Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

Brussell, is-7ta' dicembru 2016

Il-Kummissjoni Ewropea llum qegħda tniedi l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

Ara IP/16/4165MEMO/16/4166

 

X'inhu l-ħsieb wara l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà?

L-Unjoni Ewropea hija mibnija fuq is-solidarjetà: solidarjetà bejn iċ-ċittadini tagħha, solidarjetà lil hinn mill-fruntieri bejn l-Istati Membri tagħha, u solidarjetà fl-azzjoni tagħha ġewwa u barra l-Unjoni. Is-solidarjetà hija valur kondiviż li jinħass bil-qawwa madwar is-soċjetà Ewropea.

Kif qal il-President Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2016, meta ħabbar il-ħolqien ta' dan il-korp: "Ta' spiss nuru solidarjetà iktar faċilment meta ffaċċjati b'emerġenzi. Meta l-għoljiet Portugiżi kienu qed jaqbdu, kienu ajruplani Taljani li tfew in-nirien. Meta għargħar qatgħu l-provvista tad-dawl fir-Rumanija, kienu ġeneraturi Żvediżi li reġgħu xegħlu d-dawl. Meta eluf ta' refuġjati waslu fuq ix-xtut Griegi, kienu tined Slovakki li pprovdew kenn. Fl-istess spirtu, il-Kummissjoni illum qed tipproponi li twaqqaf Korp ta' Solidarjetà Ewropea."

L-għan tal-Korp ta' Solidarjetà Ewropew huwa dak li tingħata l-opportunità liż-żgħażagħ biex jieħdu sehem f'firxa ta' attivitajiet ta' solidarjetà li jindirizzaw sitwazzjonijiet ta' sfida madwar l-UE. Il-parteċipazzjoni se tkun ta' benefiċċju mhux biss għaż-żgħażagħ, iżda wkoll se tassisti lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali, lil organizzazzjonijiet mhux governattivi u lil kumpaniji fl-isforzi tagħhom biex ilaħħqu mad-diversi sfidi u kriżijiet.

X'inhu l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà?

Filwaqt li huwa ffinanzjat mill-Kummissjoni, organizzazzjonijiet li jaħdmu f'attivitajiet relatati mas-solidarjetà, kemm jekk ikunu xi awtorità lokali, jew xi organizzazzjoni mhux governattiva jew kumpanija, se jkunu jistgħu jingaġġaw żgħażagħ bħala voluntiera jew inkella jdaħħluhom magħhom għal post ta' impjieg, internship, taħriġ jew apprendistat, sakemm ikunu jissodisfaw il-kriterji biex isiru organizzazzjoni ospitanti u japprovaw il-Karta tal-Korp ta' Solidarjetà Ewropew.

Il-Kummissjoni qiegħda tistabbilixxi żewġ tipi ta' pjazzament għaż-żgħażagħ bħala parti mill-Korp ta' Solidarjetà. Żgħażagħ bejn l-etajiet ta' 18 u 30 sena jistgħu jieħdu sehem għal perjodu ta' minn xahrejn sa tnax-il xahar f'wieħed minn dawn iż-żewġ pjazzamenti:

  • Pjazzamenti ta' volontarjat - li joffri opportunitajiet ta' volontarjat full-time, u jingħataw għotja; jew inkella
  • Pjazzamenti okkupazzjonali - fejn jingħataw opportunitajiet għall-kisba ta' impjieg, korsijiet ta' taħriġ jew apprendistati, u impjiegi f'firxa wiesgħa ta' setturi.

X'tip ta' attivitajiet huma koperti minn dan il-Korp?

Il-parteċipant fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà se jkollhom l-opportunità li jimpenjaw ruħhom f'firxa wiesgħa ta' attivitajiet bħall-edukazzjoni, is-saħħa, l-integrazzjoni soċjali, l-għajnuna fil-provvediment ta' ikel, il-konstruzzjoni ta' postijiet ta' kenn, l-akkoljenza, l-appoġġ u l-integrazzjoni tal-migranti u r-refuġjati, il-protezzjoni ambjentali jew il-prevenzjoni ta' diżastri naturali (iżda bl-esklużjoni ta' reazzjoni immedjata għad-diżastri li teħtieġ aktar ħiliet speċjalizzati u t-taħriġ).

Il-parteċipanti tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà se jitlaqqgħu ma' organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), ma' awtoritajiet lokali u nazzjonali jew kumpaniji privati li jkunu qegħdin ifittxu appoġġ għall-attivitajiet tagħhom.

Parteċipant jista' jiġi ingaġġat sabiex jitqiegħed ma' proġett jew bħala voluntier (il-linja ta' volontarjat) – jew għal kors ta' taħriġ, apprendistat jew impjieg (il-linja okkupazzjonali). Fi kwalunkwe każ, il-perjodu jkun ta' bejn xahrejn u 12-il xahar.

Min jista' jirreġistra għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà?

Kull min għandu bejn 17 u 30 sena u li jkun ċittadin tal-UE jew li jgħix legalment fl-UE jista' jirreġistra mal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. L-età minima għall-parteċipazzjoni fi proġetti ta' solidarjetà hija ta' 18.

Taħt il-linja okkupazzjonali, iż-żgħażagħ interessati jridu jkunu ċittadini tal-UE jew tan-Norveġja jew l-Iżlanda. Permezz tal-linja ta' volontarjat, f'din l-ewwel fażi tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, iż-żgħażagħ jistgħu jirreġistraw jekk ikunu residenti legalment fl-UE jew fl-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, it-Turkija jew l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, jew jekk ikollhom in-nazzjonalità ta' dawn il-pajjiżi.

Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà huwa miftuħ għaż-zgħażagħ kollha, kemm jekk ikunu attwalment f'xi kors ta' edukazzjoni jew taħriġ, kemm jekk impjegati kif ukoll qiegħda. Dak li huwa kruċjali huwa l-motivazzjoni.

Iż-żgħażagħ li jirreġistraw mal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jeħtieġ li japprovaw id-Dikjarazzjoni ta' Missjoni u l-Prinċipji tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Dawn huma bbażati fuq il-valuri fil-qalba tal-UE bħas-solidarjetà, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet tal-bniedem, u l-promozzjoni ta' soċjetà ġusta u ugwali li fiha jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza. Il-parteċipanti se jikkontribwixxu għat-tisħiħ tas-solidarjetà bejn in-nies, fir-rispett tal-kulturi u tat-tradizzjonijiet tagħhom.

Kif jaħdem?

Ir-reġistrazzjoni hija faċli u tista' jsir permezz tal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ fuq: www.europa.eu/solidarity-corps

Meta jkunu qegħdin jirreġistraw, il-parteċipanti jintalbu jipprovdu dejta personali, biex jispeċifikaw l-oqsma ta' interess, u biex jagħżlu jekk ikunux qegħdin jidħlu għall-volontarjat, għal attivitajiet okkupazzjonali, jew għat-tnejn li huma.

Ir-reġistrazzjoni tiggarantixxi post ma' xi proġett?

Le, il-fatt li tirreġistra mhux garanzija ta' post ma' xi proġett, peress li dan inevitabbilment ser ikun jiddependi fuq id-disponibbiltà tal-proġetti u fuq x'jinteressa lill-kandidati. Bħala prinċipju ġenerali, aktar ma n-nies ikunu miftuħa għal tipi differenti ta' attività u għażla ta' pajjiżi, akbar iċ-ċans li jinkiseb post.

Ċittadini mhux tal-UE – għalkemm eliġibbli biex jirreġistraw taħt il-linja tal-volontarjat – mhux neċessarjament ikollhom id-drittijiet jew il-permessi kollha li huma meħtieġa biex jirresjedu f'pajjiż ieħor tal-UE jekk jiksbu post. Hija r-responsabbiltà tal-organizzazzjoni parteċipanti biex jiżguraw li jkunu fis-seħħ tali drittijiet u permessi għal kwalunkwe persuna li jkunu jixtiequ jingaġġjaw għal post ma' xi proġett.

Jistgħu l-parteċipanti jagħżlu għal-liema organizzazzjoni jaħdmu?

Ladarba jkunu rreġistrati, l-organizzazzjonijiet se jkunu jistgħu jsibu l-profil tagħhom waqt li jfittxu kandidati għal proġetti ta' solidarjetà. Il-parteċipanti jkunu liberi li jirrifjutaw kwalunkwe offerta li ssirilhom minn xi organizzazzjoni.

L-organizzazzjonijiet jistgħu jitolbu l-flus mingħand il-parteċipanti biex dawn jingaġġjawhom ma' proġett?

Le. La l-organizzazzjonijiet parteċipanti u lanqas l-organizzazzjonijiet intermedjarji ma jistgħu jitolbu jew jesiġu xi kontribuzzjoni finanzjarja jew miżata marbuta mal-parteċipazzjoni fil-proġett innifsu mill-membru tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

Liema spejjeż jiġu koperti?

Fil-każ ta' post ta' volontarjat, l-ispejjeż tal-għajxien bħal ikel, akkomodazzjoni u flus fil-but, kif ukoll l-assigurazzjoni tal-ivvjaġġar ikunu normalment koperti.

Fil-każ ta' attivitajiet okkupazzjonali (impjieg, kors ta' taħriġ jew apprendistat) ikun hemm kuntratt ta' impjieg u appoġġ finanzjarju għall-ivvjaġġar (l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni biex wieħed imur jagħmel intervista, benefiċċju ta' rilokazzjoni u benefiċċju għal vjaġġ ta' ritorn). Barra minn dan, tkun tista' tingħata kontribuzzjoni għall-ispejjeż involuti fl-għarfien tal-kwalifiki, fejn ikun meħtieġ, biex wieħed jieħu impjieg f'pajjiż ieħor. Il-kopertura attwali tal-ispejjeż jista' jvarja minn każ għal każ.

Fil-każ ta' impjieg, il-kundizzjonijiet tal-pagi jiġi stabbiliti skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-ftehimiet kollettivi li jkunu fis-seħħ fil-pajjiż fejn ikun jinsab l-impjieg.

Fil-każ ta' korsijiet ta' taħriġ u tal-apprendistati, ikun hemm benefiċċju ta' sussistenza. Fil-każ ta' kollokamenti koperti minn kuntratt ta' impjieg, il-parteċipant se jkun kopert mill-iskema tal-assigurazzjoni tas-saħħa pubblika tal-pajjiż fejn ikun l-impjieg.

Xi ngħidu dwar is-sigurtà soċjali u l-assigurazzjoni tal-parteċipanti?

Fil-każ ta' attività okkupazzjonali (impjieg, apprendistat jew skema ta' taħriġ), ikun hemm kuntratt ta' impjieg u, għalhekk, ikunu japplikaw il-liġijiet tax-xogħol u tal-protezzjoni soċjali nazzjonali u dawn jiżguraw l-aċċess għal assigurazzjoni nazzjonali tas-saħħa pubblika. Assigurazzjoni addizzjonali eż. biex tkun koperta r-responsabbiltà lejn partijiet terzi, u l-aċċidenti, tkun responsabbiltà tal-parteċipant.

Fil-każ ta' attività ta' volontarjat, il-parteċipanti jkunu pprovduti b'assigurazzjoni li tkopri l-ispejjeż mediċi, il-ħajja, l-evakwazzjoni u r-ripatrijazzjoni, ir-responsabbiltà lejn partijiet terzi, it-telf/is-serq ta' dokumenti, u l-biljetti tal-ivvjaġġar.

Liema tip ta' attivitajiet se jkunu involuti fihom il-parteċipanti tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà?

Il-parteċipanti tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jistgħu jiġu offruti postijiet biex jikkontribwixxu għal firxa wiesgħa ta' attivitajiet. Dawn jistgħu jkunu marbuta ma' servizzi ta' interess ġenerali, u li jistgħu jkopru oqsma bħal:

  • Iċ-ċittadinanza u l-parteċipazzjoni demokratika
  • Il-protezzjoni ambjentali u naturali
  • Is-saħħa u l-benesseri
  • L-edukazzjoni u t-taħriġ
  • L-Impjiegi u l-intraprenditorija
  • Il-kreattività u l-kultura
  • L-edukazzjoni fiżika/l-isport
  • L-assistenza u s-servizzi soċjali
  • L-akkoljenza u l-integrazzjoni ta' refuġjati u migranti
  • Il-prevenzjoni tad-diżastri u l-irkupru

Ir-rispons immedjat għad-diżastri, bħal pereżempju t-tifi tan-nar fil-foresti jew it-tfittxija u s-salvataġġ urban, huwa eskluż peress li dawn l-attivitajiet jeħtieġu speċjalisti mħarrġa sew. Madankollu, pereżempju, jekk komunità rurali tkun trid li jiġi minimizzat ir-riskju ta' nirien fil-foresti billi jitneħħa l-ħaxix ħażin, il-parteċipanti tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jkunu jistgħu jagħmlu kontribut siewi.

Il-membri tal-Korp ta' Solidarjetà Ewropew fejn jistgħu jiġu jintbagħtu?

Huwa possibbli li jintbagħtu fit-28 Stat Membru kollha tal-UE, u skont liema programm tal-UE jkun qiegħed jiffinanzja xi proġett partikolari, jistgħu jidħlu wkoll pajjiżi oħra (pereżempju l-Iżlanda, in-Norveġja, it-Turkija, il-Liechtenstein jew l-eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja).

X'ċertifikat sejrin toħorġu?

Il-parteċipanti fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà se jkunu intitolati li jirċievu ċ-ċertifikat tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà hekk kif ikunu temmew il-pjazzament tagħhom. Dan iservi ta' prova tal-impenn tagħhom f'ħidma mifruxa madwar l-Ewropea biex jiġu indirizzati sfidi fis-soċjetà u tal-impen tagħhom biex jagħmlu bidla. Dan l-impenn, il-ftuħ lejn nies u kulturi oħra u l-ħiliet li jinkisbu waqt l-attivitajiet tal-Korp ta' Solidarjetà Ewropew se jiġbed ukoll l-attenzjoni ta' min iħaddem li jkun qiegħed ifittex żgħażagħ li jkollhom it-tali profil.

Liema organizzazzjonijiet jistgħu jieħdu sehem?

Għadd kbir ta' organizzazzjonijiet bħal organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet nazzjonali u lokali jistgħu jkunu organizzazzjoni parteċipanti. L-organizzazzjonijiet kollha se jkollhom jikkonformaw ma' standards ta' kwalità għolja u jiffirmaw il-Karta tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

L-organizzazzjonijiet li diġà huma rreġistrati mas-Servizz Volontarju Ewropew fil-prinċipju ikunu awtomatikament akkreditati.

Taħt il-linja okkupazzjonali, l-organizzazzjonijiet u l-kumpaniji jistgħu jagħżlu li jgħaddu minn intermedjarju, bħal xi servizz pubbliku tal-impjiegi.

Wara li tkun ġiet awtorizzata f'konformità ma' kull programm ta' finanzjament tal-UE, l-organizzazzjoni parteċipanti tkun tista' tibda tfittex impjegati potenzjali, persuni f'taħriġ, apprendisti jew voluntiera għal attivitajiet ta' solidarjetà tagħhom.

Kull organizzazzjoni parteċipanti se jkollha turi li tapprova d-Dikjarazzjoni tal-Missjoni tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u tal-Prinċipji tiegħu, u li tapprova l-Karta tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, bid-drittijiet u r-responsabbiltajiet kollha tagħha matul l-istadjii kollha tal-esperjenza ta' solidarjetà.

Kif se jiġi ffinanzjat il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà?

Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jkun iffinanzjat permezz tal-programmi ta' ffinanzjar eżistenti tal-UE permezz ta' sejħiet għal proposti, bl-użu ta' riżorsi finanzjarji eżistenti mill-programm Erasmus+, il-Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali Fond (EaSI), il-programm LIFE, il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil, il-programm tas-Saħħa, il-programm l-Ewropa għaċ-Ċittadini, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Agrikolu għall-Iżvilupp Rurali. L-organizzazzjonijiet parteċipanti se jkunu jistgħu japplikaw għal finanzjament mill-programmi; l-għoti ta' għotjiet se jseħħ f'konformità mar-regoli ta' evalwazzjoni ta' kull programm.

Meta se jkun implimentat il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u x'riżultati huma mistennija?

Fis-7 ta' Diċembru 2016 infetħet ir-reġistrazzjoni għal żgħażagħ interessati fil-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ: www.europa.eu/solidarity-corps

It-tqabbil bejn il-parteċipanti u l-organizzazzjonijiet parteċipanti għall-pjazzamenti huwa mistenni li jibda fir-rebbiegħa tal-2017, u l-ewwel pjazzamenti sa Ġunju 2017.

L-għan huwa li jkun hemm 100,000 żagħżugħ u żagħżugħa li jingħaqqdu mal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà sa tmiem l-2020.

 

 

MEMO/16/4168

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar