Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Il-pakkett tal-proċeduri ta' ksur ta' Ottubru: id-deċiżjonijiet ewlenin

Brussell, I-4ta' ottubru 2017

Il-pakkett tal-proċeduri ta' ksur ta' Ottubru: id-deċiżjonijiet ewlenin

Ħarsa ġenerali skont il-qasam ta' politika

Fil-pakkett tagħha ta' kull xahar tad-deċiżjonijiet dwar il-ksur, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) qed tieħu azzjoni legali kontra l-Istati Membri talli ma kkonformawx mal-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-UE. Dawn id-deċiżjonijiet, li jkopru diversi setturi u oqsma ta' politika tal-UE, għandhom l-għan li jiżguraw l-applikazzjoni kif suppost tad-dritt tal-UE għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji.

Id-deċiżjonijiet ewlenin li ttieħdu mill-Kummissjoni (li jinkludu 29 ittra ta' intimazzjoni, 29 opinjoni motivata, 4 każijiet ta' tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u 9 każijiet ta' għeluq) qed jiġu ppreżentati hawn taħt u huma miġbura fi gruppi skont il-qasam ta' politika. Il-Kummissjoni qed tagħlaq ukoll 133 każ li fihom il-kwistjonijiet mal-Istati Membri kkonċernati jkunu ġew solvuti mingħajr ma l-Kummissjoni kellha għalfejn tkompli għaddejja bil-proċedura.

Għal iżjed tagħrif dwar il-proċedura ta' ksur tal-UE, ara l-MEMO/12/12 sħiħa. Għal iżjed dettalji dwar id-deċiżjonijiet kollha li ttieħdu, ikkonsulta r-reġistru tad-deċiżjonijiet dwar il-ksur.

 

1. Is-Suq Uniku Diġitali

(Għal iżjed tagħrif: Nathalie Vandystadt – tel.: +32 229 67083, Inga Höglund – tel.: +32 229 50698)

Ittri ta' intimazzjoni

It-tranżazzjonijiet elettroniċi: Il-Kummissjoni tħeġġeġ lis-SLOVAKKJA biex tiżgura l-applikazzjoni kif suppost tar-Regolament eIDAS

Il-Kummissjoni llum iddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lis-Slovakkja dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-UE dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għat-tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern (eIDAS; ir-Regolament (UE) Nru 910/2014). Il-Kummissjoni hija mħassba dwar l-indipendenza tal-korp superviżorju Slovakk. Jekk korp superviżorju ma jkunx indipendenti għalkollox, kif meħtieġ bir-Regolament, dan jista' joħloq inugwaljanza fl-opportunitajiet bejn id-diversi operaturi ekonomiċi, u b'hekk jikser il-prinċipju tas-suq intern tal-UE. Bir-Regolament eIDAS, iċ-ċittadini, in-negozji u l-amministrazzjonijiet pubbliċi jistgħu jużaw mezzi ta' identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji (jiġifieri firem elettroniċi, siġilli elettroniċi, kronogrammi elettroniċi, kunsinni elettroniċi rreġistrati u awtentikazzjoni tas-siti web) biex ikollhom aċċess għas-servizzi onlajn jew jimmaniġġjaw it-tranżazzjonijiet elettroniċi. Issa s-Slovakkja għandha xahrejn biex twieġeb din l-ittra.

Is-swieq tat-telekomunikazzjoni: Il-Kummissjoni tistieden lil seba' Stati Membri jwettqu analiżi f'waqtha tas-swieq rilevanti tat-telekomunikazzjoni

Kull tliet snin, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jridu jwettqu analiżi tas-swieq tat-telekomunikazzjoni li jkunu suxxettibbli għar-Regolament tal-UE skont il-qafas legali attwali (id-Direttiva 2002/21/KE) u jinnotifikaw il-miżura korrispondenti lill-Kummissjoni Ewropea. Il-Belġju, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja u Spanja ma għarrfux lill-Kummissjoni bl-analiżi tagħhom. Għalhekk, billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni, il-Kummissjoni llum iddeċidiet li titlob lil dawk is-seba' pajjiżi jwettqu mingħajr dewmien l-analiżi tagħhom tas-swieq rilevanti tat-telekomunikazzjoni u jgħarrfu lill-Kummissjoni fiż-żmien stabbilit bid-dritt tal-UE. Għas-seba' każijiet kollha, id-dewmien huwa ferm iktar minn ħames snin. Is-seba' Stati Membri kkonċernati għandhom xahrejn biex iwieġbu.

 

2. L-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni

(Għal iżjed tagħrif: Christian Wigand – tel.: +32 229 62253, Melanie Voin – tel.: +32 229 58659)

 

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Il-moviment liberu tal-ħaddiema: Il-Kummissjoni tressaq lir-REPUBBLIKA ĊEKA u lil-LUSSEMBURGU quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talli ma kkomunikawx il-miżuri li ħadu biex jittrasponu d-dritt tal-Unjoni fil-livell nazzjonali

Il-Kummissjoni Ewropea qed tressaq lir-Repubblika Ċeka u lil-Lussemburgu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE talli ma nnotifikawx it-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema (id-Direttiva 2014/54/UE) fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, iktar minn sena wara l-iskadenza għat-traspożizzjoni tagħha. Il-moviment liberu huwa wieħed mill-ikbar vantaġġi tas-Suq Uniku. Skont l-iktar stħarriġ reċenti tal-Ewrobarometru, iżjed minn 80 % tal-Ewropej jappoġġaw “il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE li jistgħu jgħixu, jaħdmu, jistudjaw u jinnegozjaw kullimkien fl-UE”. Iżda l-moviment liberu jrid iseħħ b'mod ġust. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tieħu miżuri biex tevita d-dumping soċjali, billi tagħti l-għodod lill-awtoritajiet nazzjonali biex jiġġieldu l-abbuż u l-frodi. Fl-istess waqt, hemm bżonn li d-drittijiet tal-ħaddiema jiġu protetti meta jaħdmu lil hinn minn pajjiżhom. Il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li huma meħtieġa biex jikkonformaw mad-Direttiva kellhom jidħlu fis-seħħ sal-21 ta' Mejju 2016 u l-Kummissjoni kellha tiġi mgħarrfa minnufih. Minkejja li l-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni u opinjoni motivata li fihom talbet lil-Lussemburgu u lir-Repubblika Ċeka jinnotifikaw il-konformità sħiħa mad-Direttiva, il-Lussemburgu nnotifika l-miżuri li jittrasponu b'mod parzjali biss id-Direttiva 2014/54/UE fil-liġi nazzjonali u r-Repubblika Ċeka għadha ma kkomunikat l-ebda traspożizzjoni tad-Direttiva. Għalhekk, abbażi tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 260(3) tat-TFUE, il-Kummissjoni se titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi l-pagament ta' penali għal kull jum ta' €33,510.40 fuq ir-Repubblika Ċeka, u ta' €6,528 fuq il-Lussemburgu, sa meta d-Direttiva tiġi trasposta għalkollox fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. L-Istati Membri li ma jikkomunikawx il-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom jiġu mfittxija mill-Kummissjoni bħala kwistjoni ta' prijorità. Għal iżjed tagħrif, jekk jogħġbok irreferi għall-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

 

3. L-Enerġija

(Għal iżjed tagħrif: Anna-Kaisa Itkonen – tel.: +32 229 56186, Nicole Bockstaller – tel.: +32 229 52589)

Opinjoni motivata

Il-protezzjoni mir-radjazzjoni: Il-Kummissjoni titlob lill-BELĠJU jittrasponi għalkollox id-Direttiva tal-Euratom dwar l-Ilma tax-Xorb

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Belġju biex titlob it-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva Euratom dwar l-Ilma tax-Xorb (id-Direttiva tal-Kunsill 2013/51/Euratom). L-Istati Membri kienu meħtieġa jittrasponu din id-Direttiva sat-28 ta' Novembru 2015. Din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali mis-sustanzi radjuattivi fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem. Din tiżgura li l-Istati Membri jkollhom qafas fis-seħħ għall-kontroll tar-radjuattività fl-ilma tax-xorb u tad-doża ta' radjazzjoni mill-konsum ta' forom differenti ta' ilma tax-xorb kif ukoll arranġamenti għat-tagħrif pubbliku. Ladarba l-Belġju ma nnotifika l-ebda miżura ta' traspożizzjoni lill-Kummissjoni fil-limitu ta' żmien preskritt, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni f'April 2016. Wara t-tweġiba tal-awtoritajiet Belġjani għal din l-ittra u n-notifika ta' miżura ta' traspożizzjoni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-traspożizzjoni tad-Direttiva fil-Belġju għadha mhix kompluta. Il-Belġju għandu xahrejn biex jikkonforma ma' dan l-obbligu; inkella l-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq lill-Belġju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32013L0051

 

Ittra ta' intimazzjoni

L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija: Il-Kummissjoni tistieden lil SPANJA timplimenta b'mod korrett ir-regoli tal-UE fir-rigward tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija

Il-Kummissjoni qed tibgħat ittra ta' intimazzjoni li fiha qed titlob lil Spanja tiżgura l-implimentazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija (id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija, id-Direttiva 2012/27/UE). Id-Direttiva titlob lill-Istati Membri jinstallaw arloġġi individwali jew allokaturi tal-ispiża għat-tisħin biex ikejlu l-konsum tal-enerġija u jallokaw l-ispejjeż f'bini b'għadd ta' appartamenti u f'bini b'għadd ta' użi li fihom it-tisħin, it-tkessiħ u/jew l-misħun ikunu pprovduti minn installazzjoni ċentrali/kollettiva. Issa Spanja għandha xahrejn biex twieġeb.

 

4. L-Ambjent

(Għal iżjed tagħrif: Enrico Brivio – tel.: +32 229 56172, Iris Petsa – tel.: +32 229 93321)

 

Opinjonijiet motivati

Il-basktijiet tal-plastik: Il-Kummissjoni titlob lill-KROAZJA u lir-RUMANIJA jippromulgaw ir-regoli tal-UE dwar il-basktijiet tal-plastik ħfief

Il-Kummissjoni qed tħeġġeġ lill-Kroazja u lir-Rumanija jlestu l-promulgazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart fil-liġijiet nazzjonali tagħhom (id-Direttiva dwar il-Basktijiet tal-Plastik, id-Direttiva (UE) 2015/720). L-Istati Membri tal-UE kellhom sas-27 ta' Novembru 2016 biex jadottaw miżuri sabiex jitnaqqas il-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief kif meħtieġ bid-Direttiva dwar il-Basktijiet tal-Plastik, bl-għan li jindirizzaw il-ħela tar-riżorsi u l-iskart. Id-Direttiva tobbliga lill-Istati Membri jiksbu dan billi l-basktijiet tal-plastik ħfief ma jibqgħux mingħajr ħlas, u/jew billi jiġu introdotti miri nazzjonali ta' tnaqqis. Il-gvernijiet nazzjonali jistgħu jagħżlu minn lista ta' miżuri biex jilħqu l-għanijiet maqbula b'mod komuni. Dawn jinkludu strumenti ekonomiċi, bħat-tariffi jew bħall-imposti. Għażla oħra hija l-introduzzjoni ta' miri nazzjonali ta' tnaqqis: l-Istati Membri jridu jiżguraw li sa tmiem l-2019 kull persuna tikkonsma mhux iktar minn 90 minn dawn il-basktijiet fis-sena. Sal-aħħar tal-2025, dak in-numru għandu jonqos għal mhux iktar minn 40 basket għal kull persuna. L-għan taż-żewġ għażliet jista' jintlaħaq permezz ta' miżuri obbligatorji jew permezz ta' ftehimiet mas-setturi ekonomiċi. Huwa possibbli wkoll li l-basktijiet tal-plastik jiġu pprojbiti diment li dawk il-projbizzjonijiet ma jmorrux lil hinn mil-limiti stabbiliti bid-Direttiva sabiex jiġi kkonservat il-moviment liberu tal-oġġetti fis-Suq Uniku Ewropew. Il-Kummissjoni tivverifika bħala kwistjoni ta' prijorità jekk l-Istati Membri jkunux issodisfaw l-obbligu li jittrasponu din id-Direttiva. Illum, il-Kummissjoni qed tibgħat opinjoni motivata lill-Kroazja u lir-Rumanija talli baqgħu ma nnotifikawx lill-Kummissjoni bil-miżuri tagħhom. Issa dawn l-Istati Membri għandhom xahrejn biex iwieġbu għal din l-opinjoni motivata. Fin-nuqqas ta' risposta sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq lil dawn l-Istati Membri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Il-kwalità tal-arja: Il-Kummissjoni tistieden lir-RUMANIJA tikkomunika l-miżuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-fwar tal-petrol

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lir-Rumanija talli ma kkomunikatx il-miżuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-fwar tal-petrol skont ir-regoli tal-UE dwar il-kwalità tal-arja (id-Direttiva tal-Kummissjoni 2014/99/UE). Din id-Direttiva hija strument essenzjali biex is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent jiġu protetti billi tiġi limitata l-emissjoni ta' komposti organiċi volatili mill-petrol fl-arja. L-Istati Membri kellhom jittrasponu emenda għad-Direttiva sat-13 ta' Marzu 2016. Ir-Rumanija għadha ma nnotifikatx l-istrumenti legali għall-promulgazzjoni ta' dispożizzjonijiet dwar l-ittestjar ta' sistemi tal-irkupru tal-fwar tal-petrol fil-liġi nazzjonali. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tibgħat opinjoni motivata u qed tagħti xahrejn lill-awtoritajiet Rumeni biex iwieġbu. Fin-nuqqas ta' risposta sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq lir-Rumanija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

L-ilma: Il-Kummissjoni tħeġġeġ lil SPANJA tikkonforma mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ilma

Il-Kummissjoni titlob lil Spanja tikkonforma mat-tieni rawnd tal-Pjanijiet ta' Mmaniġġjar tal-Baċir tax-Xmara (l-RBMP) skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (id-Direttiva 2000/60/KE). Dawn il-Pjanijiet jagħtu ħarsa ġenerali komprensiva fuq il-kwistjonijiet prinċipali għal kull distrett tal-baċir tax-xmara u għandhom jinkludu l-miżuri speċifiċi meħtieġa biex jiġu stabbiliti l-għanijiet tal-kwalità ambjentali. Sa issa, Spanja għadha ma adottatx u ma ppubblikatx ir-rieżami u l-aġġornament tal-ewwel Pjanijiet ta' Mmaniġġjar tal-Baċir tax-Xmara, u lanqas ma kkomunikathom lill-Kummissjoni, minkejja l-iskadenza tat-22 ta' Ottubru 2015 għas-seba' Distretti tal-Baċir tax-Xmara fil-Gżejjer Kanarji. Barra minn hekk, it-tagħrif pubbliku u l-konsultazzjonijiet fuq dawn l-abbozzi ta' Pjanijiet għadhom ma ġewx konklużi. F'April 2017 intbagħtet ittra ta' intimazzjoni. Ladarba Spanja ma kkonformatx mal-obbligi stabbiliti fid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, issa l-Kummissjoni qed tibgħat opinjoni motivata lil Spanja, qabel ma eventwalment tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Spanja għandha xahrejn biex twieġeb.

 

Ittri ta' intimazzjoni u opinjonijiet motivati

L-istorbju: Il-Kummissjoni tħeġġeġ lil ĊIPRU, lill-ĠERMANJA, lir-RUMANIJA u lis-SLOVENJA jadottaw mapep tal-istorbju u pjanijiet ta' azzjoni dwar l-istorbju ambjentali

Il-Kummissjoni Ewropea tistieden lil Ċipru, lill-Ġermanja, lir-Rumanija u lis-Slovenja jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva dwar l-Istorbju (id-Direttiva 2002/49/KE). L-istorbju ambjentali – ikkawżat mit-traffiku fit-toroq, ferrovjarju u fl-ajruporti – huwa t-tieni kawża prinċipali ta' mwiet prematuri wara t-tniġġis tal-arja. Id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jadottaw mapep tal-istorbju li juru l-esponiment għall-istorbju fl-agglomerazzjonijiet il-kbar, flimkien mal-linji ferrovjarji u mat-toroq prinċipali u mal-ajruporti maġġuri. Imbagħad dawn il-mapep iservu bħala bażi għad-definizzjoni ta' miżuri fi pjanijiet ta' azzjoni dwar l-istorbju. Fir-rigward tal-Ġermanja, għad iridu jitħejjew bosta pjanijiet ta' azzjoni għall-agglomerazzjonijiet, għat-toroq u għall-ajruporti maġġuri, minkejja l-progress li sar minn Settembru 2016 'il hawn. Fir-rigward tas-Slovenja, minn Settembru 2016 'il hawn, il-Kummissjoni hija tal-fehma li ma sarx biżżejjed progress. Għad ma hemmx pjanijiet ta' azzjoni għal żewġ agglomerazzjonijiet kif ukoll għall-biċċa l-kbira tat-toroq u tal-linji ferrovjarji maġġuri, u l-pjan ta' azzjoni antikwat għat-toroq u għal-linji ferrovjarji maġġuri 'il barra mill-agglomerazzjoni ta' Ljubljana ma ġiex irrevedut. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Ġermanja u lis-Slovenja. Issa dawn għandhom xahrejn biex iwieġbu. Barra minn hekk, Ċipru u r-Rumanija għadhom ma adottawx il-mapep tal-istorbju u l-pjanijiet ta' azzjoni kollha dwar l-istorbju għall-agglomerazzjonijiet u għat-toroq maġġuri. Fil-każ tar-Rumanija – anke għal-linji ferrovjarji maġġuri 'l barra mill-agglomerazzjonijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil Ċipru u lir-Rumanija, li biha titlobhom jikkonformaw mal-obbligi ewlenin tad-Direttiva dwar l-Istorbju fi żmien xahrejn.

L-ilma mormi: Il-Kummissjoni tistieden lil FRANZA, lil MALTA u lil SPANJA jiżguraw li l-ilma urban mormi jiġi ttrattat b'mod adegwat

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil Franza u lil Spanja, u opinjoni motivata lil Malta, talli ma implimentawx għalkollox id-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi (id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE). Din tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-agglomerazzjonijiet (l-irħula, il-bliet, l-insedjamenti) jiġbru u jittrattaw l-ilma urban mormi kif suppost. Wara l-aħħar rapport ta' implimentazzjoni li rċeviet, il-Kummissjoni tqis li Franza qed tikser ir-rekwiżiti tad-Direttiva minħabba n-nonkonformità ta' 373 agglomerazzjoni mar-rekwiżiti ta' trattament sekondarju tad-Direttiva. Barra minn hekk, 49 minn dawn l-agglomerazzjonijiet suppost kellhom jinstallaw/iwettqu trattament terzjarju (fiż-żoni sensittivi). Fir-rigward ta' Spanja, il-valutazzjoni turi li minbarra l-għadd kbir ta' agglomerazzjonijiet li ma kkonformawx mal-obbligi tad-Direttiva f'erba' proċeduri oħra ta' ksur li għadhom għaddejjin fir-rigward tal-Ilma Urban Mormi, għadd sinifikanti ħafna ta' agglomerazzjonijiet saħansitra mhux qed jikkonformaw mal-obbligi ewlenin tad-Direttiva dwar il-ġbir, it-trattament u l-monitoraġġ. Fir-rigward ta' Malta, il-Kummissjoni tistieden lill-awtoritajiet Maltin jiżguraw li jkun hemm trattament adegwat tal-ilma urban mormi fi tliet agglomerazzjonijiet tal-Gżejjer Maltin (il-gżira prinċipali ta' Għawdex, in-Nofsinhar ta' Malta u t-Tramuntana ta' Malta). Peress li għad hemm problemi bil-kwalità tal-iskariki tal-ilma mormi, il-Kummissjoni Ewropea bagħtet ittra ta' intimazzjoni f'Diċembru 2016. Skont it-tweġiba ta' Malta, l-awtoritajiet qed jaħdmu biex tinstab soluzzjoni iżda mhuwiex mistenni li l-konformità se tinkiseb fil-futur qarib. Issa Franza, Malta u Spanja għandhom xahrejn biex iwieġbu.

 

Ittri ta' intimazzjoni

Ir-responsabbiltà għall-ħsara ambjentali: Il-Kummissjoni tistieden lill-AWSTRIJA tikkonforma għalkollox mar-regoli tal-UE

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Awstrija tallinja l-leġiżlazzjoni tagħha f'konformità mad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Ħsara Ambjentali (id-Direttiva 2004/35/KE). Id-Direttiva tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-operaturi għad-danni kkawżati lill-ambjent u tirrikjedi li jipprevjenu u jirrimedjaw għal danni bħal dawn fir-rigward tal-bijodiversità, tal-ilma jew tal-art għas-spejjeż tagħhom. Il-Kummissjoni identifikat għadd ta' dispożizzjonijiet ta' nonkonformità fil-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni Awstrijaka. Peress li dawn il-kwistjonijiet ma ġewx solvuti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Awstrija. L-awtoritajiet Awstrijaki issa għandhom xahrejn biex iwieġbu.

Is-Suq Uniku u l-Injam: Il-Kummissjoni titlob lill-BELĠJU jikkonforma mar-regoli tal-UE dwar l-injam

Il-Kummissjoni sabet li meta kwantitajiet importanti ta' injam kienu qed jitqiegħdu fis-suq tal-UE, il-Belġju ma rnexxilux iwettaq għadd sinifikanti ta' verifiki minn mindu r-Regolament tal-UE dwar l-Injam (ir-Regolament (UE) Nru 995/2010) daħal fis-seħħ fl-2013. Ir-Regolament jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-UE ta' injam maħsud b'mod illegali u ta' prodotti li jkunu ġejjin minn injam bħal dan, u b'hekk jikkontribwixxi għall-konservazzjoni tal-bijodiversità u tal-foresti madwar id-dinja. Huwa kruċjali wkoll biex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fl-UE. Għal dak l-għan, jirrikjedi li dawk li jqiegħdu l-injam fis-suq intern tal-UE għandhom jidentifikaw ir-riskji kkaġunati mill-ħsad illegali u jieħdu miżuri biex itaffu dawk ir-riskji. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tqajjem il-kwistjoni mal-awtoritajiet Belġjani billi tibgħat ittra ta' intimazzjoni. Il-Belġju għandu xahrejn biex iwieġeb.

In-nitrati: Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-GREĊJA tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti ta-Ġustizzja

Il-Kummissjoni tistieden lill-Greċja tikkonforma għalkollox mas-sentenza (C-149/14) mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE fit-23 ta' April 2015. F'din is-sentenza, il-Qorti sabet li l-Greċja ma kkonformatx mal-obbligi tagħha skont id-Direttiva dwar in-Nitrati (id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE) peress li ma stabbilietx biżżejjed żoni vulnerabbli kif ukoll programmi ta' azzjoni għal dawk iż-żoni. Minkejja xi progress li sar minn mindu ngħatat is-sentenza, il-Greċja għadha ma stabbiliet l-ebda programm ta' azzjoni għaż-żoni vulnerabbli l-ġodda li ġew iddeżinjati. B'hekk, dawn ma jistgħux jilħqu l-għanijiet li ġew iddeżinjati biex jilħqu, jiġifieri l-protezzjoni tal-korpi tal-ilma mit-tniġġis ikkawżat min-nitrati. Peress li għaddew sentejn minn mindu ngħatat is-sentenza, issa l-Kummissjoni qed tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Greċja qabel ma terġa' tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u titlob li jiġu imposti sanzjonijiet finanzjarji. Issa l-Greċja għandha xahrejn biex twieġeb.

L-arja: Il-Kummissjoni tistieden lil-LUSSEMBURGU u lis-SLOVAKKJA jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kwalità tal-arja ambjentali

Il-Kummissjoni qed tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil-Lussemburgu u lis-Slovakkja dwar it-tniġġis tal-arja mill-NO2. Ir-regoli tal-UE dwar il-kwalità tal-arja ambjentali (id-Direttiva 2008/50/KE) u dwar arja iktar nadifa għall-Ewropa jirrikjedu li l-Istati Membri jivvalutaw il-kwalità tal-arja fit-territorju kollu tagħhom u jieħdu miżuri biex jillimitaw l-esponiment taċ-ċittadini għal sustanzi niġġiesa. Mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 'l hawn, il-Lussemburgu ma kienx kapaċi jiżgura konformità mal-valuri limitu vinkolanti għall-NO2 fil-Belt tal-Lussemburgu. Is-Slovakkja ma rnexxilhiex tiżgura għadd u tip ta' punti ta' kampjunar xierqa, u tipprovdi dejta valida biżżejjed. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil-Lussemburgu u lis-Slovakkja. Iż-żewġ pajjiżi għandhom xahrejn biex iwieġbu.

Il-protezzjoni tan-natura: Il-Kummissjoni tħeġġeġ lis-SLOVENJA tippromulga r-regoli tal-UE dwar in-natura kif suppost

Il-Kummissjoni qed tibgħat ittra ta' intimazzjoni lis-Slovenja peress li ma ttrasponietx b'mod korrett il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura. Id-Direttivi dwar l-Għasafar (id-Direttiva 2009/147/KE) u dwar il-Ħabitats (id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE) jgħinu biex tinżamm il-bijodiversità, biex jiġu protetti l-500 speċi ta' għasafar selvaġġi li jokkorru b'mod naturali fl-UE u biex tiġi kkonservata firxa wiesgħa ta' speċijiet rari, mhedda jew endemiċi tal-annimali u tal-pjanti. Is-Slovenja għandha xahrejn biex twieġeb l-ittra ta' intimazzjoni.

L-iskart: Il-Kummissjoni tistieden lil SPANJA tnaddaf il-miżbliet illegali tagħha

Il-Kummissjoni Ewropea tħeġġeġ lil Spanja tieħu azzjoni li twassal għall-għeluq, għall-issiġillar u għar-riġenerazzjoni tal-miżbliet kollha li għad fadal ta' skart inerti kif meħtieġ skont id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart (id-Direttiva 2008/98/KE). Dawn il-miżbliet huma ta' periklu għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Spanja ma wettqitx id-dmirijiet ta' skrutinju, ta' spezzjoni u ta' infurzar fir-rigward tar-rimi tal-iskart u ma adottatx miżuri biex tiżgura li l-produtturi jew id-detenturi inizjali tal-iskart iwettqu t-trattament meħtieġ. Dan jikkostitwixxi ksur sistemiku tal-obbligi skont l-Artikoli 13 u 15 tad-Direttiva. Wara l-ewwel ittra, li ntbagħtet lil Spanja f'Diċembru 2015, ma ttiħdux miżuri deċiżivi. Hemm evidenza fattwali li għad hemm minn tal-inqas 338 sit mhux ikkontrollat li għad iridu jingħalqu jew jiġu ttrattati. Issa l-Kummissjoni qed tibgħat ittra addizzjonali ta' intimazzjoni u Spanja għandha xahrejn biex twieġeb.

 

5. L-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali

(Għal iżjed tagħrif: Vanessa Mock – tel.: +32 229 56194, Letizia Lupini – tel.: +32 229 51958)

 

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

L-awditjar: Il-Kummissjoni tressaq lis-SLOVENJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talli ma ppromulgatx għalkollox ir-regoli tal-UE dwar l-awditjar

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lis-Slovenja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE talli ma nnotifikatx il-miżuri għall-implimentazzjoni sħiħa tar-regoli tal-UE dwar l-awditjar fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħha. L-implimentazzjoni f'waqtha u korretta tad-Direttiva dwar l-Awditjar (id-Direttiva 2014/56/UE) hija pass importanti biex tiġi rrinforzata u msaħħa l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-awditjar statutorju, peress li tindirizza għadd ta' nuqqasijiet li ġew osservati fis-suq tal-awditjar matul l-aħħar kriżi. Il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li huma meħtieġa biex jikkonformaw mad-Direttiva kellhom jidħlu fis-seħħ sas-17 ta' Ġunju 2016 u l-Kummissjoni kellha tiġi mgħarrfa minnufih. Minħabba li s-Slovenja ma implimentatx id-Direttiva, attwalment il-partijiet ikkonċernati, bħall-investituri u bħall-azzjonisti, mhux qed jibbenefikaw mir-regoli l-ġodda li jtejbu b'mod konsiderevoli l-kwalità tal-awditjar. Dan għandu wkoll effett detrimentali fuq il-funzjonament ordnat tas-swieq nazzjonali u tal-UE. Barra minn hekk, hemm tħassib dwar l-affidabbiltà u l-kredibbiltà tal-qafas nazzjonali tas-Slovenja peress li ma ġewx implimentati r-rekwiżiti mtejba għall-indipendenza u għall-oġġettività li jinsabu fid-Direttiva. Għal iżjed tagħrif, jekk jogħġbok irreferi għall-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

Il-kontijiet ta' pagament: Il-Kummissjoni tressaq lil SPANJA quddiem il-Qorti talli ma implimentatx ir-regoli dwar il-kontijiet ta' pagament

Il-Kummissjoni Ewropea llum iddeċidiet li tressaq lil Spanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE talli ma nnotifikatx il-miżuri għall-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva tal-UE dwar il-Kontijiet ta' Pagament (id-Direttiva 2014/92/UE). Ir-regoli tal-UE dwar il-kontijiet ta' pagament huma essenzjali biex jiżguraw li l-konsumaturi jibbenefikaw minn kontijiet trasparenti ta' pagament f'suq kompetittiv u inklużiv. Id-Direttiva tagħti lir-residenti legali kollha tal-UE d-dritt għal kont bażiku ta' pagament għal tariffa raġonevoli, irrispettivament mill-post tar-residenza tagħhom. Barra minn hekk, ittejjeb it-trasparenza tat-tariffi tal-kontijiet ta' pagament u tagħmilha iktar faċli biex wieħed iqabbel u jibdel. Il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li huma meħtieġa biex jikkonformaw mad-Direttiva kellhom jidħlu fis-seħħ sat-18 ta' Settembru 2016 u l-Kummissjoni kellha tiġi mgħarrfa minnufih. Madankollu, sal-lum Spanja ma ttrasponietx din id-Direttiva fil-liġi nazzjonali; għalhekk il-Kummissjoni qed tressaq lil Spanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Għal iżjed tagħrif, jekk jogħġbok irreferi għall-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

 

Ittra ta' intimazzjoni

Is-servizzi finanzjarji: Il-Kummissjoni titlob lil FRANZA timplimenta r-regoli tal-UE fil-qasam tal-assigurazzjoni

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil Franza, li biha titlobha tippromulga għalkollox id-Direttivi dwar is-Solvibbiltà II (id-Direttiva 2009/138/KE) u dwar l-Omnibus II (id-Direttiva 2014/51/UE). Jekk Franza ma tiħux azzjoni fix-xahrejn li ġejjin, il-Kummissjoni tista' tibgħatilha opinjoni motivata dwar din il-kwistjoni.

 

6. Is-Suq Intern, l-Industrija, l-Imprenditorija u l-SMEs

(Għal iżjed tagħrif: Lucia Caudet – tel.: +32 229 56182, Maud Noyon – tel.: +32 229 80379)

 

Opinjonijiet motivati

L-Ungerija: Il-Kummissjoni tistieden lill-UNGERIJA tipprovdi kjarifiki addizzjonali fir-rigward tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Għolja

Illum il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata komplementari lill-Ungerija minħabba l-Liġi Ungeriża dwar l-Edukazzjoni Għolja. Din issegwi l-opinjoni motivata tal-14 ta' Lulju u l-ittra ta' intimazzjoni li ntbagħtet fis-26 ta' April. Fl-opinjoni motivata tagħha, il-Kummissjoni saħqet li l-Liġi Ungeriża mhix kompatibbli mal-libertà tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li jipprovdu s-servizzi u li jistabbilixxu ruħhom fejn iridu fl-UE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni temmen li l-leġiżlazzjoni l-ġdida tmur kontra d-dritt tal-libertà akkademika, id-dritt għall-edukazzjoni u l-libertà ta' impriża, kif stabbilit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni temmen li din il-liġi mhix kompatibbli mal-obbligi ġuridiċi tal-UE skont il-liġi kummerċjali internazzjonali (il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi, il-GATS, fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, id-WTO). L-Ungerija wieġbet lill-Kummissjoni fl-14 ta' Awwissu. L-opinjoni motivata komplementari li ntbagħtet illum tipprovdi kjarifiki ulterjuri dwar it-tħassib tal-Kummissjoni fir-rigward tan-nuqqas ta' kompatibbiltà tal-Att dwar l-Edukazzjoni Għolja mal-obbligi tal-UE skont il-GATS. Peress li l-awtoritajiet Ungeriżi ilhom jafu bl-analiżi ddettaljata tal-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet tal-GATS minn mindu nħarġet l-opinjoni motivata f'Lulju 2017, l-Ungerija għandha ġimagħtejn biex tipprovdi l-kjarifiki addizzjonali. Jekk l-Ungerija ma tweġibx b'mod sodisfaċenti għall-opinjoni motivata, il-Kummissjoni tista' tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Il-ħlasijiet tard: Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-PORTUGALL jikkonforma mar-regoli tal-UE

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tieħu t-tieni pass fil-proċedura tagħha ta' ksur kontra l-Portugall dwar il-konformità tiegħu mad-Direttiva dwar il-Ħlas Tard (id-Direttiva 2011/7/UE) billi tibgħat opinjoni motivata. Id-Direttiva tistabbilixxi li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom iħallsu għall-oġġetti u għas-servizzi li jakkwistaw fi żmien 30 jum jew, f'ċirkostanzi tassew ta' eċċezzjoni, fi żmien 60 jum. Skont it-tagħrif li għandha l-Kummissjoni, l-awtoritajiet pubbliċi Portugiżi, bħala medja, iħallsu fi żmien 90-100 jum. Is-sitwazzjoni hija kritika fis-settur tas-saħħa, b'perjodi medji ta' ħlas li jaqbżu t-300 jum. F'April 2017, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Portugall minħabba applikazzjoni ħażina tad-Direttiva 2011/7/UE. L-awtoritajiet Portugiżi wieġbu f'Ġunju 2017. Huwa mistenni li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jaqdu rwol partikolarment importanti biex jiskoraġġixxu kultura ta' ħlasijiet tard billi jkunu ta' eżempju u jħallsu lill-fornituri tagħhom fil-pront u b'mod trasparenti. Il-ħlasijiet tard għandhom impatt negattiv fuq in-negozji, b'mod partikolari l-SMEs, peress li jaffettwaw il-likwidità tagħhom u l-fluss ta' flushom, filwaqt li jikkomplikaw il-ġestjoni finanzjarja tagħhom u b'hekk ixekklu t-tkabbir. Id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard issaħħaħ id-drittijiet tal-kredituri billi ddaħħal fis-seħħ limiti ta' żmien għal ħlasijiet min-negozji u mill-awtoritajiet pubbliċi għal oġġetti jew għal servizzi u meta dawn l-iskadenzi ta' ħlas ma jiġux issodisfati, in-negozji jkunu intitolati għal kumpens ġust. Il-Portugall għandu xahrejn biex iwieġeb għall-punti ta' tħassib li qajmet il-Kummissjoni. Jekk ma tirċevix tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq lill-Portugall quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

 

Ittra ta' intimazzjoni

L-akkwist pubbliku: Il-Kummissjoni tħeġġeġ lil-LATVJA tirrispetta r-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku

Il-Kummissjoni llum iddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil-Latvja, fir-rigward tal-akkwist pubbliku ta' prodotti għall-organizzazzjoni tat-traffiku, bħad-dwal tat-traffiku jew bħall-apparati ta' kontroll. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li peress li qed titlob trademarks u ditti speċifiċi ta' prodotti fid-dokumentazzjoni tal-offerti, il-Latvja kisret il-prinċipji ta' nondiskriminazzjoni u ta' trattament ugwali stipulati fir-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku (id-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE). Il-Latvja għandha xahrejn biex tikkonforma ma' dan l-obbligu; inkella l-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

 

7. Il-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

(Għal iżjed tagħrif: Christian Wigand – tel.: +32 229 62253, Melanie Voin – tel.: +32 229 58659,

Tim McPhie – tel.: +32 229 58602)

 

Opinjonijiet motivati

Il-Kummissjoni Ewropea se tintensifika l-proċedura ta' ksur kontra l-UNGERIJA minħabba l-Liġi dwar l-NGOs

Illum il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata – it-tieni pass fil-proċedura ta' ksur – għall-Ungerija minħabba l-Liġi tagħha dwar l-NGOs iffinanzjati minn barra l-pajjiż. L-opinjoni motivata tal-Kummissjoni minħabba l-Liġi Ungeriża dwar l-NGOs issegwi l-ittra ta' intimazzjoni li ntbagħtet mill-Kummissjoni fl-14 ta' Lulju. Il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li tibda l-proċedimenti ġuridiċi kontra l-Ungerija talli ma kkonformatx mal-obbligi tagħha skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, minħabba d-dispożizzjonijiet fil-Liġi dwar l-NGOs li jiddiskriminaw b'mod indirett u jirrestrinġu b'mod sproporzjonat id-donazzjonijiet minn barra l-pajjiż lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Minbarra dan it-tħassib, il-Kummissjoni hija tal-fehma wkoll li l-Ungerija qed tikser id-dritt tal-libertà ta' assoċjazzjoni u d-dritt ta' protezzjoni tal-ħajja privata u tad-dejta personali li jinsabu fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li tiġi interpretata flimkien mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati tal-UE. L-Ungerija wieġbet għall-ittra ta' intimazzjoni tal-Kummissjoni fl-14 ta' Awwissu. Wara li analizzat bir-reqqa l-ispjegazzjonijiet li ressqet l-Ungerija, il-Kummissjoni Ewropea qed tikkonkludi li t-tħassib serju tagħha ma ġiex indirizzat. Issa l-Ungerija għandha xahar biex tieħu l-miżuri meħtieġa biex tikkonforma mal-opinjoni motivata. Jekk l-Ungerija ma tweġibx b'mod sodisfaċenti għall-opinjoni motivata, il-Kummissjoni tista' tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Għal iżjed tagħrif, jekk jogħġbok irreferi għall-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

Il-Kummissjoni tistieden lill-IRLANDA timplimenta d-Direttiva tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Vittmi

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Irlanda timplimenta d-Direttiva tal-UE li tistabbilixxi standards minimi għad-drittijiet, għall-appoġġ u għall-protezzjoni tal-vittmi ta' reati (id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi, id-Direttiva 2012/29/UE). Din id-Direttiva tipprovdi drittijiet ċari ta' aċċess għall-informazzjoni għall-vittmi ta' reati, biex jipparteċipaw fi proċedimenti kriminali u biex jirċievu appoġġ u protezzjoni skont il-ħtiġijiet individwali tagħhom. Din tistabbilixxi li l-vittmi kollha ta' reati u l-membri tal-familja tagħhom jiġu rikonoxxuti u ttrattati b'mod rispettuż, sensittiv u professjonali. Barra minn hekk, id-Direttiva tiżgura li jiġu identifikati l-vittmi vulnerabbli bħall-vittmi ta' stupru, ta' terroriżmu, ta' reati ta' mibegħda, jew kull vittma oħra li tkun iktar vulnerabbli minħabba r-riskji ta' iktar ħsara. Jekk dan ikun il-każ, irid ikun hemm miżuri ta' protezzjoni speċjali fis-seħħ biex il-vittmi jkunu protetti matul il-proċedimenti u minn kwalunkwe theddida possibbli mill-awtur tar-reat. Il-protezzjoni tat-tfal tingħata attenzjoni speċjali. Ir-regoli tal-UE japplikaw għall-vittmi kollha ta' reati fl-UE, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom. Id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sas-16 ta' Novembru 2015. Madankollu, sal-lum l-Irlanda għadha ma nnotifikatx lill-Kummissjoni Ewropea b'xi regoli nazzjonali li jimplimentaw din il-liġi tal-UE. B'riżultat ta' dan, il-Kummissjoni qed tistieden lill-awtoritajiet Irlandiżi jieħdu azzjoni u ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata. Jekk l-awtoritajiet Irlandiżi ma jeħdux azzjoni fi żmien xahrejn, il-każ jista' jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

 

Ittri ta' intimazzjoni

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-AWSTRIJA u lid-DANIMARKA jimplimentaw b'mod korrett id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur

Il-Kummissjoni qed tħeġġeġ lill-Awstrija u lid-Danimarka jieħdu azzjoni malajr biex jiżguraw li d-Direttiva tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur (id-Direttiva 2011/83/UE) qed tiġi implimentata b'mod korrett. B'din id-Direttiva, il-konsumaturi fl-UE jibbenefikaw mill-istess regoli b'saħħithom tal-konsumatur irrispettivament minn fejn ikunu qed jixtru fl-UE. Xi benefiċċji maġġuri jinkludu d-dritt li jirritornaw oġġett u d-dritt għal rifużjoni sħiħa jekk il-konsumaturi jerġa' jibdielhom fi żmien 14-il jum, projbizzjoni fuq it-tariffi moħbija u fuq il-kaxxi mmarkati minn qabel fix-xiri bl-internet. Issa d-Danimarka għandha, fost affarijiet oħra, tiżgura li jkollha penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fis-seħħ għal każijiet meta l-kummerċjanti jiksru r-regoli dwar id-drittijiet tal-konsumatur. Dawn għandhom jiċċaraw li, meta oġġetti mhux mitluba jintbagħtu lill-konsumaturi, jekk dawn ma jirreaġixxux, dan ma jfissirx li qed jagħtu l-kunsens tagħhom biex jixtru l-prodott. L-Awstrija introduċiet penali li jidher li mhumiex disswasivi biżżejjed u li ma jkoprux kull ksur tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur. L-Awstrija għandha tippermetti wkoll lill-konsumaturi, f'każ ta' kunsinna tard, jikkanċellaw l-ordni sħiħa tagħhom, anke jekk ikunu xtraw prodotti multipli f'ordni waħda. Il-Kummissjoni qed tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Awstrija u lid-Danimarka biex jallinjaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom mad-Direttiva tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur. Jekk iż-żewġ Stati Membri ma jeħdux azzjoni fix-xahrejn li ġejjin, il-Kummissjoni tista' tibagħtilhom opinjoni motivata dwar din il-kwistjoni.

 

8. L-Affarijiet Marittimi u s-Sajd

(Għal iżjed tagħrif: Enrico Brivio – tel.: +32 229 56172, Iris Petsa – tel.: +32 229 93321)

 

Ittra ta' intimazzjoni

Is-sajd: Il-Kummissjoni titlob lill-PORTUGALL jieħu azzjoni kontra s-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat

Il-Kummissjoni qed tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Portugall dwar in-nuqqas ta' azzjoni fir-rigward tal-prevenzjoni, tal-ħolqien ta' deterrent u fl-eliminazzjoni tas-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat minn xi wħud mill-bastimenti tiegħu fl-ilmijiet li huma taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (in-NAFO). Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Portugall ma kkonformax mal-obbligi tiegħu ta' infurzar tar-regoli tal-UE: dwar il-miżuri ta' konservazzjoni u ta' infurzar skont il-Kummissjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1386/2007), ir-Regolament jistabbilixxi sistema Komunitarja għall-prevenzjoni, għall-ħolqien ta' deterrent u għall-eliminazzjoni tas-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008). Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Portugall qed jikser ukoll ir-regoli tar-Regolament dwar il-Kontroll li għandu l-għan li jiżgura l-konformità mal-Politika Komuni tas-Sajd (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009). Jekk il-Portugall ma jiħux azzjoni fix-xahrejn li ġejjin, il-Kummissjoni tista' tibgħat opinjoni motivata dwar din il-kwistjoni lill-awtoritajiet Portugiżi.

 

9. Il-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza

(Għal iżjed tagħrif: Tove Ernst – tel.: +32 229 86764, Katarzyna Kolanko – tel.: +32 229 63444, Markus Lammert – tel.: +32 229 80423)

 

Opinjonijiet motivati

Is-sigurtà: Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-GREĊJA timplimenta għalkollox id-Deċiżjonijiet ta' Prüm

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Greċja talli ma implimentatx għalkollox id-Deċiżjonijiet ta' Prüm (id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/615/ĠAI u 2008/616/ĠAI). Id-Deċiżjonijiet ta' Prüm huma element importanti tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà u bis-saħħa tagħhom l-Istati Membri jkunu jistgħu jiskambjaw malajr it-tagħrif dwar id-DNA, il-marki tas-swaba' u d-dejta tar-reġistrazzjoni nazzjonali tal-vetturi. F'Settembru 2016 intbagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-awtoritajiet Griegi. Minn dak iż-żmien 'il hawn, il-Greċja implimentat għalkollox il-miżuri meħtieġa fir-rigward tal-iskambju ta' tagħrif dwar id-DNA u l-marki tas-swaba'. Madankollu, s'issa għadha ma tlestiet l-ebda proċedura ta' evalwazzjoni fir-rigward tal-iskambju ta' tagħrif dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi. Illum il-Kummissjoni talbet lill-Greċja tiffinalizza malajr il-proċess biex tikkonforma għalkollox mal-obbligi ġuridiċi tagħha. Issa l-Greċja għandha xahrejn biex twieġeb u wara dan il-perjodu l-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Is-sigurtà – Il-Kummissjoni titlob lil-LUSSEMBURGU jimplimenta għalkollox l-iskambju ta' tagħrif u ta' intelligence bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi

Illum il-Kummissjoni Ewropea bagħtet opinjoni motivata lil-Lussemburgu talli ma kkomunikax il-miżuri nazzjonali li ttieħdu biex tiġi implimentata l-“Inizjattiva Żvediża” (id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI). L-Inizjattiva tippermetti li jkun hemm kondiviżjoni iktar effettiva tat-tagħrif u tal-intelligence bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri meta jkunu qed iwettqu xi investigazzjonijiet kriminali jew xi operazzjonijiet ta' intelligence kriminali. L-Inizjattiva ġiet adottata mill-Kunsill fit-18 ta' Diċembru 2006 u kellha tiġi implimentata mill-Istati Membri sad-19 ta' Diċembru 2008. Il-Lussemburgu rċieva ittra ta' intimazzjoni f'Novembru 2016, iżda xorta għadu ma għarrafx lill-Kummissjoni li ttieħdet xi miżura ta' implimentazzjoni. Issa l-Lussemburgu għandu xahrejn biex jinnotifika lill-Kummissjoni bil-miżuri li jkunu ttieħdu sabiex jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-Inizjattiva; inkella l-Kummissjoni tista' tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

 

Opinjonijiet motivati u għeluq

Il-migrazzjoni legali – It-trasferimenti intraażjendali: Il-Kummissjoni titlob lill-BELĠJU, lill-FINLANDJA u lill-IŻVEZJA jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u tagħlaq ħames każijiet

Illum il-Kummissjoni bagħtet opinjonijiet motivati lill-Belġju, lill-Finlandja u lill-Iżvezja minħabba nonkomunikazzjoni (il-Finlandja) u minħabba komunikazzjoni parzjali (il-Belġju u l-Iżvezja) tal-miżuri nazzjonali li ttieħdu biex tiġi implimentata d-Direttiva dwar it-trasferimenti intraażjendali tal-persunal minn barra l-UE. Id-Direttiva dwar it-Trasferimenti Intraażjendali (id-Direttiva 2014/66/UE) ġiet adottata fil-15 ta' Mejju 2014 u kellha tiġi implimentata mill-Istati Membri sad-29 ta' Novembru 2016. Din għandha l-għan li tiffaċilita l-assenjament temporanju ta' impjegati b'ħiliet kbar (il-maniġers, l-ispeċjalisti u t-trainees) ta' kumpaniji multinazzjonali lil kumpaniji sussidjarji li jinsabu fl-UE. Issa l-Belġju, il-Finlandja u l-Iżvezja għandhom xahrejn biex jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri kollha li jkunu ttieħdu sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva, inkella l-Kummissjoni tista' tressaq dawn il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Illum il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li tagħlaq il-proċeduri ta' ksur kontra Ċipru, Franza, il-Latvja, il-Lussemburgu u s-Slovakkja wara li eżaminat in-notifiki dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trasferimenti Intraażjendali minn dawn il-ħames Stati Membri.

 

10. Il-Mobbiltà u t-Trasport

(Għal iżjed tagħrif: Enrico Brivio – tel.: +32 229 56172, Alexis Perier – tel.: +32 229 69143)

 

Ittra ta' intimazzjoni

L-avjazzjoni: Il-Kummissjoni titlob lill-BELĠJU jirrispetta l-prinċipji tal-Ġestjoni tat-traffiku tal-ajru

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Belġju abbażi tan-nuqqas ta' azzjonijiet korrettivi biex tinbena ċellola ta' ġestjoni konġunta tal-ispazju tal-ajru ċivili u militari sabiex jiġu ssodisfati l-prinċipji tal-użu flessibbli tal-ispazju tal-ajru (l-FUA – flexible use of airspace). F'konformità ma' dawn il-prinċipji, l-ispazju tal-ajru ma għadux iddeżinjat bħala spazju tal-ajru purament “ċivili” jew “militari”, iżda huwa kkunsidrat bħala spazju kontinwu u jiġi allokat skont il-ħtiġijiet tal-utenti. L-azzjonijiet korrettivi jiġu maqbula bejn l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (l-EASA) u l-awtorità tal-avjazzjoni tal-Belġju waqt spezzjonijiet standard. Jekk il-Belġju ma jiħux azzjoni fix-xahrejn li ġejjin, il-Kummissjoni tista' tibgħat opinjoni motivata dwar din il-kwistjoni lill-awtoritajiet Belġjani.

 

Opinjonijiet motivati

It-trasport ferrovjarju: Il-Kummissjoni tistieden lill-BULGARIJA tittrasponi għalkollox il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza ferrovjarja

Il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Bulgarija tallinja r-regoli nazzjonali kollha tagħha mad-dritt tal-UE dwar is-sikurezza ferrovjarja (id-Direttiva 2004/49/KE). Din id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu awtorità indipendenti għas-sikurezza u korp indipendenti għall-investigazzjoni tal-aċċidenti u tal-inċidenti. Barra minn hekk, tirrikjedi wkoll li jiġu allokati kompiti u responsabbiltajiet ta' sikurezza lil diversi partijiet ikkonċernati tat-trasport ferrovjarju bl-għan li jiġu żgurat li ma jkunx hemm irdoppjar jew interferenza bejniethom. Madankollu, sal-lum il-Bulgarija ma rnexxilhiex tiżgura l-indipendenza tal-korp investigattiv u tagħtiha biżżejjed riżorsi. Il-Bulgarija ngħatat xahrejn biex tirrimedja din is-sitwazzjoni; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq lill-Bulgarija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Is-sigurtà tal-avjazzjoni: Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-KROAZJA taġġorna l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha

Il-Kummissjoni talbet lill-Kroazja timplimenta għalkollox il-leġiżlazzjoni tal-UE li tistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni (ir-Regolament (KE) Nru 300/2008). Skont dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jaġġornaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni b'mod regolari. Din il-leġiżlazzjoni tiddefinixxi l-istrutturi organizzattivi, ir-responsabbiltajiet u l-mekkaniżmi għall-monitoraġġ tal-attivitajiet fl-ajruporti nazzjonali, fir-rigward tal-linji tal-ajru u fir-rigward ta' entitajiet marbuta mas-sigurtà tal-avjazzjoni. Madankollu, il-Kroazja għadha trid tagħmel dan b'mod formali. Din hija kwistjoni ta' natura amministrattiva li mhijiex marbuta ma' nuqqasijiet fis-sigurtà. Issa l-awtoritajiet Kroati għandhom xahrejn biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni; inkella l-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

It-trasport sostenibbli: Il-Kummissjoni tħeġġeġ lil 9 Stati Membri jittrasponu r-regoli dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi

Il-Kummissjoni talbet lill-Bulgarija, lid-Danimarka, lill-Estonja, lil Franza, lil-Litwanja, lil Malta, lill-Polonja, lir-Rumanija u lill-Iżvezja jittrasponu għalkollox ir-regoli tal-UE dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi (id-Direttiva 2014/94/UE). L-għan prinċipali tad-Direttiva huwa li jiġi stabbilit qafas komuni għall-introduzzjoni fuq skala kbira tal-infrastruttura tal-karburanti alternattivi fl-Ewropa. Dan huwa essenzjali biex titnaqqas id-dipendenza tat-trasport fuq iż-żejt, jittaffa l-impatt ambjentali tiegħu u b'hekk jissaħħaħ ir-rwol ta' tmexxija tal-Ewropa fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-bini ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi, inklużi punti tal-iċċarġjar għall-vetturi li jaħdmu bl-elettriku u punti ta' riforniment għall-vetturi li jaħdmu bil-gass naturali u bl-idroġenu. Din id-Direttiva kellha tiġi implimentata sa mhux iktar tard mit-18 ta' Novembru 2016. Madankollu, dawn l-Istati Membri nnotifikaw lill-Kummissjoni parzjalment biss fir-rigward tal-miżuri li jittrasponu d-Direttiva fil-liġi nazzjonali. Issa d-disa' Stati Membri għandhom xahrejn biex jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dawn il-miżuri; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

 

11. It-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali

(Għal iżjed tagħrif: Vanessa Mock – tel.: +32 229 56194, Patrick Mc Cullough – tel.: +32 229 87183)

Opinjoni motivata

It-tassazzjoni: Il-Kummissjoni titlob lill-BELĠJU jallinja r-regoli nazzjonali dwar it-tassazzjoni fuq id-dħul mill-imgħax mill-bonds mad-dritt tal-UE

Illum il-Kummissjoni qed tibgħat opinjoni motivata lill-Belġju talli kiser ir-regoli tal-UE dwar it-tassazzjoni fuq id-dħul mill-imgħax mill-bonds (l-Artikolu 63 tat-TFUE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, iż-ŻEE). Ir-regoli Belġjani applikati għall-imgħax fuq il-bonds bi dħul fiss ivarjaw skont jekk l-imgħax jiġix minn bonds Belġjani jew minn bonds ta' oriġini barranija. Ir-regoli nazzjonali Belġjani għall-bonds li jkunu rreġistrati fis-sistema Belġjana ta' likwidazzjoni u li jinbiegħu fil-Belġju jqisu l-perjodu ta' parteċipazzjoni ta' dawn il-bonds, jekk ikunu ilhom fil-pussess ta' xi entità għal inqas minn sena fiskali sħiħa. B'kuntrast ma' dan, ir-regoli applikati fuq id-dħul minn bonds ta' oriġini barranija li jkunu rreġistrati fis-sistema Belġjana ta' likwidazzjoni li d-dħul tagħha jiġi riċevut 'il barra mill-Belġju jiġu kkalkolati bħallikieku kienu ilhom fil-pussess ta' xi entità għal sena fiskali sħiħa. Din id-differenza fit-trattament tad-dħul mill-imgħax ixxekkel il-moviment transfruntiera tal-kapital u tmur kontra l-Artikolu 63 tat-TFUE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.

 

Ittri ta' intimazzjoni

It-tassazzjoni: Il-Kummissjoni titlob lill-ĠERMANJA tallinja s-sistema tagħha tar-rifużjoni tal-VAT mar-regoli tal-UE

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Ġermanja talli kisret ir-regoli tal-UE dwar ir-rifużjonijiet tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (il-VAT)(id-Direttiva dwar il-VAT, id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112; u d-Direttiva dwar ir-Rifużjoni – id-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE). Skont ir-regoli nazzjonali, persuna taxxabbli li tkun stabbilita fil-Ġermanja u li tapplika għal rifużjoni tal-VAT minn Stat Membru ieħor permezz ta' portal Ġermaniż tal-internet tista' titlef id-dritt għal rifużjoni; dan għaliex il-Ġermanja ma tagħtix każ il-messaġġi ta' żbalji potenzjali mill-Istat Membru ta' rifużjoni. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Ġermanja qed tikser ukoll ir-regoli dwar il-kooperazzjoni amministrattiva (ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010) f'każijiet li fihom tintalab tinnotifika lill-kontribwenti residenti bir-regoli u bid-deċiżjonijiet rilevanti iżda dan ma tagħmlux. Jekk il-Ġermanja ma tiħux azzjoni fix-xahrejn li ġejjin, il-Kummissjoni tista' tibgħat opinjoni motivata lill-awtoritajiet Ġermaniżi.

It-tassazzjoni: Il-Kummissjoni titlob lill-UNGERIJA tallinja r-rekwiżiti nazzjonali dwar il-VAT mar-regoli tal-UE

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija talli kisret ir-regoli tal-UE dwar il-VAT (id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112). Skont is-Sistema tal-Kummerċ Elettroniku u tal-Kontroll tat-Trasport (EKAER), il-kumpaniji huma obbligati li jipprovdu lill-awtoritajiet Ungeriżi tat-taxxa b'tagħrif dettaljat għal skopijiet ta' VAT fuq ċertu mezzi tat-trasport kummerċjali li jużaw it-toroq pubbliċi. Dan ir-rekwiżit jikser id-Direttiva dwar il-VAT peress li jaffettwa primarjament it-tranżazzjonijiet transfruntiera tal-UE u jintroduċi formalitajiet amministrattivi marbuta mal-qsim tal-fruntieri. Jekk l-Ungerija ma tiħux azzjoni fix-xahrejn li ġejjin, il-Kummissjoni tista' tibgħat opinjoni motivata lill-awtoritajiet Ungeriżi.

 

Għeluq

It-tassazzjoni: Il-Kummissjoni tagħlaq il-proċeduri ta' ksur dwar it-taxxa tas-suċċessjoni u l-legati li jitħallew lil organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ

Il-Kummissjoni Ewropea tilqa' l-emendi li għamlet il-Ġermanja (fir-rigward tar-regoli dwar it-taxxa tas-suċċessjoni għal għotjiet finanzjarji speċjali ta' manteniment) u l-Greċja (fir-rigward tat-trattament tat-taxxa tas-suċċessjoni ta' legati li jitħallew lil organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ u għal residenzi primarji). B'riżultat ta' dan, illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħlaq dawn il-każijiet ta' ksur rispettivi.

MEMO/17/3494

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar