Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Azzjoni tal-UE biex jonqos it-tniġġis tal-arja mill-karozzi: Mistoqsijiet u Tweġibiet

Brussell, il-31ta' awissu 2017

Mistoqsijiet u Tweġibiet

X'inhuma r-riskji assoċjati mal-emissjonijiet tal-vetturi?

L-emissjonijiet tas-sustanzi niġġiesa tal-arja huma l-iktar kawża ambjentali sinifikanti tal-imwiet prematuri fl-UE, u jwasslu għal mard respiratorju, spejjeż kbar għall-kura tas-saħħa u telf ta' jiem tax-xogħol. L-iktar dejta riċenti tindika li tliet sustanzi niġġiesa tal-arja waħidhom (PM 2.5, NO2 u O3) huma responsabbli għal 400,000 mewta prematura kull sena fl-UE, inkluż madwar 70,000 marbuta direttament mad-diossidu tan-nitroġenu (NO2). It-trasport urban huwa wkoll wieħed mir-raġunijiet għaliex ħafna żoni urbani qed jiksru l-limiti tat-tniġġis tal-arja.

Kif inhuma rregolati fil-livell tal-UE l-emissjonijiet tas-sustanzi niġġiesa tal-vetturi?

Matul l-aħħar għexieren ta' snin, il-Kummissjoni mexxiet l-isforzi tal-UE biex progressivament jonqsu l-emissjonijiet tas-sustanzi niġġiesa tal-kwalità tal-arja mill-vetturi tat-triq billi titjieb il-kwalità tal-fjuwils u billi jiġu ssettjati limiti tal-emissjonijiet dejjem iktar stretti għall-vetturi l-ġodda.

Fir-rigward tal-emissjonijiet tal-NOx speċifikament, f'diversi drabi l-Kummissjoni ssikkat il-limiti massimi għall-emissjonijiet tal-NOx għall-karozzi tal-passiġġieri li jaħdmu bid-diżil:

  • Jannar 2000: 500 mg/km (Euro 3)
  • Jannar 2005: 250 mg/km (Euro 4)
  • Settembru 2009: 180 mg/km (Euro 5)
  • Settembru 2014: 80 mg/km (Euro 6)

Iżda dak waħdu mhux biżżejjed. L-iskandlu riċenti tal-emissjonijiet juri li xi karozzi li jinsabu fit-triq illum ma jirrispettawx dawn il-valuri f'kundizzjonijiet tas-sewqan reali, li jfisser li iktar sustanzi niġġiesa qed jiġu rilaxxati fl-arja li nieħdu n-nifs minnha.

L-introduzzjoni tal-proċedura tal-ittestjar tal-Emissjonijiet f'Sewqan Reali qed tkompli tissikka r-regoli għaliex b'hekk tkun qed tiċċekkja l-emissjonijiet tal-NOx u tal-partikuli ultrafini (Numru ta' Partikuli - PN) mill-vetturi fit-triq u se tnaqqas b'mod sinifikanti d-diskrepanza attwali bejn l-emissjonijiet imkejla fis-sewqan reali u dawk imkejla fil-laboratorju.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tkompli tistinka għall-applikazzjoni kompluta tal-miri eżistenti tal-kwalità tal-arja madwar l-UE kollha u qed tiżviluppa inizjattivi ambizzjużi biex titrawwem kultura ta' vetturi b'livell baxx ta' emissjonijiet.

Kif jiġu ttestjati l-emissjonijiet tal-karozzi?

Qabel ma karozza titħalla titqiegħed fis-suq, din trid tingħata l-“approvazzjoni tat-tip”: l-awtorità nazzjonali trid tiċċertifika li l-prototipi tal-mudell jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tal-produzzjoni tal-UE fir-rigward tas-sikurezza, tal-ambjent u tal-konformità qabel ma' tawtorizza l-bejgħ tat-tip ta' vettura fl-UE.

Bħalissa jintuża biss test tal-laboratorju biex jitkejlu l-emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa tal-arja ta' vettura. Madankollu, l-emissjonijiet ta' xi vetturi mkejla fit-triq fir-realtà huma sostanzjalment iżjed mill-emissjonijiet imkejla fiċ-ċiklu tat-test tal-laboratorju applikabbli bħalissa (Ċiklu Ġdid tas-Sewqan Ewropew – NEDC), għal sustanzi niġġiesa bħall-partikuli ultrafini u l-NOx. Biex tikkoreġi dan in-nuqqas, il-Kummissjoni pproponiet, diġà qabel ma' faqqa' l-iskandlu tal-emissjonijiet f'Settembru 2015, li l-emissjonijiet jitkejlu f'kundizzjonijiet tas-sewqan reali.

X'inhu t-test tal-Emissjonijiet f'Sewqan Reali?

Fil-proċedura tal-Emissjonijiet f'Sewqan Reali (RDE), l-emissjonijiet tas-sustanzi niġġiesa – li jinkludu l-ossidi tan-nitroġenu (NOx) u l-emissjonijiet ta' partikolati – jitkejlu permezz ta' sistemi portabbli għall-kejl tal-emissjonijiet (PEMS) li jitwaħħlu mal-karozza meta tkun qed tinstaq f'kundizzjonijiet reali fit-triq. Dan ifisser li l-karozza tinstaq barra u fi triq ta' vera skont il-varjazzjonijiet aleatorji ta' parametri bħall-aċċellerazzjoni, id-deċellerazzjoni, it-temperatura ambjentali u t-tagħbijiet.

Il-proċedura tal-RDE ma tiħux post it-test tal-laboratorju iżda tikkumplimentah, u dan ittejjeb ukoll biex jirrifletti aħjar il-kundizzjonijiet tas-sewqan reali, b'mod partikolari biex jipprovdi ċifri iżjed realistiċi tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil.

X'inhuma l-“Atti tal-RDE” varji?

L-RDE ġie żviluppat f'erba' atti regolatorji separati:

  • Att 1 tal-RDE: L-ewwel stadju kien id-definizzjoni tal-proċedura tat-test proprja. F'Mejju 2015 dan irċieva vot pożittiv mill-Istati Membri fil-Kumitat Tekniku tal-Vetturi bil-Mutur (TCMV) u daħal fis-seħħ fl-2016. Fil-fażi inizjali li bdiet fil-bidu tal-2016, l-ittestjar tal-RDE kien isir biss għal finijiet ta' monitoraġġ, mingħajr ma kellu impatt fuq l-approvazzjoni tat-tip proprja li baqgħet issir abbażi tal-kejl fil-laboratorju.
  • Att 2 tal-RDE: It-tieni stadju ddetermina d-dħul gradwali tal-ittestjar tal-RDE biex verament ikollu impatt fuq l-approvazzjonijiet tat-tip maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali. Fit-28 ta' Ottubru 2015, l-Istati Membri li ltaqgħu fil-Kumitat Tekniku tal-Vetturi bil-Mutur (TCMV) qablu li minn Settembru 2017, il-kejl tal-NOx bl-RDE se jkun obbligatorju għall-mudelli l-ġodda tal-karozzi, u minn Settembru 2019 se jkun obbligatorju għall-vetturi l-ġodda kollha.
  • Att 3 tal-RDE: Bħala t-tielet stadju, fl-20 ta' Diċembru 2016 l-Istati Membri fit-TCMV, adottaw il-proposta tal-Kummissjoni li testendi l-ittestjar tal-RDE biex ikopri l-emissjonijiet tan-Numru ta' Partikuli (PN) għat-tipi kollha ta' vetturi ġodda sa Settembru 2017 u għall-vetturi l-ġodda kollha sa Settembru 2018. Dawn il-partikuli verament żgħar li iżda huma xorta karċinoġeniċi jeżistu kemm fil-karozzi diżil kif ukoll fil-karozzi petrol li jaħdmu b'teknoloġija tal-injezzjoni diretta. Skont l-Att 3 tal-RDE, il-Kummissjoni qed tirfina wkoll il-metodi tal-ittestjar biex iqisu li l-biċċa l-kbira tat-tniġġis fil-bliet jiġi ġġenerat mill-vjaġġi qosra fil-bliet li jinstaqu b'karozza li tiġi startjata b'magna kiesħa. Biex tkopri firxa usa' ta' kundizzjonijiet, issa se jiġi inkluż ukoll is-sewqan ta' karozzi li jiġu startjati b'magna sħuna. Addizzjonalment, dan l-Att jispeċifika wkoll li l-prestazzjoni tal-emissjonijiet ta' karozza fid-dinja reali għandha tkun dikjarata b'mod ċar mill-manifattur fiċ-ċertifikat ta' konformità ta' kull vettura, jiġifieri li tkun trasparenti u disponibbli għaċ-ċittadini u għall-awtoritajiet pubbliċi kollha.
  • Att 4 tal-RDE: Il-Kummissjoni qed tippjana wkoll li tressaq proposta fix-xhur li ġejjin biex tkompli ssaħħaħ il-leġiżlazzjoni tal-RDE billi żżid il-possibbiltà ta' ttestjar indipendenti minn partijiet terzi għall-kontrolli tal-karozzi li qed jiċċirkolaw diġà (l-ittestjar tal-“konformità waqt is-servizz”), tintroduċi metodi ġodda u iktar rappreżentattivi għall-ittestjar tal-vetturi ibridi u l-adattament tad-dispożizzjonijiet għal ċerti tipi speċjali ta' vetturi.

X'inhu l-fattur ta' konformità fil-proċedura tal-ittestjar tal-Emissjonijiet f'Sewqan Reali (RDE)?

B'kuntrarju għal ċiklu tat-test tal-laboratorju definit minn qabel, il-karatteristiċi intrinsiċi tat-tagħmir tal-kejl PEMS fit-testijiet RDE jwasslu għal varjazzjoni ikbar u firxa iktar mifruxa tar-riżultati kwantitattivi tal-emissjonijiet ta' vjaġġi RDE differenti. Jekk l-inċertezzi tekniċi u statistiċi tal-kejl RDE mhux se jitqiesu kif suppost, jista' jirriżulta li vetturi li fil-fatt huma konformi ma jgħaddux minn test RDE individwali jew vetturi li fil-fatt mhumiex konformi jgħaddu mit-test.

Il-kunċett ta' Fattur ta' Konformità (CF) jgħin jegħleb din il-problema. B'fattur ta' konformità, il-fokus se jkun fuq il-konformità medja tal-vettura mal-limiti tal-emissjonijiet. Pereżempju, il-limiti regolatorji tal-emissjonijiet jistgħu jinqabżu waqt sewqan f'telgħa wieqfa, li mbagħad iridu jiġu kkumpensati minn emissjonijiet li jkunu iktar baxxi mil-limiti regolatorji tal-emissjonijiet taħt kundizzjonijiet differenti, bħal sewqan moderat fil-belt, sabiex l-emissjonijiet medji, meta jitkejlu l-kundizzjonijiet skont l-okkorrenza statistika tagħhom, ma jkunux ogħla mil-limiti.

F'Ottubru 2015, minħabba l-fatt li l-kejl tal-ittestjar tal-Emissjonijiet f'Sewqan Reali għadu ġdid u l-limiti tekniċi għat-titjib tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tal-karozzi diżil prodotti fil-preżent fit-terminu ta' żmien qasir, l-Istati Membri qablu dwar perjodu ta' introduzzjoni gradwali għat-tnaqqis tad-diverġenza li teżisti bejn il-limitu regolatorju mkejjel fil-kundizzjonijiet tal-laboratorju u l-valuri tal-proċedura tal-Emissjonijiet f'Sewqan Reali. Il-ftehim jipprevedi approċċ f'żewġ stadji:

  1. Fl-ewwel fażi, sabiex ikunu jistgħu jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda, il-manifatturi se jkollhom inaqqsu d-diskrepanza għal fattur ta' konformità ta' 2.1 massimu (jiġifieri 168mg/km ta' NOx minflok 80mg/km) għall-mudelli l-ġodda sa Settembru 2017 (għall-vetturi l-ġodda kollha sa Settembru 2019);
  2. Fit-tieni fażi, din id-diskrepanza se tkompli tonqos iktar għal fattur ta' 1.5 (jiġifieri 120mg/km ta' NOx minflok 80mg/km), b'konsiderazzjoni tal-marġni teknika ta' żball, sa Jannar 2020 għall-mudelli l-ġodda kollha (sa Jannar 2021 għall-vetturi l-ġodda kollha). Sabiex jitqiesu l-iżviluppi futuri tat-teknoloġija tal-kejl, dan il-fattur se jkun suġġett għal reviżjonijiet annwali li jibdew fl-2017 u hekk kif titjieb it-teknoloġija, il-fattur ta' konformità se jkompli jitnaqqas bil-għan li dan jitnaqqas għal 1 kemm jista' jkun malajr u mhux iktar tard mill-2023. Għalhekk il-manifatturi tal-karozzi jridu diġà jibdew jiddisinjaw vetturi li jkunu konformi ma' fattur ta' konformità li jqarreb għal 1 (= 80mg/km ta' NOx).

X'se jiġri mill-ittestjar tal-emissjonijiet tas-CO2?

Il-Kummissjoni diġà introduċiet proċedura tat-test tal-laboratorju ġdida u iktar realistika - il-Proċedura ta' Ttestjar Armonizzata fuq Livell Dinji għall-Vetturi Ħfief (WLTP) għall-kejl tal-emissjonijiet tas-CO2 u għall-konsum tal-fjuwil mill-karozzi u mill-vannijiet. Id-WLTP hija proċedura ta' ttestjar armonizzata fuq livell dinji li ġiet żviluppata fi ħdan il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea.

Id-WLTP tieħu post iċ-Ċiklu Ġdid tas-Sewqan Ewropew (NEDC), li ma għadux jirrifletti b'mod adegwat il-kundizzjonijiet tas-sewqan jew it-teknoloġiji tal-vetturi tal-lum. Id-WLTP se tipprovdi valuri tal-konsum tal-fjuwil u tal-emissjonijiet tas-CO2 li jkunu iktar rappreżentattivi tal-kundizzjonijiet tad-dinja reali għall-benefiċċju tal-konsumaturi u tar-regolaturi kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali. Se tkun inċentiv iktar b'saħħtu għall-varar ta' teknoloġiji effiċjenti fl-enerġija u b'livelli baxxi tal-karbonju.

It-test tad-WLTP il-ġdid ġie adottat mill-Kummissjoni fl-1 ta' Ġunju 2017 u se jkun mandatorju għat-tipi l-ġodda tal-karozzi kollha minn Settembru 2017 u għall-karozzi l-ġodda kollha minn Settembru 2018.

X'qed tagħmel iżjed il-Kummissjoni biex is-sistema tal-approvazzjoni tat-tip issir iktar robusta?

Il-proċeduri tal-ittestjar il-ġodda se jagħmlu l-kejl tal-emissjonijiet iktar realistiku u preċiż, u b'mod mifrux se jnaqqsu ukoll ir-riskju ta' tqarriq b'apparat ta' manipulazzjoni. Iżda huwa meħtieġ tiġdid ġenerali tas-sistema proprja tal-approvazzjoni tat-tip.

Dan għaliex f'Jannar 2016 il-Kummissjoni pproponiet Regolament ġdid biex iġġedded is-sistema tal-approvazzjoni tat-tip attwali. Il-proposta timmira li tirrinforza l-indipendenza u l-kwalità tas-servizzi tekniċi magħżula għall-ittestjar u għall-ispezzjoni tal-konformità tal-vettura mar-rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE; tintroduċi sistema ta' sorveljanza tas-suq effettiva għall-kontroll tal-konformità ta' karozzi li diġà huma fiċ-ċirkolazzjoni; u tintroduċi sorveljanza Ewropea ikbar. Dan jinkludi l-possibbiltà li l-Kummissjoni tkun tista' tissospendi, tirrestrinġi jew tirtira n-nomina ta' servizzi tekniċi li mhux qed ikollhom prestazzjoni tajba jew li huma wisq laxki fl-applikazzjoni tar-regoli. Il-Kummissjoni se tkun tista' twettaq l-ittestjar tal-verifika ex post (permezz taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tagħha) u, jekk ikun hemm bżonn, tibda s-sejħiet lura tal-vetturi mis-suq. U l-Kummissjoni se tkun tista' timponi penali finanzjarji bħala deterrent għall-manifatturi u għas-servizzi tekniċi biex ma jippermettux vetturi mhux konformi fis-suq.

Il-proposta tal-Kummissjoni żżomm il-projbizzjoni attwali fuq l-apparat ta' manipulazzjoni, li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom obbligu permanenti ta' superviżjoni u rinforz tagħha, iżda tmur ukoll pass ieħor 'il quddiem. Skont l-abbozz tar-Regolament, il-manifattur se jkollu jipprovdi aċċess għall-protokolli tas-software tal-karozza. Din il-miżura tikkumplimenta l-pakkett tal-Emissjonijiet f'Sewqan Reali, li se jagħmilha verament diffiċli biex wieħed jimmanipula r-rekwiżiti tal-emissjonijiet u tinkludi obbligu għall-manifatturi biex jiżvelaw l-istrateġija ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tagħhom, kif inhu l-każ fl-USA.

Il-Kummissjoni titlob lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex issa jikkonkludu malajr in-negozjati tagħhom dwar din il-proposta.

X'qed tagħmel il-Kummissjoni dwar il-karozzi diżil li qed jiċċirkolaw fil-preżent u li jniġġsu wisq?

Il-Kummissjoni diġà bdiet proċeduri ta' ksur kontra tmien Stati Membri għall-ksur tal-leġiżlazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE f'Diċembru 2016 u f'Mejju 2017, u qed tkompli timmonitorja jekk il-liġi tal-UE fil-qasam hijiex qed tiġi inforzata kif suppost. Il-Kummissjoni se tiżgura wkoll li r-regoli tal-kompetizzjoni jiġu rispettati u se tkompli taħdem għal patt ġust għall-konsumaturi.

Iktar riċenti, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li karozzi li mhumiex konformi jissewwew jew jitneħħew miċ-ċirkolazzjoni. Huwa essenzjali li kwalunkwe tiswija proposta mill-manifatturi tal-karozzi tiġi vvalidata mill-awtoritajiet nazzjonali biex il-karozzi jinġiebu totalment konformi, mingħajr ebda effett avvers fuq il-prestazzjoni, id-durabbiltà u l-konsum tal-fjuwil tal-vettura. Dan irid isir malajr kemm jista' jkun sabiex jonqsu malajr l-emissjonijiet tal-NOx tal-flotta eżistenti tal-vetturi diżil fl-Ewropa.

Il-Kummissjoni tinnota l-isforzi riċenti ta' xi Stati Membri u manifatturi tal-karozzi biex jindirizzaw is-sitwazzjoni attwali, u tinsab ħerqana li tirċievi l-informazzjoni kompluta dwar il-miżuri li ttieħdu fil-livell nazzjonali. B'mod partikolari, il-Kummissjoni se tkun qed tara jekk il-miżuri proposti humiex se jkunu suffiċjenti biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-NOx f'konformità mar-rekwiżiti legali u b'hekk jikkontribwixxu għat-titjib tal-kwalità tal-arja. Hija lesta tiffaċilita wkoll l-iskambju ta' din l-informazzjoni bejn l-Istati Membri fl-interess tal-konsistenza u tal-effettività.

X'qed tagħmel il-Kummissjoni biex ittejjeb il-Kwalità tal-Arja?

Ir-regoli tal-UE mhux biss jillimitaw l-emissjonijiet mill-karozzi iżda jistabbilixxu wkoll l-għanijiet għall-kwalità tal-arja li dejjem qed jiġu mmonitorjati u inforzati. L-istandards tal-kwalità tal-arja lokali (l-issettjar ta' limiti u/jew valuri fil-mira, li ma jistgħux jinqabżu, għal firxa ta' sustanzi niġġiesa tal-arja) huma ssettjati skont id-Direttivi tal-Kwalità tal-Arja Ambjentali. Fir-rigward tal-NO2 speċifikament, il-maġġoranza tal-Istati Membri, u iktar minn 130 belt fihom ma kinux konformi mal-valuri limitu għal diversi snin b'mod kontinwu u persistenti, u għalhekk huma meħtieġa miżuri effiċjenti b'mod urġenti.

F'Diċembru 2013 il-Kummissjoni adottat ukoll Pakkett ta' Politika dwar l-Arja Nadifa, li rriżulta fi:

  • għanijiet ta' politika ġodda tal-kwalità tal-arja sal-2030;
  • Direttiva riveduta tal-Limiti tal-Emissjonijiet Nazzjonali (id-Direttiva 2016/2284/UE) b'limiti tal-emissjonijiet nazzjonali iktar stretti għall-ħames sustanzi niġġiesa ewlenin (id-diossidu tal-kubrit (SO2), NOx, il-Komposti Organiċi Volatili mingħajr metan (VOCs), NH3 u l-Materja Partikulata (PM2.5). Sal-2030, l-implimentazzjoni tad-Direttiva l-ġdida se tnaqqas bin-nofs l-400,000 mewta prematura fis-sena kkawżati mit-tniġġis tal-arja fl-UE.
  • Direttiva ġdida (id-Direttiva 2015/2193/UE) għat-tnaqqis tas-sustanzi niġġiesa minn impjanti tal-kombustjoni medji.

Il-Kummissjoni se taħdem biex tappoġġa lill-Istati Membri kollha għal implimentazzjoni solida, filwaqt li tinvolvi wkoll lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex il-benefiċċji jagħtu l-frott mil-lum sal-2030.

Il-Kummissjoni kif qed trawwem kultura ta' karozzi b'livell baxx ta' emissjonijiet jew mingħajr emissjonijiet?

Kif ġie aċċennat fil-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni “Strateġija Ewropea għal mobbiltà b'emissjonijiet baxxi” ta' Lulju 2016, u “L-Ewropa Attiva” ta' Mejju 2017, l-UE trid taċċellera t-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn il-mobbiltà mingħajr emissjonijiet biex timxi lejn settur tat-trasport effiċjenti fl-enerġija u dekarbonizzat.

Bħala parti mill-ewwel pakkett tal-Mobbiltà, il-Kummissjoni rrevediet id-Direttiva tal-“Eurovignette” biex, fost l-oħrajn, tippromwovi l-bidliet abbażi tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tal-vetturi.

Bħala parti mit-tieni pakkett tal-Mobbiltà, il-Kummissjoni bħalissa qed taħdem fuq numru ta' inizjattivi li se jiġu żvelati qabel l-aħħar tas-sena. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni bħalissa qed taħdem fuq l-istandards tas-CO2 tal-UE għall-karozzi u għall-vannijiet biex tgħin twitti t-triq għal vetturi mingħajr emissjonijiet u b'livell baxx ta' emissjonijiet permezz ta' mod li jkun teknoloġikament newtrali. Bħalissa qed issir valutazzjoni tal-impatt u qed jiġu riveduti diversi għażliet. Qed tirrevedi wkoll id-“Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa” biex tippromwovi t-tnedija ta' vetturi iktar nodfa permezz tal-akkwist pubbliku.

Addizzjonalment, il-Kummissjoni qed tippjana wkoll li tippreżenta valutazzjoni tal-oqfsa ta' politika tal-Istati Membri għall-iżvilupp tas-suq tal-fjuwils alternattivi u tal-infrastruttura tagħhom. Dan ir-rapport se jsegwi fuq ir-rekwiżit stabbilit fid-“Direttiva 2014/94/UE” dwar il-varar tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, li tirrikjedi li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropa, sat-18 ta' Novembru 2016, dwar l-Oqfsa ta' Politika Nazzjonali (NPF) tagħhom fir-rigward tal-iżvilupp tas-suq għall-fjuwils alternattivi, inkluż il-varar tal-infrastruttura neċessarja. Ir-rapport se jinkludi Pjan ta' Azzjoni li se jaċċenna l-azzjonijiet konkreti u se jissettja rakkomandazzjonijiet ċari għall-Istati Membri biex tneħħi l-lakuni eżistenti u l-indirizzar tal-ħtiġijiet identifikati kif ukoll l-ispjegar tal-azzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-finanzjament.

Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa diġà tappoġġa l-implimentazzjoni ta' strateġija ta' fjuwils alternattivi billi tistimula l-effiċjenza enerġetika, tintroduċi sistemi alternattivi ta' propulsjoni, inkluż sistemi ta' forniment tal-elettriku, u tipprovdi l-infrastruttura korrispondenti. Għall-perjodu 2014-2020, ġew dedikati EUR 24 biljun għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa - Trasport.

Il-vetturi mingħajr emissjonijiet huma wkoll prijorità speċifika tal-Grupp ta' Livell Għoli GEAR 2030, magħmul minn esperti mis-settur taħt it-tmexxija tal-Kummissarju Bieńkowska. Fil-ħarifa huwa mistenni rapport finali ta' dan il-grupp li għandu jippreżenta r-rakkomandazzjonijiet ta' politika dwar il-promozzjoni tal-kompetittività tal-industrija awtomobilistika tal-UE, u b'mod partikolari fir-rigward ta' karozzi mingħajr emissjonijiet u karozzi awtomatizzati. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni mbagħad se tippreżenta ideat konkreti li jkopru sal-2030.

Aktar informazzjoni

Stqarrija għall-istampa: Fl-1 ta' Settembru se jsiru mandatorji testijiet ġodda u imtejba tal-emissjonijiet tal-karozzi

Stockshots

Atti tal-RDE:

Stqarrija għall-istampa dwar il-proposta tal-approvazzjoni tat-tip

Proposta għal Regolament dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq tal-vetturi bil-mutur

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “L-Ewropa attiva”

 

 

MEMO/17/2821

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar