Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Il-pakkett ta’ proċeduri ta’ ksur għax-xahar ta’ Settembru: id-deċiżjonijiet prinċipali

Brussell, id-29ta' settembru 2016

Ħarsa ġenerali skont il-qasam ta' politika

Fil-pakkett tagħha ta’ kull xahar dwar id-deċiżjonijiet ta’ ksur, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tieħu azzjoni legali kontra l-Istati Membri minħabba li jkunu naqsu milli jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont il-liġi tal-UE. Dawn id-deċiżjonijiet, li jkopru setturi varji u l-oqsma ta' politika tal-UE (ara l-Anness I u II), għandhom l-għan li jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tal-liġi tal-UE għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji.

Id-deċiżjonijiet prinċipali meħuda mill-Kummissjoni (li jinkludu 9 avviżi ta' tqegħid fil-mora, 48 opinjoni motivata u 5 każijiet ta' tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea) qed jiġu ppreżentati hawn taħt u mqiegħda fi gruppi skont il-qasam ta’ politika. Il-Kummissjoni qiegħda wkoll tagħlaq 122 każ fejn il-kwistjonijiet mal-Istati Membri kkonċernati ġew solvuti mingħajr ma l-Kummissjoni kellha għalfejn tkompli għaddejja bil-proċedura.

Għal aktar informazzjoni dwar il-proċedura ta' ksur tal-UE, ara l-MEMO/12/12 kollha. Għal aktar dettalji dwar id-deċiżjonijiet meħuda, ikkonsulta r-reġistru tad-deċiżjonijiet ta' ksur.

 

1. Baġit u Riżorsi Umani

(Għal aktar informazzjoni: Alexander Winterstein - tel.: +32 229 93265, Andreana Stankova – tel.: +32 229 57857)

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Baġit: tliet Stati Membri tressqu quddiem il-Qorti minħabba telf f'dazji doganali dovuti bħala dħul għall-baġit tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Italja, lin-Netherlands u lir-Renju Unit quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE minħabba li naqsu milli jħallsu total ta’ EUR 23.3 miljun f'dazji doganali lill-baġit tal-UE. Jekk Stat Membru ma jagħtix il-kontribuzzjoni sħiħa tiegħu lill-Baġit tal-UE, l-Istati Membri l-oħra jridu jikkumpensaw għal dan in-nuqqas. Fl-2008, l-Italja nnotifikat lill-Kummissjoni li ma setgħetx tiġbor u tħallas lill-baġit tal-UE EUR 2.1 miljun f'dazji doganali fuq prodotti tat-tabakk, li jmorru lura għall-1997. Fil-każ tar-Renju Unit u tan-Netherlands, it-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali għall-baġit tal-UE ġej minn ċertifikati "EUR.1" maħruġa b’mod żbaljat mill-pajjiżi u mit-territorji extra-Ewropej (“OCT”) tagħhom. Fil-każ tar-Renju Unit, l-aluminju kien ġie importat minn pajjiżi terzi lejn l-OTC tiegħu Anguilla u mbagħad reġa’ ġie esportat lejn l-UE. L-importazzjoni bbenefikat minn eżenzjoni ta’ dazji doganali tal-UE, iżda dan huwa meqjus bħala telf ta’ dħul għall-baġit tal-UE ta’ EUR 2.7 miljun. Wara opinjoni motivata mibgħuta lill-awtoritajiet tar-Renju Unit f’Ottubru 2014, il-Kummissjoni issa qed tieħu l-pass li jmiss fil-proċedura ta’ ksur. Il-każ tan-Netherlands huwa dwar żewġ każijiet ta’ importazzjoni - ta’ trab tal-ħalib u ross minn Curaçao fl-1997-2000 u ta' prodotti tax-xgħir u tar-ross minn Aruba fl-2002-2003. Fiż-żewġ każijiet l-oġġetti ġew importati lejn l-Ewropa b’ċertifikati "EUR.1", maħruġa mill-awtoritajiet lokali fit-territorji Netherlandiżi extra-Ewropej bi ksur tad-Deċiżjoni OCT, li kienet tirregola l-assoċjazzjoni tal-OCT fl-UE. L-ammont dovut lill-baġit tal-UE huwa ta’ EUR 18.2-il miljun għall-importazzjoni minn Curaçao u EUR 0.3 miljun għal Aruba. Il-proċedura ta’ ksur bdiet fl-2013 u l-opinjoni motivata ntbagħtet lill-awtoritajiet Netherlandiżi f’Ottubru 2014.

 

2. Suq Uniku Diġitali

(Għal aktar informazzjoni: Nathalie Vandystadt - tel.: +32 229 67083, Marie Frenay – tel.: +32 229 64532)

Opinjonijiet motivati

Suq Uniku Diġitali: Il-Kummissjoni tħeġġeġ lil 19-il Stat Membru biex jimplimentaw regoli għat-tnaqqis tal-ispejjeż li se jgħinu biex jintuża aktar broadband

Il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja, u r-Renju Unit biex jimplementaw miżuri ta' tnaqqis tal-ispejjeż fl-iskjerament ta' netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja (id-Direttiva 2014/61/UE; ara l-istqarrija għall-istampa relatata hawnhekk). Dawn ir-regoli għandhom l-għan li jżidu l-kondiviżjoni u l-użu mill-ġdid tal-infrastruttura fiżika eżistenti f’diversi setturi (l-enerġija, it-trasport, eċċ.) u għandhom inaqqsu bi 30 % l-ispiża tal-implimentazzjoni tal-internet b’veloċità għolja. F’Marzu 2016, il-Kummissjoni bagħtet avviż ta' tqegħid fil-mora lil dawk l-Istati Membri kollha li sa issa kienu naqsu milli jittrasponu l-miżuri fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, u ħafna minnhom imbagħad innotifikaw lill-Kummissjoni li huma kienu implimentaw id-Direttiva bis-sħiħ. Ir-regoli għat-tnaqqis tal-ispejjeż jappoġġaw l-għanijiet strateġiċi tal-konnettività li l-Kummissjoni Ewropea pproponiet dan l-aħħar (ara l-istqarrija għall-istampa relatata hawnhekk): sal-2025, il-muturi soċjoekonomiċi ewlenin kollha, bħall-iskejjel, l-universitajiet, iċ-ċentri tar-riċerka, iċ-ċentri tat-trasport, il-fornituri kollha tas-servizzi pubbliċi bħall-isptarijiet u l-amministrazzjonijiet, u l-intrapriżi li jiddependu mit-teknoloġiji diġitali, għandu jkollhom aċċess għal konnettività għolja ħafna ta' gigabits (li tippermetti lill-utenti li jniżżlu u jtellgħu 1Gb ta' dejta fis-sekonda); il-familji Ewropej kollha, rurali jew urbani, għandu jkollhom aċċess għal konnettività li toffri veloċità ta’ download ta’ mill-inqas 100 Mbps, li tkun tista’ tiġi aġġornata għal Gbps, u ż-żoni urbani kollha kif ukoll it-toroq u l-linji tal-ferroviji ewlenin għandu jkollhom kopertura ta' 5G mingħajr interruzzjonijiet, il-ħames ġenerazzjoni ta’ sistemi tal-komunikazzjoni mingħajr fili. Bħala mira intermedja, il-5G għandu jkun disponibbli kummerċjalment mill-inqas f’belt kbira waħda f’kull Stat Membru tal-UE sal-2020. L-Istati Membri kellhom sal-1 ta’ Jannar 2016 biex jittrasponu d-Direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Illum il-Kummissjoni qed tibgħat twissija finali lid-19-il Stat Membru l-oħra. Issa dawn il-pajjiżi għandhom xahrejn biex jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda biex il-liġi nazzjonali tiġi allinjata mal-liġi tal-UE; inkella, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, skont ir-regoli ta’ ksur tal-UE, li tressaqhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE u li tipproponi sanzjonijiet finanzjarji.

 

3. Impjiegi, Affarijiet Soċjali, Ħiliet u Mobilità tal-Ħaddiema

(Għal aktar informazzjoni: Christian Wigand - tel.: +32 229 62253, Sara Soumillion - tel.: +32 229 67094)

Opinjoni motivata

Saħħa u sikurezza: Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-ĠERMANJA biex tinnotifika t-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Imballaġġ u t-Tikkettar

Il-Kummissjoni Ewropea bagħtet opinjoni motivata lill-Ġermanja minħabba li naqset milli tinnotifika t-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ (CLP) ta’ sustanzi u taħlitiet (id-Direttiva 2014/27/UE) fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, iktar minn sena wara l-iskadenza tagħha. Id-Direttiva CLP issostitwiet bosta direttivi dwar is-suq intern dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettjar u l-imballaġġ ta' sustanzi kimiċi, u allinjathom mar-Regolament CLP (ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008). Ir-Regolament CLP huwa regolament tal-UE li daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Jannar 2009 u jallinja s-sistema tal-Unjoni tal-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ ta’ sustanzi u taħlitiet kimiċi mas-Sistema Globalment Armonizzata tan-Nazzjonijiet Uniti (GHS). Il-liġijiet tal-Istati Membri, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità mad-Direttiva CLP kellhom jidħlu fis-seħħ sal-1 ta’ Ġunju 2015, u l-Kummissjoni kellha tiġi mgħarrfa minnufih. Minħabba li l-awtoritajiet Ġermaniżi għadhom ma nnotifikawx lill-Kummissjoni dwar l-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-Ġermanja abbażi tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) Jekk l-awtoritajiet Ġermaniżi jonqsu milli jwieġbu fi żmien xahrejn, il-każ jista' jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

 

4. Enerġija

(Għal aktar informazzjoni: Anna-Kaisa Itkonen - tel.: +32 229 56186, Nicole Bockstaller – tel.: +32 229 52589)

Opinjonijiet motivati

Suq Intern tal-Enerġija: Il-Kummissjoni tħeġġeġ lil SPANJA biex tikkonforma bis-sħiħ mat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija

Illum, il-Kummissjoni Ewropea talbet formalment lil Spanja biex tiżgura l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni korretta tad-Direttiva dwar l-Elettriku (id-Direttiva 2009/72/KE) u d-Direttiva dwar il-Gass (id-Direttiva2009/73/KE). Id-Direttivi huma parti mit-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija u fihom id-dispożizzjonijiet ewlenin li jippermettu l-funzjonament tajjeb tas-swieq tal-enerġija, inklużi r-regoli dwar is-separazzjoni tat-trażmissjoni mill-fornituri u l-produtturi tal-enerġija, dwar it-tisħiħ tal-indipendenza u s-setgħat tar-regolaturi nazzjonali u dwar id-dispożizzjonijiet li jibbenefikaw lill-konsumaturi. Il-Kummissjoni sabet li l-leġiżlazzjoni Spanjola attwali ma tippermettix lill-impriżi li mhumiex l-operaturi tas-sistema nazzjonali responsabbli għall-elettriku u l-gass li jibnu u jħaddmu interkonnetturi ma’ Stati Membri oħra. Spanja ttrasponiet ħażin diversi regoli dwar l-indipendenza tal-awtorità regolatorja nazzjonali. Fi Frar 2015 intbagħat avviż ta' tqegħid fil-mora lil Spanja. Peress li l-konformità mal-liġi tal-UE għadha mhux fis-seħħ, il-Kummissjoni issa qed tibgħat opinjoni motivata. L-Istat Membru għandu xahrejn biex jinforma lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda biex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni, wara dan il-Kummissjoni Ewropea tista’ tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.Aktar tagħrif dwar il-leġiżlazzjoni tas-Suq Intern tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web tad-DĠ Enerġija.

Effiċjenza tal-Enerġija: Il-Kummissjoni titlob lill-ESTONJA u lill-POLONJA biex jittrasponu bis-sħiħ id-Direttiva tal-UE dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija

Il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Estonja u lill-Polonja biex jiżguraw it-traspożizzjoni bis-sħiħ tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija (id-Direttiva 2012/27/UE). Skont din id-Direttiva l-Istati Membri tal-UE jridu jiksbu ċertu ffrankar ta' enerġija mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020. Huma għandhom jagħmlu dan billi jużaw Skemi ta’ Obbligi ta’ Effiċjenza fl-Enerġija u/jew miżuri ta’ politika oħra mmirati sabiex jixprunaw it-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija fid-djar, fil-bini, fis-setturi tal-industrija u tat-trasport. Din id-Direttiva kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sal-5 ta’ Ġunju 2014. Illum, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata addizzjonali lill-Estonja u lill-Polonja, peress li l-Kummissjoni identifikat nuqqasijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva. Il-Kummissjoni għadha għaddejja bil-monitoraġġ tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva u se tindirizza xi nuqqasijiet fil-futur. L-Estonja u l-Polonja issa għandhom xahrejn biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom, u wara dan il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tressaq lil dawn l-Istati Membri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Għal ħarsa ġenerali dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija minn Stat Membru, ara l-Anness III.

 

5. Ambjent

(Għal aktar informazzjoni: Enrico Brivio – tel.: +32 229 56172, Iris Petsa – tel.: +32 229 93321)

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Il-Kummissjoni tressaq lir-RENJU UNIT quddiem il-Qorti minħabba li naqas milli jipproteġi l-ispeċijiet tal-baħar

Il-Kummissjoni Ewropea qed tressaq lir-Renju Unit quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE minħabba n-nuqqas tiegħu li jipproponi siti għall-protezzjoni tad-denfil iswed (Phocoena phocoena), mammiferu tal-baħar li jinstab regolarment fl-ilmijiet tar-Renju Unit.Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (id-Direttiva dwar il-Ħabitats, id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE) teħtieġ li l-Istati Membri jipproponu lista ta’ siti ta’ protezzjoni għal għadd ta’ speċijiet u tipi ta’ ħabitat, biex tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom minn theddidiet li jistgħu jkunu ta' ħsara kbira għalihom u biex jinżammu u jerġgħu lura fi stat favorevoli fl-UE kollha billi jittieħdu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa. Minħabba l-istatus ħażin tad-denfil iswed fl-UE, 13-il Stat Membru, minbarra r-Renju Unit, għażlu siti għall-protezzjoni tiegħu f'madwar 200 sit tan-Natura 2000.Sa issa r-Renju Unit b'mod formali ppropona sit wieħed biss fl-Irlanda ta' Fuq (iż-Żona Speċjali ta' Konservazzjoni ta' Skerries u Causeway) u sit wieħed fl-Iskozja (iż-Żona Speċjali ta' Konservazzjoni ta' Inner Hebrides u Minches). Peress li r-Renju Unit għandu żona marittima estensiva, għandu responsabbiltà partikolari fir-rigward tal-protezzjoni ta' din l-ispeċi. Il-Kummissjoni ħeġġet diversi drabi lill-awtoritajiet Brittaniċi biex iwettqu l-obbligi ewlenin tagħhom għall-konservazzjoni tal-ispeċi, kif għamlu diġà Stati Membri oħra. L-azzjoni tal-lum issegwi avviż ta’ tqegħid fil-mora mibgħut lill-Gvern tar-Renju Unit f’Ġunju 2013 u opinjoni motivata mibgħuta f'Ottubru 2014. Filwaqt li dan l-aħħar ir-Renju Unit wettaq konsultazzjoni pubblika dwar għadd ta' siti potenzjali fl-ilmijiet Ingliżi u fl-ilmijiet ta’ Wales u dan ix-xahar b'mod formali ppropona sit wieħed fl-ilmijiet Skoċċiżi, jeħtieġ li jsir aktar. Minħabba n-nuqqas kontinwu li jipproponi u jagħżel siti biżżejjed, iż-żoni li fihom l-ispeċi jinsabu fl-akbar ammonti jibqgħu mingħajr il-protezzjoni meħtieġa. Dan jirreferi b’mod partikolari għall-ħtieġa li jitwettqu valutazzjonijiet adegwati tal-iżviluppi jew tal-attivitajiet li huma potenzjalment ta’ ħsara, bħal pereżempju l-kostruzzjoni ta' parks eoliċi fuq il-baħar, l-esplorazzjoni għaż-żejt u l-gass u s-sajd. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok irreferi għall-istqarrija għall-istampa.

 

Opinjonijiet motivati

Direttivi dwar in-Natura: Il-Kummissjoni tistieden lill-GREĊJA biex tindirizza l-avvelenament illegali tal-għasafar

Il-Kummissjoni Ewropea qed titlob lill-Greċja biex tistabbilixxi sistema ġenerali għall-protezzjoni tal-għasafar selvaġġi, li tipprojbixxi, b’mod partikolari, il-qtil deliberat tagħhom permezz ta’ lixki velenużi. L-użu ta’ lixki velenużi huwa mifrux fil-Greċja, u sa issa ma ttieħdet l-ebda azzjoni serja, għall-kuntrarju ta' dak li huwa meħtieġ skont id-Direttivi dwar l-Għasafar (id-Direttiva 2009/147/KE) u l-Ħabitats (id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE). Fis-sit tan-Natura 2000 tax-xmara Nestos, pereżempju, l-użu ta’ din il-prattika illegali fl-2012 wassal għall-qerda ta’ kolonja sħiħa ta' speċi ta' avultuni, iżda l-awtoritajiet Griegi sa issa ftit li xejn għamlu biex jipprevjenu inċidenti bħal dawn milli jerġgħu jiġru. Il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ ksur kontra l-Greċja f’Settembru 2013, ħeġġeġ lill-awtoritajiet Griegi biex jikkontrollaw aħjar dan il-fenomenu fil-pajjiż kollu u biex jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiġu restawrati d-danni li saru f’Nestos fl-2012. Billi l-miżuri li jiżguraw il-konformità sħiħa mal-liġi tal-UE għadhom ma ttiħdux, il-Kummissjoni qed tibgħat opinjoni motivata. Jekk l-awtoritajiet Griegi jonqsu milli jwieġbu fi żmien xahrejn, il-każ jista' jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Ilma mormi: Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-IRLANDA biex ittejjeb il-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi

Il-Kummissjoni Ewropea qed titlob lill-Irlanda biex tiżgura li l-ilma urban mormi jiġi trattat b’mod xieraq fi 38 agglomerazzjoni madwar il-pajjiż. Skont il-liġi tal-UE (id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE), il-bliet żgħar u kbar huma meħtieġa li jiġbru u jittrattaw l-ilma urban mormi,tagħhom, minħabba li l-ilma mormi mhux trattat jista’ jipperikola s-saħħa tal-bniedem u jniġġes il-lagi, ix-xmajjar, il-ħamrija u l-ilma ta’ taħt l-art u tal-kosta. L-Istati Membri kellhom sal-aħħar tal-1998 biex jiżguraw b'mod strett it-trattament tal-ilma mormi minn agglomerazzjonijiet li jiskarikaw f’żoni sensittivi. Huma kellhom sal-aħħar tal-2000 biex jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ sistemi ta' ġbir u trattament xieraq għall-iskarikar minn impjanti ta’ trattament li jservu agglomerazzjonijiet kbar li jiskarikaw f'ilmijiet ġenerali. L-aħħar skadenza kienet sal-aħħar tal-2005 u kienet teħtieġ it-twaqqif ta’ sistemi ta’ ġbir u trattament għal skarikar minn agglomerazzjonijiet żgħar u ta’ daqs medju li jarmu fl-ilma ħelu u l-agglomerazzjonijiet estwarji. It-38 agglomerazzjoni li ma rrispettawx dawn ir-rekwiżiti huma: Arklow, Athlone, Ballybofer/Stranorlar, Ballincollig New, Carringtwohill, Castlecomer, Cavan, Clifden, Clonakilty, Cobh, Cork City, Dundalk, Enfield, Enniscorthy, Fermoy, Gaoth Dobhair, Killarney, Killybegs, Longford, Mallow, Midleton, Monksland, Navan, Nenagh, Oberstown, Passage/Monktown, Portarlington, Rathcormac, Ringaskiddy, Ringsend, Roscommon Town, Roscrea, Shannon Town, Thurles, Tralee, Tubbercurry, Youghal u Waterford City. L-opinjoni motivata tal-lum issegwi avviż ta’ tqegħid fil-mora ieħor mibgħut lill-awtoritajiet Irlandiżi f’Settembru 2015. Jekk l-awtoritajiet Irlandiżi jonqsu milli jaġixxu fi żmien xahrejn, il-każ jista' jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Ilma: Il-Kummissjoni titlob lill-BULGARIJA u lis-SLOVAKKJA biex jindirizzaw it-tniġġis tal-ilma kkawżat min-nitrati

Il-Kummissjoni Ewropea qed titlob lill-Bulgarija u lis-Slovakkja biex jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ilma kontra t-tniġġis min-nitrati (id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE). In-nitrati huma essenzjali għat-tkabbir tal-pjanti u jintużaw ħafna bħala fertilizzanti. Madankollu, il-livelli eċċessivi qed jikkawżaw tniġġis serju tal-ilma, b’konsegwenzi għas-saħħa tal-persuni, l-ekonomija u l-ambjent. F’Marzu 2013, il-Kummissjoni nediet proċedura ta’ ksur kontra l-awtoritajiet Bulgari wara li identifikat għadd ta’ nuqqasijiet fil-Programm ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati tal-pajjiż, kif meħtieġ skont ir-regoli tal-UE dwar in-nitrati. Minkejja li l-Bulgarija issa indirizzat għadd ta’ kwistjonijiet wara l-modifika tal-Programm ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati f’Ġunju 2016, il-pajjiż xorta għadu mhuwiex konformi mad-dispożizzjonijiet ewlenin, bħal pereżempju fl-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti u l-limitu tal-użu ta’ 170 kg N/ettaru/sena ta' demel tal-irziezet. F’Novembru 2012, il-Kummissjoni nediet proċedura ta’ ksur kontra s-Slovakkja wara li identifikat għadd ta’ nuqqasijiet fl-adozzjoni u fl-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE dwar in-nitrati tal-pajjiż. Għalkemm issa s-Slovakkja solviet ħafna mill-kwistjonijiet wara l-adozzjoni tal-Att dwar il-Fertilizzanti, il-pajjiż għadu jrid jagħżel għadd suffiċjenti ta’ żoni vulnerabbli għan-nitrati u jiżgura li l-Programm ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati jkun konformi mal-liġi tal-UE. Il-Bulgarija u s-Slovakkja għandhom xahrejn żmien biex jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda biex jindirizzaw in-nuqqasijiet; inkella, dawn il-każijiet jistgħu jiġu mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

 

6. Stabilità Finanzjarja, Servizzi Finanzjarji, u Unjoni tas-Swieq Kapitali

(Għal aktar informazzjoni: Vanessa Mock – tel.: +32 229 56194, Letizia Lupini - tel.: +32 229 51958)

Opinjonijiet motivati

Suq Uniku: Il-Kummissjoni tibgħat opinjoni motivata lill-AWSTRIJA, in-NETHERLANDS, ir-RUMANIJA, is-SLOVAKKJA, u l-IŻVEZJA fir-rigward tat-trattati bilaterali intra-UE tagħhom fuq l-investiment

Illum, il-Kummissjoni Ewropea bagħtet talba formali lill-Awstrija, in-Netherlands, ir-Rumanija, is-Slovakkja u l-Iżvezja biex jitterminaw it-trattati bilaterali intra-UE tagħhom fuq l-investiment ("BITs"). Il-BITs huma ftehimiet li jistabbilixxu t-termini u l-kundizzjonijiet għall-investiment privat minn ċittadini u minn kumpaniji ta’ stat fi stat ieħor. Ħafna minn dawn il-BITs intra-UE ġew miftiehma fis-snin 90. Dawn kienu saru prinċipalment bejn il-membri eżistenti tal-UE u dawk li eventwalment saru l-"UE 12", l-Istati Membri li ngħaqdu fl-2004 u fl-2007. Dawn kienu mmirati biex jassiguraw lill-investituri fi żmien meta l-investituri privati - xi kultant għal raġunijiet politiċi u storiċi - setgħu kienu prudenti milli jinvestu f’dawk il-pajjiżi. Mit-tkabbir, dawn l-assigurazzjonijiet "żejda" m’għandhomx ikunu meħtieġa, peress li r-regoli tal-UE fis-suq uniku, bħal pereżempju l-libertà tal-istabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital, diġà jipprovdu qafas legali għall-investimenti transkonfinali. L-Istati Membri kollha huma soġġetti għall-istess regoli tal-UE, li b'mod ugwali jipprovdu protezzjoni għall-investituri tal-UE.

 

7. Suq Intern, Industrija, Intraprenditorija u SMEs

(Għal aktar informazzjoni: Lucia Caudet – tel.: +32 229 56182, Maria Sarantopoulou – tel.: +32 229 13740)

Opinjonijiet motivati

Servizzi: Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-KROAZJA biex tneħħi r-restrizzjonijiet diskriminatorji dwar il-liċenzji tas-sajd

Il-Kummissjoni Ewropea qed tistieden formalment lill-Kroazja biex twaqqaf il-prattiki diskriminatorji fil-qasam tal-liċenzji annwali tas-sajd sportiv u rikreattiv. Il-liċenzji annwali tas-sajd huma limitati għar-residenti Kroati, filwaqt li persuni mhux residenti minn pajjiżi oħra tal-UE jistgħu jiksbu biss liċenzja massima ta' 30 jum. Viżitatur li jixtieq jistad tul is-sena kollha jkollu jixtri tnax-il liċenzja ta’ 30 jum, li jiswew 16-il darba iżjed minn dak li resident Kroat iħallas għal-liċenzja annwali. Il-Kummisssjoni tqis li din il-prattika hija diskriminatorja u mhix konformi mad-Direttiva dwar is-Servizzi (id-Direttiva 2006/123/KE), il-libertà tal-provvediment ta' servizzi u l-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (l-Artikoli 56 u 18 tat-TFUE). Il-Kroazja ma pprovdiet l-ebda evidenza li l-persuni mhux residenti qed jisfruttaw ir-riżorsi tal-Kroazja permezz tal-attivitajiet tas-sajd tagħhom aktar mir-residenti jew li dawn joħolqu riskju akbar għall-konservazzjoni tal-istokkijiet. Wara dan, ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni għalfejn dawn il-miżuri għandhom jittieħdu biss għad-detriment tal-persuni mhux residenti. It-talba tal-Kummissjoni lill-awtoritajiet Kroati qed issir f'forma ta’ opinjoni motivata. Il-Kroazja issa għandha xahrejn biex tinnotifika lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda sabiex tirrimedja s-sitwazzjoni; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq lill-Kroazja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Akkwist pubbliku: Il-Kummissjoni tistieden lis-SLOVAKKJA biex tirrispetta r-regoli tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea qed tħeġġeġ lis-Slovakkja biex timplementa b'mod xieraq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar ir-Rimedji billi tiffinalizza l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-offerti. Il-proċedura tal-akkwist pubbliku tal-UE għal kuntratt ta' rikostruzzjoni tal-linji ferrovjarji, ta' EUR 250 miljun, tnediet fl-2009 iżda l-evalwazzjoni tal-offerti għadha ma ġietx finalizzata. Ir-regoli tal-akkwist pubbliku tal-UE għandhom l-għan li jiżguraw li l-akkwist pubbliku jkun trasparenti, effiċjenti, u jagħti lill-operaturi ekonomiċi kollha l-opportunità ġusta biex jipparteċipaw f’sejħa għall-offerti biex jirbħu kuntratt. Dan jimplika li l-offerti ppreżentati jkunu evalwati fi żmien raġonevoli u d-deċiżjonijiet segwenti jiġu implimentati b’mod effettiv mill-entitajiet kontraenti. Is-Slovakkja kisret l-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku fis-Setturi tas-Servizzi (id-Direttiva 2004/17/KE) dwar it-trattament ugwali u nondiskriminatorju tal-offerenti peress li naqset milli tiffinalizza l-evalwazzjoni tal-offerti. Wara li ntbagħat avviż ta' tqegħid fil-mora lill-awtoritajiet Slovakki f’Ottubru 2014, il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka annullat id-deċiżjonijiet kollha tal-għotja ta’ dan il-kuntratt u ordnat li ssir evalwazzjoni mill-ġdid tal-offerti. Madankollu, wara kważi sentejn minn din id-deċiżjoni, l-awtoritajiet Slovakki għadhom ma ffinalizzawx l-evalwazzjoni. L-awtoritajiet Slovakki kisru l-Artikolu 2(8) tad-Direttiva dwar ir-Rimedji (id-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE) dwar l-implimentazzjoni effettiva tad-deċiżjonijiet tal-korpi ta’ evalwazzjoni peress li naqsu milli jimplementaw u jinfurzaw id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema. L-awtoritajiet Slovakki issa għandhom xahrejn biex jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda sabiex jirrimedjaw is-sitwazzjoni; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq lis-Slovakkja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Moviment liberu tal-professjonisti: Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jittrasponu r-regoli tal-UE dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali

Il-Kummissjoni Ewropea llum talbet b’opinjonijiet motivati lil 14-il Stat Membru biex jittrasponu d-Direttiva 2013/55/UE dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali. Id-Direttiva tipprovdi sistema moderna tal-UE għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, tissimplifika r-regoli eżistenti u tħaffef il-proċeduri ta' rikonoxximent filwaqt li tiżgura li l-professjonisti kwalifikati li jixtiequ jaħdmu fi Stat Membru ieħor jirrispettaw ir-rekwiżiti tal-pajjiż ospitanti. Din id-Direttiva kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sat-18 ta' Jannar 2016. Madankollu, l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Portugall, is-Slovenja, Spanja u r-Renju Unit għadhom ma kkomunikawx lill-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. L-Istati Membri issa għandhom xahrejn biex jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva; inkella, il-Kummissjoni Ewropea tista' tiddeċiedi li tressaqhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

 

8. Migrazzjoni, Affarijiet Interni u Ċittadinanza

(Għal aktar informazzjoni: Tove Ernst – tel.: +32 229 86764, Markus Lammert - tel.: +32 229 80423)

Avviż ta' tqegħid fil-mora

Skambju ta' Informazzjoni minħabba Sigurtà: Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex itejbu l-iskambju ta' informazzjoni biex jgħinu fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja

Id-Deċiżjoni ta' Prüm (id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/615/ĠAI u 2008/616/ĠAI) introduċiet proċeduri għall-iskambju ta' dejta b'mod rapidu u effiċjenti bejn l-Istati Membri f'oqsma speċifiċi. Il-qafas ta’ Prüm jistabbilixxi regoli li jippermettu lill-Istati Membri li jagħmlu tfittxijiet fil-fajls tal-analiżi tad-DNA, fis-sistemi għall-identifikazzjoni tal-marki tas-swaba' u fil-bażijiet tad-dejta tar-reġistrazzjoni tal-vetturi ta' xulxin. Id-Deċiżjoni ta' Prüm kellha tiġi implimentata bis-sħiħ mill-Istati Membri sa Awwissu 2011. Illum il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat avviżi ta' tqegħid fil-mora lill-Kroazja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja u l-Portugall talli naqsu milli jirrispettaw id-Deċiżjonijiet ta' Prüm. Dawn l-Istati Membri għadhom ma żgurawx l-iskambju awtomatizzat ta’ dejta f’mill-inqas tnejn mit-tliet kategoriji ta' dejta tad-DNA, il-marki tas-swaba’ u tad-dejta tar-reġistrazzjoni nazzjonali tal-vetturi. Dawn huma l-ewwel proċeduri ta' ksur li nbdew għall-hekk imsejjaħ "strument tat-tielet pilastru preċedenti" fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali. Il-Kummissjoni kisbet is-setgħat kollha ta’ infurzar f’dan il-qasam fl-1 ta’ Diċembru 2014, ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. L-Istati Membri kkonċernati issa għandhom xahrejn biex iwieġbu, u wara l-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata. L-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet ta’ Prüm hija element importanti tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà tal-2015.

 

Il-Kummissjoni Ewropea ssegwi attivament l-implimentazzjoni korretta tar-regoli Ewropej dwar il-prekursuri tal-isplussivi

Ir-Regolament (UE) Nru 98/2013 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi sar applikabbli f’kull wieħed mit-28 Stat Membru tal-UE f’Settembru 2014. Huwa jistabbilixxi qafas tal-UE komuni sabiex jiġi evitat l-użu ħażin ta’ ċerti sustanzi kimiċi li jistgħu jintużaw bħala prekursuri tal-isplussivi. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri implimentaw ir-Regolament bis-sħiħ, iżda f’ċerti Stati Membri, ma ġewx implimentati għalkollox id-dispożizzjonijiet kollha. Għal din ir-raġuni, illum il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur permezz ta’ avviż ta' tqegħid fil-mora konta Ċipru, Franza, il-Lussemburgu u Spanja. Skont ir-Regolament, l-Istati Membri huma meħtieġa, fost l-oħrajn, li jistabbilixxu punti ta' kuntatt nazzjonali għar-rapportar ta' tranżazzjonijiet suspettużi kif ukoll ta' għajbien u serq sinifikanti tas-sustanzi regolati. L-Istati Membri huma meħtieġa wkoll iqassmu linji gwida u japplikaw penali. Jekk l-Istati Membri jagżlu li ma jżommux projbizzjoni sħiħa tas-sustanzi, huma jridu jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-eċċezzjonijiet skont reġim ta' liċenzjar jew ta' reġistrazzjoni. L-Istati Membri kkonċernati issa għandhom xahrejn biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. L-implimentazzjoni korretta tar-Regolament dwar il-prekursuri tal-isplussivi hija element importanti kemm tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà u kif ukoll tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-triq ’il quddiem lejn Unjoni tas-Sigurtà.

Opinjoni motivata

Migrazzjoni irregolari: Il-Kummissjoni tħeġġeġ lil Spanja biex tiżgura t-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva tal-UE dwar ir-Ritorn

Il-Kummissjoni Ewropea qed titlob li Spanja tħaffef l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn (id-Direttiva 2008/115/KE) f'ċerti oqsma speċifiċi billi tiżgura t-traspożizzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet kollha tal-leġiżlazzjoni fil-liġi nazzjonali. Id-dispożizzjonijiet li ma ġewx trasposti b'mod korrett minn Spanja jinkludu d-definizzjoni ta' ritorn fil-liġi nazzjonali, l-obbligu li joħorġu deċiżjonijiet ta' ritorn lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment u definizzjoni ċara tal-irwol tal-Ombudsman fil-funzjoni tiegħu bħala korp ta' monitoraġġ skont id-Direttiva dwar ir-Ritorn. Il-Kummissjoni qed titlob li Spanja tallinja l-leġiżlazzjoni tagħha mad-Direttiva tal-UE dwar ir-Ritorn u issa qed tibgħat opinjoni motivata għal dan ir-rigward. Jekk Spanja tonqos milli tirrimedja s-sitwazzjoni fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq lil Spanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

 

9. Mobilità u Trasport

(Għal aktar informazzjoni: Anna-Kaisa Itkonen – tel.: +32 229 56186, Alexis Perier - tel.: +32 229 69143)

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Trasport bit-triq: Il-Kummissjoni tressaq lill-Ġermanja quddiem il-Qorti minħabba tariffi tat-toroq diskriminatorji

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Ġermanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE dwar il-pjan tal-awtoritajiet Ġermaniżi li jintroduċu skema ta' tariffi tat-toroq diskriminatorji għall-vetturi privati (PKW-Maut), li skont il-Kummissjoni hija diskriminatorja. Il-leġiżlazzjoni tal-Ġermanja tagħti lill-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja benefiċċju ta' tnaqqis ta' 1:1 fit-tariffa tat-triq mill-kont tat-taxxa tal-vettura annwali tagħhom. Dan iwassal għal eżenzjoni 'de facto' mit-tariffa, esklużivament għall-karozzi rreġistrati fil-Ġermanja. Barra minn hekk, il-prezzijiet għall-vinjetti għal perjodu qasir (għal perjodi ta' inqas minn xahar), maħsuba biss għall-użu minn vetturi li huma rreġistrati barra mill-pajjiż, f'ċerti każijiet huma għoljin b'mod sproporzjonat. Filwaqt li l-Kummissjoni tappoġġa l-ipprezzar ġust u effiċjenti fit-trasport - kif diġà tenniet fl-Istrateġija Ewropea għall-Mobilità b'Emissjonijiet Baxxi riċenti, il-Kummissjoni tqis li s-sistema Ġermaniża mhijiex konformi mal-prinċipji tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE), dwar in-nondiskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità u l-moviment liberu ta' oġġetti u ta' servizzi. Il-leġiżlazzjoni tal-Ġermanja mhijiex allinjata ma' dawk il-prinċipji. Minkejja bosta skambji mal-awtoritajiet Ġermaniżi minn Novembru 2014 'il quddiem, it-tħassib fundamentali tal-Kummissjoni ma ġiex indirizzat. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tressaq lill-Ġermanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok irreferi għall-istqarrija għall-istampa.

 

Opinjonijiet motivati

Baħħara: Il-Kummissjoni titlob lil FRANZA biex tlesti t-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara

Il-Kummissjoni talbet lil Franza biex tlesti t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2012/35/UE dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha. L-edukazzjoni u t-taħriġ tal-baħħara huma kwistjoni importanti għall-UE, sabiex jinżamm u jiġi żviluppat il-livell tal-għarfien u tal-ħiliet fis-settur marittimu fl-UE kif ukoll fl-interess tas-sigurtà marittima. Għalhekk, ir-regoli tal-UE dwar it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara għandhom jinżammu allinjati mar-regoli internazzjonali. Għalhekk, id-Direttiva inkorporat fil-liġi tal-UE l-emendi li saru fl-2010 il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) (l-hekk imsejħa "Konvenzjoni STCW"). Fost l-oħrajn, l-emendi għall-Konvenzjoni STCW jaġġornaw għadd ta' standards ta' kompetenza. Pereżempju, l-uffiċjali issa huma meħtieġa li jkunu kapaċi jużaw sistemi elettroniċi ta' viżwalizzazzjoni ta' mapep u ta' informazzjoni (ECDIS) biex tinżamm is-sikurezza tan-navigazzjoni. L-emendi jintroduċu wkoll aktar rekwiżiti tal-istat mediku inkluż il-limiti tal-livell ta' alkoħol għall-prevenzjoni tal-abbuż mill-alkoħol. L-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Direttiva sal-4 ta’ Lulju 2014. Madankollu, sal-lum Franza naqset milli tagħmel dan. L-awtoritajiet Franċiżi issa għandhom xahrejn sabiex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni. inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Trasport ferrovjarju: Il-Kummissjoni titlob lil-LITWANJA biex tittrasponi l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-interoperabilità tal-ferroviji

Il-Kummissjoni talbet lil-Litwanja biex tallinja r-regoli nazzjonali tagħha mad-Direttiva tal-Kummissjoni 2014/106/KE dwar l-interoperabilità tal-ferroviji - il-kapaċità ta' sistema ferrovjarja li tippermetti l-moviment bla periklu u bla interruzzjoni tal-ferroviji li jilħqu l-livelli meħtieġa fil-prestazzjoni ta’ dawn il-linji. Din il-kapaċità tiddependi fuq il-kundizzjonijet regolatorji, tekniċi u operattivi kollha li jridu jintlaħqu biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti essenzjali. L-Istati Membri kellhom jikkonformaw mad-Direttiva sal-1 ta' Jannar 2016. Madankollu, il-Litwanja sa issa għadha ma mmodifikatx il-proċedura armonizzata biex tivverifika l-konformità mar-rekwiżiti tekniċi li jiżguraw li partijiet tas-sistema ferrovjarja huma sikuri u interoperabbli. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat lil-Litwanja opinjoni motivata. L-awtoritajiet Litwani għandhom xahrejn biex jagħtu tweġiba lill-Kummissjoni. Jekk jonqsu milli jagħmlu dan, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Trasport marittimu: Il-Kummissjoni titlob lill-PORTUGALL biex jittrasponi b’mod sħiħ il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar ir-rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera

Il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Portugall biex jikkonforma mal-obbligi tiegħu ta’ superviżjoni amministrattiva kif previst mir-regoli tal-UE dwar ir-rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera (id-Direttiva 2009/21/KE). Dawn jinkludu l-verifika li l-istruttura tal-bastiment , it-tagħmir u t-tmexxija operattiva jkunu konformi mar-regolamenti dwar is-sikurezza u li l-baħħara jkunu ċċertifikati bħala kompetenti. Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas legali biex titjieb il-prestazzjoni tal-Istati Membri bħala Stati tal-bandiera. Skont din id-Direttiva, minn Ġunju 2012 kellu jkun hemm fis-seħħ sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità, iżda sal-lum il-Portugall naqas milli jimplimenta dan. B’mod partikolari, nuqqas ta' ħaddiema u ta' riżorsi fl-amministrazzjoni fuq perjodu fit-tul jista' jkollhom impatt negattiv fuq is-sikurezza, is-sigurtà u l-prestazzjoni ambjentali tal-flotta li ttajjar il-bandiera Portugiża. Dan huwa aktar u aktar sinifikanti minħabba t-tkabbir riċenti fit-tieni reġistru tal-bastimenti tal-Portugall f’Madeira. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Portugall li ngħata xahrejn sabiex jikkonforma mad-Direttiva; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. L-Istat tal-bandiera ta' bastiment huwa l-Istat li taħt il-liġijiet tiegħu l-bastiment huwa rreġistrat jew illiċenzjat.

 

10. It-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali

(Għal aktar informazzjoni: Vanessa Mock – tel.: +32 229 56194, Patrick Mc Cullough – tel.: +32 229 87183)

Opinjoni motivata

Tassazzjoni: Il-Kummissjoni titlob lill-POLONJA biex timplimenta r-regoli dwar l-assistenza reċiproka msaħħa u l-iskambju ta’ informazzjoni 

Illum il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Polonja biex tittrasponi bis-sħiħ id-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE dwar l-assistenza reċiproka fil-qasam tat-tassazzjoni tad-dħul u tal-kapital. Din id-Direttiva, li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar l-iskambju awtomatiku mandatorju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali, għandha l-għan li ssaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri biex jiġġieldu aħjar kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa. L-Istati Membri kienu meħtieġa li jittrasponu dawn ir-regoli sal-1 ta’ Jannar 2016. Il-Polonja għadha ma infurmatx lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kollha meħtieġa biex jittrasponu b'mod sħiħ id-Direttiva fil-liġi nazzjonali. Fin-nuqqas ta’ tweġiba sodisfaċenti fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista’ tirreferi lill-Polonja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

MEMO/16/3125

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar

Documents


Anness_mt.pdf