasir, kif ukoll biex issawwar il-ġejjieni tal-UE.

Xejn inqas importanti mill-inizjattivi l-ġodda ppreżentati din is-sena hija l-kontinwazzjoni tax-xogħol tagħna mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill biex nilħqu ftehim dwar il-proposti ambizzjużi li saru fl-ewwel tliet snin ta' din il-Kummissjoni. Il-Kummissjoni identifikat 66 proposta fil-Pjan ta' Ħidma li għandha tingħata prijorità li jsir qbil dwarhom fis-sena li ġejja. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll il-ħidma tagħha biex tiżgura li l-liġijiet Ewropej eżistenti jiġu applikati u infurzati kif xieraq u li l-leġiżlazzjoni tal-EU tibqa' taqdi l-iskop tagħha. Din se tinkludi l-irtirar ta' 15-il proposta pendenti li jew m'għadhomx validi jew li dwarhom il-qbil mhuwiex possibbli, kif ukoll it-tħassir ta' tliet atti leġiżlattivi eżistenti.

Il-Programm ta' Ħidma kif jitħejja u jiġi adottat?

Din il-Kummissjoni ġiet eletta mill-Parlament Ewropew fuq il-bażi ta' Linji Gwida Politiċi ċari, li jirriflettu wkoll l-Aġenda Strateġika tal-Kunsill Ewropew. L-10 prijoritajiet imniżżlin f'dawn il-Linji Gwida għadhom iservu bħala l-qafas tal-ippjanar annwali tal-Kummissjoni.

Kull sena f'Settembru, il-President tal-Kummissjoni Ewropea jagħti d-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni quddiem il-Parlament Ewropew. Flimkien mal-Ittra ta' Intenzjoni, li tintbagħat fl-istess jum mill-President u mill-Ewwel Viċi President lill-President tal-Parlament Ewropew u lill-Presidenza tal-Kunsill, dan jgħid x'inhuma l-prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni għax-xhur li ġejjin.

Id-diskors tal-Istat tal-Unjoni jagħti bidu għad-djalogu mal-Parlament u mal-Kunsill biex jitħejja l-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għas-sena li jkun imiss. Dan id-djalogu jservi biex jiġi żgurat fehim kondiviż tal-prijoritajiet minn qabel bejn il-Parlament, l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tisma' wkoll l-opinjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni hi u tħejji l-Programm ta' Ħidma.

Il-Programm ta' Ħidma jeħtieġ li jiġi approvat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill?

Fil-ġimgħat li ġejjin il-Kummissjoni se taħdem mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill biex jintlaħaq ftehim bejn it-tliet Presidenti dwar Dikjarazzjoni Konġunta li se tistipula l-għanijiet u l-prijoritajiet ġenerali għall-2018 u tidentifika l-proposti li jistħoqqilhom trattament ta' prijorità fil-proċess leġiżlattiv. Dan huwa impenn kondiviż ġdid skont il-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li pproponietu l-Kummissjoni fid-19 ta' Mejju 2015 u li ġie ffirmat mit-tliet Istituzzjonijiet fit-13 ta' April 2016.

Kif inhu strutturat il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni?

Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni jikkonsisti minn Komunikazzjoni politika u ħames annessi.

  • L-Anness I fih l-inizjattivi ewlenin li għandhom jiġu ppreżentati fis-sena li ġejja, li jiffukaw fuq azzjonijiet konkreti biex jiġu implimentati l-għaxar prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni Juncker, u azzjonijiet u inizjattivi li għandhom perspettiva li tħares iktar 'il quddiem, hekk kif l-Unjoni l-ġdida ta' 27 issawwar il-ġejjieni tagħha għas-sena 2025 u lil hinn minnha;
  • l-Anness II jinkludi inizjattivi ewlenin oħrajn tar-REFIT fejn se nirrieżaminaw il-leġiżlazzjoni eżistenti fis-sena li jmiss;
  • l-Anness III jelenka l-fajls leġiżlattivi pendenti ta' prijorità fejn irridu li l-koleġiżlaturi fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill jieħdu l-aktar azzjoni b'ħeffa biex jinkisbu riżultati għaċ-ċittadini;
  • l-Anness IV jinkludi lista ta' proposti pendenti li hemm il-ħsieb li jiġu rtirati;
  • l-Anness V jinkludi lista tal-leġiżlazzjoni eżistenti li l-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tħassar.

X'inhu REFIT?

REFIT huwa l-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. L-objettiv tiegħu huwa li tiġi rieżaminata l-ġabra eżistenti ta' leġiżlazzjoni tal-UE sabiex jiġi żgurat li tkun għadha taqdi l-iskop tagħha u li tikseb ir-riżultati maħsuba. L-għan tiegħu huwa li l-korp tal-liġi tal-UE jinżamm razzjonali u f'saħħtu, jitneħħew piżijiet żejda u li l-leġiżlazzjoni eżistenti tiġi adattata mingħajr ma jsiru kompromessi fejn jidħlu l-objettivi ambizzjużi tal-politika tagħna.

Il-Kummissjoni Juncker tkompli taġġorna u ttejjeb il-leġiżlazzjoni eżistenti sabiex tkun tista' tikseb l-objettivi tagħha iktar effettivament u mingħajr piżijiet żejda. Hi u tidentifika l-prijoritajiet tar-REFIT, il-Kummissjoni qieset l-Opinjonijiet tal-Pjattaforma REFIT.

X'inhi l-Pjattaforma REFIT?

Il-Kummissjoni ħolqot grupp ta' esperti ta' livell għoli inklużi l-Istati Membri, il-Korpi Konsultattivi, in-negozji u s-soċjetà ċivili biex jipprovdu pariri dwar kif ir-regolamentazzjoni tal-UE tista' ssir aktar effiċjenti u effettiva fit-tnaqqis tal-ispejjeż u tal-piżijiet mingħajr ma jimminaw l-għanijiet politiċi.

Sa issa, il-Pjattaforma REFIT adottat 58 Opinjoni f'firxa wiesa' tar-regolamentazzjoni tal-UE inklużi l-privatezza elettronika, ir-regolamentazzjoni dwar il-prodotti kimiċi, is-servizzi finanzjarji, is-saħħa u s-sikurezza alimentari, il-Politika Agrarja Komuni, il-Politika ta' Koeżjoni u t-Taxxa fuq il-Valur Miżjud.

Il-Kummissjoni kif tiddeċiedi liema proposti għandha tirtira?

Iċ-ċittadini u n-negozji tal-Ewropa jridu li l-ħin u l-isforzi tagħna jkunu ffukati fuq kwistjonijiet kbar u urġenti, filwaqt li naħdmu biex il-liġijiet ikunu sempliċi, ibbażati fuq l-evidenza, prevedibbli u proporzjonati li jwasslu għall-ikbar benefiċċji possibbli.

Il-Kummissjoni kull sena teżamina bir-reqqa l-proposti pendenti kollha biex tara jekk dawn għandhomx jinżammu, jiġux emendati jew jiġux irtirati. Ipproponejna li nirtiraw 15-il proposta pendenti li teknikament huma skaduti jew ma għadhomx jaqdu l-iskop tagħhom, biex nippermettu lill-koleġiżlaturi biex jiffokaw fuq il-proposti li huma verament importanti.

Dan il-Programm ta' Ħidma huwa lista komprensiva ta' dak kollu li se tagħmel il-Kummissjoni fl-2018?

Il-programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni jixħet enfasi fuq l-inizjattivi ewlenin il-ġodda tal-politika ppjanati mill-Kummissjoni għall-2018. Il-Kummissjoni għandha wkoll obbligi rikorrenti biex tara li l-leġiżlazzjoni u l-programmi eżistenti jiġu implimentati tajjeb u li jiksbu riżultati konkreti fil-prattika. Il-Kummissjoni tista' wkoll tadotta inizjattivi mhux ippjanati bħala reazzjoni għal avvenimenti matul is-sena li jkunu jirrekjedu azzjoni urġenti fil-livell Ewropew.

Il-Kummissjoni meta se timplimenta l-proposti elenkati fil-Programm ta' Ħidma?

Skont l-impenji taħt il-Ftehim Interistituzzjonali l-ġdid dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, il-Programm ta' Ħidma jindika l-iskeda taż-żmien intiża fejn ikun possibbli. Il-Programm ta' Ħidma jagħti wkoll dettalji, sakemm ikunu disponibbli u fuq bażi indikattiva, dwar il-bażi legali maħsuba, it-tip ta' att legali u kwalunkwe informazzjoni proċedurali relevanti oħra, inkluża informazzjoni dwar xogħol tal-valutazzjoni tal-impatt u tal-evalwazzjoni. 

Diġà ġew ippubblikati (jew inkella se jiġu ppubblikati dalwaqt) pjanijiet direzzjonali dwar azzjonijiet individwali, li jagħtu iktar dettalji dwar l-inizjattivi ppjanati u li jagħtu l-opportunità lill-partijiet ikkonċernati u liċ-ċittadini jagħtu r-rispons tagħhom għall-pjanijiet tal-Kummissjoni.

Għal iktar tagħrif

Stqarrija għall-istampa: Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2018: Aġenda għal Ewropa iktar magħquda, b'saħħitha u demokratika

MEMO/17/4003

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar