Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Mistoqsijiet u Tweġibiet: Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf (RASFF)

Brussell, I-10ta' awissu 2017

X'inhi s-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf (RASFF)?

Imnedija kważi erbgħin sena ilu, fl-1979, is-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf (RASFF) hija primarjament għodda tal-IT imfassla għall-iskambju rapidu ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali dwar ir-riskji għas-saħħa marbutin mal-ikel u l-għalf.

Pajjiż membru tan-netwerk li jidentifika perikolu għas-saħħa jinforma lill-bqija tan-netwerk tas-sistema dwar il-prodott ikkonċernat u l-miżuri meħuda biex jindirizza r-riskju. Il-miżuri jinkludu: is-sospensjoni, is-sejħa lura mis-suq, il-konfiska jew iċ-ċaħda tal-prodotti. Permezz ta' dan l-iskambju rapidu ta' informazzjoni l-membri kollha tar-RASFF jistgħu jivverifikaw f'ħin reali jekk humiex ukoll affettwati u jekk tenħtieġx azzjoni urġenti. L-awtoritajiet tal-pajjiżi milquta għandhom ir-responsabbiltà li jieħdu l-miżuri meħtieġa ta' emerġenza, inkluż l-għoti ta' informazzjoni diretta lill-pubbliku, is-sospensjoni tal-prodott mis-suq, u t-twettieq ta' kontrolli effettivi fuq il-post.

Fuq liema kriterji pajjiż membru jibgħat notifika?

Il-membri tal-RASFF (ara l-mistoqsija ta' hawn taħt) għandhom jinnotifikaw minnufih lill-Kummissjoni permezz tas-sistema meta jkollhom informazzjoni dwar riskju serju għas-saħħa li ġej mill-ikel jew mill-għalf. Il-kriterji speċifiċi li jwasslu għal notifika huma stipulati fil-leġiżlazzjoni[1].

Min huma l-membri tal-RASFF?

- l-Istati Membri kollha tal-UE  

- il-pajjiżi taż-ŻEE (in-Norveġja, il-Liechtenstein u l-Iżlanda) u s-Segretarjat tal-EFTA li jikkoordina l-kontribut mill-pajjiżi taż-ŻEE

- l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u

- il-Kummissjoni Ewropea bħala amministratur tas-sistema.

- wara ftehim li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2009, l-Iżvizzera saret membru parzjali tas-sistema f'dak li għandu x'jaqsam ma' rifjuti fuq il-fruntiera ta' prodotti mill-annimali.

Għaliex neħtieġu l-RASFF?

L-RASFF tirfed l-iskambju rapidu ta' informazzjoni fost l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika dwar ir-riskji marbuta mal-ikel u l-għalf. Permezz ta' din l-għodda l-membri kollha jistgħu jieħdu azzjonijiet simultanji, koerenti u koordinati bl-għan li jiġi żgurat l-ogħla livell possibbli ta' protezzjoni tal-konsumatur.

Kif taħdem fil-prattika?

L-ewwel pass huwa n-notifika minn membru tan-netwerk tal-RASFF tal-eżistenza ta' riskju serju, dirett jew indirett, għas-saħħa pubblika marbut mal-ikel jew mal-għalf. Din l-informazzjoni tasal għand il-Kummissjoni Ewropea (bħala amministratur tas-sistema), li min-naħa tagħha tivverifika n-notifika u tittrażmettiha minnufih lill-membri l-oħra tan-netwerk.

Jintuża mudell komuni li jipprovdi l-informazzjoni utli u rilevanti kollha, inkluż l-identifikazzjoni tal-prodott, il-periklu(i) misjub(a), il-miżura(i) meħuda u informazzjoni dwar it-traċċabbiltà tal-prodott.

Malli jirċievu din l-informazzjoni l-Istati Membri l-oħra jivverifikaw jekk humiex ikkonċernati jew le. Jekk il-prodott jinsab fis-suq tagħhom ikunu jistgħu jintraċċawh billi jużaw l-informazzjoni fin-notifika. Jibgħatu rapport lura dwar dak li jkunu sabu u x'miżuri ħadu, sabiex l-informazzjoni tkun reċiproka u trasparenti għall-membri kollha tal-RASFF. Jekk il-prodotti jkunu mill-UE, l-Istat Membru minn fejn joriġina l-prodott jirrapporta wkoll dwar ir-riżultat tal-investigazzjonijiet tiegħu għal dak li għandu x'jaqsam mal-oriġini, id-distribuzzjoni u l-kawża tal-problema identifikata. Bis-saħħa ta' dan, il-pajjiżi membri l-oħra jistgħu jieħdu azzjoni minnufih, jekk ikun meħtieġ u meta jkun meħtieġ.

Mhux biss iżda, wara notifika minn membru tal-RASFF, bis-sistema l-pajjiżi membri jistgħu jitolbu kjarifika fir-rigward taż-żmien, l-ambitu jew in-natura tan-notifika. Pereżempju, meta jkun hemm provi li inċident seta' ġie rrappurtat qabel, tista' tintalab spjegazzjoni lill-pajjiż li qed jinnotifika.

X'jiġi nnotifikat l-aktar fil-RASFF?

Madwar nofs in-notifiki jikkonċernaw kontrolli fil-fruntieri esterni taż-ŻEE[2], fil-punti ta' dħul jew postijiet ta' spezzjoni fil-fruntiera meta kunsinna ma tiġix aċċettata għall-importazzjoni (immarkata “kontroll fil-fruntiera — kunsinna miżmuma”) jew meta jittieħed kampjun għall-analiżi fil-fruntiera (immarkat “skrining”) u l-kunsinna tiġi rilaxxata (immarkata “kontroll fil-fruntiera - kunsinna rilaxxata”).

Wara dawn jiġu l-kontrolli uffiċjali fuq is-suq intern.

Fl-aħħar nett, notifiki oħra jistgħu joħorġu minn konsumatur li jilmenta, kumpanija li tinnotifika r-riżultat ta' verifika mwettqa minnha f'isimha stess, jew inċident ta' avvelenament mill-ikel.

X'azzjoni tista' tittieħed mill-Kummissjoni jekk Stat Membru tal-UE jonqos milli jinnotifika fil-ħin?

Jekk Stat Membru ma jinnotifikax fil-ħin, il-Kummissjoni tista' tniedi proċedura ta' ksur kontra dak l-Istat Membru talli ma kkonformax mal-obbligi tiegħu skont il-liġi tal-Unjoni.

Min għandu liema setgħat biex tittieħed azzjoni meta tinqala' problema?

Meta tinqala' problema, huwa l-kompitu tal-awtoritajiet nazzjonali dwar l-ikel u l-għalf li jieħdu azzjoni. Dan jinkludi kull azzjoni meħtieġa biex minnufih jindirizzaw ir-riskju iżda wkoll li ma jħallux li jitfaċċa riskju simili. Medda sħiħa ta' azzjonijiet jitwettqu u jiġu rrapportati lura permezz tal-RASFF: sospensjoni jew sejħa lura tal-prodotti u l-possibilità li jinqerdu, informazzjoni lill-pubbliku, bgħit lura lejn l-oriġini eċċ. Jekk ikun hemm il-ħtieġa ta' miżuri ta' emerġenza (ta' salvagwardja) fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni u l-Istati Membri tal-UE jistgħu jiddeċiedu dwar dawn il-miżuri permezz ta' proċedura rapida[3]. Miżuri bħal dawn huma vinkolanti b'effett immedjat.

X'jiġri jekk kwistjoni ta' sikurezza tal-ikel irrappurtata permezz tal-RASSF tkun riżultat ta' frodi?

In-Netwerk kontra l-Frodi tal-Ikel tal-UE (FFN) jista' jiġi mobilizzat biex jippermetti kooperazzjoni rapida u effiċjenti f'każijiet ta' vjolazzjonijiet transkonfinali tal-leġiżlazzjoni. Maħluq f'Lulju 2013 wara l-iskandlu tal-laħam taż-żwiemel, l-FNN huwa magħmul mill-punti ta' kuntatt nazzjonali għall-frodi tal-ikel tal-Istati Membri tal-UE u tal-Iżlanda, in-Norveġja, l-Iżvizzera, u d-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari.

F'idejh għandu l-każijiet ta' frodi tal-ikel potenzjali kemm jekk jiġu notifikati mill-RASFF kif ukoll wara kontrolli uffiċjali f'membru tal-RASFF fejn ikun hemm indikazzjoni li tkun qed isseħħ xi vjolazzjoni possibbli tar-rekwiżiti tal-liġi dwar l-ikel, motivata minn prospett ta' qligħ ekonomiku jew finanzjarju. Il-punti ta' kuntatt nazzjonali tal-FFN u l-Kummissjoni Ewropea jinsabu f'kuntatt b'mod permanenti.

Minn Awwissu 2016 ‘l hawn hemm għodda tal-IT li tgħin lill-FNN billi tagħti l-mezzi lill-pajjiżi membri biex malajr jikkonfermaw suspett ta' frodi. Bis-saħħa ta' din l-għodda, l-awtoritajiet inkarigati jistgħu jżommu kuntatti b'mod bilaterali (jew multilaterali) biex jiksbu informazzjoni biex jinbena każ ta' azzjoni li potenzjalment twassal għal sanzjonijiet amministrattivi jew proċedimenti ġudizzjarji.

X'differenza hemm bejn il-RASFF u n-Netwerk tal-Frodi tal-Ikel?

Il-RASFF hija għodda ewlenija biex jiġi żgurat il-fluss transkonfinali ta' informazzjoni sabiex ikun hemm reazzjoni minufih meta jiġu identifikati riskji għas-saħħa pubblika fil-katina tal-ikel, filwaqt li permezz tan-Netwerk tal-Frodi tal-Ikel (FFN), iffaċilitat mill-għodda informatika tal-Assistenza u Kooperazzjoni Amministrattivi (AAC), il-pajjżi membri jistgħu jikkoordinaw b'mod bilaterali (jew multilaterali) biex jikkonfermaw b'mod rapidu suspett ta' frodi.

Bil-RASFF il-Kummissjoni għandha r-rwol li tivverifika n-notifiki tal-RASFF u tinforma lill-pajjiżi terzi, filwaqt li n-Netwerk tal-Frodi tal-Ikel huwa primarjament mezz biex il-pajjiżi membri jiskambjaw informazzjoni biex tgħinhom jibnu każ għal azzjoni li potenzjalment twassal għal sanzjonijiet amministrattivi jew proċedimenti ġudizzjarji.

Fir-rigward tal-FFN, f'każijiet normali l-Kummissjoni ma tintervenix fi skambji bilaterali ta' informazzjoni permezz tal-ACC. Ir-rwol tagħha huwa iktar li tiffaċilita l-użu tal-għodda tal-IT permezz tal-uffiċċju tal-assistenza, it-taħriġ, l-iżgurar ta' rispons diliġenti minn pajjiżi membri u l-għeluq xieraq meta każ jintemm, speċjalment għal dak li għandu x'jaqsam ma' protezzjoni ta' dejta personali. Ta' min jinnota wkoll li l-każijiet ta' frodi huma ferm aktar diffiċli biex jiġu vvalutati, u li bosta ostakli jistgħu jwasslu għal perjodu ta' żmien itwal għar-rispons tal-membri.

X'inhi l-iRASFF?

L-iRASFF hija l-applikazzjoni onlajn ġdida li permezz tagħha kull wieħed mit-32 pajjiż membru tal-RASFF jistgħu jittrażmettu notifiki ġodda dwar prodotti li jippreżentaw riskju jew jipprovdu segwitu għal notifiki trażmessi qabel minn membri oħra. Taħdem bħal pjattaforma interattiva onlajn u għandha fluss tax-xogħol speċifiku li jippermetti lill-membri tan-netwerk jikkollaboraw dwar in-notifiki b'mod trasparenti. Hija mfassla biex tiffunzjona kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE. Benefiċċju ieħor huwa li tikkollega n-notifiki tal-RASFF ma' sistemi oħrajn bħas-Sistema ta' Kontroll tal-Kummerċ (TRACES) u s-sistema IT kontra l-frodi tal-ikel b'mod aktar effiċjenti.

X'inhu l-portal RASFF tal-konsumaturi u x'jagħmel?

Imniedi fit-13 ta' Ġunju 2014, il-portal RASFF tal-konsumaturi jipprovdi informazzjoni prattika u f'waqtha misluta mill-RASFF dwar avviżi ta' sejħ lura għall-konsumaturi u twissijiet pubbliċi maħruġa mill-awtoritajiet għas-sikurezza tal-ikel u l-operaturi tan-negozji. Huwa jissupplimenta informazzjoni disponibbli għall-pubbliku dwar notifiki tal-RASFF — li fil-fatt hija biss porzjon żgħir tal-informazzjoni trażmessa fin-netwerk.

Għal aktar informazzjoni

Infographic

Website of RASFF

[1] L-Artikolu 50 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1

[2]   Mill-2009 ‘l hawn ġiet inkluża l-Iżvizzera.

[3] L-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1

MEMO/17/2461

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar