Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

L-UE minn ta' quddiem b'azzjoni ambizzjuża għal ibħra aktar nodfa u aktar sikuri

Malta, il-5ta' ottubru 2017

L-UE minn ta' quddiem b'azzjoni ambizzjuża għal ibħra aktar nodfa u aktar sikuri

Fil-konferenza “Our Ocean” li għaddejja bħalissa f'Malta (il-5 u s-6 t'Ottubru), l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha fuq 36 azzjoni tanġibbli favur ibħra aktar f'saħħithom, aktar nodfa, aktar sikuri u aktar siguri. L-impenji mħabbra mill-UE, li jammontaw għal aktar minn €550 miljun u li jinvolvu attivitajiet mad-dinja kollha, jissottolinjaw id-determinazzjoni tal-UE biex ittejjeb is-sitwazzjoni tal-ibħra, kif ukoll biex tibgħat sinjal pożittiv ta' inkoraġġiment lill-atturi tal-bqija tad-dinja – kemm il-gvernijiet u kemm is-settur privat – sabiex jieħdu passi biex jaffrontaw l-isfidi tal-oċeani li kulma jmur qed jikbru, fosthom it-tniġġis bil-plastik, il-protezzjoni tal-flora u l-fawna tal-baħar, l-impatt tat-tibdil fil-klima, u l-attivitajiet kriminali fuq il-baħar.

Is-36 impenn tal-UE huma deskritti fid-dettall hawn isfel.

Is-sigurtà marittima hija s-sies tal-kummerċ u tal-prosperità globali, iżda tinsab mhedda – mid-diżastri naturali, mill-piraterija, mit-traffikar u mill-kunflitti armati. Biex l-oċeani tagħna jkunu aktar sikuri u aktar siguri, l-Unjoni Ewropea ħabbret:

  • €37.5 miljun biex tiġi żgurata s-sigurtà marittima u għall-ġlieda kontra l-piraterija tul il-kosta tax-Xlokk tal-Afrika u fl-Oċean Indjan. Il-fondi ser jiġu implimentati minn erba' organizzazzjonijiet reġjonali (IGAD, COMESA, EAC u IOC) f'kooperazzjoni mal-UNODC, l-INTERPOL u l-FAO. Il-programm jappoġġa inizjattivi għal sorsi alternattivi ta' għajxien fiż-żona tal-piraterija kostali tas-Somalja, għall-kapaċitajiet ta' investigazzjoni fil-livell nazzjonali u reġjonali, għar-riformi tal-ħabs, għall-kapaċità ta' prosekuzzjoni u ġuridika, għat-tfixkil ta' flussi finanzjarji illegali, għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u għal bosta kompiti marittimi oħra, minbarra mekkaniżmu reġjonali għall-koordinazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni marittima.
  • Investiment ta' €4 miljun fil-programm tagħha ta' monitoraġġ bis-satellita (Copernicus) fl-2017 biex jappoġġa lill-aġenziji tal-UE u lill-Istati Membri tal-UE fil-monitoraġġ tat-tniġġis miż-żejt u tas-sajd kummerċjali fuq skala kbira (inkluż il-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat) fil-Grigal tal-Atlantiku, il-Mediterran, il-Baltiku, il-Baħar tat-Tramuntana, il-Baħar l-Iswed, l-Oċean Paċifiku u madwar il-Gżejjer Kanarji. Copernicus ser jintroduċi wkoll servizzi ġodda biex jappoġġaw l-infurzar tal-liġi u s-sikurezza tan-navigazzjoni f'żoni miżgħuda bis-silġ.
  • appoġġ kontinwu għas-sigurtà marittima fil-Golf tal-Guinea, inkluż permezz tan-Netwerk Interreġjonali tal-Golf tal-Guinea u bit-tnedija ta' żewġ programmi ġodda: il-programm SWAIMS (Appoġġ għas-Sigurtà Marittima Integrata fil-Punent tal-Afrika), li jiswa €29 miljun, u l-programm biex itejjeb is-sigurtà tal-portijiet fil-Punent u fiċ-Ċentru tal-Afrika, li jiswa €8.5 miljun.
  • Miljun ewro fl-2017 b'appoġġ għall-aġġornament tas-sistemi ta' ICT tal-awtoritajiet marittimi tal-UE, u biex titħaffef il-kooperazzjoni bejniethom. Barra minn hekk, l-UE ħabbret li ser tikkontribwixxi €80,000 biex tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-gwardja tal-kosta fl-Ewropa.
  • il-varar ta' prototip ta' għodda ta' sorveljanza f'Settembru 2017, li jidentifika bastimenti biex jikxef il-firxa tal-attivitajiet tal-bniedem fuq il-baħar. L-għodda “Tiftix ta' Oġġetti Marittimi mhux Identifikati”, jew “SUMO” fil-qosor, hija softwer partikolari li awtomatikament janalizza dejta minn satelliti għall-immaġni bir-radar sabiex isib bastimenti żgħar saħansitra b'tul ta' metru biss, anki f'temp imsaħħab jew billejl. L-għodda SUMO hija ta' sors miftuħ, sabiex tippromwovi l-użu tagħha mill-utenti u mill-iżviluppaturi, u biex tiffaċilita l-kooperazzjoni internazzjonali fl-immappjar tar-rotot ta' tbaħħir, fil-monitoraġġ tal-intensità tat-tbaħħir, fl-identifikazzjoni ta' vapuri li jniġġsu, fil-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd, fil-ġlieda kontra l-piraterija u l-kuntrabandu, u fil-kontroll tal-fruntieri marittimi.

It-tniġġis tal-baħar huwa problema kolossali, b'iktar minn 10 miljun tunnellata skart jispiċċa fil-baħar kull sena. Hemm ċans li qabel l-2050, l-oċeani jkun fihom aktar plastik milli ħut. Biex taffronta dawn l-isfidi, l-UE ħabbret:

  • it-tnedija ta' WISE-Marine, portal għall-informazzjoni fuq kwistjonijiet Ewropej dwar l-ilma għall-pubbliku ġenerali u għall-partijiet ikkonċernati, sabiex jippromwovi governanza aħjar tal-oċeani u ġestjoni bbażata fuq l-ekosistemi. Il-pjattaforma ser titwessa' u tiġi integrata aktar matul is-snin li ġejjin.
  • €2 miljun fl-2017 b'appoġġ għall-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina min-naħa tal-Istati Membri, u €2.3 miljun oħra b'appoġġ għall-kooperazzjoni reġjonali u interreġjonali għal dan il-dan. Il-liġi tal-UE għandha l-għan li sal-2020 tikseb Status Ambjentali Tajjeb (GES) għall-ilmijiet tal-Istati Membri tal-UE, u li tipproteġi l-bażi ta' riżorsi li minnhom jiddependu l-attivitajiet ekonomiċi u soċjali marbuta mal-baħar.
  • €2.85 miljun għall-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar u għal proġetti ta' tħejjija għar-riskji, u €2.5 miljun għal eżerċizzji dwar it-tniġġis tal-baħar, biex jappoġġaw u jikkomplementaw l-isforzi ta' kooperazzjoni transfruntiera fost il-pajjiżi tal-UE u ma' pajjiżi ġirien magħżula.
  • abbozzi ta' miżuri biex jitnaqqas ir-rimi tal-plastik fl-ambjent sa tmiem l-2017, bħala parti mill-istrateġija li ġejja tal-UE dwar il-plastik.
  • abbozzi ta' miżuri fl-2017 biex jitnaqqas l-iskariku fil-baħar ta' skart iġġenerat mill-vapuri u ta' residwi tal-bastimenti tal-merkanzija.

Huwa mistenni li l-ekonomija blu sostenibbli tirdoppja sal-2030, mill-istima ta' €1.3 triljun tal-lum. L-UE żiedet din it-tema mal-edizzjoni ta' din is-sena tal-konferenza “Our Ocean”, bil-għan li tħeġġeġ sinerġiji iktar qawwijin bejn soluzzjonijiet sostenibbli għall-oċeani, tkabbir ekonomiku, u l-ħolqien ta' impjiegi fil-komunitajiet kostali tad-dinja kollha. Għal dan il-għan, l-UE ħabbret:

  • Aktar minn €250 miljun biex jiffinanzjaw ir-riċerka marina u marittima fl-2017. Dawn jinkludu €40 miljun għall-appoġġ tat-trasport avvanzat fuq l-ilma u b'emissjonijiet baxxi, kif ukoll aktar minn €30 miljun għall-enerġija mill-baħar. Barra minn hekk, l-UE ħabbret li ser tipprovdi €12-il miljun biex tappoġġa żewġ proġetti ġodda ta' innovazzjoni dwar azzjonijiet ta' tindif fil-ġlieda kontra l-iskart tal-baħar u sustanzi oħra li jniġġsu. Fl-aħħar nett, l-Unjoni Ewropea ħabbret li ser tappoġġa l-Inizjattiva BlueMED għall-kooperazzjoni favur Baħar Mediterran f'saħħtu, produttiv u reżiljenti permezz tax-xjenza u tar-riċerka, b'aktar minn €50 miljun.
  • It-tisħiħ ta' ħidmitha fl-Alleanza Pan-Atlantika għar-Riċerka dwar l-Oċeani, billi tħeġġeġ oqfsa ta' kooperazzjoni mtejba mas-sħab tal-Atlantiku, fosthom il-Brażil u l-Afrika t'Isfel, dwar ix-xjenza tal-baħar, ir-riċerka u l-innovazzjoni skont id-Dikjarazzjoni ta' Belém, u l-UE ser talloka aktar minn €60 miljun fil-perjodu 2018-2019 biex tilħaq dan l-għan. L-UE ser tkompli wkoll timplimenta d-Dikjarazzjoni ta' Galway dwar il-Kooperazzjoni fir-Riċerka tal-Oċeani flimkien mal-Istati Uniti tal-Amerka u l-Kanada. L-Unjoni Ewropea rrappurtat li l-għadd ta' timijiet ta' riċerka li qed jaħdmu f'konsorzji internazzjonali fuq l-isfidi li għandu quddiemu l-Oċean Atlantiku ser jaqbżu l-500 sal-2019.
  • Investiment ta' €14.5-il miljun fl-2017 biex jippromwovi ekonomija blu sostenibbli fl-Unjoni Ewropea. Madwar €8 miljun mill-fond ser ikunu għotjiet biex jinbeda negozju għal proġetti b'potenzjal għoli f'setturi emerġenti tal-ekonomija blu madwar l-UE. Sabiex l-iskart tal-baħar jiġi ssorveljat u miġġieled aħjar, €2 miljun oħra ser jiġu allokati biex jingħata appoġġ għal teknoloġiji innovattivi biex jissorveljaw u/jew jiġġieldu l-iskart tal-baħar fl-ilmijiet ta' madwar l-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, €3 miljun ser jiġu allokati għall-iffaċilitar ta' proġetti ta' ġemellaġġ fil-Baċir tal-Baħar Mediterran, fosthom bejn l-istituti tat-taħriġ u edukazzjoni marittimi, in-negozji li joperaw fl-ekonomija blu, u l-komunitajiet tas-sajd lokali. Fl-aħħar nett, €1.5 miljun ser jiġu allokati biex l-ekosistemi tal-baħar u tal-kosta fil-Mediterran jirpiljaw.
  • It-tnedija tal-programm ta' Sħubija Marina bejn il-Paċifiku u l-UE (PEUMP), li jiswa €45 miljun. L-Iżvezja ħabbret li ser tikkontribwixxi €10 miljun għall-programm. L-għan tal-programm huwa li jappoġġa l-ġestjoni u l-iżvilupp sostenibbli tas-sajd għas-sigurtà tal-ikel u għat-tkabbir ekonomiku, filwaqt li jiġu indirizzati r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u l-konservazzjoni tal-bijodiversità tal-baħar.
  • Ħidma biex jitħaffu l-proċessi tal-Ippjanar Spazjali Marittimu / tal-Baħar mad-dinja kollha, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni Oċeanografika Intergovernattiva tal-UNESCO (IOC-UNESCO), kif intrabtu l-UE u l-IOC nhar l-24 ta' Marzu 2017. L-ippjanar spazjali marittimu (MSP) japplika lil hinn mill-fruntieri u fost setturi differenti, sabiex jiżgura li l-attivitajiet tal-bniedem fuq il-baħar isiru b'mod effiċjenti, sikur u sostenibbli. Filwaqt li tibni fuq il-Pjan Direzzjonali Konġunt, l-UE ser tagħti €1.4 miljun lill-IOC-UNESCO sabiex tiżviluppa linji gwida internazzjonali għall-MSP. Bħala parti minn din l-inizjattiva, kmieni fl-2018 se jitvaraw żewġ proġetti pilota ta' MSP: wieħed fil-Mediterran u l-ieħor fin-Nofsinhar tal-Paċifiku. Barra minn hekk, ser jinħoloq Forum Internazzjonali għall-MSP biex jiffaċilita d-diskussjonijiet dwar kif l-MSP, inkluż l-azzjonijiet transsettorjali, għandhom jiġu applikati fil-livell dinji. L-ewwel sessjoni ta' ħidma ser issir fir-rebbiegħa tal-2018.
  • Investiment ta' €23 miljun fis-servizz ta' monitoraġġ tal-ambjent tal-baħar tal-programm tal-UE ta' monitoraġġ bis-satellita (Copernicus) fl-2017 u fl-2018. Is-servizz jiffoka fuq it-tibdil fil-klima, is-sajd u l-ħarsien tal-baħar. Tħabbar ukoll li Copernicus, għall-ewwel darba, ser joħloq Indikaturi għall-Monitoraġġ tal-Oċeani, fosthom dwar il-bijokimika. Dawn l-indikaturi, li huma importanti għall-kejl tas-saħħa tal-oċeani, ser jiġu ppubblikati fir-Rapport dwar il-Qagħda tal-Oċean li ser ikun disponibbli fuq l-internet qabel tmiem l-2018.
  • L-impenn tagħha biex tkompli tavvanza l-Ftehimiet ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli mal-istati kostali. Dawn il-ftehimiet diġà jgħinu lill-pajjiżi fl-iżvilupp ta' sajd sostenibbli, fil-ġestjoni effettiva tal-monitoraġġ u tas-sistemi ta' kontroll, u fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU). Din il-ġenerazzjoni l-ġdida ta' ftehimiet ser ikollha approċċ aktar integrat, li jinkludi l-promozzjoni ta' ekonomija blu sostenibbli kif ukoll żieda fl-investiment fis-settur tas-sajd. Dan l-approċċ ġdid għandu jippermetti lill-pajjiżi sħab jiksbu aktar valur mill-ekonomija tal-oċeani b'mod sostenibbli.
  • €8.5 miljun għall-konservazzjoni tal-bijodiversità tal-baħar u tal-kosta fil-Baċir tal-Baħar Karibew, għall-ġid tal-komunitajiet li jiddependu fuq dawn l-ekosistemi. Din l-azzjoni hija mmirata partikolarment lejn żoni naturali li huma mhedda mill-użu ħażin, mill-isfruttament żejjed, mit-tniġġis u mill-effetti tat-tibdil fil-klima.
  • Kważi €6 miljun għall-appoġġ ta' proġetti f'pajjiżi tal-UE biex jistabbilixxu kooperazzjoni transfruntiera fl-ippjanar spazjali marittimu. L-ippjanar spazjali marittimu jaħdem lil hinn mill-fruntieri u fost setturi differenti, sabiex jiżgura li l-attivitajiet tal-bniedem fuq il-baħar isiru b'mod effiċjenti, sikur u sostenibbli.
  • Finanzjament għall-ittestjar fl-Ewropa tal-ewwel sensiela ta' installazzjonijiet ta' ġenerazzjoni tal-enerġija mill-mewġ u mill-marea fl-2017, billi tikkontribwixxi €1.5 miljun biex tappoġġa lill-amministrazzjonijiet u lill-iżviluppaturi tal-proġetti involuti fil-monitoraġġ ambjentali.
  • L-intenzjoni tagħha li tiżviluppa l-Cloud Pilota għax-Xjenza Blu, li għandha timmodernizza l-proċess tal-aċċess, tal-ġestjoni u tal-użu tad-dejta dwar il-baħar, bil-għan li jittejjeb it-trattament ta' kwantità kbira ta' dejta differenti marittima u dwar il-baħar bl-użu ta' teknoloġiji cloud. Barra minn hekk, il-Cloud Blu għandha l-għan li tkompli trawwem il-ħidma fost ix-xjenzati tal-UE u s-sħab internazzjonali tagħhom. It-teknoloġiji cloud jistgħu jtejbu l-osservazzjonijiet u t-tbassir globali u reġjonali dwar l-oċeani, kif inhu mħeġġeġ fil-qafas tal-inizjattiva tal-G7 “il-Futur tal-Ibħra u tal-Oċeani”, u bħala parti mill-isforz dinji biex tinbena Sistema mtejba tas-Sistemi għall-Osservazzjoni Globali tad-Dinja (GEOSS).
  • Mill-inqas miljun ewro b'appoġġ għall-Programm Globali tas-Sajd tal-Bank Dinji (PROFISH). L-għan tal-programm huwa li jtejjeb is-sostenibbiltà ambjentali, il-benessri tal-bniedem u l-prestazzjoni ekonomika tas-sajd u tal-akkwakultura dinjija, b'enfasi fuq il-benessri tal-foqra f'komunitajiet tas-sajd u tat-trobbija tal-ħut fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

It-tibdil fil-klima għandu konsegwenzi diretti għall-aħħar għall-oċeani, fost l-iktar allarmanti minnhom il-livelli tal-baħar dejjem telgħin u l-aċidifikazzjoni li kulma jmur qed tiżdied. Għal dawn ir-raġunijiet, l-Unjoni Ewropea ħabbret:

  • Proġett ta' €10 miljun mal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fis-settur tat-trasport marittimu. Il-proġett għandu l-għan li jistabbilixxi ħames Ċentri ta' Kooperazzjoni fit-Teknoloġija Marittima (MTCCs), wieħed f'kull reġjun fil-mira – l-Afrika, l-Ażja, il-Karibew, l-Amerka Latina u l-Paċifiku – biex b'hekk jifformaw netwerk globali. In-netwerk għandu l-kompitu li jippermetti lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw f'dawn ir-reġjuni joħolqu miżuri ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija fit-trasport marittimu.
  • €1.5 miljun għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju iswed fl-Artiku. Il-proġett huwa maħsub biex isaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali għall-ħarsien tal-ambjent Artiku.
  • €600,000 matul is-sentejn li ġejjin għal proġett integrat għall-Artiku, li jiffoka fuq it-tliet oqsma ta' prijorità tal-politika tal-UE dwar l-Artiku: it-Tibdil fil-Klima u l-Ħarsien tal-Ambjent Artiku; l-Iżvilupp Sostenibbli fl-Artiku u madwaru; u l-Kooperazzjoni Internazzjonali fuq Kwistjonijiet tal-Artiku.

Il-ħarsien tal-baħar: Illum inqas minn 5 % taż-żoni tal-baħar u kostali fid-dinja jinsabu protetti bil-liġi, u xorta waħda, għal dawk il-5 % il-liġi mhux dejjem tiġi infurzata – u dan minkejja l-mira tan-Nazzjonijiet Uniti ta' protezzjoni ta' 10 % sal-2020. Għal dawn ir-raġunijiet, l-Unjoni Ewropea ħabbret:

  • Il-Kummissjoni Ewropea ħabbret l-eliminazzjoni gradwali, sa tmiem l-2017, tat-tazez kollha tal-plastik li jintużaw darba biss mill-funtani tal-ilma u mid-distributuri awtomatiċi fil-binjiet kollha tagħha fi Brussell*. L-UE ntrabtet ukoll li tirrapporta l-isforzi kollha tagħha lejn aktar tnaqqis fl-użu ta' oġġetti oħra tal-plastik li jintużaw darba biss fil-binjiet u fl-avvenimenti kollha tagħha fl-okkażjoni tal-Konferenza “Our Ocean” tal-2018. Il-miżuri biex tilħaq dan il-għan se jinkludu t-titjib tal-akkwist pubbliku ekoloġiku, it-tnaqqis tal-oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss fil-kantins u fil-kafetteriji, il-promozzjoni tal-użu tal-ilma tal-vit, it-tnedija ta' kampanja usa' ta' sensibilizzazzjoni tal-persunal dwar it-tnaqqis, is-separazzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart, u l-ekoloġizzazzjoni tal-avvenimenti tal-Kummissjoni.
  • €20 miljun b'appoġġ tal-ġestjoni taż-żoni protetti tal-baħar f'pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, permezz tal-programm BIOPAMA II (Programm għall-Ġestjoni tal-Bijodiversità u ż-Żoni Protetti).
  • Flimkien mal-Ġermanja, appoġġ għat-twaqqif ta' pjattaforma transsettorjali u transkonfinali ta' diversi partijiet ikkonċernati għall-governanza reġjonali tal-oċeani sal-2020. Din il-pjattaforma ser tiġi żviluppata fi ħdan is-Sħubija għall-Governanza Reġjonali tal-Oċeani (PROG), li nbdiet fl-2015 bil-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP), l-Istitut għall-Istudji Avvanzati dwar is-Sostenibbiltà (IASS), l-Istitut għall-Iżvilupp Sostenibbli u r-Relazzjonijiet Internazzjonali (IDDRI), u l-Grupp ta' Riflessjoni għas-Sostenibbiltà (TMG). L-iżvilupp tal-pjattaforma tħabbar mill-Ġermanja bħala impenn volontarju fl-okkażjoni tal-Konferenza tal-Oċeani tan-NU għall-implimentazzjoni tal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) 14 (mill-5 sad-9 ta' Ġunju 2017). Il-forum PROG ser jipprovdi għarfien ġdid dwar il-governanza integrata tal-oċeani, fi tliet livelli differenti: (1) fir-reġjuni; (2) fost ir-reġjuni; u (3) bejn il-livell reġjonali u l-livell globali. Biex ikomplu jibnu fuq proċess kollaborattiv mas-sħab internazzjonali fl-2018, il-Ġermanja u l-UE ser jorganizzaw l-ewwel laqgħa fl-2019.
  • €1.5 miljun għall-analiżi tal-ekosistemi u tal-attività ekonomika fuq is-Sinsla ta' Nofs l-Atlantiku u t-Telgħa ta' Rio Grande, sabiex tappoġġa d-definizzjoni ta' sett koerenti ta' Żoni ta' Interess Ambjentali Partikolari.
  • L-intenzjoni tagħha li tappoġġa l-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran fl-istabbiliment ta' Żona tas-Sajd Ristretta (ŻSR) ta' mill-anqas 2,700 km2 sabiex tipproteġi l-istokkijiet demersali fil-ħabitat fiż-żona ta' Jabuka / Pomo Pit tal-Baħar Adrijatiku, 'il barra mill-ibħra territorjali tal-Italja u tal-Kroazja, rikonoxxut bħala post essenzjali fejn għadd ta' speċijiet tal-baħar ibejtu u jirriproduċu. Il-ħolqien taż-ŻSR ta' Jabuka / Pomo Pit ser jiġi deċiż fis-sessjoni annwali tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM) bejn is-16 u d-19 t'Ottubru 2017.

Is-sajd sostenibbli huwa prerekwiżit għall-aċċess kontinwu għal ikel mill-baħar suffiċjenti u bnin għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Sabiex tiżgura sajd sostenibbli madwar id-dinja, l-UE ħabbret:

  • €15-il miljun skont il-programm PESCAO għat-titjib fil-governanza tas-sajd reġjonali fil-Punent tal-Afrika, bil-għan li tiġi żviluppata politika reġjonali tas-sajd, li tiġi stabbilita koordinazzjoni reġjonali kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU), u li tittejjeb il-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut fil-livell reġjonali.
  • €5.7 miljun fl-2017 b'appoġġ għall-ħidma tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) u tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM) biex tittejjeb is-sostenibbiltà tar-riżorsi tas-sajd fil-Mediterran.Dan jibni fuq id-Dikjarazzjoni Medfish4Ever, iffirmata fit-30 ta' Marzu 2017, li hija wegħda ta' 10 snin biex jiġu salvati l-istokkijiet tal-ħut tal-Mediterran u biex jitħares il-ġid ekoloġiku u ekonomiku tar-reġjun.
  • Minimu ta' miljun ewro fl-2017 għall-programm globali tal-FAO biex jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Ftehim storiku dwar il-Miżuri tal-Istat tal-Port biex Jimpedixxu, Jiskoraġġixxu u Jeliminaw is-Sajd Illegali, Mhux Irrappurtat u Mhux Irregolat. Il-programm jipprovdi għajnuna u bini tal-kapaċitajiet ta' politika, legali u tekniċi biex jissaħħaħ l-infurzar tal-Ftehim. Barra minn hekk, l-UE ħabbret li ser tospita l-konferenza internazzjonali biex tivvaluta u tirrieżamina l-Ftehim dwar il-Miżuri tal-Istat tal-Port fl-2020. Fl-aħħar nett, l-UE ħabbret li ser tikkontribwixxi €225,000 fl-2017 lill-FAO għall-iżvilupp ta' reġistru globali li għandu jirreġistra l-bastimenti tas-sajd, il-bastimenti refriġeraturi tal-ġarr u l-bastimenti ta' forniment madwar id-dinja.
  • Regoli ġodda li mistennija jidħlu fis-seħħ sa tmiem l-2017 sabiex il-flotta esterna tas-sajd titjieb u tkun ġestita b'mod aktar sostenibbli. Ir-regoli l-ġodda ser jippermettu lill-Unjoni Ewropea tissorvelja u tikkontrolla aħjar il-flotta tagħha, u tindirizza b'mod effiċjenti l-problemi tal-għoti ta' bandiera ġdida u n-noleġġ, u b'hekk issaħħaħ l-isforzi fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.
  • L-impenn tagħha li tilħaq ftehim multilaterali dwar is-sussidji tas-sajd fil-11-il Konferenza Ministerjali tad-WTO, li se ssir fi Buenos Aires f'Diċembru 2017. B'dan il-għan, l-UE ressqet proposta riveduta f'Lulju 2017 fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ biex jiġu pprojbiti ċerti forom ta' sussidji għas-sajd li jikkontribwixxu għall-kapaċità żejda u għas-sajd eċċessiv, biex jitneħħew is-sussidji li jikkontribwixxu għal sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, u biex titrażżan l-introduzzjoni ta' sussidji ġodda ta' dan it-tip. Il-proposta, immirata lejn l-implimentazzjoni tal-SDG 14.6, fiha wkoll dispożizzjonijiet dwar aktar trasparenza u linji gwida dwar trattament speċjali u differenzjali għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u għall-pajjiżi l-anqas żviluppati. Barra minn hekk, l-UE ser tagħmel l-almu tagħha biex tibni fuq dan il-ftehim u tappoġġah matul l-istadji tan-negozjati u tal-implimentazzjoni.

Għal aktar tagħrif

Is-sit web tal-Konferenza “Our Ocean”

Ara x-xandira diretta tal-konferenza “Our Ocean” (disponibbli b'dawn il-lingwi: EN, FR, ES, CN, RU, AR)

Ara x-xandira diretta tal-konferenza stampa tal-UE minn Malta (il-Ġimgħa 6 t'Ottubru, fis-13:00 CET)

 

* Aġġornat fis-6.10.2017, fis-13:00 bl-impenn preċiż

MEMO/17/3588

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar