Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

Brussell, il-15ta' settembru 2016

.

*** FOR THE LATEST INFORMATION ON THE EUROPEAN SOLIDARITY CORPS, PLEASE REFER TO OUR PRESS RELEASE (IP/16/4165) AND MEMOS (MEMO/16/4166 and MEMO/16/4168), PUBLISHED ON 7/12/2016***

 

Illum, il-Kummissjoni qed tissuġġerixxi t-twaqqif ta' Korp Ewropew ta' Solidarjetà Żgħażagħ minn madwar l-Ewropa se jkunu jistgħu joffru l-ħidma volontarja tagħhom fejn din tkun l-iktar meħtieġa, biex iwieġbu għal sitwazzjonijiet ta' kriżi. Irrid li l-Korp Ewroprew ta' Solidarjetà jibda jaħdem mill-aktar fis possibbli.

 

X'inhu l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà?

Dan tħabbar mill-President Juncker fid-diskors tiegħu tal-Istat tal-Unjoni fl-14 ta' Settembru 2016: "Hemm ħafna żgħażagħ u persuni b'orjentament soċjali fl-Ewropa li lesti jagħtu kontribuzzjoni sinifikanti lis-soċjetà u jgħinu biex juru solidarjetà. Nistgħu noħolqulhom opportunitajiet biex jagħmlu dan. […] Ninsab konvint li għad hemm bżonn ta' iktar solidarjetà. Imma naf ukoll li s-solidarjetà trid tingħata b'mod volontarju. Trid tiġi mill-qalb. Ma tistax tkun sfurzata. […] Fl-istess spirtu, il-Kummissjoni illum qed tipproponi li twaqqaf Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Iż-żgħażagħ fl-UE se jkunu jistgħu joffru l-għajnuna tagħhom fejn tkun l-iktar meħtieġa, bħala rispons għal sitwazzjonijiet ta' kriżi, bħall-kriżi tar-refuġjati jew it-terremoti riċenti fl-Italja. Irrid li l-Korp Ewroprew ta' Solidarjetà jibda jaħdem mill-aktar fis possibbli. U sal-2020, għandna naraw l-ewwel 100,000 żagħżugħ Ewropew jieħu sehem. Billi jissieħbu b'mod volontarju fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, dawn iż-żgħażagħ se jkunu jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u mhux biss jiksbu esperjenza ta' xogħol iżda wkoll esperjenza umana imprezzabbli."

Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà (KES) huwa maħsub biex dawk fl-Ewropa li għandhom inqas minn 30 sena jkollhom l-opportunità li jappoġġaw organizzazzjoni mhux governattiva (NGO), awtorità lokali jew kumpanija privata li jkunu attivi fl-indirizzar ta' sitwazzjonijiet diffiċli madwar l-Unjoni Ewropea - pereżempju: il-bini mill-ġdid ta' komunitajiet wara diżastri naturali; l-indirizzar ta' sfidi soċjali bħall-esklużjoni soċjali, il-faqar, is-saħħa u l-isfidi demografiċi; jew ħidma biex jiġu milqugħa u integrati r-refuġjati.

Il-Korp se jiżviluppa l-identità distinta tiegħu, li jkollha l-għeruq fil-valuri fundamentali tal-UE tal-involviment u s-solidarjetà. Meta jingħaqdu mal-Korp, il-parteċipanti jkunu qed jesprimu l-impenn u r-rieda tagħhom li joffru żmien minn ħajjithom biex jgħinu lil ħaddieħor. Billi jappoġġaw lil ħaddieħor, inklużi dawk l-iktar vulnerabbli fis-soċjetajiet u l-komunitajiet tagħna, iż-żgħażagħ ma jkunux qegħdin biss iħaddmu l-valur tal-UE tas-solidarjetà, iżda jkunu qegħdin ukoll jiksbu ħiliet u esperjenzi ġodda, fosthom ħiliet lingwistiċi, li jistgħu jkunu ta' valur meta dawn ikunu qed ifittxu xogħol jew jikkunsidraw aktar edukazzjoni u taħriġ.

Kif se jaħdem il-Korp? U meta se jitwaqqaf?

Il-Korp se jissejjes fuq programmi professjonali u ta' volontarjat għaż-żgħażagħ eżistenti tal-UE, filwaqt li jimmobilizza netwerks stabbiliti ta' atturi tal-impjieg, tal-edukazzjoni u tas-soċjetà ċivili madwar l-Ewropa. Se niżviluppaw l-iskema b'ħidma mill-qrib mal-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u l-NGOs.

Dawk li jkunu jixtiequ jingħaqdu mal-Korp, u entitajiet li jkunu jridu jagħmlu sejħa għall-membri, se jkunu jistgħu jagħmlu dan permezz ta' għodda waħda: portal web iddedikat tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

Il-kollokamenti se jdumu minn xahrejn sa sena. Għal kollokament tax-xogħol, il-perjodu minimu huwa ta' erba' xhur.

Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà se jitwaqqaf kemm jista' jkun malajr, u se jibda billi l-portal web isir operazzjonali. L-għan huwa li sal-2020 100,000 żagħżugħ u żagħżugħa jkunu ngħaqdu mal-Korp.

Min jista' jingħaqad u x'inhuma l-kriterji?

Kull persuna fl-Ewropa li għandha inqas minn 30 sena tista' tingħaqad mal-Korp. Ma jagħmel l-ebda differenza l-isfond tal-persuna, jew jekk il-persuna tkunx għaddejja bl-edukazzjoni, bit-taħriġ jew jekk tkunx qed taħdem jew hi qiegħda. Il-kollokamenti għandhom ikunu disponibbli għal varjetà wiesgħa ta' profili, minn dawk li għadhom kif temmew it-tagħlim sa gradwati ta' livell għoli b'esperjenza tax-xogħol.

Kif inhu ssuġġerit fl-isem, il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà se jkun prinċipalment ibbażat fuq il-valur tas-solidarjetà. Iż-żgħażagħ li jkunu jixtiequ jissieħbu mal-Korp se jkun jeħtiġilhom jissottoskrivu mal-missjoni tal-Korp bħala parti mir-reġistrazzjoni tagħhom, fejn jiddikkjaraw l-impenn u r-rieda tagħhom li jieħdu sehem f'attivitajiet li jkollhom is-solidarjetà bħala l-għan tagħhom ladarba jitlaqqgħu ma' organizzazzjoni jew jiġu aċċettati bħala voluntiera.

Filwaqt li ma jistax iggarantit post meta ssir ir-reġistrazzjoni,
l-isfidi multidimensjonali - u l-firxa wiesgħa ta' ħiliet meħtieġa biex dawn jiġu indirizzati - jindikaw li se jkun meħtieġ spettru wiesa' ta' profili professjonali. 

Liema tip ta' attivitajiet se jkunu involuti fihom il-membri tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà?

Il-membri tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà se jkunu jistgħu jieħdu sehem f'kull tip ta' attività b'rabta mat-tħejjija għad-diżastri u r-rispons fuq terminu twil, kif ukoll attivitajiet li jindirizzaw l-isfidi soċjali, bħall-eskulżjoni soċjali, il-faqar, l-isfidi demografiċi u tas-saħħa, jew attivitajiet li għandhom l-għan li jindirizzaw il-kriżi tar-refuġjati.

L-iskema tista', ngħidu aħna, tappoġġa l-iżvilupp ta' servizzi soċjali, tas-saħħa u ta' riabilitazzjoni, għal nies f'riskju ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali, bħar-Roma, il-persuni b'diżabbiltà, ċerti gruppi ta' immigranti u nies oħra li jkunu qed jaffaċċaw diskriminazzjoni u preġudizzju.

Ir-rispons immedjat għad-diżastri, bħal pereżempju t-tifi tan-nar tal-foresti jew it-tfittxija u s-salvataġġ urban, huwa eskluż peress li dawn l-attivitajiet jeħtieġu speċjalisti mħarrġa sew. Madanakollu, jekk pereżempju komunità rurali trid tnaqqas ir-riskju ta' nirien fil-foresti billi tnaddaf l-imsaġar, il-membri tal-KES ikunu jistgħu jagħtu kontribuzzjoni ta' valur.

Fejn se jintbagħtu l-membri tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u għal kemm tul ta' żmien?

Il-Membri tal-Korp jistgħu jintbagħtu jaħdmu f'pajjiżhom stess jew inkella fi Stat Membru tal-UE, skont il-ħtiġijiet tal-organizzazzjonijiet parteċipanti u l-profil u l-preferenzi tal-applikant.

Liema organizzazzjonijiet jistgħu jieħdu sehem?

L-NGOs, l-awtoritajiet lokali jew il-kumpaniji privati attivi fl-indirizzar ta' sitwazzjonijiet ta' sfida jistgħu jużaw il-portal biex jikkuntattjaw u jingaġġaw membri tal-Korp.

Se jkun meħtieġ li l-organizzazzjonijiet kollha involuti f'attivitajiet tal-volontarjat ikollhom fil-pussess tagħhom akkreditazzjoni valida li tiggarantixxi l-konformità tagħhom mal-Karta tas-Servizz Volontarju Ewropew (SVE) biex ikun żgurat li dawn jimxu mal-istandards ta' kwalità meħtieġa.

Il-parteċipanti se jitħallsu?

Jekk il-persuna tkun ingaġġata bħala impjegat regolari, trainee jew apprendist fi Stat Membru ieħor, din tirċievi salarju (għal kuntratt tax-xogħol) u/jew provvediment (għal taħriġ jew apprendistat) biex ikunu koperti l-ispejjeż tal-ivvjaġġar li jistgħu jiġu sostnuti finanzjarjament, pereżempju, bl-iskema ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ.

Jekk il-persuna tipparteċipa bħala voluntier, l-ispejjeż ewlenin tal-parteċipazzjoni
(pereżempju l-ikel, l-akkomodazzjoni, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar) huma koperti mill-għotja mogħtija lill-organizzazzjoni permezz tas-Servizz Volontarju Ewropew. Jingħataw ukoll għotjiet żgħar għal kuljum, li l-ammont tagħhom jiddependi mill-pajjiż tas-servizz. Barra minn hekk, il-voluntiera kollha se jkunu koperti bl-assigurazzjoni tal-grupp obbligatorja tas-SVE mwaqqfa mis-servizz.

Kif se tkun iffinanzjata din l-inizjattiva?

L-ispejjeż finanzjarji marbutin mal-mobbiltà transfruntiera u l-għajxien barra mill-pajjiż se jkunu koperti fil-biċċa l-kbira bl-appoġġ tal-UE, bl-użu ta' strutturi li jeżistu diġà, bħas-Servizz Volontarju Ewropew u l-Iskema ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ.

L-NGOs, il-kumpaniji u l-awtorijiet lokali x'se jieħdu billi jipparteċipaw?

 Permezz tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, il-kumpaniji, l-NGOs u l-awtoritajiet lokali kollha li jkunu qed ifittxu impjegati, trainees jew voluntiera għal proġetti li jkollhom is-solidarjetà bħala l-ħsieb tagħhom jista' jkollhom aċċess faċli minn punt wieħed għall-informazzjoni, il-kollokament u s-servizzi tar-reklutaġġ. Barra minn hekk dan il-grupp ta' żgħażagħ motivati se jkun usa' mill-firxa tipika lokali jew nazzjonali.

 Barra minn hekk, peress li ż-żgħażagħ kollha reġistrati fil-KES se jkun jeħtiġilhom jiddikkjaraw l-impenn tagħhom għall-missjoni tal-Korp u juru l-motivazzjoni tagħhom, l-organizzazzjonijiet u l-kumpaniji se jkunu jistgħu jagħżlu minn qabel b'mod iktar faċli u mgħaġġel dawk li l-iktar jaqblu mal-kultura tal-organizzazzjoni tagħhom u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.

Eżempji Possibbli

- Organizzazzjoni Kroata li taħdem f'żona post-kunflitt tilqa' għadd ta' voluntiera minn Stati Membri tal-UE differenti. Dawn jorganizzaw attivitajiet għaż-żgħażagħ minn komunitajiet differenti biex jgħinuhom jgħixu flimkien. Peress li dawn il-voluntiera ma jkunux mir-reġjun dawn ikunu aktar aċċettabbli għaż-żewġ komunitajiet u dan jippermettilhom jiksbu impatt aktar sinifikanti.

- Wara tixrid taż-żejt fil-Baħar tat-Tramuntana, ċittadina żagħżugħa Daniża se tmur tgħin awtorità lokali Żvediża fiż-żona l-aktar milquta għal perjodu ta' disa' xhur. Hija se tgħin lill-muniċipalità fit-tindif taż-żoni u r-riabilitazzjoni tal-annimali. L-akkomodazzjoni, l-ikel u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, kif ukoll assigurazzjoni u għotja żgħira għal kuljum se jitħallsu mis-Servizz Volontarju Ewropew lill-awtorità lokali.

- Wara konsultazzjoni mal-konsulent dwar il-karrieri fiċ-ċentru lokali għax-xogħol, assistent soċjali żagħżugħ Grieg minn Ateni aċċetta offerta ta' xogħol biex jaħdem f'ċentru fejn jintlaqgħu r-reġujati f'Tessaloniki. Hu se jqatta' tmien xhur hemm ma' tim ta' psikologi, assistenti soċjali u għalliema, biex jgħin lit-tfal refuġjati jaddattaw għar-realtà l-ġdida. Se jirċievi salarju nett fix-xahar kif ukoll provvediment ta' EUR 200 fix-xahar li jkopru l-ispejjeż tal-mobbiltà u l-għajxien.

 

 

 

 

***: [updated: 22/12/2016 – 11:00]

MEMO/16/3062

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar