Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Immexxu lill-Korp Ewropew ta' Solidarjetà 'l quddiem: mistoqsijiet u tweġibiet

Brussell, it-30ta' mejju 2017

Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta biex ikun hemm bażi legali u baġit apposta għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

IP/17/1383

X'inhu l-ħsieb wara l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà?

Is-solidarjetà hija valur komuni fl-Unjoni Ewropea, li nsibuh fost iċ-ċittadini u l-Istati Membri tagħha u fl-azzjonijiet tagħha kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll 'il barra minnha.

Kif qal il-President Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni 2016, li matulu ħabbar il-ħolqien tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà: “Ta' spiss nuru solidarjetà iktar faċilment meta ffaċċjati b'emerġenzi. Meta l-għoljiet Portugiżi kienu qed jaqbdu, kienu ajruplani Taljani li tfew in-nirien. Meta għargħar qatgħu l-provvista tad-dawl fir-Rumanija, kienu ġeneraturi Żvediżi li reġgħu xegħlu d-dawl. Meta eluf ta' refuġjati waslu fuq ix-xtut Griegi, kienu tined Slovakki li pprovdew kenn. Fl-istess spirtu, il-Kummissjoni llum qed tipproponi li twaqqaf Korp ta' Solidarjetà Ewropea.”

L-għan tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà huwa li ż-żgħażagħ jingħataw l-opportunità jieħdu sehem f'firxa ta' attivitajiet ta' solidarjetà li jindirizzaw sitwazzjonijiet ta' sfida madwar l-UE. Il-parteċipazzjoni se tkun ta' benefiċċju mhux biss għaż-żgħażagħ mil-lat tal-iżvilupp personali tagħhom, tal-involviment attiv tagħhom fis-soċjetà u tal-impjegabbiltà tagħhom, iżda se tgħin ukoll lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi, lill-korpi pubbliċi u lill-kumpaniji fl-isforzi tagħhom biex ilaħħqu mal-isfidi tas-soċjetà u ma' sfidi oħrajn.

Għaliex hemm bżonn ta' bażi legali għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà?

Bħalissa l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà qed jiġi implimentat permezz ta' tmien programmi differenti, li kull wieħed minnhom għandu bażi legali, għanijiet u baġit għalih (dawn huma l-programm Erasmus+, il-Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (l-EaSI), il-Programm LIFE, il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-programm tas-saħħa, il-Programm “L-Ewropa għaċ-ċittadini”, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali; tista' ssib iktar tagħrif dwar dan f'din l-iskeda informattiva).

Bażi legali awtonoma se tipprovdi strument wieħed komprensiv ta' finanzjament u sett ta' għanijiet ċari. Dan se jgħin biex il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jissaħħaħ billi jiżdiedu l-koerenza, l-impatt u l-kosteffettività tiegħu u biex jinħolqu saħansitra iktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ. Meta l-Kummissjoni nediet il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà f'Diċembru tal-2016, hija ntrabtet li tippreżenta proposta leġiżlattiva dwaru sar-Rebbiegħa tal-2017.

X'baġit se jkollu l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà?

Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi li tistabbilixxi baġit ġenerali ta' EUR 341,500,000, fi prezzijiet kurrenti, għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2018 sal-31 ta' Diċembru 2020 biex jiġi implimentat il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Dan huwa mniżżel fil-bażi legali u se jiżgura li din l-inizjattiva jkollha baġit stabbli għat-tliet snin li ġejjin.

L-ispejjeż tal-kollokamenti se jvarjaw skont kemm idumu għaddejjin il-kollokamenti u skont il-pajjiż fejn dawn isiru, pereżempju għal kollokament għal xogħol volontarju, l-UE se tipprovdi bejn EUR 3,400 u EUR 6,500.

IL-GOVERNANZA

Liema struttura organizzattiva se tkun inkarigata mill-Korp Ewropew ta' Solidarjetà?

Fl-ewwel fażi tiegħu li għaddejja bħalissa, il-ġestjoni u l-finanzjament tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà qegħdin f'idejn tmien programmi differenti tal-UE. Bil-proposta l-ġdida, se jkunu l-Kummissjoni Ewropea, l-Aġenziji Nazzjonali responsabbli mill-programm Erasmus+ fl-Istati Membri u l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (l-EACEA) li se jkollhom f'idejhom l-implimentazzjoni tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

L-Aġenziji Nazzjonali responsabbli mill-programm Erasmus+ li diġà għandhom f'idejhom il-ġestjoni tal-qasam taż-żgħażagħ tal-programm Erasmus+ se jkollhom f'idejhom l-implimentazzjoni ta' ħafna mill-azzjonijiet tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Huma se jkunu qed jivvalutaw it-talbiet tal-organizzazzjonijiet li jkunu qed japplikaw għat-Tikketta ta' Kwalità marbuta mal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, jagħtu għotjiet tal-UE għall-kollokamenti u għall-proġetti, joffru appoġġ u taħriġ, jorganizzaw attivitajiet ta' netwerking u jippromwovu l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà fil-livell nazzjonali.

Bl-appoġġ tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura, il-Kummissjoni Ewropea se tamministra s-servizzi orizzontali maħsubin għal dawk li jkunu qed jieħdu sehem fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, pereżempju t-taħriġ online, l-appoġġ lingwistiku online u l-assigurazzjoni. L-Aġenzija se tagħti wkoll it-tikketta ta' kwalità lil ċerti tipi ta' partijiet ikkonċernati (pereżempju n-netwerks Ewropej, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, il-korpi li jkollhom f'idejhom l-implimentazzjoni tal-iskemi nazzjonali jew tal-fondi tal-UE b'ġestjoni kondiviża, eċċ.), li jistgħu japplikaw ukoll għal finanzjament min-naħa tal-Aġenzija.

Barra minn hekk, Ċentru tar-Riżorsi tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà li għadu kemm inħoloq dan l-aħħar se jagħti appoġġ lill-korpi ta' implimentazzjoni u lill-organizzazzjonijiet parteċipanti, b'mod partikulari b'rabta maċ-ċertifikazzjoni u mad-dokumentazzjoni tal-ħiliet li ż-żgħażagħ ikunu kisbu matul l-attivitajiet tagħhom.

Xi rwol se jkollhom is-servizzi tal-impjiegi?

L-atturi tas-suq tax-xogħol, bħas-servizzi pubbliċi u privati tal-impjiegi, kif ukoll il-Kmamar tal-Kummerċ, se jkunu jistgħu jikkontribwixxu għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà billi jiffaċilitaw il-kollokamenti tax-xogħol u tat-taħriġ, jiġifieri billi jqabblu l-postijiet li jkun hemm mal-kandidati adattati. L-appoġġ tagħhom se jissejjes fuq l-istrutturi eżistenti.

B'mod partikulari, is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi għandhom ħafna informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol, jiġifieri dwar l-aċċess għall-postijiet tax-xogħol battala kemm f'pajjiżhom kif ukoll f'pajjiżi oħrajn (permezz tal-bażijiet tad-dejta tagħhom stess u tal-EURES rispettivament). Barra minn hekk, dawn jistgħu jgħinu biex jippromwovu l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà ma' min iħaddem u biex iħeġġu liż-żgħażagħ jirreġistraw f'dan il-Korp. Huma jistgħu jipprovdu wkoll appoġġ lil dawk li jkunu qed jieħdu sehem fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà wara l-kollokament tagħhom biex jiżguraw li dan il-kollokament iservihom ta' pass lejn is-suq tax-xogħol.

L-atturi tas-suq tax-xogħol, fosthom is-servizzi pubbliċi u privati tal-impjiegi, se jkunu jistgħu japplikaw, waħedhom jew flimkien, għall-għotjiet permezz tal-Aġenziji Nazzjonali responsabbli mill-programm Erasmus+.

L-ATTIVITAJIET

L-attivitajiet li jingħataw appoġġ se jibqgħu l-istess?

Bħalissa l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà joffri kollokamenti għal xogħol volontarju u kollokamenti tax-xogħol u tat-taħriġ lill-parteċipanti individwali. Permezz tal-bażi legali l-ġdida, minbarra li jappoġġa liż-żgħażagħ iwettqu attivitajiet ta' volontarjat għal mhux aktar minn sena, kollokamenti tat-taħriġ għal perjodu ta' xahrejn sa sitt xhur u kollokamenti tax-xogħol għal xahrejn sa sena skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà se jagħti wkoll l-opportunità lill-parteċipanti jistabbilixxu l-proġetti ta' solidarjetà tagħhom stess jew jagħmlu xogħol ta' volontarjat bħala grupp. Il-parteċipanti minn ambjenti żvantaġġati se jingħataw attenzjoni partikulari. Għal kull tip ta' kollokament u kull tip ta' proġett se jkun hemm għadd ta' miżuri ta' appoġġ (bħat-taħriġ, l-assigurazzjoni u l-għoti ta' ċertifikat).

X'inhu tim ta' voluntiera?

Permezz ta' din il-proposta, il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà għandu aspett ieħor, jiġifieri l-attivitajiet imwettqin minn tim ta' voluntiera. Dawn l-attivitajiet se jippermettu lil grupp ta' bejn għaxar u erbgħin żagħżugħ u żagħżugħa minn pajjiżi parteċipanti differenti jingħaqdu flimkien biex jagħmlu xogħol ta' volontarjat fi proġetti ta' servizzi fil-komunità għal perjodu ta' bejn ġimagħtejn u xahrejn. Eżempji ta' proġetti bħal dawn jinkludu r-restawr ta' siti ta' wirt kulturali li tkun saritilhom ħsara minħabba diżastri naturali, il-ħarsien ta' speċijiet li jkunu mhedda li jinqerdu u l-organizzazzjoni ta' attivitajiet edukattivi fil-kampijiet tar-refuġjati. Minkejja li dawn l-attivitajiet se jitwettqu għal perjodu qasir taż-żmien, dawn se jkunu utli kemm għal dawk li jieħdu sehem fihom u kemm għall-komunità.

X'inhu proġett ta' solidarjetà?

Il-proġetti ta' solidarjetà huma inizjattivi lokali stabbiliti minn gruppi ta' parteċipanti fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u mwettqa minnhom, li jdumu għaddejjin bejn xahrejn u sena. Dawn huma attivitajiet ta' volontarjat li fihom dawk li jieħdu sehem fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jkollhom rwol attiv fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-ideat tagħhom għall-benefiċċju tal-komunitajiet lokali tagħhom f'kull qasam marbut mas-solidarjetà.

Għall-kuntrarju tal-kollokamenti għal xogħol volontarju, normalment dawn l-attivitajiet ikunu bbażati fuq proġett, u dawk li jieħdu sehem fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jiddefinixxu huma stess l-ammont ta' ħin li jqattgħu fuq il-kompiti tagħhom b'rabta mal-għanijiet tal-proġett u mal-iskadenzi skedati tiegħu.

Normalment il-proġetti ta' solidarjetà jsiru fil-pajjiż fejn jgħixu l-parteċipanti tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. L-istess bħall-kollokamenti għal xogħol volontarju f'pajjiż il-parteċipanti, dan jagħti inċentiv liż-żgħażagħ li ġejjin minn ambjenti żvantaġġati li jistgħu jsibuha bi tqila biex jagħmlu kollokamenti barra minn pajjiżhom, iżda li xorta waħda jixtiequ jikkontribwixxu għas-soċjetà, biex jieħdu sehem huma wkoll.

X'inhuma l-attivitajiet ta' netwerking?

L-għan tal-attivitajiet ta' netwerking huwa li joħolqu sens ta' appartenenza fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, li jakkumpanjaw l-implimentazzjoni tiegħu u li jtejbu l-effikaċja, l-impatt u l-viżibilità tiegħu. Dawn l-attivitajiet jistgħu jkunu marbutin, pereżempju, mal-għoti ta' informazzjoni lill-parteċipanti l-ġodda dwar il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, mal-fora ta' konsultazzjoni, mal-iskambju tal-prattiki tajbin, mal-avvenimenti ta' appoġġ wara l-kollokament u mal-ħolqien ta' netwerks tal-parteċipanti preċedenti.

IT-TQABBIL U L-KOLLOKAMENTI

Min jista' jirreġistra għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà?

Kull min għandu bejn is-17 u t-30 sena li huwa ċittadin ta' pajjiż parteċipanti jew li jgħix legalment fih jista' jirreġistra għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Biex jieħu sehem fi proġett ta' solidarjetà, wieħed irid ikollu tal-inqas 18-il sena. L-abbozz tar-Regolament ikopri lill-Istati Membri tal-UE; iżda pajjiżi oħrajn se jkunu jistgħu jieħdu sehem fil-Korp abbażi ta' ftehimiet bilaterali dwar dan.

Bħalissa, fl-ewwel fażi tiegħu, il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jkopri t-28 Stat Membru tal-UE fl-ambitu ġeografiku tiegħu, u skont liema programm tal-UE jiffinanzja proġett partikulari, jistgħu jkunu involuti pajjiżi oħrajn ukoll (tista' ssib iktar tagħrif dwar dan f'din l-iskeda informattiva).

In-nies li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru tal-UE mhux bil-fors ikollhom id-drittijiet jew il-permessi meħtieġa biex jgħixu f'pajjiż ieħor tal-UE biex jagħmlu kollokament fih. Hija l-organizzazzjoni parteċipanti li għandha r-responsabbiltà tiżgura li jkun hemm it-tali drittijiet u permessi għal kull persuna li hija tixtieq tqabbad biex tagħmel kollokament magħha f'xi proġett partikulari.

Iż-żgħażagħ li jirreġistraw għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà se jkollhom jaċċettaw l-Istqarrija tal-missjoni tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u l-prinċipji tiegħu. Ir-reġistrazzjoni hija faċli u tista' ssir permezz tal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ fuq il-paġna web li ġejja: https://europa.eu/youth/SOLIDARITY_mt.

Ir-reġistrazzjoni tiggarantixxi l-kollokament?

Iż-żgħażagħ kollha li jirreġistraw ikunu jistgħu jieħdu sehem f'taħriġ ġenerali online u fl-attivitajiet li jsaħħu l-komunità li jistgħu jkunu qed jitwettqu fil-komunitajiet lokali tagħhom. Madankollu, ir-reġistrazzjoni ma tiggarantix il-kollokament f'xi proġett. Dan jiddependi mill-baġit, mid-disponibbiltà tal-proġetti u mill-interessi speċifiċi tal-kandidati.

Il-proposta tipprevedi proġetti ta' solidarjetà li jippermettu liż-żgħażagħ li jkunu rreġistraw jieħdu l-inizjattiva u jimplimentaw l-ideat tagħhom marbutin mal-qasam tas-solidarjetà fil-livell lokali, minflok ma joqogħdu jistennew kollokament.

X'inhuma r-rekwiżiti għall-organizzazzjonijiet?

L-organizzazzjonijiet parteċipanti se jiġu vvalutati b'attenzjoni (mill-Aġenziji Nazzjonali responsabbli mill-programm Erasmus+ jew mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura, skont il-profil tagħhom) u jridu jintrabtu li jħarsu l-Karta tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà li fiha jwiegħdu li jrawmu l-iżvilupp personali u professjonali tal-parteċipanti tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, li jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u deċenti u li jipprovdu biżżejjed taħriġ u appoġġ biex jagħtu lill-parteċipanti l-ħiliet meħtieġa biex iwettqu l-kollokament tagħhom. Hija prevista tikketta ġdida ta' kwalità għall-organizzazzjonijiet li jkunu qed jipprovdu kollokamenti fil-kuntest tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

Kif jaħdem il-proċess ta' tqabbil?

Meta ż-żgħażagħ jirreġistraw għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà permezz tal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ, minbarra li jipprovdu informazzjoni dwar l-edukazzjoni tagħhom, l-esperjenza tax-xogħol tagħhom u l-interessi personali tagħhom, huma se jkunu jistgħu jgħidu wkoll f'liema tip ta' proġetti jixtiequ jkunu involuti, f'liema pajjiżi jixtiequ jagħmlu l-kollokament tagħhom u meta se jkunu jistgħu jieħdu sehem fil-kollokament. Huma jistgħu jagħżlu bejn tipi ta' kollokamenti differenti u jistgħu jgħidu f'liema oqsma speċifiċi ta' solidarjetà jixtiequ jkunu involuti.

Meta jkunu qed jirreġistraw, iż-żgħażagħ jistgħu jgħidu wkoll x'esperjenza u x'għarfien partikulari se jġibu magħhom fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, pereżempju fix-xogħol mar-refuġjati, mat-tfal, mal-anzjani jew mal-persuni b'diżabilità, fit-tagħlim, fl-ewwel għajnuna, fil-midja, fil-mużika, fl-arti, fil-bini jew fil-kostruzzjoni, fl-inġinerija, fil-ġestjoni tal-proġetti jew f'oqsma oħrajn.

L-organizzazzjonijiet se jkollhom il-possibbiltà jagħżlu l-kandidati li jkollhom il-motivazzjoni, l-interessi u l-ħiliet li jkunu jikkorrispondu l-iktar mal-bżonnijiet tagħhom. Il-parteċipanti se jkunu liberi li jaċċettaw jew li jirrifjutaw kull offerta li tista' tagħmlilhom xi organizzazzjoni.

Xi spejjeż se jkopru t-tipi differenti ta' kollokamenti?

Fil-każ ta' kollokament għal xogħol volontarju, se jkunu koperti l-ispejjeż tal-għajxien bħall-ikel, l-akkomodazzjoni u l-flus fil-but, sa ammont li ma jaqbiżx il-155 euro fix-xahar, kif ukoll l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-assigurazzjoni.

Il-kollokamenti tax-xogħol se jissejsu fuq kuntratt ta' impjieg u l-pagi għalihom se jiġu stabbiliti skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-ftehimiet kollettivi nazzjonali li jkunu fis-seħħ fil-pajjiż fejn isir ix-xogħol.

Il-kollokamenti tat-taħriġ se jissejsu fuq ftehim bil-miktub u l-ħlas għalihom se jsir mill-organizzazzjoni li tkun qed tospita lill-parteċipant. Il-kollokamenti tat-taħriġ offruti fil-kuntest tal-Korp se jkunu skont il-prinċipji deskritti fil-qafas ta' kwalità għat-traineeships.

Minbarra r-rimunerazzjoni, fil-każ tal-kollokamenti tax-xogħol u tat-taħriġ huwa previst ukoll appoġġ finanzjarju għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar. Huwa previst ukoll pagament supplimentari għaż-żgħażagħ li ġejjin minn ambjenti żvantaġġati biex ikopri kull spiża addizzjonali li jista' jkollhom. Il-Korp se jkopri wkoll ċerti spejjeż li jġarrbu l-organizzazzjonijiet parteċipanti, pereżempju billi jagħti kontribut finanzjarju għall-ispejjeż marbutin mal-persunal jew għal taħriġ speċifiku u għal attivitajiet ta' mentoraġġ.

L-organizzazzjonijiet jistgħu jitolbu lill-parteċipanti jħallsuhom talli jqabbduhom jaħdmu fi proġett magħhom?

Le, l-ebda individwu jew entità ma tista' titlob lill-parteċipanti jħallsu jew jagħtu kontribut finanzjarju talli jkunu ntgħażlu biex jieħdu sehem fi proġett.

U xi ngħidu dwar il-kopertura tal-assigurazzjoni u tas-sigurtà soċjali?

Il-proposta tipprevedi li l-parteċipanti jirċievu assigurazzjoni kumplimentari tas-saħħa u tal-inċidenti għall-ispejjeż marbutin mal-assigurazzjoni li ma jkunux koperti diġà bil-Karta tal-Assikurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea jew bi skemi oħrajn tal-assigurazzjoni li fihom jistgħu jkunu rreġistrati l-parteċipanti.

F'dak li għandu x'jaqsam mal-kollokamenti tax-xogħol u tat-taħriġ u mas-sigurtà soċjali marbuta magħhom, japplikaw ċerti affarijiet speċifiċi skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-ftehimiet kollettivi nazzjonali li jkunu fis-seħħ fil-pajjiż fejn isir il-kollokament.

Se jingħata appoġġ lingwistiku?

Iva, il-parteċipanti tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà li jaċċettaw offerta għal kollokament barra minn pajjiżhom se jkollhom aċċess għal kors tal-lingwa online li jippermettilhom jivvalutaw il-kompetenzi tagħhom fil-lingwa barranija li se jkunu qed jużaw waqt il-kollokament tagħhom barra mill-pajjiż u jtejbuhom.

Il-parteċipanti x'tip ta' ċertifikat se jirċievu?

Dawk li jieħdu sehem fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà se jirċievu ċ-ċertifikat tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà meta jkunu lestew il-kollokament tagħhom. Iċ-ċertifikat se jidentifika u jiddokumenta l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi li huma jkunu kisbu matul dan il-kollokament.

Meta mistenni jidħol fis-seħħ ir-Regolament dwar il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà?

Il-Kummissjoni qed tipproponi li dan jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2018, iżda qabel ma jista' jsir dan, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iridu l-ewwel nett jadottaw l-abbozz tar-Regolament. Fid-Dikjarazzjoni Konġunta tagħhom, l-istituzzjonijiet tal-UE ntrabtu li jsarrfu din il-proposta f'realtà sa tmiem din is-sena.

MEMO/17/1370

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar