Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

L-Istat tal-Unjoni — Pakkett tad-Demokrazija: Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u l-Finanzjament tal-Partiti Politiċi

Brussell, il-15ta' settembru 2017

1

X'inhi l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej?

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej hija għodda għall-parteċipazzjoni u għat-tfassil tal-aġenda fuq livell tal-UE, li toffri l-possibbiltà lil miljun ċittadin tal-UE biex jistiednu lill-Kummissjoni biex tissottometti proposta leġislattiva. Ir-regoli attwali li jirregolaw l-Inizjattiva taċ-Ċittadini huma bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Lisbona u huma implimentati permezz tar-Regolament dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, li ilu fis-seħħ mill-1 ta' April 2012.

Inizjattiva għandha titnieda minn kumitat magħmul minn tal-anqas seba' ċittadini tal-UE minn mill-anqas seba' Stati Membri differenti. L-organizzaturi għandhom jissottomettu l-inizjattiva proposta tagħhom lill-Kummissjoni sabiex din tiġi rreġistrata. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-ammissibbiltà legali tal-proposta qabel ma tirreġistraha. Il-Kummissjoni ma tanalizzax is-sustanza f'dan l-istadju.

Ladarba inizjattiva tiġi rreġistrata, l-organizzaturi għandhom sena biex jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ. Jekk il-limitu minimu ta' miljun dikjarazzjoni ta' appoġġ minn tal-anqas seba' Stati Membri jintlaħaq, l-organizzaturi jistgħu jissottomettu l-inizjattiva ta' suċċess tagħhom lill-Kummissjoni. L-organizzaturi huma mistiedna jiltaqgħu mal-Kummissjoni u jipparteċipaw f'seduta ta' smigħ pubblika fil-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi fi żmien tliet xhur jekk issegwix it-talba jew le, u fiż-żewġ istanzi, hija mitluba tispjega għaliex ­ f'Komunikazzjoni tal-Kummissjoni.

X'inkiseb tul l-ewwel ħames snin tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej?

Minn April 2012, ġew irreġistrati 47 inizjattiva u huwa stmat li nġabru tmien miljun dikjarazzjoni ta' appoġġ mill-organizzaturi. Tliet Inizjattivi laħqu l-limitu minimu ta' miljun firma. Hemm ir-raba' Inizjattiva li wkoll laħqet dan il-limitu minimu u l-firem bħalissa qed jiġu verifikati qabel ma din tiġi sottomessa. Il-Kummissjoni qed tieħu azzjoni fuq tnejn mit-tliet inizjattivi ta' suċċess – “Right2Water” u “Stop Vivisection”.

Kif appoġġjat l-Inizjattivi taċ-Ċittadini l-Kummissjoni?

Il-Kummissjoni ħadet għadd ta' passi prattiċi, fi ħdan il-limiti tar-Regolament kurrenti, sabiex tappoġġja l-organizzaturi ta' Inizjattivi. Il-Kummissjoni toffri l-hosting ta' sistemi ta' ġbir onlajn fuq is-servers tagħha stess u tassisti lill-organizzaturi biex jiċċertifikaw is-sistemi tagħhom mill-awtorità nazzjonali rilevanti.

Il-Kummissjoni progressivament tejbet ukoll l-appoġġ mogħti lill-organizzaturi fit-tfassil tal-Inizjattivi tagħhom, tejbet is-softwer għall-ġbir onlajn inkluż permezz ta' ġbir fuq apparat mobbli, u ppermettiet ir-reġistrazzjoni parzjali ta' Inizjattivi biex tnaqqas ir-rata ta' rifjuti.

Filwaqt li għadd ta' inizjattivi tlestew b'suċċess, indikazzjoni li r-Regolament jaħdem teknikament, l-istrument għadu ma kisibx il-potenzjal sħiħ tiegħu. Hemm bżonn ta' reviżjoni tar-Regolament biex l-ostakli jibqgħu jiġu eliminati.

Ir-Regolament il-ġdid kif se jgħin lill-organizzaturi biex jirreġistraw l-Inizjattivi tagħhom u jiġbru appoġġ b'suċċess?

L-organizzaturi se jkunu jistgħu jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom direttament lill-Kummissjoni qabel ir-reġistrazzjoni, kif ukoll se jkunu jistgħu jikkonsultaw organizzaturi oħrajn fuq pjattaforma kollaborattiva li l-Kummissjoni se tagħmel disponibbli. Se jkunu jistgħu wkoll ifittxu parir lokalment fl-Istati Membri tagħhom fejn se jiġu stabbiliti punti ta' kuntatt. Se jkun hemm il-possibbiltà wkoll ta' reġistrazzjoni parzjali.

Il-proposta tikkjarifika wkoll li r-reġistrazzjoni parzjali hija possibbli meta parti(jiet) biss tal-Inizjattiva ma jkunux jaqgħu b'mod ċar taħt il-kompetenzi tal-Kummissjoni u fejn dawn il-partijiet ma jinkludux l-objettivi ewlenin.

Il-perjodu ta' ġbir jibqa' ta' 12-il xahar. Madankollu, bħala aspett ġdid, l-organizzaturi se jkunu jistgħu jagħżlu d-data tal-bidu tiegħu, f'limitu ta' 3 xhur wara r-reġistrazzjoni.

L-organizzaturi se jkunu jistgħu jużaw is-sistema ta' ġbir onlajn ċentrali mmaniġjata mill-Kummissjoni. Is-sistema se tkun disponibbli bla ħlas għall-organizzaturi u se tinkludi l-possibbiltà li jingħata appoġġ lill-inizjattivi bl-użu tal-identifikazzjoni elettronika, li jittellgħu d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ bil-miktub f'verżjoni skannjata u li d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ ikunu trasferiti b'mod diġitali għall-verifikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri. L-ipproċessar ta' data personali permezz ta' din is-sistema se tkun ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni, u b'hekk se titnaqqas ir-responsabbiltà tal-organizzaturi. L-organizzaturi jistgħu xorta jistabbilixxu s-sistema tagħhom stess u jiċċertifikawha, jekk jixtiequ jagħmlu dan.

L-organizzaturi u l-Kummissjoni jistgħu wkoll jiġbru l-indirizzi tal-posta elettronika tal-firmatarji ta' inizjattiva taċ-ċittadini, soġġett għall-kunsens tagħhom, sabiex iżommuhom infurmati dwar il-progress tal-inizjattiva u/jew dwar kwalunkwe azzjoni ta' segwitu.

Ir-Regolament il-ġdid kif se jagħmilha aktar faċli għaċ-ċittadini li jappoġġjaw Inizjattivi?

Ir-regoli l-ġodda jipprevedu li l-Kummissjoni tittraduċi l-inizjattivi kollha bil-lingwi kollha tal-UE, sabiex ittejjeb l-inklussività u l-komunikazzjoni.

Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li tarmonizza l-età minima għall-appoġġ ta' Inizjattiva għal 16-il sena, fejn qabel kienet ta' 18. Din il-bidla se tħalli impatt immedjat fuq madwar 10 miljun żagħżugħ u żagħżugħa Ewropej, u se tippermetti liċ-ċittadini kollha tal-UE biex jappoġġjaw inizjattiva irrispettivament mill-pajjiż ta' residenza tagħhom.

Il-proposta se tnaqqas ukoll l-ammont ta' data personali li ċ-ċittadini jkollhom jipprovdu. Skont l-Istat Membru, iċ-ċittadini se jkollhom bżonn jipprovdu, jew: isimhom, kunjomhom, id-data tat-twelid u l-indirizz tagħhom, jew isimhom, kunjomhom u l-aħħar erba' numri fin-numru tal-ID personali tagħhom.

Fl-aħħar nett, bl-ibbażar tal-parteċipazzjoni fis-sistema l-ġdida fuq in-nazzjonalità (u mhux abbażi ta' taħlita ta' nazzjonalità u residenza kif kien il-każ fil-passat), ir-regoli l-ġodda jiżguraw li ċ-ċittadini kollha tal-UE li jgħixu lil hinn mill-pajjiż ta' nazzonalità tagħhom jistgħu jagħmlu użu mid-dritt tagħhom li jappoġġjaw l-inizjattivi taċ-ċittadini.

Ir-Regolament il-ġdid kif se jtejjeb id-dibattitu fuq Inizjattivi ta' suċċess?

Il-fażi ta' eżaminazzjoni se tiġi estiża minn tliet xhur għal ħames xhur biex tħalli iktar ħin għad-dibattitu. Il-Kummissjoni se tiltaqa' mal-organizzaturi fi żmien xahar mis-sottomissjoni tal-inizjattiva, u s-seduta ta' smigħ pubblika fil-Parlament Ewropew se tiġi organizzata fi żmien tliet xhur u se tippermetti għal rappreżentanza bilanċjata tal-partijiet interessati kollha u tal-korpi konsultattivi u istituzzjonijiet oħra tal-UE.. Fi żmien ħames xhur, minflok it-tliet xhur attwali, il-Kummissjoni se tadotta Komunikazzjoni bi tweġiba għall-Inizjattiva.

X'inhu r-rwol tal-partiti Politiċi Ewropej?

Id-demokrazija hija waħda mill-valuri fundamentali li fuqha hija bbażata l-Unjoni Ewropea. Biex jiżguraw il-funzjonament ta' demokrazija rappreżentattiva fuq livell Ewropew, it-Trattati jiddeterminaw li ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea huma direttament rappreżentati fil-Parlament Ewropew, punt li huwa misħuq fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Bħala tali, il-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jirċievu finanzjament mill-baġit tal-UE.

Partit politiku Ewropew jista' jifforma bil-kundizzjoni li jkun ssodisfatti diversi kriterji, partikolarment, li jkun josserva l-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, kif imfissra fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Għaliex qed tipproponu bidliet fir-Regolament attwali dwar il-Partiti Politiċi Ewropej?

Fil-prattika, minkejja xi progress, il-kriterji biex ikun sodisfatt ir-rekwiżit ta' rappreżentanza f'tal-anqas kwart mill-Istati Membri ppermettew il-ħolqien ta' partiti b'dimensjoni Ewropea artifiċjali, magħmulin l-aktar minn politiċi individwali u ddominati minn partit politiku nazzjonali wieħed jew tnejn, li naqsu milli jkunu trasparenti mal-votanti u li ggwadanjaw sehem sproporzjonat tal-finanzjament tal-UE meta mqabbel mar-rappreżentanza demokratika tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tipproponi l-bidliet leġislattivi li ġejjin:

  • Sabiex tiżgura dimensjoni Ewropea ġenwina tal-partiti politiċi Ewropej u sabiex tipprevjeni l-istess partit nazzjonali jew l-istess individwi milli jisponsorjaw artifiċjalment bosta partiti politiċi Ewropej, partiti politiċi biss, u mhux aktar individwi, għandhom jitqiesu meta jiġu kkalkulati r-rekwiżiti ta' rappreżentazzjoni għat-tfassil ta' partit.

  • Il-finanzjament ta' partiti politiċi Ewropej għandu jirrifletti aħjar il-kwota veru ta' kull vot għall-partit fl-elezzjonijiet Ewropej. Fil-preżent, 15 % tal-baġit totali huwa mqassam b'mod ugwali fil-partiti kollha, irrispettivament minn kemm huwa kbir jew żgħir is-sehem tal-vot tagħhom. Il-Kummissjoni għalhekk ipproponiet li ttejjeb il-leġittimità demokratika tal-finanzjament tal-UE għall-partiti politiċi billi torbotha b'mod iktar ċar mar-rappreżentanza fil-Parlament Ewropew, u billi talloka 95 % tal-baġit totali abbażi tal-kwota tal-voti fl-elezzjonijiet Ewropej.

  • Iċ-ċittadini għandhom dritt ikunu jafu għal min u għal xiex qed jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej. Sabiex tipprovdi iktar trasparenza, u sabiex issaħħaħ ir-responsabbiltà demokratika tal-partiti politiċi Ewropej, il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li l-partiti politiċi Ewropej jiżguraw li l-partiti membri tagħhom jippubblikaw il-programm u l-logo tagħhom fuq is-siti web tagħhom, filwaqt li jindikaw ukoll il-bilanċ attwali bejn is-sessi tal-Membri tagħhom fil-Parlament Ewropew.

X'inhuma l-bidliet l-oħra li qed tipproponu għall-finanzjament tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi?

Il-proposti tagħna se jawtorizzaw lill-partiti u lill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej biex jassorbu parti ikbar mill-finanzjament dedikat eżistenti allokat għalihom fil-baġit tal-Unjoni Ewropea.

Sabiex ikun trattat il-fatt li l-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej qed isibu diffikultajiet biex jilħqu l-limitu attwali ta' kofinanzjament ta' 15 %, dan għandu jitnaqqas u b'hekk aktar finanzjament pubbliku eżistenti mwarrab għal partiti u għall-fondazzjonijiet Ewropej ikun jista' jiġi dirett b'mod adegwat, pereżempju, fil-kampanja tal-elezzjoni Ewropea tal-2019. Il-Kummissjoni tipproponi li r-rekwiżit ta' kofinanzjament jitbaxxa għal 10 % għall-partiti politiċi Ewropej u għal 5 % għal fondazzjonijiet politiċi Ewropej.

Dawn ir-regoli l-ġodda kif se jiġu infurzati biex il-flus ta' dawk li jħallsu t-taxxi jiġu ġestiti aħjar?

Għal raġunijiet ta' ċertezza legali u trasparenza, se jkun previst espliċitament li, fejn partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea, minħabba bidla fiċ-ċirkostanzi, ma jibqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni, jew fejn il-partit jew il-fondazzjoni jkunu taw informazzjoni falza jew mhux kompluta, dawn għandhom jitneħħew mir-Reġistru.

Il-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-UE se jissaħħaħ billi jipprovdi għal irkupru iktar effettiv tal-finanzjament f'każ ta' ksur tar-regoli. Fondi mħallsa indebitament se jkunu rkuprati, inklużi mingħand persuni fiżiċi responsabbli għall-ksur inkwistjoni.

Għal iktar informazzjoni:

Id-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2017

Il-Fuljett dwar l-Istat tal-Unjoni 2017

Proposta għal regolament: Reviżjoni tar-Regolament dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

Proposta għal regolament: Emenda dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej

Stqarrija għall-istampa: Riforma tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini u tal-Finanzjament tal-Partiti Politiċi

MEMO/17/3168

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar