Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Il-Jum Dinji tal-Għajnuna Umanitarja: L-azzjoni umanitarja tal-UE

Brussell, id-19ta' awissu 2016

Il-Jum Dinji tal-Għajnuna Umanitarja: L-azzjoni umanitarja tal-UE

Kull sena fid-19 ta' Awwissu, l-Unjoni Ewropea żżid leħinha ma dawk li jonoraw il-kontribut imprezzabbli tal-ħaddiema umanitarji li ta’ kuljum jirriskjaw ħajjithom sabiex isalvaw ħajjet l-oħrajn. Il-Jum Dinji tal-Għajnuna Umanitarja jimmarka l-anniversarju tal-bumbardament tal-2003 fuq il-Kwartieri Ġenerali tan-NU f’Bagdad, l-Iraq, meta nqatlu 22 ħaddiem umanitarju.

Mexxej dinji fl-għajnuna umanitarja fi żminijiet ta’ kriżi bla preċedent

Flimkien mal-fondi mogħtija mill-Istati Membri tal-UE, l-Unjoni Ewropea hija l-akbar donatur fid-dinja ta’ għajnuna umanitarja.

B’mod ġenerali, l-assistenza umanitarja mill-baġit tal-UE fl-2015 għenet lil aktar minn 134 miljun persuna maqbuda f’diżastri naturali jew kunflitti f’aktar minn 80 pajjiż madwar id-dinja.

Għall-2016, il-Kummissjoni Ewropea adottat l-ogħla baġit inizjali għall-għajnuna umanitarja li qatt kellha sal-lum ta’ €1.1 biljun. Il-baġit rekord ġie propost hekk kif il-ħtiġijiet umanitarji globali qed jiżdiedu minħabba ż-żieda fin-numru ta’ refuġjati u persuni spostati b’riżultat tal-kunflitt armat, l-impatt li dejjem jiżdied tad-diżastri naturali, it-tibdil fil-klima u l-kriżi ekonomika.

Filwaqt li diżastri naturali bħat-terremot fin-Nepal affettwaw miljuni ta’ persuni fl-2015, il-kunflitti armati huma l-akbar kawża tal-ħtiġijiet umanitarji.

Is-sena li għaddiet kienet ikkaratterizzata minn erba’ emerġenzi maġġuri (is-Sirja, l-Iraq, il-Jemen u s-Sudan t’Isfel), skont l-istandards tal-ogħla livelli ta' kriżi tan-Nazzjonijiet Uniti. L-2015 ra l-ogħla livelli ta’ spostament furzat mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn.

Għalhekk, parti kbira mill-għajnuna umanitarja tal-UE tintuża għar-refuġjati u l-persuni spostati bil-Kummissjoni Ewropea li tipprovdi aktar minn €1 biljun jew madwar 73 % tal-baġit annwali tagħha tal-għajnuna umanitarja fl-2015 għal proġetti li jgħinu r-refuġjati u l-persuni spostati internament (IDPs). L-akbar sehem tal-għajnuna umanitarja għar-refuġjati jikkonsisti fl-assistenza alimentari u n-nutrizzjoni (47 %). Is-setturi ewlenin l-oħrajn huma s-saħħa (13 %), l-ilma, is-sanità u l-iġjene (10 %), il-kenn u l-oġġetti mhux tal-ikel (9 %) kif ukoll il-protezzjoni (8 %).

Minħabba l-kriżijiet umanitarji mingħajr preċedent tal-2015, il-Kummissjoni Ewropea immirat l-għajnuna umanitarja lejn dawk li l-aktar għandhom bżonn u l-aktar vulnerabbli, u billi saħħet ir-reazzjoni politika tagħha. Fl-ewwel Samit Umanitarju Dinji li sar f'Mejju 2016, l-UE laqgħet it-tnedija tan-“Negozjar Kbir”, biex jiġu diretti tal-inqas US$1 biljun matul il-ħames snin li ġejjin għall-azzjoni umanitarja fuq fejn huwa l-aktar meħtieġ.

Kull għajnuna umanitarja hija imparzjali u indipendenti, u tingħata lil għaqdiet mhux governattivi u għaqdiet internazzjonali, lin-Nazzjonijiet Uniti u lis-soċjetajiet tas-Salib l-Aħmar.

Ħaddiema umanitarji: xogħol li jsir dejjem aktar perikoluż

Matul l-aħħar żewġ deċennji, l-isfidi umanitarji saru iktar u iktar kumplessi u l-organizzazzjonijiet umanitarji qed jaffaċċjaw problemi dejjem akbar biex jiksbu aċċess għal dawk fil-bżonn. F’dawn l-aħħar 19-il sena, kważi 4000 ħaddiem umanitarju kienu vittma ta’ attakki maġġuri u aktar minn terz minnhom inqatlu[1]. Il-maġġoranza tal-vittmi ta’ attakki huma ċittadini li jservu f’pajjiżhom stess.

Minkejja tnaqqis ta’ attakki fuq il-ħaddiema umanitarji mill-2013 sal-2015, dan ma jfissirx li l-professjoni saret iktar sikura. L-għadd ta’ attakki naqas minħabba l-fatt li inqas ħaddiema umanitarji setgħu jiġu skjerati fil-post minħabba sitwazzjonijiet volatili ta’ sigurtà. Bħala riżultat, miljuni ta' nies fil-bżonn jistgħu jitħallew mingħajr l-għajnuna li tista' ssalvalhom ħajjithom jekk l-insikurezza ġġiegħel lill-għaqdiet umanitarji jissospendu l-operazzjonijiet jew jirtiraw minn reġjuni perikolużi.

L-attakki kontra l-persunal umanitarju huma ksur ċar tal-Liġi Umanitarja Internazzjonali li għandha l-għan li tillimita l-effetti tal-kunflitti armati fuq il-persuni ċivili. Din tistabbilixxi r-responsabilitajiet tal-istati u tal-partijiet mhux statali waqt kunflitt armat u tiddefinixxi kwistjonijiet bażiċi, bħad-dritt għall-għajnuna umanitarja, il-ħarsien taċ-ċivili inklużi l-ħaddiema mediċi u umanitarji u l-ħarsien tad-drittijiet tal-gruppi vulnerabbli.

Il-prinċipji li jiggwidaw l-azzjoni umanitarja — l-umanità, l-imparzjalità, in-newtralità u l-indipendenza — għandhom ukoll il-bażi tagħhom fil-Liġi Umanitarja Internazzjonali.

L-Unjoni Ewropea hija impenjata li tippromwovi r-rispett globali u l-konformità mal-Liġi Umanitarja Internazzjonali (LUI). Il-Kummissjoni Ewropea tiffinanzja wkoll it-taħriġ fil-Liġi Umanitarja Internazzjonali lill-persunal ċivili u militari involut fl-operazzjonijiet ta' ġestjoni ta' kriżi.

Għal aktar tagħrif

Is-sit tad-Dipartiment tal-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili tal-Kummissjoni Ewropea (ECHO):

http://ec.europa.eu/echo/index_en.htm

Is-sit tal-Kummissarju Ewropew għall-Għajnuna Umanitarja u Ġestjoni tal-Kriżijiet Stylianides:

http://ec.europa.eu/commission/2014-2019/stylianides_en

Solidarjetà fl-Azzjoni:

http://ec.europa.eu/echo/files/core_achievements/solidarity_in_action/index_en.htm?#intro

Il-Bażi tad-Dejta ta' Sigurtà tal-Ħaddiema Umanitarji:

http://aidworkersecurity.org

 

[1] 1997-2015. Sors: L-eżiti Umanitarji (2016), Il-Bażi tad-Dejta ta' Sigurtà tal-Ħaddiema Umanitarji, https://aidworkersecurity.org

 

MEMO/16/2802

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar