Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

It-tnedija ta' Pjattaforma tal-UE dwar il-Benessri tal-Annimali: Mistoqsijiet u tweġibiet dwar il-politika dwar il-Benessri tal-Annimali

Brussell, is-6ta' gunju 2017

It-tnedija ta' Pjattaforma tal-UE dwar il-Benessri tal-Annimali: Mistoqsijiet u tweġibiet dwar il-politika dwar il-Benessri tal-Annimali

Illum, il-Kummissarju Ewropew Vytenis Andriukaitis uffiċjalment inawgura l-laqgħa ta' tnedija tal-Pjattaforma tal-UE dwar il-Benessri tal-Annimali (il-Pjattaforma). Il-Pjattaforma se tlaqqa' 75 rappreżentant minn partijiet ikkonċernati, NGOs, xjenzjati, Stati Membri, pajjiżi taż-ŻEE (iż-Żona Ekonomika Ewropea), organizzazzjonijiet internazzjonali u mill-EFSA (Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel). Din hija l-ewwel darba li l-atturi kollha ewlenin tal-UE se jiltaqgħu biex jiskambjaw esperjenzi u jikkontribwixxu għat-titjib tal-benessri tal-annimali.

 

Għaliex il-Kummissjoni qed tniedi din il-Pjattaforma?

Kif indikat mill-istħarriġ tal-Ewrobarometru ppubblikat f'Marzu 2016, maġġoranza assoluta tal-Ewropej tqis li l-ħarsien tal-benessri tal-annimali huwa importanti ħafna u tixtieq tara titjib fil-mod kif dan jiġi protett.

It-titjib tal-benessri tal-annimali mhuwiex biss kwistjoni ta' leġiżlazzjoni. U l-Pjattaforma mhix forum għall-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni ġdida. Kif jgħid il-motto tal-istrateġija tal-UE għall-benessri tal-annimali adottata fl-2012 “Kulħadd huwa responsabbli”. Biex jinkisbu riżultati konkreti, il-fehim reċiproku u l-fiduċja bejn l-atturi kollha kif ukoll l-impenn konkret minn kull attur huwa l-ewwel pass essenzjali u huwa wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Pjattaforma.

Il-pjattaforma għandha l-għan li tippromwovi d-djalogu bejn l-awtoritajiet kompetenti, in-negozji, is-soċjetà ċivili u x-xjenzjati dwar kwistjonijiet relatati mal-benessri tal-annimali li huma rilevanti għaċ-ċittadini tal-UE.

Il-pjattaforma se tgħin lill-Kummissjoni fl-iżvilupp u fl-iskambju ta' azzjonijiet ikkoordinati relatati mal-benessri tal-annimali b'enfasi fuq:

  1. l-applikazzjoni aħjar tar-regoli tal-UE dwar il-benessri tal-annimali, permezz ta' skambju ta' informazzjoni, l-aħjar prattiki u l-involviment dirett tal-partijiet ikkonċernati,
  2. l-iżvilupp u l-użu ta' impenji volontarji min-negozji,
  3. il-promozzjoni ta' standards tal-UE dwar il-benessri tal-annimali fuq livell globali.

 

Min huma l-membri tal-Pjattaforma?

Il-Pjattaforma hija magħmula minn 75 membru.

Erbgħin (40) membru nħatru mid-Direttur Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari wara sejħa għall-applikazzjonijiet biex jirrappreżentaw in-negozji u l-organizzazzjonijiet professjonali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-esperti indipendenti mill-istituti tar-riċerka. Kemm l-organizzazzjonijiet kif ukoll l-esperti kellhom juru r-rilevanza tal-attivitajiet u l-għarfien espert tagħhom mal-kompiti tal-Pjattaforma. B'mod partikolari l-ħidma tagħhom trid tkun rilevanti għall-benessri tal-annimali f'kuntest tal-UE u tkopri diversi Stati Membri.

 

Kif jintgħażlu l-membri tal-Pjattaforma?

Il-membri differenti ġew magħżula bil-għan li tiġi żgurata rappreżentanza ġusta bejn setturi u attivitajiet varji kif ukoll bilanċ bejn is-sessi u bilanċ ġeografiku.

Ħamsa u tletin (35) membru jirrappreżentaw istituzzjonijiet pubbliċi bħal awtoritajiet kompetenti (28 Stat Membru u 3 pajjiżi taż-ŻEE: l-Iżlanda, il-Liechtenstein, u n-Norveġja), organizzazzjonijiet internazzjonali li jaħdmu fuq il-benessri tal-annimali (l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Bank Dinji) u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel.

Il-Pjattaforma tista' wkoll taħtar massimu ta' ħames osservaturi. L-Iżvizzera ngħatat status ta' osservatur fil-Pjattaforma.

 

Kif se taħdem fil-prattika l-Pjattaforma?

Il-Pjattaforma se tiltaqa' darbtejn fis-sena. Fl-ewwel laqgħa tagħha l-Kummissjoni beħsiebha tidentifika l-oqsma ta' prijorità ta' ħidma għall-membri tagħha kif ukoll ir-riżorsi li l-membri huma lesti li jaqsmu. Abbażi tar-riżultati tal-ewwel laqgħa l-Kummissjoni mbagħad se tipproponi oqsma ta' ħidma speċifiċi u, jekk ikun meħtieġ, se jiġu stabbiliti sottogruppi.

Il-Pjattaforma se tistieden b'mod regolari lill-forums l-oħra jew lill-partijiet ikkonċernati biex jippreżentaw l-inizjattivi u l-attivitajiet tagħhom. Din mhux biss se tarrikkixxi d-dibattiti tagħha iżda se tiffaċilita wkoll it-tixrid tal-għarfien, l-inizjattivi u l-esperjenzi li jistgħu jintużaw mill-membri. Il-Pjattaforma se tiffaċilita wkoll il-koordinazzjoni u l-komplementarjetà bejn l-inizjattivi meħuda f'forums differenti.

 

Liema huma s-suġġetti li se jiġu indirizzati l-ewwel?

Fil-laqgħa inawgurali tal-Pjattaforma, il-Kummissjoni se tippromwovi diskussjonijiet dwar l-oqsma ta' prijorità tagħha fi tliet sessjonijiet:

-Kif il-Pjattaforma tista' tikkontribwixxi għal applikazzjoni u fehim aħjar tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-benessri tal-annimali?

-Kif il-Pjattaforma tista' tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-istandards relatati mal-benessri tal-annimali tal-UE madwar id-dinja?

-Kif il-Pjattaforma tista' tiffaċilita l-użu ta' impenji volontarji u tippromwovi l-valur fis-suq ta' prodotti favur il-benessri tal-annimali?

Abbażi tad-dibattiti u tal-impenji tal-membri, il-Kummissjoni se tidentifika oqsma ta' ħidma rilevanti tal-UE li huma ta' interess komuni u li jkunu konkreti biżżejjed u jistgħu jinkisbu.

 

X'eżitu nistgħu nistennew mill-ħidma tal-Pjattaforma?

Il-Pjattaforma tirrappreżenta opportunità kbira għall-partijiet ikkonċernati kollha biex jikkontribwixxu fit-titjib tal-benessri tal-annimali permezz ta' kooperazzjoni u netwerking. Għalhekk, l-eżitu tal-Pjattaforma se jiddependi l-aktar fuq il-parteċipazzjoni attiva u kostruttiva ta' kull membru.

L-ewwel nett, il-Pjattaforma hija forum għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u tal-esperjenzi. Din hija wkoll opportunità biex jiżdied l-għarfien u tiġi żviluppata l-fiduċja u l-kooperazzjoni bejn il-membri tagħha.

Il-Pjattaforma se tkun ukoll il-post ideali għall-forums/gruppi ta' ħidma kollha li huma speċjalizzati fil-benessri tal-annimali biex jippreżentaw l-attivitajiet u l-proġetti tagħhom u biex jaqblu dwar ċerti impenji volontarji. Fil-fatt hemm diversi sferi fejn il-benessri tal-annimali llum jiġi diskuss fil-livell internazzjonali, bħall-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Ikel, l-organizzazzjoni EuroFAWC jew l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali. Għalhekk, il-Pjattaforma tista' tkun ċentru fejn dawn id-diversi forums/gruppi jingħaqdu u jikkontribwixxu għat-titjib fir-riżultati ġenerali.

Il-Kummissjoni temmen li l-Pjattaforma għandha taħdem fuq objettivi konkreti u li jistgħu jinkisbu bil-għan li jkollha effetti fit-tul dwar kif jiġu indirizzati l-kwistjonijiet dwar il-benessri tal-annimali.

Il-Pjattaforma tista' taħdem fuq proġetti speċifiċi biex tgħin lill-Kummissjoni fl-għanijiet tagħha li jinkludu implimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-benessri tal-annimali jew il-promozzjoni tal-istandards tal-UE fil-livell globali. Filwaqt li dawn il-kwistjonijiet jibqgħu primarjament taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-UE, il-partijiet ikkonċernati jistgħu jġibu l-esperjenzi u l-għarfien espert tagħhom biex jappoġġaw u jikkumplimentaw dawn l-attivitajiet permezz ta' diversi perspettivi u mezzi (riċerka applikata, edukazzjoni, taħriġ vokazzjonali, konferenzi, eċċ.).

Il-Pjattaforma tista' wkoll tiżviluppa attivitajiet fejn ma teżisti l-ebda leġiżlazzjoni speċifika tal-UE jew attivitajiet għall-promozzjoni ta' prattiki tajbin għall-benessri tal-annimali. Dan jista' jsir permezz tal-produzzjoni ta' dokumenti ta' gwida dwar kwistjonijiet speċifiċi (bħall-eliminazzjoni gradwali tal-kastrazzjoni tal-ħnienes) jew dwar suġġetti aktar ġenerali (eż. it-tikkettar tal-benessri tal-annimali).

 

Fil-livell tal-UE kif jiġi indirizzat il-benessri tal-annimali? X'inhi l-leġiżlazzjoni eżistenti?

L-ewwel leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-benessri tal-annimali ġiet adottata fl-1974 [1] u din kienet tirreferi għall-protezzjoni tal-annimali fil-biċċeriji. Minn dak iż-żmien 'l hawn, l-UE adottat testi legali għall-protezzjoni tal-annimali tal-irziezet u tal-laboratorju. Hemm ukoll dispożizzjonijiet tal-UE dwar iż-żamma tal-annimali fiż-żoo b'referenzi għall-benessri tal-annimali. L-UE tipprojbixxi wkoll l-użu ta' nases li jaqbdu l-annimali selvaġġi minn saqajhom.

L-annimali tal-irziezet huma protetti permezz ta' sett ġenerali ta' regoli tal-UE dwar il-biedja kif ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-trasport u t-tbiċċir/qtil. Barra minn hekk, jeżistu regoli addizzjonali speċifiċi għaż-żamma tat-tiġieġ tal-bajd, tat-tiġieġ għall-produzzjoni tal-laħam, tal-ħnieżer u tal-għoġġiela.

L-UE tintegra wkoll ir-rekwiżiti tal-benessri tal-annimali fir-regoli dwar is-sussidji agrikoli (il-kundizzjonalità u l-programmi tal-iżvilupp rurali ) kif ukoll għall-biedja organika.

L-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE jirrikjedi li l-Unjoni u l-Istati Membri jirrispettaw il-ħtiġijiet tal-benessri tal-annimali meta jkunu qed iħejju jew jimplimentaw ċerti politiki tal-Unjoni, peress li l-annimali huma esseri sensibbli.

Madankollu, dan l-obbligu ma jikkostitwix bażi ġuridika biex l-Unjoni tgħaddi leġiżlazzjoni fuq kwalunkwe kwistjoni relatata mal-benessri tal-annimali. Xi wħud minnhom jibqgħu biss taħt il-kompetenza tal-Istati Membri (ara aktar 'il quddiem il-mistoqsija dwar l-annimali selvaġġi).

Fi ħdan dan il-kamp ta' applikazzjoni, l-attivitajiet tal-Kummissjoni dwar il-benessri tal-annimali mhumiex limitati għal-leġiżlazzjoni. Filwaqt li l-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE taqa' prinċipalment taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, il-Kummissjoni twettaq ukoll verifiki regolari biex tivverifika li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-kontrolli uffiċjali b'mod xieraq.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija involuta b'mod attiv fil-promozzjoni tal-istandards tal-UE għall-benessri tal-annimali fil-livell internazzjonali permezz ta' standards globali tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali u permezz ta' ftehimiet bilaterali/kooperazzjoni ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni torganizza attivitajiet ta' taħriġ dwar il-benessri tal-annimali għall-uffiċjali tal-Istati Membri u għall-pajjiżi li mhumiex fl-UE. Fil-futur qrib, il-Kummissjoni se taħtar ukoll ċentri ta' referenza dwar il-benessri tal-annimali (ara hawn taħt).

 

Min hu responsabbli mill-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli?

L-Istati Membri għandhom rwol importanti fil-każijiet kollha minħabba li huma responsabbli għall-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE permezz ta' diversi mezzi, li jinkludu l-kontrolli uffiċjali, iżda wkoll l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' struzzjonijiet, gwida u kampanji ta' informazzjoni għall-uffiċjali u l-partijiet ikkonċernati. Dan l-iżvilupp jista' jimplika wkoll il-finanzjament ta' programmi ta' riċerka fil-livell nazzjonali.

B'mod partikolari, bosta partijiet mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-benessri tal-annimali jinkludu l-obbligu għall-Istati Membri li jipprovdu u jivvalidaw it-taħriġ għall-persuni li jieħdu ħsieb l-annimali. Għalhekk l-Istati Membri għandhom jiddedikaw ir-riżorsi xierqa biex jiżguraw li l-operaturi jkunu kompetenti fil-ġestjoni u fiż-żamma tal-annimali.

 

X'jingħad dwar l-annimali li mhumiex koperti mil-liġijiet tal-UE u l-annimali selvaġġi?

Fit-trattati tal-UE, il-benessri tal-annimali huwa kwistjoni li trid tiġi indirizzata fi ħdan il-qafas ta' ċerti politiki tal-UE bħall-agrikoltura jew is-suq intern. L-UE ma għandha l-ebda mandat biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet kollha tal-benessri tal-annimali (ara hawn fuq).

Dan huwa l-każ pereżempju fir-rigward tal-benessri tal-klieb u tal-qtates tat-triq jew l-użu ta' annimali f'wirjiet jew f'kompetizzjonijiet (corridas, rodeos, ċirkli, tlielaq tal-klieb jew taż-żwiemel, eċċ.). Filwaqt li l-Kummissjoni ta' spiss tintalab sabiex tieħu azzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet, hija ma għandha l-ebda setgħa legali biex tintervjeni.

L-Unjoni għandha wkoll kompetenza limitata ħafna dwar il-benessri tal-annimali selvaġġi.

Fir-rigward tal-benessri tal-annimali selvaġġi miżmuma fil-magħluq, id-Direttiva dwar iż-żoos u l-akkwarji fiha referenzi għar-rekwiżiti tal-benessri tal-annimali. L-annimali selvaġġi l-oħra li jinżammu fil-magħluq mhumiex soġġetti għar-regoli tal-UE dwar il-benessri tal-annimali (bħal ċirkli jew ħwienet tal-annimali domestiċi).

Ħlief għall-projbizzjoni fuq l-użu tan-nases tas-saqajn, l-Unjoni ma għandha l-ebda leġiżlazzjoni li tipproteġi l-annimali li jgħixu fis-selvaġġ.

Se jiġu adottati regoli ġodda fil-futur qrib?

F'dan l-istadju, il-prijorità tal-Kummissjoni hija li tiżgura li r-regoli eżistenti jiġu implimentati bis-sħiħ. Fil-fatt, ma hemm l-ebda punt li jiġu adottati rekwiżiti ġodda jekk dawk attwali għad iridu jiġu applikati aħjar.

Dan ma jfissirx li l-Kummissjoni ma taġixxix fuq kwistjonijiet relatati mal-benessri tal-annimali li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni.

Il-benessri tal-annimali jista' jitjieb b'mod sostanzjali permezz ta' diversi attivitajiet mhux leġiżlattivi li bħalissa l-Kummissjoni qed tiżviluppa (ara l-mistoqsija li jmiss).

 

Il-Kummissjoni se tadotta strateġija ġdida għall-benessri tal-annimali? Jekk le, x'se tagħmel il-Kummissjoni fir-rigward tal-benessri tal-annimali?

Fl-2012, il-Kummissjoni adottat Strateġija tal-UE dwar il-Benessri tal-Annimali li elenkat sensiela ta' azzjonijiet li għandhom jitwettqu.

Il-Kummissjoni l-ewwel trid tlesti l-azzjonijiet pendenti li jikkonsistu minn sitt studji u rapporti. Xi wħud minnhom huma tekniċi u oħrajn huma aktar strateġiċi, iżda kollha huma importanti u jagħtu kontribut għar-riflessjonijiet futuri tagħna dwar il-benessri tal-annimali. Xi wħud minnhom se jikkontribwixxu wkoll biex titjieb l-implimentazzjoni permezz tal-produzzjoni ta' dokumenti ta' gwida (l-aħjar prattiki dwar it-trasport tal-annimali, l-aħjar prattika dwar il-qtil tal-annimali).

Għall-Kummissjoni huwa għalhekk ta' prijorità li tiżgura li, sa tmiem l-2017, dawn l-azzjonijiet kollha jkunu ffinalizzati biex ikollha l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-futur.

Din hija r-raġuni għaliex għalissa l-Kummissjoni mhijiex qed taħdem fuq strateġija oħra.

Barra minn hekk, biex tikkompleta l-istrateġija li adottat fl-2012, il-Kummissjoni qed taħdem fuq erba' prijoritajiet:

  1. l-applikazzjoni aħjar tar-regoli tal-UE dwar il-benessri tal-annimali,
  2. l-iżvilupp ta' djalogu mal-partijiet ikkonċernati,
  3. il-promozzjoni tal-istandards tal-UE fil-livell globali,
  4. il-ħatra ta' ċentri ta' referenza tal-UE dwar il-benessri tal-annimali.

Fuq applikazzjoni aħjar tar-regoli tal-UE, il-Kummissjoni ffokat l-azzjonijiet tagħha fuq proġetti speċifiċi wara r-riżultati tal-verifiki preċedenti. B'mod partikulari ngħatat prijorità għall-benessri tal-ħnieżer, fejn għad hemm nuqqas kbir ta' konformità fir-rigward tal-projbizzjoni dwar il-qtugħ tad-denb u l-provvediment ta' materjal manipulabbli għall-ħnieżer. Il-Kummissjoni qed tappoġġa wkoll b'mod attiv lill-Istati Membri biex itejbu l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport b'attenzjoni partikolari fuq l-esportazzjoni tal-annimali ħajjin lejn pajjiżi li mhumiex fl-UE.

Id-djalogu mal-partijiet ikkonċernati se jiġi żviluppat permezz tal-attivitajiet tal-Pjattaforma. F'Jannar 2017 il-Kummissjoni adottat deċiżjoni biex tinħoloq Pjattaforma u kull sena mistennija li jsiru mill-inqas żewġ laqgħat.

Il-promozzjoni tal-istandards tal-UE fil-livell globali tinkiseb permezz ta' diversi attivitajiet fit-tul, bħal fil-każ ta' negozjar ta' standards internazzjonali fl-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (illum hemm 13-il standard internazzjonali għall-benessri tal-annimali bis-saħħa tal-impuls tal-UE), u permezz tal-inklużjoni tal-benessri tal-annimali fil-ftehimiet bilaterali tal-kummerċ ħieles.

Il-ħatra ta' ċentri ta' referenza tal-UE se tiġi stabbilita fi żmien sena wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali l-ġdid (ara hawn taħt).

 

Fir-Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali l-ġdid kif se jiġi indirizzat il-benessri tal-annimali?

Ir-Regolament jeżiġi lill-Unjoni li taħtar Ċentri ta' Referenza tal-UE għall-benessri tal-annimali. Dawn se jassistu lill-pajjiżi tal-UE fil-kontrolli uffiċjali tagħhom, permezz ta' studji xjentifiċi u tekniċi, korsijiet ta' taħriġ u t-tixrid ta' sejbiet u ta' informazzjoni tar-riċerka dwar l-innovazzjonijiet tekniċi. Iċ-Ċentri ta' Referenza tal-UE se jipprovdu wkoll kompetenza xjentifika u teknika dwar metodi biex jivvalutaw u jtejbu l-benessri tal-annimali.

Barra minn hekk, ir-Regolament japplika għal kontrolli uffiċjali fuq ir-regoli tal-benessri tal-annimali, eż. dwar it-trasport, il-qatla u l-biedja, u jippermetti l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni tal-Kummissjoni biex jiġu aġġustati r-rekwiżiti tal-kontrolli uffiċjali biex jissodisfaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-benessri tal-annimali bħall-introduzzjoni ta' indikaturi tal-benessri tal-annimali.

Ir-Regolament (UE) 2017/265 daħal fis-seħħ fis-27 ta' April 2017, u l-ħatra ta' Ċentri ta' Referenza tal-UE trid issir fi żmien sena wara dik id-data.

 

Għal aktar informazzjoni:

https://ec.europa.eu/food/animals/welfare_en

 

[1]     Id-Direttiva tal-Kunsill 74/577/KEE tat-18 ta' Novembru 1974 dwar l-isturdament tal-annimali qabel il-qtilĠU L 316, 26.11.1974, p. 10

MEMO/17/1426

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar