Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Is-Suq Uniku Diġitali — Il-portabbiltà tas-servizzi ta' kontenut onlajn

Brussell, it-8ta' frar 2017

Mistoqsijiet u Tweġibiet

1/ X'inhuwa l-għan tar-Regolament?

L-għan huwa li jiġi żgurat li l-Ewropej li jixtru jew jabbonaw għal servizzi ta' kontenut onlajn li jipprovdu aċċess għal films, xandiriet sportivi, mużika, kotba elettroniċi u logħob fid-dar ikunu jistgħu jaċċessawhom meta jkunu qed jivvjaġġaw f'pajjiżi oħra tal-UE.

 

2/ Min se jibbenefika mir-regoli l-ġodda?

• Il-Konsumaturi li jgħixu fl-UE: permezz tar-regoli l-ġodda se jkunu jistgħu jkomplu jużaw is-servizzi ta' kontenut onlajn — jaraw films jew avvenimenti sportivi, jisimgħu l-mużika, jiddawnlowdjaw kotba elettroniċi jew logħob — meta jżuru pajjiżi oħra tal-UE.

• Il-pjattaformi onlajn: dawn jistgħu jipprovdu portabbiltà transkonfinali lill-konsumaturi mingħajr ma jkollhom għalfejn jixtru liċenzja għal territorji oħrajn.

• Id-detenturi tad-drittijiet: dawn jistgħu jserrħu fuq salvagwardji b'saħħithom li jipproteġu d-drittijiet tagħhom kontra l-abbużi.

 

3/ Il-fornituri tal-kontenut, kif se jivverifikaw il-pajjiż tar-residenza?

Il-fornitur tas-servizz ikollu jivverifika l-pajjiż ta' residenza tal-abbonat. Dan se jsir mat-tmiem u t-tiġdid tal-kuntratt.

Il-fornituri tas-servizzi jkunu jistgħu jivverifikaw il-pajjiż tar-residenza abbażi tal-informazzjoni bħad-dettalji tal-ħlas, il-ħlas ta' tariffa ta' liċenzja għas-servizzi ta' xandir, l-eżistenza ta' kuntratt għall-konnessjoni tal-internet jew tat-telefown, verifiki IP jew id-dikjarazzjoni tal-abbonat dwar l-indirizz tiegħu jew tagħha. Il-fornitur tas-servizz għandu jkun kapaċi japplika sa żewġ mezzi ta' verifika mil-lista inkluża fir-Regolament.

 

4/ Ir-Regolament japplika wkoll għal servizzi onlajn mingħajr ħlas?

Il-fornituri ta' servizzi ta' kontenut onlajn li huma mingħajr ħlas se jkunu jistgħu jagħżlu jekk iridux jibbenefikaw minn dawn ir-regoli l-ġodda. Malli jagħżlu li jidħlu u jipprovdu l-portabbiltà skont ir-Regolament, ir-regoli kollha se japplikaw għalihom bl-istess mod bħal dawk tas-servizzi bi ħlas.

 

5/ Hemm eżempji ta' problemi li r-Regolament se jsolvi?

Dawk li jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom fl-UE spiss jiffaċċjaw restrizzjonijiet: jistgħu jinqatgħu mis-servizzi ta' kontenut onlajn tagħhom jew ikollhom biss aċċess limitat. Ħafna nies — speċjalment meta jitilqu għal vjaġġi qosra — mhux se jsibuha konvenjenti li jabbonaw għal servizz lokali, jew jistgħu jsibu li l-films u s-sensieli favoriti tagħhom mhumiex disponibbli jew huma biss b'lingwa barranija.

• Abbonat li jippruva jara films bl-użu tal-kont nordiku tiegħu Home Box Office (HBO) meta jkun fuq btala fl-Italja jsib messaġġ li jgħid li s-servizz “huwa disponibbli biss fl-Iżvezja, fin-Norveġja, fid-Danimarka u l-Finlandja”.

• Utent Franċiż tas-servizz onlajn MyTF1 għal films u għal sensieli ta' programmi ma jistax jikri film ġdid waqt vjaġġ fuq xogħol fir-Renju Unit.

L-utenti jistgħu biss, pereżempju, jaraw il-kontenut li jkunu diġà niżżlu fuq l-apparat portabbli tagħhom.

• L-utenti tas-servizz ta' films Belġjan Universciné jridu jiftakru jiddawnlowdjaw film li jkunu krew qabel ma jitilqu għal vjaġġ f'pajjiż ieħor tal-UE. Ma jistgħux jużaw is-servizz tal-istriming ta' Universciné meta jkunu barra minn pajjiżhom.

Hemm inqas problemi sinifikanti jew restrizzjonijiet li jirrigwardaw il-portabilità tal-abbonamenti għal servizzi ta' mużika onlajn (bħal Spotify jew Deezer) jew kotba elettroniċi. Iżda ħadd ma jaf jekk ikunx hemm restrizzjonijiet fil-futur u għal din ir-raġuni r-regoli tal-lum huma importanti wkoll għal servizzi bħal dawn.

 

6/ Il-fornitur tas-servizz ikun jista' jitlob il-ħlas għall-portabbiltà?

Le, bir-regoli l-ġodda, is-servizzi tal-kontenut onlajn mhux se jitħallew jimponu ħlasijiet addizzjonali fuq il-konsumaturi/l-abbonati għall-forniment tal-portabbiltà transkonfinali.

 

7/ Il-portabbiltà tal-abbonamenti onlajn tal-isport se tkun koperta bir-regoli l-ġodda?

Iva, bosta servizzi ta' kontenut onlajn tal-isport se jkunu koperti: meta l-isport huwa parti mill-programm televiżiv jew bir-radju disponibbli onlajn, meta l-isport huwa parti mill-pakkett globali ta' servizz onlajn, li jkollu bħala karatteristika prinċipali l-forniment ta' xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati (eż. films u serje), iżda wkoll meta l-organizzatur tal-isport jistabbilixxi servizz ta' kontenut onlajn apposta.

 

Għal Aktar Informazzjoni

IP/17/225

Skeda informattiva

MEMO/17/243

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar