Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Il-pakkett tal-proċeduri ta' ksur għal Lulju - il-Parti 1: id-deċiżjonijiet prinċipali

Brussell, it-13ta' lulju 2017

Ħarsa ġenerali skont il-qasam ta' politika

Fil-pakkett tagħha ta' kull xahar dwar id-deċiżjonijiet ta' ksur, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) qiegħda tieħu azzjoni legali kontra l-Istati Membri minħabba li jkunu naqsu milli jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont iil-liġi tal-UE. Dawn id-deċiżjonijiet li jkopru diversi setturi u oqsma ta' politika tal-UE għandhom l-għan li jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tal-liġi tal-UE għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji.

Id-deċiżjonijiet prinċipali meħuda mill-Kummissjoni qed jiġu ppreżentati hawn taħt u huma mqassma skont il-qasam ta' politika. Il-Kummissjoni qiegħda wkoll tagħlaq 122 każ fejn il-kwistjonijiet mal-Istati Membri kkonċernati ġew solvuti mingħajr ma l-Kummissjoni kellha għalfejn tkompli għaddejja bil-proċedura.

Barra minn hekk, illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat għadd ta' ittri ta' intimazzjoni. Id-dettalji rilevanti jinsabu fil-Parti 2: MEMO/17/1936.

Għal aktar informazzjoni dwar il-proċedura ta' ksur tal-UE, ara l-MEMO/12/12 kollu. Għal aktar dettalji dwar id-deċiżjonijiet meħuda, ikkonsulta r-reġistru tad-deċiżjonijiet ta' ksur.

1. L-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

(Għal aktar informazzjoni: Daniel Rosario - tel.: +32 229 56185, Clémence Robin – tel.: +32 229 52509)

Opinjonijiet motivati:

Il-Kummissjoni titlob lil ĊIPRU, lill-ITALJA u lir-RENJU UNIT biex jittrasponu miżuri dwar l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għal ċerti prodotti tal-ħalib

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lil Ċipru, lill-Italja u lir-Renju Unit peress li naqsu milli jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-miżuri nazzjonali tat-traspożizzjoni dwar l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għal ċerti prodotti tal-ħalib, partikolarment il-kaseini u l-kaseinati (id-Direttiva (UE) 2015/2203). Ir-regoli dwar it-tikkettar stabbiliti fid-Direttiva huma mmirati biex jinkiseb livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa u l-allinjament tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ikel mal-istandards internazzjonali kif ukoll il-faċilitazzjoni tal-moviment liberu ta' dawn il-prodotti minn operaturi kummerċjali fil-qasam tal-ikel. L-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dawn il-miżuri sat-22 ta' Diċembru 2016. Il-kaseini, li jinsabu fil-ħalib u li jistgħu jintużaw b'mod indipendenti f'ħafna industriji bħala leganti, jistgħu jintużaw għal varjetà wiesgħa ta' affarijiet, minn komponent ewlieni tal-ġobon sa addittiv tal-ikel. Il-kaseinati għandhom karatteristiki nuttrivi importanti, fihom l-amminoaċidi essenzjali kollha u jintużaw b'mod partikolari fil-produzzjoni tal-ġobon, fis-supplementi tal-proteina u fit-trab tal-krema għal mal-kafè. It-talbiet tal-Kummissjoni ħadu l-forma ta' opinjoni motivata u jsegwu ittri ta' intimazzjoni li l-Kummissjoni kienet bagħtet f'Jannar 2017. L-Istati Membri għandhom xahrejn biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom; jekk jonqsu milli jagħmlu dan, il-Kummissjoni Ewropea tista' tiddeċiedi li tressaqhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

 

2. Il-Kompetizzjoni

(Għal aktar informazzjoni: Ricardo Cardoso - tel.: +32 229 80100, Yizhou Ren – tel.: +32 229 94889)

Opinjonijiet motivati:

Il-Kummissjoni titlob lill-BULGARIJA, lil ĊIPRU, lir-REPUBBLIKA ĊEKA, lill-GREĊJA, lil-LATVJA, lil MALTA u lill-PORTUGALL biex jimplimentaw id-Direttiva dwar l-azzjonijiet għad-danni fil-qasam tal-antitrust

Il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Bulgarija, lil Ċipru, lir-Repubblika Ċeka, lill-Greċja, lil-Latvja, lil Malta u lill-Portugall biex jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva dwar l-azzjonijiet għad-danni skont il-qasam tal-antitrust (id-Direttiva 2014/104/UE) fil-liġi nazzjonali. Din id-Direttiva tgħin liċ-ċittadini u lill-kumpaniji jitolbu kumpens għad-danni jekk jisfaw vittmi ta' ksur tar-regoli tal-UE dwar l-antitrust, bħal kartelli jew abbużi ta' pożizzjonijiet dominanti fis-suq. Fost affarijiet oħra, tagħti lill-vittmi aċċess eħfef għall-evidenza li jeħtieġu biex jagħtu prova tal-ħsara li ġarrbu kif ukoll aktar żmien biex iressqu l-pretensjonijiet tagħhom. Id-Direttiva dwar l-azzjonijiet għad-danni tal-antitrust hija għalhekk parti essenzjali mill-infurzar tal-liġi tal-UE dwar il-kompetizzjoni. L-Istati Membri kienu obbligati jimplimentawha fil-liġi nazzjonali tagħhom sas-27 ta' Diċembru 2016. Illum, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat opinjonijiet motivati lill-Bulgarija, lil Ċipru, lir-Repubblika Ċeka, lill-Greċja, lil-Latvja, lil Malta u lill-Portugall talli naqsu milli jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali tagħhom. Is-sebgħa Stati Membri issa għandhom xahrejn biex jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li ttieħdu biex tiġi implimentata d-Direttiva. Fin-nuqqas ta' risposta sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaqhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

 

3. L-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

(Għal aktar informazzjoni: Vanessa Mock – tel.: +32 229 56194, Barbara Ochotnicka – tel.: +32 229 13754)

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Il-Kummissjoni tressaq lis-SLOVENJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minħabba t-traspożizzjoni tar-regoli baġitarji

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lis-Slovenja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE talli naqset milli tinnotifika miżuri ta' traspożizzjoni marbuta ma' direttiva li tistabbilixxi r-rekwiżiti għall-baġits tal-Istati Membri. Id-Direttiva dwar ir-rekwiżiti għall-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE) tistipula li l-Istati Membri għandhom jittrasponu d-dispożizzjonijiet ta' dik id-Direttiva fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom sal-31 ta' Diċembru 2013, u li għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk il-liġijiet nazzjonali lill-Kummissjoni. S'issa, is-Slovenja ressqet biss notifika parzjali ta' dawn il-miżuri. B'riżultat ta' dan, il-Kummissjoni llum iddeċidiet li tressaq lis-Slovenja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE talli naqset milli tinnotifika bis-sħiħ il-miżuri ta' traspożizzjoni tagħha. Id-Direttiva hija waħda mis-sitt miżuri leġiżlattivi magħrufa bħala s-"Six-Pack” li kienu ġew adottati fl-2011 biex isaħħu l-governanza ekonomika fl-UE. L-għan tagħha huwa li tiżgura li l-Istati Membri jwettqu politiki baġitarji tajbin u li ssaħħaħ il-politika fiskali tagħhom. Biex tikseb dan l-għan, id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jadottaw serje ta' miżuri, bħalma huma l-pubblikazzjoni f'waqtha ta' dejta fiskali affidabbli u dettaljata, l-introduzzjoni ta' regoli fiskali nazzjonali numeriċi, it-tisħiħ tal-ippjanar baġitarju għat-terminu medju u t-titjib tal-affidabbiltà u t-trasparenza tal-previżjonijiet makroekonomiċi u baġitarji. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara l-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

 

4. Is-Suq Uniku Diġitali

(Għal aktar informazzjoni: Nathalie Vandystadt - tel.: +32 229 67083, Johannes Bahrke (+32 229 58615)

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Tnaqqis tal-ispejjeż tal-broadband: Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq tliet Stati Membri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat deċiżjoni biex tressaq lill-Belġju, lill-Kroazja u lis-Slovakkja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE minħabba dewmien fit-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar it-Tnaqqis tal-Ispiża tal-Broadband (id-Direttiva 2014/61/UE). L-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali sal-1 ta' Jannar 2016. Il-Kummissjoni se titlob lill-Qorti biex timponi ħlas ta' penali ta' kuljum fuq dawk it-tliet Stati Membri mill-ġurnata tas-sentenza sakemm id-Direttiva tidħol fis-seħħ fil-liġi nazzjonali. Il-proċedimenti ta' ksur infetħu kontra l-Belġju, il-Kroazja u s-Slovakkja f'Marzu 2016 u matul dawn il-proċedimenti ntbagħtu opinjonijiet motivati f'Settembru 2016. Minn dakinhar 'il hawn il-pajjiżi għadhom ma nnotifikawx lill-Kummissjoni dwar l-adozzjoni tal-miżuri kollha meħtieġa sabiex jittrasponu d-Direttiva. Fil-każ tal-Kroazja, sadanittant il-Kummissjoni ġiet assigurata li l-aħħar element nieqes tat-traspożizzjoni se jiġi adottat formalment nhar il-Ġimgħa. Id-Direttiva dwar it-Tnaqqis tal-Ispiża tal-Broadband tista' tiffranka sa 30 % tal-ispejjeż tal-bidu għall-internet b'veloċità għolja. Tinkludi regoli, bħalma huma l-użu mill-ġdid tal-infrastruttura fiżika tas-servizzi eżistenti tal-utilitajiet għall-internet b'veloċità għolja. Id-Direttiva tkopri wkoll il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili fis-setturi varji, inklużi t-telekomunikazzjoni, l-enerġija, l-ilma mormi, it-trasport u industriji oħra tal-infrastruttura. Dawk il-miżuri joħolqu l-kundizzjonijiet għall-introduzzjoni aktar effiċjenti ta' infrastruttura fiżika ġdida sabiex in-netwerks jistgħu jiddaħħlu b'kostijiet aktar baxxi. L-inġinerija ċivili, bħat-tħaffir tat-toroq biex jiddaħħal il-broadband b'veloċità għolja, tilħaq sa 80 % tal-ispiża għat-tifrix tan-netwerks tal-broadband. Ir-regoli ġew adottati biex aktar nies fl-UE jkollhom aċċess għall-internet b'veloċità għolja. Din l-implimentazzjoni hija importanti ħafna wkoll mill-perspettiva globali tat-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali tal-UE u biex tiżdied il-konnettività. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara l-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

 

5. L-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni

(Għal aktar informazzjoni: Christian Wigand - tel.: +32 229 62253, Sara Soumillion – tel.: +32 229 67094)

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Il-Kummissjoni tressaq lill-KROAZJA quddiem il-Qorti talli naqset milli tikkomunika l-miżuri nazzjonali li jittrasponu r-regoli tal-UE għall-infurzar tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema

Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tressaq lill-Kroazja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE minħabba n-nuqqas ta' notifika tal-miżuri għat-traspożizzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-liġi tal-UE dwar l-infurzar tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema (id-Direttiva 2014/67/UE), kważi sena wara l-iskadenza għat-traspożizzjoni. Id-Direttiva 2014/67/UE, magħrufa wkoll bħala d-”Direttiva dwar l-Infurzar”, tipprovdi għodod importanti biex jiġu miġġeldin l-evitar tar-regoli tal-UE dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema u l-abbuż tagħhom, u sabiex tittejjeb il-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri għal dan l-għan. Għalhekk, it-traspożizzjoni korretta u f'waqtha tad-Direttiva dwar l-Infurzar hija essenzjali biex tindirizza l-frodi u l-abbuż fil-qasam tal-istazzjonar tal-ħaddiema, fl-interess tal-Istati Membri, il-kumpaniji u l-ħaddiema kollha. Id-Direttiva dwar l-Infurzar kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sat-18 ta' Lulju 2016. L-Istati Membri kollha, minbarra l-Kroazja, ikkomunikaw il-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom lill-Kummissjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tivvaluta jekk id-Direttiva dwar l-Infurzar ġietx implimentata b'mod korrett. Minkejja li l-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni f'Settembru 2016, flimkien ma' opinjoni motivata fi Frar 2017, fejn talbet lill-Kroazja tikkomunika l-miżuri tat-traspożizzjoni tagħha, s'issa l-awtoritajiet Kroati dan għadhom ma għamluhx. Għalhekk, abbażi tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 260(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Kummissjoni se titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex timponi penali ta' kuljum fuq il-Kroazja sakemm id-Direttiva tiġi trasposta kompletament fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. L-Istati Membri li jonqsu milli jikkomunikaw il-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom jiġu mfittxija mill-Kummissjoni bi prijorità. Din il-komunikazzjoni hija wkoll kruċjali biex il-Kummissjoni tivvaluta l-konformità tal-miżuri ta' traspożizzjoni u b'hekk, tiżgura l-applikazzjoni korretta u uniformi tad-Direttiva dwar l-Infurzar. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara l-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

 

6. L-enerġija

(Għal aktar informazzjoni: Anna-Kaisa Itkonen - tel.: +32 229 56186, Nicole Bockstaller – tel.: +32 229 52589)

Opinjonijiet motivati:

L-Enerġija nukleari: Il-Kummissjoni titlob lill-AWSTRIJA, lill-KROAZJA, lir-REPUBBLIKA ĊEKA, lill-ITALJA u lill-PORTUGALL biex jikkonformaw bis-sħiħ mad-Direttiva dwar l-Iskart Radjuattiv

Il-Kummissjoni talbet lill-Awstrija, lill-Kroazja, lir-Repubblika Ċeka, lill-Italja u lill-Portugall biex jiżguraw il-konformità sħiħa mad-Direttiva dwar l-Iskart Radjuattiv (id-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom) u, b'mod partikolari jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-programmi nazzjonali tagħhom għall-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv. Id-Direttiva tistabbilixxi qafas għall-iżgurar tal-ġestjoni responsabbli u sikura ta' fjuwil użat u skart radjuattiv biex tiġi evitata l-impożizzjoni ta' piżijiet mhux dovuti fuq il-ġenerazzjonijiet futuri. Id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jipprevedu arranġamenti nazzjonali xierqa biex jinkiseb livell għoli ta' sikurezza fil-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv. L-għan huwa li l-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali jiġu protetti mill-perikli li jirriżultaw mir-radjazzjoni jonizzanti. L-iskart radjuattiv huwa ġġenerat mill-produzzjoni tal-elettriku fl-impjanti tal-enerġija nukleari jew mill-użu mhux relatat mal-enerġija ta' materjali radjuattivi għal skopijiet mediċi, tar-riċerka, industrijali u agrikoli. Dan ifisser li l-pajjiżi kollha tal-UE jiġġeneraw l-iskart radjuattiv. L-Istati Membri kienu meħtieġa jinnotifikaw il-programmi nazzjonali tagħhom sat-23 ta' Awwissu 2015. L-Istati Membri kkonċernati għandhom xahrejn biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom; jekk jonqsu milli jagħmlu dan, il-Kummissjoni Ewropea tista' tiddeċiedi li tressaqhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

 

7. L-ambjent

(Għal aktar informazzjoni: Enrico Brivio – tel.: +32 229 56172, Iris Petsa – tel.: +32 229 93321)

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Il-Kummissjoni ssejjaħ għall-waqfien immedjat tal-qtugħ tas-siġar fil-Foresta Białowieża fil-POLONJA

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Polonja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE minħabba żieda fil-qtugħ tas-siġar fil-Foresta Białowieża, li hija sit protett tan-Natura 2000. Peress li l-operazzjonijiet tal-qtugħ tas-siġar bdew fuq skala sinifikanti, il-Kummissjoni qiegħda titlob ukoll lill-Qorti biex timponi miżuri interim biex il-Polonja jkollha tissospendi x-xogħlijiet immedjatament. Fil-25 ta' Marzu 2016, l-awtoritajiet Pollakki adottaw deċiżjoni li tippermetti t-triplikazzjoni tal-operazzjonijiet tal-qtugħ tas-siġar fid-distrett tal-Foresta Białowieża, kif ukoll il-qtugħ tas-siġar f'żoni li s'issa kienu esklużi minn kull intervent. Dawn il-miżuri - li jinkludu t-tneħħija ta' siġar ta' aktar minn mitt sena - huma ta' theddida serja għall-integrità ta' dan is-sit tan-Natura 2000. Is-sit tan-Natura 2000 jipproteġi lill-ispeċijiet u l-ħabitats li jiddependu fuq il-foresti l-qodma, fejn ikun hemm ukoll injam mejjet. Għal xi wħud minn dawn l-ispeċijiet, il-foresta ta' Białowieża hija l-aktar importanti jew saħansitra l-aħħar sit disponibbli fil-Polonja. L-evidenza disponibbli turi li dawn il-miżuri mhumiex kompatibbli mal-għanijiet ta' konservazzjoni tas-sit u jisbqu dawk meħtieġa biex jiġi żgurat l-użu sostenibbli tal-foresta. Barra minn hekk, qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni, saret valutazzjoni tal-impatt tal-miżuri fuq is-sit tan-Natura 2000 li ma kinitx adegwata. F'April 2017, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata fejn ħeġġet lill-Polonja biex iżżomm lura mill-qtugħ tas-siġar fuq skala kbira, u tat xahar żmien biex il-Polonja tikkonforma. Madankollu, minkejja dan, il-Polonja bdiet timplimenta l-pjan tagħha. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara l-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

 

Opinjonijiet motivati:

Il-basktijiet tal-plastik: Il-Kummissjoni titlob lil SPANJA timplimenta r-regoli tal-UE dwar il-basktijiet tal-plastik ħfief

Il-Kummissjoni qed tħeġġeġ lil Spanja biex tlesti l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart fil-liġijiet nazzjonali tagħha. Bil-għan li jindirizzaw il-ħela tar-riżorsi u l-problemi bl-iskart, il-gvernijiet tal-UE kellhom sas-27 ta' Novembru 2016 biex jadottaw miżuri ħalli jnaqqsu l-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief kif meħtieġ mid-Direttiva dwar il-Basktijiet tal-Plastik (id-Direttiva (UE) 2015/720). Il-gvernijiet nazzjonali jistgħu jagħżlu minn lista ta' miżuri biex jilħqu l-għanijiet komuni maqbula. Dawn jinkludu strumenti ekonomiċi, bħalma huma imposti ta' ħlas fuq il-basktijiet tal-plastik ħfief. Għażla oħra hija miri nazzjonali tat-tnaqqis: L-Istati Membri jridu jiżguraw li sa tmiem l-2019 kull persuna tikkonsma mhux aktar minn 90 minn dawn il-basktijiet. Sa tmiem l-2025, dak in-numru għandu jonqos għal mhux aktar minn 40 basket għal kull persuna. Iż-żewġ alternattivi jistgħu jintlaħqu permezz ta' miżuri obbligatorji inkella permezz ta' ftehimiet mas-setturi ekonomiċi. Huwa possibbli wkoll li l-basktijiet jiġu pprojbiti bil-kundizzjoni li dawk il-projbizzjonijiet ma jmorrux lil hinn mil-limiti stabbiliti mid-Direttiva sabiex jiġi ppriżervat il-moviment liberu tal-oġġetti fis-Suq Uniku Ewropew. Il-Kummissjoni tivverifika, bħala kwistjoni ta' prijorità jekk l-Istati Membri jkunux issodisfaw l-obbligu li jittrasponu din id-Direttiva. Wara li tirċievi l-opinjoni motivata, Spanja jkollha xahrejn biex tikkonforma mal-obbligi tagħha, u wara dan il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaqha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

L-iskart: Il-Kummissjoni tibgħat l-aħħar twissija lil SPANJA dwar in-nuqqas ta' stabiliment u analiżi tal-pjanijiet ta' ġestjoni tal-iskart għal diversi reġjuni

Il-Kummissjoni qiegħda tħeġġeġ lil Spanja biex tistabbilixxi pjanijiet għall-ġestjoni tal-iskart li jkopru t-territorju kollu tagħha f'konformità mal-għanijiet tar-regoli tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart (Direttiva 2008/98/KE) u l-ekonomija ċirkolari. Il-pjanijiet ta' ġestjoni tal-iskart huma strument ewlieni biex jitnaqqsu l-impatti negattivi tal-ġenerazzjoni u l-ġestjoni tal-iskart fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u biex tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. L-Istati Membri għandhom jevalwaw mill-ġdid il-pjanijiet ta' ġestjoni tal-iskart tagħhom għallinqas darba kull sitt snin u jirreveduhom, kif xieraq. Minħabba l-importanza ta' dawk il-pjanijiet, il-Kummissjoni fetħet proċedimenti ta' ksur kontra sebgħa Stati Membri, fosthom Spanja. Il-pjan nazzjonali għall-ġestjoni tal-iskart ta' Spanja ġie rivedut fl-2015 sabiex jiġi adattat għar-rekwiżiti l-ġodda tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart. Iżda peress li l-kompetenza ewlenija fil-qasam tal-ġestjoni tal-iskart hija f'idejn ir-reġjuni - il-komunitajiet awtonomi u l-bliet, dawn għandhom jadottaw il-pjanijiet ta' ġestjoni tal-iskart tagħhom skont il-leġiżlazzjoni Spanjola. Peress li mhux ir-reġjuni kollha adottaw pjan validu tal-ġestjoni tal-iskart, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni f'Novembru 2016 fejn talbet lil Spanja tadotta d-dokumenti meħtieġa fir-rigward tal-iskart. Sa issa, il-pjanijiet ta' ġestjoni tal-iskart mill-Komunitajiet Awtonomi tal-Gżejjer Baleariċi, il-Gżejjer Kanarji, Madrid u l-Belt Awtonoma ta' Ceuta għadhom neqsin. Barra minn hekk, il-Komunitajiet Awtonomi ta' Aragona u Katalonja għandhom jirrevedu l-pjanijiet ta' ġestjoni tal-iskart tagħhom peress li dawn ġew adottati aktar minn sitt snin ilu. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qed tibgħat opinjoni motivata. Jekk Spanja tonqos milli taġixxi fi żmien xahrejn, il-każ jista' jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

 

8. L-Istabilità Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali

(Għal aktar informazzjoni: Vanessa Mock – tel.: +32 229 56194, Letizia Lupini - tel.: +32 229 51958)

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Il-Kummissjoni tressaq lill-KROAZJA quddiem il-Qorti talli naqset milli temenda l-liġi dwar il-privatizzazzjoni tal-kumpanija tal-enerġija INA-Industrija Nafte, d.d. (INA)

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-KROAZJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE talli naqset milli tallinja l-liġi tal-2002 dwar il-privatizzazzjoni tal- INA-Industrija Nafte, d.d. (“il-liġi INA”) mar-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu tal-kapital u l-libertà tal-istabbiliment. INA-Industrija Nafte, d.d. (INA, d.d.) hija l-kumpanija ewlenija Kroata tal-enerġija, parzjalment ta' proprjetà tal-Gvern Kroat. Il-liġi INA tagħti lill-Istat setgħat speċjali f'din il-kumpanija, inkluż il-veto fuq id-deċiżjonijiet tal-INA li jirrigwardaw il-bejgħ tal-ishma jew tal-assi li jaqbżu ċertu valur. L-Istat jista' wkoll jopponi deċiżjonijiet importanti tat-tmexxija, bħalma huma t-tibdil fl-attivitajiet tal-kumpanija, l-għoti ta; konċessjonijiet jew awtorizzazzjonijiet u l-post fejn jinsab l-uffiċċju rreġistrat. Il-fatt li l-Istat Kroat jista' jirrifjuta li japprova deċiżjonijiet importanti li jkunu fl-interess tal-kumpanija jista' jħalli impatt negattiv fuq l-ishma tal-kumpanija u b'hekk l-INA ma tibqax daqshekk attraenti għall-investituri. Il-Kummissjoni tqis li s-setgħat speċjali tal-Istat previsti fil-liġi INA jirrestrinġu bla bżonn il-moviment liberu tal-kapital kif ukoll il-libertà tal-istabbiliment. Din tagħraf li l-għan li tiġi mħarsa s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija huwa interess pubbliku leġittimu kondiviż mal-UE u jista' jiġġustifika ċerti restrizzjonijiet għal-libertajiet elenkati fit-TFUE. Madankollu, tali restrizzjonijiet iridu jkunu proporzjonati. F'dan il-każ, il-liġi INA tagħti s-setgħa lill-Istat Kroat li jopponi deċiżjonijiet importanti tal-kumpanija mingħajr il-ħtieġa li l-veto jiġi ġġustifikat f'termini ta' theddid potenzjali għas-sigurtà tal-provvistà jew kwalunkwe politika pubblika oħra jew fl-interess pubbliku. Fil-fehma tal-Kummissjoni, dawn is-setgħat ta' veto mingħajr kundizzjonijiet imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tiġi mħarsa s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u għalhekk huma sproporzjonati. Minkejja d-deċiżjoni tal-lum, il-Kummissjoni tibqa' miftuħa għall-isforzi mill-awtoritajiet Kroati biex isibu soluzzjoni għal dan il-każ. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara l-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

Il-Kummissjoni tressaq lil SPANJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għan-nuqqas ta' implimentazzjoni tar-regoli tal-UE dwar l-informaturi (whistle-blowing)

Il-Kummissjoni llum iddeċidiet li tressaq lil Spanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE talli naqset milli tinnotifika l-miżuri li ħadet għall-implimentazzjoni sħiħa tar-regoli tal-UE dwar l-informaturi. Fl-2015, il-Kummissjoni adottat Direttiva ta' Implimentazzjoni (id-Direttiva ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2392, l-hekk imsejħa Direttiva dwar il-”Whistle-blowing”) fir-rigward tar-rappurtar lill-awtoritajiet kompetenti ta' ksur reali jew potenzjali tar-Regolament dwar l-Abbuż tas-Suq. Din id-Direttiva hija parti mill-ġabra ta' regoli dwar l-Abbuż tas-Suq u teżiġi li l-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi biex jippermettu r-rappurtar ta' ksur tar-Regolament dwar l-Abbuż tas-Suq. Din tinkludi dispożizzjonijiet biex jipproteġu lil dawk li jirrappurtaw dan il-ksur u tkompli tispeċifika l-proċeduri għall-protezzjoni tal-informaturi u tal-persuni rrappurtati, inkluż arranġamenti ta' segwitu dwar rapporti minn informaturi u l-protezzjoni ta' dejta personali. L-Istati Membri kellhom sat-3 ta' Lulju 2016 biex jittrasponu dawn ir-regoli fil-liġijiet nazzjonali tagħhom. Wara li għadditilhom l-iskadenza inizjali, diversi Stati Membri, fosthom Spanja, f'Settembru 2016 intalbu jieħdu azzjoni biex jiżguraw il-konformità sħiħa mar-regoli l-ġodda dwar l-informaturi. Min dak iż-żmien, il-Kummissjoni ma ġiet infurmata bl-ebda implimentazzjoni sħiħa tar-regoli fil-liġi nazzjonali. Għalhekk qiegħda tressaq lil Spanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara l-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

 

Ittri ta' intimazzjoni u opinjonijiet motivati:

Is-servizzi finanzjarji: Il-Kummissjoni titlob lill-KROAZJA, lir-REPUBBLIKA ĊEKA, lill-IRLANDA u lin-NETHERLANDS biex jimplimentaw regoli tal-UE dwar l-assigurazzjoni

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lir-Repubblika Ċeka, lill-Irlanda u lin-Netherlands fejn talbithom jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva Solvibbiltà II (id-Direttiva 2009/138/KE) u d-Direttiva Omnibus II (id-Direttiva 2014/51/UE). Dawn id-Direttivi, li jieħdu post l-14-il Direttiva dwar l-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni, magħrufa bħala “Solvibbiltà I”, għandhom l-għan li jiżguraw is-solidità finanzjarja tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni waqt il-perjodi finanzjarjament diffiċli. Id-Direttivi saru applikabbli bis-sħiħ fl-1 ta' Jannar 2016 u kellhom jiġu implimentati fil-liġijiet nazzjonali sal-31 ta' Marzu 2015. Madankollu, ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda u n-Netherlands naqsu milli jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri kollha meħtieġa biex dawn ir-regoli jiġu implimentati bis-sħiħ fil-liġi nazzjonali tagħhom. It-talbiet tal-Kummissjoni ħadu l-forma ta' opinjoni motivata u jsegwu ittri ta' intimazzjoni li l-Kummissjoni kienet bagħtet f'Mejju 2015. Wara li kkunsidrat ir-risposti tagħhom, il-Kummissjoni għadha tal-fehma li t-traspożizzjoni tad-Direttivi f'dawn l-Istati Membri għadha mhix lesta. Jekk Ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda u n-Netherlands ma jaġixxux fix-xahrejn li ġejjin, jistgħu jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Fir-rigward tal-istess kwistjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li tibgħat ittri ta' intimazzjoni lill-Kroazja fejn titlobha biex l-awtoritajiet nazzjonali tagħha jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva Solvibbiltà II (id-Direttiva 2009/138/KE) u d-Direttiva Omnibus II (id-Direttiva 2014/51/UE) fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha. Jekk il-Kroazja ma taġixxix fix-xahrejn li ġejjin, il-Kummissjoni tista' tibgħatilha opinjonijiet motivati dwar din il-kwistjoni.

 

9. Is-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs

(Għal aktar informazzjoni: Lucia Caudet – tel.: +32 229 56182, Mirna Talko – tel.: +32 229 87278)

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea:

Is-servizzi: Il-Kummissjoni tressaq lill-BELĠJU quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE minħabba restrizzjonijiet fuq il-kontabilisti

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-Belġju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE minħabba l-fatt li r-restrizzjonijiet tagħha fuq il-kontabilisti li joffru servizzi f'dixxiplini relatati mhumiex kompatibbli mad-Direttiva dwar is-Servizzi (id-Direttiva 2006/123/KE). Il-leġiżlazzjoni Belġjana ma tippermettix li kontabilist jipprovdi servizzi bħala aġent tal-proprjetà immobbli jew bħala aġent tal-assigurazzjoni, jew li jkun involut f'attivitajiet finanzjarji. Il-Kummissjoni tqis li din il-projbizzjoni mhijiex konformi mad-Direttiva dwar is-Servizzi (l-Artikolu 25 dwar l-attivitajiet multidixxiplinari) u temmen li jeżistu mezzi inqas restrittivi biex jiġu żgurati l-indipendenza, l-imparzjalità u l-etika professjonali. Il-Kummissjoni kienet diġà esprimiet it-tħassib tagħha b'opinjoni motivata f'Novembru 2016, fejn talbet lill-Belġju biex jirrimedja għall-ksur tal-liġi tal-UE. Peress li l-awtoritajiet Belġjani żammew il-pożizzjoni tagħhom, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-Belġju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara l-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

 

Ittri ta' intimazzjoni:

L-emissjonijiet tal-karozzi: Il-Kummissjoni titlob għal aktar kjarifika legali minn 5 Stati Membri

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittri addizzjonali ta' intimazzjoni lill-Ġermanja, lill-Greċja, lil-Lussemburgu, lil Spanja u lir-Renju Unit fejn titlobhom għal aktar informazzjoni dwar l-applikazzjoni tagħhom tar-regoli dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi tal-UE (id-Direttiva 2007/46/KE). Wara valutazzjoni bir-reqqa tar-risposti mill-Ġermanja, mil-Lussemburgu, minn Spanja u mir-Renju Unit għall-ittri ta' intimazzjoni mibgħuta f'Diċembru 2016, il-Kummissjoni qed tfittex aktar ċarezza dwar ir-raġunijiet għaliex l-Istati Membri ma applikawx penalitajiet għal manifattur tal-karozzi li uża apparati ta' manipulazzjoni pprojbiti skont il-liġi tal-UE. Il-Kummissjoni qed titlob ukoll aktar informazzjoni mill-Greċja dwar is-sistema nazzjonali ta' penalitajiet stabbilita skont il-leġiżlazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip ral-UE. Illum il-Kummissjoni għalqet ukoll il-każ kontra l-Litwanja għax qieset li s-sistema ta' penali stabbilita hija kompatibbli mal-leġiżlazzjoni tal-UE.

 

Opinjonijiet motivati:

L-UNGERIJA: Il-Kummissjoni tieħu t-tieni pass fil-proċedura ta' ksur dwar il-Liġi tal-Edukazzjoni Għolja

Illum il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Ungerija dwar il-kompatibbiltà tal-Liġi tal-Edukazzjoni Għolja kif emendata fl-4 ta' April 2017 bil-liġi tal-UE. Il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Ungerija minħabba l-fatt li l-liġi kif emendata mhijiex kompatibbli mal-libertà tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja biex jipprovdu servizzi u jistabbilixxu ruħhom fi kwalunkwe pajjiż tal-UE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għadha tal-fehma li l-leġiżlazzjoni l-ġdida tmur kontra d-dritt tal-libertà akkademika, id-dritt għall-edukazzjoni u l-libertà li jitwettqu attivitajiet ekonomiċi kif previst mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-obbligi legali tal-Unjoni skont il-liġi internazzjonali tal-kummerċ. Wara analiżi ddettaljata tar-risposta li tat l-Ungerija għall-ittra ta' intimazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' April, il-Kummissjoni baqgħet issostni l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni legali u tad-diskussjonijiet bir-reqqa mill-Kulleġġ li saru fit-12 u fis-26 ta' April 2017 u li wasslu biex tinfetaħ il-proċedura ta' ksur. L-Ungerija issa għandha xahar biex tinnotifika lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda sabiex tirrimedja s-sitwazzjoni. Jekk tonqos milli tagħmel dan, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara l-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

Il-bejgħ bl-imnut: Il-Kummissjoni titlob lill-UNGERIJA biex tneħħi r-restrizzjonijiet fuq il-bejjiegħa bl-imnut

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Ungerija fejn titlobha biex tneħħi r-restrizzjonijiet fil-konfront tal-intrapriżi li qed jagħmlu t-telf fis-settur tal-bejgħ bl-imnut. Il-leġiżlazzjoni Ungeriża tipprojbixxi li l-bejjiegħa bl-imnut li jbigħu prodotti li jinbiegħu malajr, bħall-prodotti tal-merċa, ikomplu bl-operazzjonijiet tagħhom fl-Ungerija jekk għal sentejn konsekuttivi jaħdmu b'telf. Il-Kummissjoni tqis li din il-miżura tmur kontra l-libertà tal-istabbiliment u l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni (l-Artikolu 49 tat-TFUE) u l-moviment liberu tal-kapital (l-Artikolu 63 tat-TFUE) u ma tistax tiġi ġġustifikata bir-raġunijiet prevalenti ta' interess ġenerali. L-Ungerija issa għandha xahrejn biex tinforma lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda sabiex tirrimedja s-sitwazzjoni. Jekk tonqos milli tagħmel dan, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Il-moviment liberu tal-oġġetti: Il-Kummissjoni titlob lil SPANJA biex tiżgura l-moviment liberu tas-supplimenti alimentari

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil Spanja biex tħeġġiġha tneħħi l-prattiki diskriminatorji li jaffettwaw il-kummerċjalizzazzjoni tas-supplimenti alimentari. Skont il-leġiżlazzjoni Spanjola, meta suppliment alimentari jiġi introdott fis-suq Spanjol għall-ewwel darba, l-intrapriżi bbażati fi Spanja jridu jinnotifikaw lill-awtoritajiet nazzjonali filwaqt li l-intrapriżi minn pajjiżi oħra tal-UE jridu japplikaw mal-Aġenzija Spanjola għas-Sikurezza Alimentari u n-Nutrizzjoni (Spanish Agency for Food Safety and Nutrition - AECOSAN), li jwassal għal spejjeż ogħla. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li r-rekwiziti Spanjoli jillimitaw il-moviment liberu tal-oġġetti (l-Artikolu 34 tat-TFUE) peress li dawn jiddiskriminaw kontra n-negozji bbażati f'pajjiż ieħor tal-UE. Spanja issa għandha xahrejn biex tinnotifika lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda sabiex tirrimedja s-sitwazzjoni; jekk tonqos milli tagħmel dan, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

It-tagħmir tar-radju: Il-Kummissjoni titlob lil tliet Stati Membri biex jittrasponu r-regoli dwar it-tagħmir tar-radju

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil Ċipru, lill-Greċja u lir-Renju Unit fejn qiegħda titlobhom jittrasponu d-Direttiva dwar it-tagħmir tar-radju (RED, id-Direttiva 2014/53/UE). Id-Direttiva RED tiddefinixxi r-rekwiżiti essenzjali dwar is-saħħa u s-sigurtà, il-kompattibiltà elettromanjetika u l-użu effiċjenti tal-ispettru tar-radju u tipprovdi l-bażi għal aktar regolamenttazjzoni dwar is-sejħiet ta' emerġenza, l-interoperabbiltà u s-salvagwardji għall-protezzjoni tal-privatezza u tad-dejta personali. Tistabbilixxi wkoll il-proċeduri li jridu jiġu applikati u l-obbligi li jridu jiġu ssodisfati qabel ma t-tagħmir tar-radju jiġi introdott fis-suq intern tal-UE u ttejjeb is-sorveljanza tas-suq. L-Istati Membri kellhom jittrasponu bis-sħiħ id-Direttiva fil-liġi nazzjonali tagħhom sat-12 ta' Ġunju 2016. Il-Greċja u r-Renju Unit għadhom ma kkommunikawx lill-Kummissjoni li ttrasponew id-Direttiva fil-liġi nazzjonali tagħhom, filwaqt li Ċipru kkomunikat biss it-traspożizzjoni parzjali. It-tliet Stati Membri issa għandhom xahrejn biex jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva. Jekk jonqsu milli jagħmlu dan, il-Kummissjoni Ewropea tista' tiddeċiedi li tressaqhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

 

10. Il-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri

(Għal aktar informazzjoni: Christian Wigand – tel.: +32 229 62253, Melanie Voin – tel.: +32 229 58659)

Ittra ta' intimazzjoni:

L-UNGERIJA: Il-Kummissjoni tiftaħ proċedura ta' ksur għal-liġi dwar l-NGOs iffinanzjati minn barra l-pajjiż

Illum il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija minħabba l-liġi l-ġdida tagħha dwar l-NGOs iffinanzjati minn barra l-pajjiż, li ġiet adottata fit-13 ta' Ġunju. Il-liġi Ungeriża tintroduċi obbligi ġodda għal ċerti kategoriji ta' NGOs li jirċievu finanzjament annwali minn barra l-pajjiż ta' aktar minn HUF 7.2 miljun (madwar EUR 24,000) biex jirreġistraw u jiddeskrivu lilhom infushom fil-pubblikazzjonijiet, fis-siti web u fil-materjal għall-istampa kollu tagħhom bħala “organizzazzjonijiet appoġġati minn barra l-pajjiż” u biex jirrappurtaw informazzjoni speċifika dwar il-finanzjament li jirċievu minn barra l-pajjiż lill-awtoritajiet Ungeriżi. Dawn l-organizzazzjonijiet jistgħu iġarrbu sanzjonijiet jekk jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligi l-ġodda dwar ir-rappurtar u t-trasparenza. Il-Kummissjoni Ewropea kkonkludiet li din il-liġi ma tikkonformax mal-liġi tal-UE għal dawn ir-raġunijiet: 1) Il-liġi tinterferixxi bla bżonn mad-drittijiet fundamentali kif inhu minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari d-dritt tal-libertà ta' assoċjazzjoni. Il-liġi l-ġdida tista' tipprevjeni lill-NGOs milli jiġbru fondi u tillimitalhom il-kapaċità tagħhom li jwettqu xogħolhom. 2) Il-liġi tintroduċi wkoll restrizzjonijiet mhux ġustifikati u sproporzjonati għall-moviment liberu tal-kapital, kif enfasizzat fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Ir-rekwiżiti l-ġodda ta' reġistrazzjoni, rappurtar u reklamar previsti mil-liġi huma diskriminatorji u joħolqu piż amministrattiv u reputazzjonali għal dawn l-organizzazzjonijiet. Dawn il-miżuri jista' jkollhom effett dissważiv fuq l-allokazzjoni tal-fondi minn barra l-pajjiż u jagħmluha diffiċli għall-NGOs ikkonċernati biex jirċievu dawn il-fondi. 3) Il-liġi tqajjem tħassib fir-rigward tar-rispett tad-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata u d-dritt tal-protezzjoni tad-dejta personali. Ma ssibx bilanċ ġust bejn l-interessi tat-trasparenza u d-dritt tad-donaturi u tal-benefiċjarji li jipproteġu d-dejta personali tagħhom. Dan jikkonċerna l-aktar ir-rekwiżit li l-awtoritajiet Ungeriżi jingħataw l-ammonti eżatti tat-tranżazzjonijiet u l-informazzjoni ddettaljata dwar id-donaturi, li mbagħad l-awtoritajiet jagħmluhom disponibbli għall-pubbliku. Għalhekk il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Ungerija qed tonqos milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont it-Trattati tal-UE u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B'konsegwenza ta' dan, illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija, u b'hekk l-awtoritajiet Ungeriżi għandhom xahar biex jibagħtu t-tweġiba tagħhom. Il-Kummissjoni tinsab lesta biex tappoġġa u tassisti lill-awtoritajiet Ungeriżi biex jindirizzaw din il-kwistjoni. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara l-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

 

11. L-Affarijiet Marittimi u s-Sajd

(Għal aktar informazzjoni: Enrico Brivio – tel.: +32 229 56172, Iris Petsa – tel.: +32 229 93321)

Opinjonijiet motivati:

L-ippjanar spazjali marittimu: Il-Kummissjoni titlob lil ħames Stati Membri biex jikkomunikaw l-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva dwar l-Ippjanar Spazjali Marittimu

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lill-Bulgarija, lill-Kroazja, lil Ċipru, lill-Finlandja u lill-Greċja talli naqsu milli jinnotifikaw t-traspożizzjoni sħiħa fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom tar-regoli tal-UE li jistabbilixxu qafas għall-Ippjanar Spazjali Marittimu (ISM; id-Direttiva 2014/89/UE). L-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri sat-18 ta' Settembru 2016. Il-kompetizzjoni għall-ispazju marittimu - għat-tagħmir tal-enerġija rinnovabbli, is-sajd u l-akkwakultura, it-turiżmu, l-estrazzjoni tal-materja prima, ir-rotot tat-trasport bil-baħar u użi oħra - enfasizzat il-ħtieġa li l-ilmijiet Ewropej jiġu ġestiti b'mod aktar koerenti. L-ISM jaħdem bejn il-konfini u s-setturi biex jiżgura li l-attivitajiet tal-bniedem fil-baħar isiru b'mod effiċjenti, sigur u sostenibbli kif ukoll biex jintlaħqu diversi għanijiet ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali. Id-Direttiva tistabbilixxi l-approċċ komuni għall-pajjiżi tal-UE u r-rekwiżiti minimi għall-ippjanar taż-żoni marittimi. L-Istati Membri kkonċernati għandhom xahrejn biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom, u wara dan il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaqhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

 

12. Il-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza

(Għal aktar informazzjoni: Natasha Bertaud – tel.: +32 229 67456; Tove Ernst – tel.: +32 229 86764; Markus Lammert – tel.: +32 229 58602)

 

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Il-migrazzjoni legali: Il-Kummissjoni tressaq lill-BELĠJU quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talli naqas milli jipprovdi r-regoli komuni għall-ħaddiema minn barra l-UE

Illum il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Belġju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE talli naqas milli jimplimenta bis-sħiħ id-Direttiva dwar il-Permess Uniku (id-Direttiva 2011/98/UE). Id-Direttiva hija mfassla biex tiffaċilita l-migrazzjoni legali u għaldaqstant tintroduċi proċeduri simplifikati u sett komunu ta' drittijiet għall-ħaddiema mhux tal-UE. Il-Belġju wara li naqas milli jilħaq l-iskadenza inizjali għat-traspożizzjoni tal-25 ta' Diċembru 2013, għadu ma implimentax bis-sħiħ id-Direttiva. Għalhekk, illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-Belġju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. L-Istati Membri kellhom jittrasponu bis-sħiħ din id-Direttiva sal-25 ta' Diċmebru 2013. Sa dik id-data, il-Belġju kien ittraspona r-regoli l-ġodda biss parzjalment. B'riżultat ta' dan, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Belġju f'Marzu 2014 u, wara dan bagħtet opinjoni motivata f'April 2015. F'Novembru 2015 il-Kummissjoni ressqet lill-Belġju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. It-tressiq ġie sospiż f'April 2016, wara li l-awtoritajiet Belġjani pprovdew informazzjoni addizzjonali. Madankollu, sal-lum il-ġurnata, il-Belġju għadu ma nnotifikax lill-Kummissjoni bit-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva fil-liġi nazzjonali tiegħu. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq il-każ għal darba oħra quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE u fl-istess ħin ipproponiet penali ta' EUR 70.828,80 kuljum. L-ammont tal-penali ġie kkalkulat billi tqisu s-serjetà t-tul tal-ksur kif ukoll l-effett ta' deterrent rifless fil-kapaċità tal-Istat Membru li jħallas. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara l-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

 

Opinjonijiet motivati u arkivjar:

Il-migrazzjoni legali: Il-Kummissjoni titlob lill-BELĠJU, lill-KROAZJA, lill-FINLANDJA u lill-IŻVEZJA biex jiżguraw l-implimetazzjoni bis-sħiħ tad-Direttiva dwar il-Ħaddiema Staġjonali u tagħlaq każijiet kontra l-ESTONJA, il-LUSSEMBURGU u r-RUMANIJA

Illum il-Kummissjoni qed tindirizza n-nuqqasijiet fit-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħaddiema Staġjonali (id-Direttiva 2014/36/UE). Id-Direttiva dwar il-Ħaddiema Staġjonali, adottata fis-26 ta' Frar 2014, tiddetermina l-kundizzjonijiet tad-dħul u s-soġġorn ta' ħaddiema staġjonali mhux tal-UE u tiddefinixxi d-drittijiet ta' dawk il-ħaddiema staġjonali. L-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Direttiva fil-liġi nazzjonali sat-30 ta' Settembru 2016. Illum il-Kummissjoni Ewropea indirizzat opinjonijiet motivati lill-Kroazja u lill-Finlandja talli naqsu milli jikkomunikaw il-miżuri nazzjonali meħuda biex jittrasponu d-Direttiva dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u s-soġġorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għal finijiet ta' impjieg bħala ħaddiema staġjonali. Il-Kummissjoni indirizzat ukoll opinjonijiet motivati lill-Belġju u lill-Iżvezja għall-komunikazzjoni parzjali tal-miżuri nazzjonali meħuda biex jittrasponu din id-Direttiva. Fl-24 ta' Novembru 2016, il-Kummissjoni bagħtet ittri ta' intimazzjoni lill-Belġju, lill-Kroazja, lill-Estonja, lill-Finlandja, lil-Lussemburgu, lir-Rumanija u lill-Iżvezja talli naqsu milli jittrasponu bis-sħiħ id-Direttiva dwar il-Ħaddiema Staġjonali. Il-Kroazja u l-Finlandja għadhom ma nnotifikaw l-ebda mizura li tittrasponi d-Direttiva u l-Kummissjoni tqis li l-miżuri notifikati mill-Belġju u mill-Iżvezja ma jittrasponux bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Il-Belġju, il-Kroazja, il-Finlandja u l-Iżvezja issa għandhom xahrejn biex jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri kollha meħuda biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni bis-sħiħ tad-Direttiva, u wara dan il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tirreferi dawn il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Wara li eżaminat il-miżuri kkomunikati mill-Estonja, mil-Lussemburgu u mir-Rumanija, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħlaq il-proċeduri kontra dawn l-Istati Membri.

 

13. Il-Mobilità u t-Trasport

(Għal aktar informazzjoni: Enrico Brivio – tel.: +32 229 56172, Alexis Perier - tel.: +32 229 69143)

Ittra ta' intimazzjoni u opinjonijiet motivati:

It-trasport sostenibbli: Il-Kummissjoni tħeġġeġ lil seba' Stati Membri biex jittasponu bis-sħiħ ir-regoli dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi*

Illum il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-Greċja, lill-Irlanda, lil Malta, lir-Rumanija, lis-Slovenja u lir-Renju Unit fejn talbithom jinnotifikaw il-qafas ta' politika nazzjonali tagħhom skont ir-regoli tal-UE dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi (id-Direttiva 2014/94/UE). Il-qafas ta' politika nazzjonali huwa l-istrument ewlieni mogħti mid-Direttiva biex jiġi żgurat il-bini ta' infrastrutturi suffiċjenti tal-karburanti alternattivi, inklużi l-punti tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi u l-istazzjonijiet ta' riforniment għall-gass naturali u l-idroġenu u biex jiġi evitat il-frammentazzjoni tas-suq intern. Iż-żieda fil-pass tal-introduzzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi hija fil-fatt essenzjali biex ikun hemm mobilità kompetittiva u nadifa għall-Ewropej kollha, kif ġie stabbilit mill-Kummissjoni fil-pakkett “Ewropa Attiva” adottat f'Mejju 2017. Is-seba' Stati Membri issa għandhom xahrejn biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont id-Direttiva; jekk jonqsu milli jagħmlu dan, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Iżvezja talli nnotifikat Qafas ta' Politika Nazzjonali li ma jinkludix l-elementi minimi meħtieġa mid-Direttiva.

* Aġġornament tal-14 ta' Lulju 2017 (tneħħiet ir-referenza mhux korretta għall-Polonja).

 

Opinjoni motivata:

Id-drittijiet tal-passiġġieri: Il-Kummissjoni titlob lill-GREĊJA biex tapplika bis-sħiħ ir-regoli għall-passiġġieri li jivvjaġġaw bil-baħar u minn passaġġi fuq l-ilma interni

Illum il-Kummissjoni talbet lill-Greċja biex tapplika bis-sħiħ ir-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw fl-UE bil-baħar u minn passaġġi fuq l-ilma interni (ir-Regolament 1177/2010). Bħalissa, il-leġiżlazzjoni nazzjonali Griega tipprevjeni lill-passiġġieri milli jibbenefikaw bis-sħiħ mid-drittijiet mogħtija b'dan ir-Regolament meta s-servizz marittimu tagħhom ta' trasport tal-passiġġieri jiġi kkanċellat jew ikollu dewmien. Il-Greċja issa għandha xahrejn biex tinnotifika lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda sabiex tapplika r-Regolament b'mod korrett; jekk tonqos milli tagħmel dan, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

 

14. Is-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari

(Għal aktar informazzjoni: Anca Paduraru – tel.: +32 229 91269, Aikaterini Apostola – tel.: +32 229 87624)

Opinjoni motivata:

Il-Kummissjoni titlob lill-Italja biex timplimenta azzjonijiet meħtieġa biex jitwaqqaf it-tixrid tal-Xylella fastidiosa

Illum il-Kummissjoni qed tibgħat opinjoni motivata lill-Italja peress li l-awtoritajiet qed jonqsu milli jwaqqfu l-progressjoni tal-organiżmu ta' ħsara xylella fastidiosa. Wara tifqigħa tal-xylella fastidiosa fir-reġjun tal-Puglia, l-awtoritajiet Taljani kellhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-regoli tal-UE dwar l-organiżmi ta' ħsara għall-pjanti u l-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom fl-UE (id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/789 u d-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE). Dan kien jinvolvi t-tneħħija tal-pjanti infettati mit-territorju tagħha hekk kif ikun hemm l-ewwel konferma tal-preżenza tal-xylella fastidiosa. Madankollu ġew notifikati tifqigħat ġodda fl-Italja u l-iskeda taż-żmien ikkomunikata mill-Italja ma kinitx effettiva biex tiżgura t-tneħħija mill-ewwel tas-siġar infettati, kif mitlub mil-leġiżlazzjoni tal-UE. Il-Xylella fastidiosa hija waħda mill-batterji tal-pjanti l-aktar perikolużi fid-dinja, li tikkawża varjetà sħiħa ta' mard b'impatt ekonomiku enormi fuq l-agrikoltura. L-Istati Membri jridu jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jeliminaw il-Xylella fastidiosa u biex jipprojbixxu t-tixrid tagħha fl-Istati Membri. It-talba tal-Kummissjoni tieħu l-forma ta' opinjoni motivata u ssegwi ittra ta' intimazzjoni li l-Kummissjoni bagħtet f'Mejju 2015. Wara dan, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni supplimentari lill-awtoritajiet Taljani f'Lulju 2016. L-Italja għandha xahrejn biex tikkonforma mal-obbligi tagħha; jekk tonqos milli tagħmel dan, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq lill-Italja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

 

15. It-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali

(Għal aktar informazzjoni: Vanessa Mock – tel.: +32 229 56194, Patrick Mc Cullough – tel.: +32 229 87183)

Opinjoni motivata:

It-tassazzjoni: Il-Kummissjoni titlob lil FRANZA biex ittemm it-trattament sfavorevoli għall-kontribwenti li jirċievu introjtu minn sorsi barranin

Il-Kummissjoni talbet lil Franza biex temenda ċerti dispożizzjonijiet dwar kif tikkalkula t-taxxa fuq l-introjtu personali. Ir-regoli attwali fi Franza jistipulaw li l-kontribwenti residenti fi Franza u li jaqilgħu parti mill-introjtu tagħhom fi Stat Membru ieħor taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) ma jistgħux jibbenefikaw mill-istess benefiċċji fuq it-taxxa personali u familjari kif applikati għall-introjtu miksub fi Franza. Skont ir-regoli Franċiżi, il-kontribwent li jkollu defiċit lanqas ma jista' jibbenefika minn kwalunkwe rifużjoni jew differiment ta' kreditu tat-taxxa għall-introjtu minn sorsi barranin. Jekk Franza żżomm dawn id-dispożizzjonijiet tkun qed tikser l-obbligi tagħha skont l-Artikoli tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropa dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, id-dritt ta' stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital. Jekk l-awtoritajiet Franċiżi jonqsu milli jaġixxu fi żmien xahrejn, il-każ jista' jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

 

Opinjonijiet motivati u għeluq:

It-tassazzjoni: Il-Kummissjoni titlob lill-BULGARIJA, lil ĊIPRU u lill-PORTUGALL biex jittrasponu r-regoli l-ġodda dwar it-trasparenza għall-iskambju tad-deċiżjonijiet tat-taxxa

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lill-Bulgarija, lil Ċipru u lill-Portugall peress li dawn l-Istati Membri naqsu milli jikkomunikaw t-traspożizzjoni tal-miżuri l-ġodda dwar l-iskambju awtomatiku tad-deċiżjonijiet tat-taxxa bejn l-awtoritajiet tat-taxxa tal-UE (id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/2376). L-Istati Membri kellhom jittrasponu dawn il-miżuri sal-31 ta' Diċembru 2016. Ir-regoli l-ġodda huma mfassla biex irażżnu l-evitar transkonfinali tat-taxxa, l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-kompetizzjoni tat-taxxa dannuża, filwaqt li l-ewwel skambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa tal-UE suppost isir sa Settembru li ġej. Il-Kummissjoni stabbiliet skadenza ta' xahrejn għat-tliet pajjiżi biex jibagħtu r-risposti tagħhom. Fin-nuqqas ta' risposta sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Sadanittant il-Kummissjoni laqgħet it-traspożizzjoni tal-istess miżuri mir-Repubblika Ċeka, mill-Greċja, mill-Ungerija u mill-Polonja u llum iddeċidiet li tagħlaq il-każijiet ta' ksur rispettivi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri kollha tikkonformax mar-rekwiżiti kollha tar-regoli l-ġodda.

 

MEMO/17/1935

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar