Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Is-CETA - ftehim kummerċjali li jistabbilixxi standard ġdid għall-kummerċ globali

Brussell, id-29ta' ottubru 2016

Fit-30 ta' Ottubru, l-UE u l-Kanada jiffirmaw ftehim kummerċjali, magħruf bħala l-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (Comprehensive Economic and Trade Agreement - CETA).

Dan il-ftehim se joħloq impjiegi u tkabbir billi jixpruna l-kummerċ u jsaħħaħ ir-relazzjonijiet ekonomiċi. In-natura progressiva tas-CETA se tistabbilixxi standard globali ġdid għall-kapitoli ta' sostenibbiltà fi ftehimiet kummerċjali. Se jagħmel in-negozju mal-Kanada eħfef, ineħħi d-dazji tad-dwana, itejjeb b'mod sostanzjali l-aċċess għall-kuntratti pubbliċi, jiftaħ setturi ġodda tas-suq Kanadiż tas-servizzi, joffri kundizzjonijiet prevedibbli għall-investituri, u jipproteġi l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi. Il-kumpaniji f'bosta setturi se jibbenefikaw ukoll mill-gwadanji li jiġu mit-tneħħija tal-ittestjar doppju, b'mod partikolari fl-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs).

Bis-CETA, l-UE u l-Kanada huma impenjati li jiżguraw li t-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp soċjali u l-ħarsien tal-ambjent ikunu jsostnu lil xulxin.

Tnaqqis tat-tariffi li jiswew aktar minn €500 miljun fis-sena għall-benefiċċju tan-negozji kbar u żgħar

Is-CETA se jwassal għal benefiċċji tanġibbli għall-kumpaniji Ewropej billi jelimina 99% tat-tariffi, fil-biċċa l-kbira tal-każi malli l-ftehim jidħol fis-seħħ. Mill-ewwel jum tal-implimentazzjoni tiegħu, il-Kanada se telimina d-dazji li jiswew €400 miljun għall-prodotti li joriġinaw mill-UE. Fi tmiem il-perjodi tranżitorji għat-tneħħija tad-dazji, din iċ-ċifra se titla' sa €500 miljun fis-sena.

Aktar għażla għall-500 miljun konsumatur tal-UE filwaqt li jinżammu l-istandards ta' kwalità ta' bħalissa

Il-ftuħ tas-swieq għandu wkoll il-potenzjal li jħalli l-prezzijiet baxxi u li jagħti iktar għażla lill-konsumaturi.  Fl-istess waqt, il-kummerċ ħieles ma jfissirx li għandhom jitbaxxew jew jinbidlu l-istandards tal-UE li jipproteġu s-sigurtà tan-nies, id-drittijiet soċjali, id-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi, u l-ambjent. Dawn l-istandards mhumiex se jintmessu, u l-importazzjonijiet kollha mill-Kanada se jkollhom jissodisfaw ir-regoli u r-regolamenti kollha tal-UE għall-prodotti, mingħajr eċċezzjoni. Dan ifisser li s-CETA mhuwiex se jbiddel il-mod kif l-UE tirregola s-sikurezza tal-ikel, inklużi l-prodotti ta' OĠM jew il-projbizzjoni fuq iċ-ċanga trattata bl-ormoni.

Il-ftuħ tas-suq Kanadiżi tas-servizzi u t-tħeġġiġ tal-investiment

Is-CETA huwa l-aktar ftehim estensiv li qatt ġie konkluż mill-UE fil-qasam tas-servizzi u l-investiment.  L-impriżi Ewropej se jkollhom vantaġġi ġodda meta jaslu biex ikollhom proġetti tal-investiment approvati fil-Kanada. L-impriżi Ewropej se jkollhom ukoll iktar opportunitajiet biex jipprovdu servizzi, pereżempju servizzi marittimi speċjalizzati bħat-tħammil, it-trasportazzjoni ta' kontejners marittimi, jew it-trasportazzjoni ta' ċerta merkanzija fil-Kanada stess.  F'setturi tas-servizzi oħrajn, bħas-servizzi ambjentali, tat-telekomunikazzjoni u l-finanzi, l-aċċess għas-suq huwa żgurat, kemm fil-livell federali u - għall-ewwel darba - f'dak provinċjali. Fis-CETA - bħal fil-ftehimiet kummerċjali kollha tagħha - l-UE tipproteġi kompletament is-servizzi pubbliċi.

Ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali

Il-ftehim jipprovdi qafas biex japprova r-rikonoxximent ta' kwalifiki fi professjonijiet regolati bħall-arkitetti, il-kontabilisti u l-inġiniera. L-assoċjazzjonijiet professjonali fl-UE u l-Kanada se jkollhom jifformulaw flimkien id-dettalji tekniċi tar-rikonoxximent tal-kwalifiki rispettivi tagħhom abbażi tal-qafas. Imbagħad, l-awtoritajiet kompetenti fil-Kanada u l-UE se japprovaw xogħolhom u jagħtuh effett legali.

Inqas restrizzjonijiet dwar il-mobbiltà minn naħa għall-oħra tal-Atlantiku għal xogħol temporanju

Is-CETA se jagħmilha iktar faċli għall-impjegati tal-kumpaniji u professjonisti oħrajn biex jaħdmu fuq in-naħa l-oħra tal-Atlantiku, u għall-impriżi biex imexxu l-impjegati tagħhom b'mod temporanju bejn l-UE u l-Kanada.  Dan se jgħin lill-kumpaniji Ewropej imexxu l-operazzjonijiet tagħhom fil-Kanada.  Se jkun ukoll eħfef għal professjonisti oħra biex jipprovdu servizzi legali, kontabilistiċi, arkitettoniċi, jew simili, fuq bażi temporanja.

Iktar kompettività fis-suq Kanadiż għall-kumpaniji Ewropej

Is-CETA se jagħmel lill-kumpaniji Ewropej iktar kompetittivi fis-suq Kanadiż billi jagħmilha iktar faċli għalihom li jipprovdu servizz ta' wara l-bejgħ.  Dan se jgħin lill-kumpaniji Ewropej jesportaw it-tagħmir, il-makkinarju u s-software billi jippermettilhom jibagħtu lill-inġiniera tal-manutenzjoni u speċjalisti oħrajn biex jipprovdu servizzi u assistenza ta' wara l-bejgħ u oħrajn relatati.

Aċċess bħal qatt qabel għas-sejħiet għall-offerti pubbliċi lill-impriżi tal-UE

Il-Kanada fetħet is-sejħiet għall-offerti pubbliċi tagħha għall-kumpaniji tal-UE b'mod ikbar milli minn mas-sħab kummerċjali l-oħrajn tagħha.  L-impriżi tal-UE se jkunu jistgħu jipprovdu oġġetti u servizzi mhux biss fil-livell federali iżda wkoll fil-provinċji u l-muniċipalitajiet Kanadiżi, l-ewwel impriżi mhux Kanadiżi li se jkunu jistgħu jagħmlu dan. Is-suq tal-akkwist provinċjali tal-Kanada huwa stmat li huwa d-doppju tal-ekwivalenti federali tiegħu. Il-Kanada qablet ukoll li żżid it-trasparenza billi tippubblika s-sejħiet għall-offerti pubbliċi kollha tagħha f'sit web tal-akkwist pubbliku wieħed. L-aċċess għall-informazzjoni huwa wieħed mill-akbar ostakli għal kumpaniji iżgħar meta jiġu biex jaċċessaw is-swieq internazzjonali, u allura dan se jkun ta' vantaġġ għan-negozji iżgħar fl-Ewropa.

Tqaċċit tal-ispejjeż tal-kumpaniji mingħajr ma jitqaċċtu l-istandards

L-UE u l-Kanada qablu li jaċċettaw ċertifikati ta' valutazzjoni tal-konformità f'oqsma bħalma huma l-prodotti elettriċi, elettroniċi u tagħmir tar-radju, il-ġugarelli, il-makkinarju jew l-apparat tal-kejl.  Dan ifisser li f'ċerti ċirkostanzi, korp tal-valutazzjoni ta' konformità fl-UE jista' jittestja l-prodotti tal-UE għall-esportazzjoni lejn il-Kanada skont ir-regoli Kanadiżi, u viċe versa.  Dan jevita li ż-żewġ naħat jagħmlu l-istess test u jista' jnaqqas l-ispejjeż bil-kbir kemm għall-kumpaniji kif ukoll għall-konsumaturi.  Dan huwa partikolarment ta' benefiċċju għall-kumpaniji iżgħar li għalihom li jħallsu darbtejn għall-istess test jista' jkun projbittiv.

Sistema riformata għall-protezzjoni tal-investiment

Is-CETA jiżgura protezzjoni għall-investimenti filwaqt li jinkludi d-dritt tal-gvernijiet li jirregolaw fl-interess pubbliku, inkluż meta tali regolamenti jaffettwaw investiment barrani. Il-forma tradizzjonali għas-soluzzjoni ta' tilwim bejn investituri u stati li teżisti f'ħafna ftehimiet kummerċjali (investor-state dispute settlement - ISDS) nnegozjati mill-Istati Membri ġiet sostitwita minn Sistema ta' Qorti tal-Investiment (SQI) imtejba.

Il-mekkaniżmu l-ġdid se jkun wieħed pubbliku - u mhux ibbażat fuq tribunali ad hoc. Din il-qorti se jkollha mħallfin professjonali u indipendenti maħtura mill-UE u mill-Kanada u se tinżamm fl-ogħla standards etiċi permezz ta' kodiċi stretti ta' mġiba. Il-proċeduri tagħha se jkunu trasparenti, inklużi l-ftuħ tas-seduti ta' smigħ u l-ippubblikar ta' dokumenti mressqa matul il-każijiet. Id-dispożizzjonijiet ta' investiment jiffiltraw il-każijiet meta investitur ikun jista' jikkontesta lill-Istat, u ma għandux biex iħallas għall-protezzjoni kontra l-hekk imsejjħa kumpaniji tal-isem jew li jservu ta' paraventu – huma eliġibbli biss dawk il-kumpaniji li għandhom rabta ekonomika reali . Fl-ebda każ entità pubblika ma tista' tiġi sfurzata li tbiddel parti mil-leġiżlazzjoni jew tħallas ħsarat punittivi.

L-SQI riformata hija karatteristika ġdida ta' ftehimiet kummerċjali, u d-dibattitu pubbliku relevanti mhuwiex finalizzat f'ħafna Stati Membri. Għalhekk, l-għażla tal-Istati Membri, appoġġata mill-Kummissjoni, hija li l-SQI ma tkunx barra mill-ambitu tal-applikazzjoni proviżorja tas-CETA, jiġifieri li se tiġi implimentata biss ladarba l-Istati Membri kollha jikkonkludu l-proċeduri ta' ratifika nazzjonali tagħhom. Matul dak iż-żmien, kif provdut fil-ftehim, il-Kummissjoni se taħdem mal-Kanada sabiex telabora aktar ċerti parametri tas-sistema l-ġdida, bħall-għażla tal-imħallfin, l-aċċess mill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fis-sistema l-ġdida u fil-mekkaniżmu ta' appell.

Opportunitajiet ġodda għall-bdiewa u għall-produtturi tal-ikel waqt li jiġu protetti l-hekk imsejħa "Indikazzjonijiet Ġeografiċi"

Is-CETA se joħloq opportunitajiet ġodda għall-bdiewa u għall-produtturi tal-ikel, filwaqt li jipproteġi s-sensitivitajiet tal-UE. L-aċċess għall-UE fuq ċerti prodotti jiġu limitati u kkalibrati u jiġu bbilanċjati mal-aċċess Kanadiż li jissodisfaw l-interessi ta' esportazzjoni importanti Ewropej, bħal ġobon, inbid u spirti, frott u ħxejjex, prodotti pproċessati u indikazzjonijiet ġeografiċi. L-importazzjonijiet kollha mill-Kanada se jkollhom jissodisfaw ir-regoli u r-regolamenti tal-UE. Pereżempju, dak il-laħam biss li ma jkollux ormoni se jitħalla jiġi importat fl-UE.

Is-CETA huwa wkoll pass importanti 'l quddiem għal ħafna negozji ta' daqs medju jew iżgħar f'komunitajiet rurali li jagħmlu negozju ta' prodotti agrikoli. Issa dawn se jgawdu mill-qbil min-naħa tal-Kanada li tipproteġi 143 prodott distint minn reġjuni ġeografiċi speċifiċi fl-UE. Il-prodotti li se jiġu protetti fis-CETA huma l-iktar prodotti tal-ikel u x-xorb tal-UE li jiġu esportati, li fosthom hemm il-ġobon Roquefort, il-ħall balsamiku ta' Modena u l-ġobon Gouda.  Il-prodotti Ewropej se jiġu protetti mill-imitazzjonijiet f'livell paragonabbli għal-liġi tal-UE u se jevitaw ir-riskju li jiġu meqjusin ġeneriċi fil-Kanada.

Protezzjoni tal-innovaturi u tal-artisti tal-Ewropa

Is-CETA se joħloq kundizzjonijiet iktar ekwivalenti bejn il-Kanada u l-UE fil-qasam tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (DPI).  Pereżempju, se jsaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur billi jallinja r-regoli Kanadiżi ma' dawk tal-UE f'dak li jirrigwarda l-protezzjoni ta' miżuri teknoloġiċi u l-ġestjoni tad-drittijiet diġitali.  Se jtejjeb ukoll kif is-sistema ta' DPI Kanadiża li tipproteġi l-brevetti għall-prodotti farmaċewtiċi tal-UE.  Is-CETA se jsaħħaħ l-infurzar billi jipprevedi l-possibiltà ta' miżuri u inibizzjonijiet proviżorji għall-intermedjarji involuti f'attivitajiet li jiksru d-DPI. Il-Kanada qablet ukoll li ssaħħaħ il-miżuri fil-fruntieri tagħha kontra prodotti bil-marka kummerċjali falza, prodotti bid-drittijiet tal-awtur piratati u prodotti b'indikazzjoni ġeografika falza.

Protezzjoni tad-drittijiet tax-xogħol u l-ambjent

Fis-CETA, l-UE u l-Kanada jaffermaw l-impenn tagħhom favur l-iżvilupp sostenibbli. It-tnejn jaqblu li aktar kummerċ u investiment għandhom iwasslu għal protezzjoni ikbar tal-ambjent u tad-drittijiet tax-xogħol, u mhux ikunu a skapitu tagħhom.  L-UE u l-Kanada huma t-tnejn impenjati li s-CETA jgħin biex jiżgura li t-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp soċjali, u l-protezzjoni tal-ambjent ikunu ta' sostenn għal xulxin. Is-CETA jintegra l-obbligi tal-UE u l-Kanada lejn regoli internazzjonali dwar id-drittijiet tal-ħaddiema u l-protezzjoni ambjentali u tal-klima. Is-CETA jagħti rwol b'saħħtu lis-soċjetà ċivili fl-UE u l-Kanada fil-parteċipazzjoni fl-implimentazzjoni tal-impenji f'dawn l-oqsma fis-CETA. Is-CETA jistabbilixxi wkoll proċess biex jiġu riżolti kwistjonijiet, inklużi konsultazzjonijiet tal-gvernijiet u grupp ta' esperti.

Strument Interpretattiv Konġunt

Flimkien mas-CETA, l-UE u l-Kanada ffirmaw Strument Interpretattiv Konġunt, dokument li se jkollu qawwa legali u li jikkjarifika aktar, b'mod ċar u mhux ambigwu, dak li ftiehmu dwaru l-Kanada u l-Unjoni Ewropea f'għadd ta' artikoli tas-CETA (bħal dwar is-Sistema ta' Qorti tal-Investiment il-ġdida, dwar id-dritt ta' regolamentazzjoni, dwar is-servizzi pubbliċi jew dwar il-protezzjoni tax-xogħol u tal-ambjent).  

Il-kuntest u l-passi li jmiss

Wara l-iffirmar, il-Parlament Ewropew irid jagħti l-kunsens tiegħu għas-CETA biex ikun jista' jidħol fis-seħħ b'mod proviżorju. L-applikazzjoni proviżorja, la darba l-ftehim jiġi approvat mill-Istati Membri fil-Kunsill u mill-Parlament Ewropew, tippermetti lin-negozji u lill-konsumaturi Ewropej biex igawdu kmieni mill-benefiċċji tal-ftehim, f'dawk l-oqsma li jaqgħu fil-kompetenza esklussiva jew kondiviża tal-UE.

Għal iktar informazzjoni:

Stqarrija għall-istampa: Summit bejn l-UE u l-Kanada: ftehim kummerċjali ffirmat ġdid jistabbilixxi standards għoljin għall-kummerċ globali

Filmat: Għala s-CETA? (Intervisti u eżempji)

Pubblikazzjoni: Il-benefiċċji tas-CETA u l-istejjer tal-esportaturi

Sit web b'eżempji konkreti tal-benefiċċji kummerċjali għan-negozji Ewropej.

Sib l-informazzjoni kollha dwar il-Ftehim Kummerċjali bejn l-UE u l-Kanada fuq http://ec.europa.eu/ceta

It-test tal-ftehim

MEMO/16/3580

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar