Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Il-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari: domandi u risposti

Brussell, it-2ta' dicembru 2015

Illum il-Kummissjoni adottat Pakkett ġdid u ambizzjuż tal-Ekonomija Ċirkolari biex tistimula t-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn ekonomija ċirkolari ħalli tixpruna l-kompetittività globali, trawwem it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u toħloq impjiegi ġodda.

X'inhi l-Ekonomija Ċirkolari?

Biex fl-UE niżguraw it-tkabbir sostenibbli jeħtieġ nużaw ir-riżorsi tagħna b'mod aktar intelliġenti u aktar sostenibbli. M'hemmx dubju li l-mudell lineari tat-tkabbir ekonomiku li ħaddimna fil-passat m'għadux jgħodd għall-bżonnijiet tas-soċjetà ta' żmienna f'dinja globalizzata. Ma nistgħux nibqgħux għaddejjin nieħdu, nużaw u narmu għax ħafna mir-riżorsi naturali huma limitati. Irridu nsibu mod kif nużaw ir-riżorsi filwaqt li nibżgħu għall-ambjent u nkunu sostenibbli ekonomikament. Barra minn hekk in-negozji jaqblilhom ekonomikament li jużaw ir-riżorsi tagħhom bl-aħjar mod possibbli.

Fl-ekonomija ċirkolari, il-prodotti u l-materjali jżommu l-valur tagħhom għal kemm jista' jkun possibbli; u jonqsu kemm jista' jkun l-iskart u l-użu tar-riżorsi. Meta prodott ikun wasal fi tmiemu, ir-riżorsi jitreġġgħu lura fl-ekonomija ħalli jergħu jintużaw u joktor il-valur tagħhom. Dan il-mudell jista' joħloq impjiegi siguri fl-Ewropa, jippromwovi l-innovazzjonijiet li jagħtu vantaġġ kompetittiv u joħloq livell ta' protezzjoni għall-bniedem u għall-ambjent li l-Ewropa kburija bihom. filwaqt li lill-konsmaturi jagħtihom prodotti innovattivi u li jservu aktar u allura jiffrankaw il-flus u jtejbu l-kwalità ta' ħajjithom.

X'fih il-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari li fasslet il-Kummissjoni?

Biex tiffaċilita t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ċirkolari, il-Kummissjoni qed tressaq Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari bi proposti leġiżlattivi riveduti dwar l-iskart u bi Pjan ta' Azzjoni komprensiv li jistabbilixxi mandat ċar għat-terminu tal-Kummissjoni attwali. Il-Proposta dwar l-Iskart tagħti viżjoni fit-tul ċara u ambizzjuża biex jiżdied ir-riċiklaġġ u jonqos ir-rimi fil-miżbliet, filwaqt li tipproponi miżuri konkreti biex jingħeleb ix-xkiel fuq l-art fejn jidħol l-immaniġġar aħjar tal-iskart u tqis is-sitwazzjonijiet differenti fl-Istati Membri.

Il-Pjan ta' Azzjoni għall-Ekonomija Ċirkolari jikkumplimenta dil-proposta għax jistabbilixxi miżuri biex "jingħalaq iċ-ċiklu" tal-ekonomija ċirkolari u jindirizza kull fażi fiċ-ċiklu tal-prodotti: mill-produzzjoni u l-konsum sal-immaniġġar tal-iskart u s-suq tal-materja prima sekondarja. Il-Pjan ta' Azzjoni jiġbor ukoll bosta azzjonijiet immirati lejn l-ostakli tas-suq f'setturi speċifiċi jew fil-flussi tal-materjali, bħall-plastik, il-ħela tal-ikel, il-materja prima kritika, il-bini u t-twaqqigħ, il-bijomassa u l-prodotti b'bażi bijoloġika, kif ukoll miżuri orizzontali f'oqsma bħall-innovazzjoni u l-investiment.

Il-Pjan ta' Azzjoni għandu l-għan li jiffoka fuq kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati b'azzjoni fil-livell tal-UE ħalli jinkiseb il-valur miżjud reali u ħalli tassew issir il-bidla fuq l-art.

It-tranżizzjoni lejn l-ekonomija ċirkolari kif se tnaqqas l-ispejjeż u toħloq l-impjiegi?

Bil-prevenzjoni tal-iskart, bl-ekodisinn, bl-użu mill-ġdid u b'miżuri oħra simili, in-negozji tal-UE jistgħu jiffrankaw €600 biljun netti, jew 8% tal-fatturat annwali tagħhom, filwaqt li jnaqqsu l-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra bi 2-4%. Ngħidu aħna, fis-setturi tal-użu mill-ġdid, tal-manifattura mill-ġdid u tat-tiswija, l-ispiża biex il-mowbaljs jerġgħu jiġu mmanifatturati tista' tonqos bin-nofs kieku l-bċejjeċ huma eħfef biex jiżżarmaw. Jekk jinġabru 95% tal-mowbajls, dan jista' jiffrankalna aktar minn €1 biljun fl-ispejjeż tal-materjali għall-manifattura.

Jekk minflok nirriċiklawhom, il-vetturi kummerċjali ħfief nibdew nirrestawrawhom, la diġà għandhom rati għoljin tal-ġbir, dawn jistgħu jiffrankawlna €6.4 biljun kull sena fl-input tal-materjal (jiġifieri madwar 15% tal-baġit tal-materjali) u €140 miljun fl-ispejjeż tal-enerġija, u jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b'6.3 miljun tunnellata.

Liema miżuri huma maħsuba fl-istadju tal-produzzjoni?

Hu importanti li ntejbu d-disinn tal-prodotti ħalli jeħfief ir-riċiklaġġ u jkunu jistgħu jsiru prodotti li huma eħfef biex jissewwew jew li jservu aktar. B'hekk inkunu qed nibżgħu għar-riżorsi prezzjużi, nippromwovu l-innovazzjoni u lill-konsumaturi nagħtuhom prodotti aħjar li jkunu irħas. Fl-istess ħin, is-sinjali tas-suq attwali mhumiex dejjem biżżejjed biex dan iseħħ, għalhekk hemm bżonn jingħataw l-inċentivi.

Il-Kummissjoni se:

  • tappoġġa t-tiswija, id-durabilità u riċiklabbiltà fir-rekwiżiti tal-prodotti permezz tal-pjanijiet ta' ħidma li jmiss li jimplimentaw id-Direttiva dwar l-Ekodisinn, u tqis ir-rekwiżiti speċifiċi ta' prodotti differenti;
  • tħejji programm ta' ttestjar indipendenti permezz ta' Orizzont 2020 ħalli tgħin biex jinstabu kwistjonijiet relatati mal-potenzjal tal-obsolexxenza ppjanata;
  • tipproponi rekwiżiti biex jeħfiefu ż-żarmar, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskins elettroniċi;
  • tipproponi li ssir differenza fil-kontribuzzjonijiet finanzjarji li jħallsu l-produtturi fil-kuntest ta' Skema ta' Responsabbiltà Estiża skont l-ispejjeż tat-tmiem tal-prodotti tagħhom. Din id-dispożizzjoni tal-proposta leġiżlattiva riveduta dwar l-iskart toħloq inċentivi ekonomiċi ħalli jiġu ddisinjati prodotti li jkunu eħfef biex jiġu rriċiklati jew jintużaw mill-ġdid;
  • teżamina l-alternattivi għal qafas ta' politika aktar koerenti għall-partijiet differenti tal-ħidma fuq il-politiki settorjali tal-prodott tal-UE u l-kontribut tagħhom għall-ekonomija ċirkolari;
  • fil-ħidma tagħha fuq l-Ekodisinn, tikkunsidra rekwiżiti proporzjonati fuq id-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar it-tiswija u l-ispareparts;
  • fil-proposta riveduta dwar l-iskart, tipproponi li tiġi ppremjata l-promozzjoni ta' ċertu tħejjija għall-attivitajiet tal-użu mill-ġdid fil-livell nazzjonali;
  • taħdem għal infurzar aħjar tal-garanziji tal-prodotti tanġibbli u tgħarbel alternattivi oħra possibbli għal titjib, u tindirizza d-dikjarazzjonijiet ekoloġiċi foloz;
  • tieħu azzjoni fuq l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku (APE) billi tisħaq fuq l-aspetti tal-ekonomija ċirkolari fil-kriterji l-ġodda jew riveduti, filwaqt li tappoġġa t-tħaddim tal-APE u tmexxi bl-eżempju fl-akkwist pubbliku tal-Kummissjoni u fil-fondi tal-UE.

X'qed tipproponi l-Kummissjoni għall-proċess tal-produzzjoni?

Il-proċessi tal-produzzjoni jistgħu jittejbu ħalli r-riżorsi jintużaw b'aktar effiċjenza u jiġġeneraw inqas skart. Dan jista' joħloq l-opportunitajiet tan-negozju u jagħti spinta lill-innovazzjoni filwaqt li jħares l-ambjent tagħna.

Il-Kummissjoni se:

  • tagħti gwida fid-Dokumenti ta' Referenza tal-Aqwa Tekniki Disponibbli (il-BREFs), dwar l-aqwa prattiki għall-immaniġġar tal-iskart u għall-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi fis-setturi industrijali;
  • tagħti gwida u tippromwovi l-aqwa prattiki għall-iskart mill-minjieri ħalli jitjieb l-irkupru tal-materja prima;
  • tiċċara r-regoli dwar il-prodotti sekondarji fil-proposta riveduta dwar l-iskart ħalli teħfief is-simbjożi industrijali u jinħolqu kundizzjonijiet ekwi madwar l-UE.

Il-Kummissjoni kif se tiżgura li l-materja prima primarja tinkiseb b'modi responsabbli?

Il-produzzjoni sostenibbli tal-materja prima, kemm fl-Ewropa u madwar id-dinja, hi tassew importanti. Minbarra l-azzjoni regolatorja li diġà ħadet il-Kummissjoni – ngħidu aħna fejn jidħlu l-qtugħ illegali tas-siġar, l-estrazzjoni tal-minerali minn żoni ta' kunflitt jew it-trasparenza korporattiva għall-pagamenti li jagħtu lill-gvernijiet l-industriji tal-estrazzjoni u tal-qtugħ tas-siġar – se nkomplu nippromwovu l-ksib sostenibbli waqt id-djalogi politiċi u fis-sħubijiet ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE u bil-politika dwar l-iżvilupp u l-kummerċ tal-UE. Anki l-industrija taqdi rwol importanti jekk timpenja ruħha li tikseb minn sorsi sostenibbli u tikkopera tul il-ktajjen tal-valur.

Kif tista' tippromwovi t-tiswija tal-prodotti u titħabat kontra l-obsolexxenza ppjanata?

Il-Kummissjoni se tieħu inizjattivi f'bosta oqsma bil-għan li tappoġġa aktar il-prodotti li jistgħu jissewwew:

  • fil-ħidma futura (li se tibda fl-2016) fuq miżuri ġodda jew riveduti għall-implimentazzjoni tal-Ekodisinn, se tqis b'mod sistematiku t-tiswija tal-prodotti;
  • it-talba għal standardizzazzjoni fl-effiċjenza tal-materjali permezz tal-Ekodisinn tinkludi ħidma fuq standards li jagħmlu t-tiswija aktar faċli (sal-2019);
  • il-Kummissjoni se tistħarreġ ukoll il-possibbiltà ta' rekwiżiti orizzontali dwar l-għoti tal-informazzjoni fuq it-tiswija bid-Direttiva dwar l-Ekodisinn;
  • il-Kummissjoni se tħejji programm ta' ttestjar indipendenti biex jinstabu kwistjonijiet relatati mal-prattiki potenzjal tal-obsolexxenza ppjanata.

X'miżuri hemm maħsuba għall-immaniġġar tal-iskart?

Bħalissa l-Ewropa qed taħli madwar 600 miljun tunnellata ta' materjali tal-skart kull sena li għandu l-potenzjal jiġi rriċiklat jew jerġa' jintuża. Madwar 40% biss tal-iskart li jiġġeneraw il-familji fl-UE jiġi rriċiklat, xi nħawi jirriċiklaw 80% filwaqt li oħrajn saħansitra ma jaqbżux il-5%. Mod essenzjali biex inżidu l-effiċjenza tar-riżorsi u nersqu aktar lejn ekonomija ċirkolari hu billi nbiddlu l-iskart f'riżorsa.

Il-Kummissjoni se:

  • tistabbilixxi mira komuni tal-UE biex sal-2030 ikun qed jiġi rriċiklat 65% tal-iskart muniċipali;
  • tistabbilixxi mira komuni tal-UE biex sal-2030 ikun qed jiġi rriċiklat 75% tal-iskart mill-imballaġġ;
  • tistabbilixxi mira vinkolanti għall-miżbliet biex sal-2030 jonqos ir-rimi fihom b'tali mod li ma jaqbiżx l-10% tal-iskart kollu;
  • iżżid ħidmitha mal-Istati Membri biex ittejjeb l-immaniġġar tal-iskart fuq l-art;
  • tissimplifika u ttejjeb id-definizzjoni tal-iskart u tarmonizza l-metodi tal-kejl;
  • tiżgura li l-fondi strutturali jintużaw biex isostnu l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart u jimxu mal-ġerarkija tal-iskart tal-UE – li tagħti ordni skont il-prijorità mmexxija mill-aqwa riżultati ambjentali, li tibda mill-prevenzjoni, it-tħejjija għall-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-irkupru tal-enerija mir-rimi bħar-rimi fil-miżbliet;
  • tipproponi kriterji minimi għall-Iskemi tal-Produtturi ta' Responsabbiltà Estiża – ħalli jkunu jjippremjaw lill-produtturi li jqiegħdu prodotti aktar ekoloġiċi fis-suq u jħeġġu l-irkupru u r-riċiklaġġ tagħhom malli jaslu fi tmiemhom.

X'se jiġri mill-kriterji ta' tmiem l-iskart?

Il-Kummissjoni se tbiddel il-leġiżlazzjoni biex meta l-materjali rriċiklati jilħqu sett ta' kundizzjonijiet ġenerali komuni għall-UE kollha, dawn ikunu jistgħu jiġu kklassifikati li m'għadhomx skart. Din l-emenda hi maħsuba biex tissimplifika l-qafas leġiżlattiv għall-operaturi fin-negozju tar-riċiklaġġ u tiżgura kundizzjonijiet ekwi. Il-kriterji ta' tmiem l-iskart li jintużaw bħalissa madwar l-UE (eż. għall-ħġieġ jew għar-ruttam tar-ram) se jibqgħu fis-seħħ.

Il-proposta leġiżlattiva dwar l-iskart hi maħsuba biss għall-iskart muniċipali. U l-bqija tal-iskart?

Il-proposta riveduta dwar l-iskart fiha wkoll miri ogħla għar-riċiklaġġ tal-materjali tal-imballaġġ u dawn isaħħu l-miri tal-iskart muniċipali. Għall-skart industrijali jidher li mhux xieraq jintuża approċċ leġiżlattiv minħabba d-diversità ta' dan il-fluss. Soluzzjoni aħjar hija approċċ orjentat lejn l-industrija li juża d-Dokumenti ta' Referenza tal-Aqwa Tekniki Disponibbli (il-BREFs) biex jindirizza kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-immaniġġar ta' tip partikolari ta' skart. Barra minn hekk, l-iskart industrijali u kummerċjali mill-imballaġġ ikopruh id-Direttiva 94/62/KE u d-Direttiva 2008/98/KE.

X'se tagħmel il-Kummissjoni biex twaqqaf il-vjeġġi illegali tal-iskart lejn pajjiżi li mhumiex membri tal-UE?

Ir-Regolament tal-UE dwar il-Vjeġġi tal-Iskart, li għadu kemm ġie msaħħaħ, jagħti aktar setgħat lill-ispetturi. Minbarra dan, sa Jannar 2017 l-Istati Membri jeħtiġilhom jistabbilixxu pjanijiet ta' spezzjoni biex jiffissaw l-għadd minimu ta' spezzjonijiet li jridu jsiru. Il-Kummissjoni se tikkopera man-netwerk tal-ispetturi ambjentali tal-UE, mal-Interpol u mal-Europol. Għaddejjin ukoll xi inizjattivi oħrajn għal flussi speċifiċi tal-iskart bħalma hu l-iskart mit-tagħmir elettriku u elettroniku u mill-vetturi li m'għadhomx jintużaw.

X'qed tagħmel il-Kummissjoni biex tippromwovi li l-iskart jinbidel f'riżorsa (materja prima sekondarja)?

Il-materja prima sekondarja għadha biss proporzjon żgħir tal-materjali tal-produzzjoni li jintużaw fl-UE. Din il-materja mhux qed tintuża fl-ekonomija minħabba bosta xkiel importanti bħal pereżempju l-inċertezza tal-kompożizzjoni tagħhom. Il-kunfidenza nibnuha bl-istandards.

Il-Kummissjoni se:

  • tibda l-ħidma fuq standards tal-kwalità għall-materja prima sekondarja, meta meħtieġa, l-aktar għall-plastiks;
  • tieħu miżuri biex jeħfief it-trasport legali tal-iskart bejn l-Istati Membri filwaqt li se tieħu aktar miżuri biex jonqos l-għadd ta' vjeġġi illegali;
  • tirrevedi r-Regolament tal-UE dwar il-fertilizzanti biex tiffaċilita r-rikonoxximent tal-fertilizzanti organiċi u tal-fertilizzanti mill-iskart ħalli jiġi żviluppat suq mifrux mal-UE kollha;
  • tieħu azzjoni biex tiffaċilita l-użu mill-ġdid tal-ilma – inkluż bi proposta leġiżlattiva dwar ir-rekwiżiti minimi għall-ilma li jintuża mill-ġdid, pereżempju għat-tisqija u għat-tiġdid tal-ilma tal-pjan;
  • toħloq analiżi u tipproponi xi alternattivi għal qrubija bejn il-kimiki, il-prodotti u l-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, fosthom fuq kif jista' jitjieb it-traċċar tal-kimiki ta' tħassib fil-prodotti. Dan se jgħin lill-industrija biex tiżgura provvista stabbli tal-materja prima billi tuża materjali riċiklati.

B'dawn il-proposti, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jibagħtu l-iskart tagħhom fil-miżbliet ta' pajjiżi oħra?

Ir-restrizzjonijiet li hemm bħalissa fit-trasferiment transfruntier tal-iskart se jibqgħu jgħoddu u allura ma jista' jsir l-ebda vjeġġ bejn l-Istati Membri mingħajr "avviż u kunsens minn qabel". Barra minn hekk, il-miri li qed tipproponi l-Kummissjoni biex jonqos ir-rimi fil-miżbliet jeżiġu lil kull pajjiż tal-UE biex inaqqas sew ir-rati tar-rimi fil-miżbliet sal-2030, u b'hekk jonqos l-iskop ta' ċirkolazzjoni transfruntiera tal-iskart biex jintrema fil-miżbliet.

Dawn il-proposti jippermettu wkoll l-inċinerazzoni tal-iskart?

Meta l-iskart ma jistax ikun evitat jew riċiklat, ħafna drabi jkun jaqbel, mil-lat ambjentali u anki mil-lat ekonomiku, li jiġi rkuprat il-kontenut enerġetiku tiegħu minflok jintrema fil-miżbliet. Għalhekk l-iskart jista' jintuża wkoll għall-enerġija u jsawwar sinerġiji bejn il-politika tal-UE għall-enerġija u dik għall-klima, immexxi bil-prinċipji tal-ġerarkija tal-iskart tal-UE. Il-Kummissjoni se tistħarreġ kif l-iskart jista' jaqdi dan ir-rwol bl-aqwa mod, mingħajr ma tikkomprometti li jinkisbu rati ogħla ta' użu mill-ġdid u riċiklaġġ. Se teżamina wkoll kif din l-enerġija potenzjali korrispondenti tista' tiġi sfruttati bl-aħjar mod. Għal dak il-għan, fil-qafas tal-Unjoni tal-Enerġija, il-Kummissjoni se tadotta l-inizjattiva "skart għall-enerġija".

Kif qed tippromwovi l-innovazzjoni u l-investiment u kif se tindirizza l-kwistjonijiet orizzontali?

L-ekonomija ċirkolari teħtieġ aktar riċerka u innovazzjoni biex tagħti spinta lill-kompetittività tal-industrija tal-UE. Biex dan iseħħ hemm bżonn isir investiment pubbliku u privat; appoġġat minn strumenti importati bħal Orizzont 2020, COSME, il-Fondi Strutturali u ta' Investiment, il-Fond għall-Investimenti Strateġiċi u programmi oħra tal-UE. L-SMEs, inklużi l-intrapriżi soċjali, huma partikolarment attivi f'oqsma bħar-riċiklaġġ, it-tiswija u l-innovazzjoni. u dawn se jaqdu rwol siewi biex tinħoloq ekonomija aktar ċirkolari.

Il-Kummissjoni se:

  • tgħin lill-SMEs biex jaħtfu l-opportunitajiet kummerċjali li ġġib magħha ż-żieda fl-effiċjenza tar-riżorsi billi twaqqaf iċ-Ċentru Ewropew tal-Eċċellenza fl-Effiċjenza tar-Riżorsi;
  • tisfrutta għalkollox il-Programm ta' Ħidma ta' Orizzont 2020 għall-2016-2017 li fih inizjattiva ewlenija tal-"Industrija 2020 fl-ekonomija ċirkolari" b'finanzjament li jaqbeż is-€650 miljun;
  • mal-BEI u maċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investiment, se tħeġġeġ biex jitressqu applikazzjonijiet għal finanzjament u appoġġ biex jiġu żviluppati proġetti rilevanti għall-ekonomija ċirkolari.

Il-finanzjament privat kif se jgħin għal investimenti fl-Ekonomija Ċirkolari? Il-Fond Strutturali u ta' Investiment Ewropew jista' jintuża biex jixpruna l-investiment fl-Ekonomija Ċirkolari?

L-ekonomija ċirkolari se tiftaħ opportunitajiet tan-negozju li jattiraw il-finanzjament privat. Diġà semmejna kif it-tikkettar ħoloq domanda għal aktar prodotti effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Jekk fost il-pubbliku jiżdied l-għarfien tal-isfidi li għandna, dan jgħinhom jagħżlu prodotti maħdumin b'responsabbiltà. Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (l-EFSI) jikkumplimenta l-appoġġ eżistenti għall-proġetti tal-ekonomija ċirkolari bl-istrumenti ta' konsulenza u finanzjament tal-Bank Ewropew tal-Investiment (il-BEI) permezz tal-programm InnovFin. Il-Kummissjoni qed tevalwa wkoll il-possibilità li tniedi pjattaforma flimkien mal-BEI u mal-banek nazzjonali biex tappoġġa l-finanzjament tal-ekonomija ċirkolari.

X'qed isir biex jingħelbu l-isfidi speċifiċi tal-industrija tal-plastik?

Għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari hemm bżonn jiżdied ir-riċiklaġġ tal-plastik. Daż-żmien il-plastik qed jintuża dejjem iżjed filwaqt li l-effiċjenza tar-riċiklaġġ għadha lura – jiġi riċiklat inqas minn 25% tal-iskart tal-plastik li jinġabar, u kważi 50% jinxteħet fil-miżbliet. Aspett importanti ieħor f'dan is-settur hu l-innovazzjoni – din tista' tikkontribwixxi għall-ekonomija ċirkolari għax tippreżerva l-ikel aħjar, ittejjeb ir-riċiklabbiltà tal-plastik jew tnaqqas il-piż tal-materjali użati fil-vetturi.

Il-Kummissjoni se:

  • tadotta strateġija għall-plastiks fl-ekonomija ċirkolari ħalli tindirizza l-kwistjonijiet bħar-riċiklabbiltà, il-bijodegradabbiltà, il-preżenza tas-sustanzi perikolużi fil-plastik, u l-iskart fil-baħar;
  • fil-proposta leġiżlattiva riveduta dwar l-iskart, tipproponi mira ambizzjuża aktar għar-riċiklaġġ tal-imballaġġ tal-plastik.

Il-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari kif se jindirizza l-kwistjoni tal-iskart fil-baħar?

Il-Kummissjoni beħsiebha tippreveni u tnaqqas ġmielu t-tniġġis tal-baħar ta' kull xorta, fosthom l-iskart tal-baħar. Meta titwettaq il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, l-iskart tal-baħar hu stmat li jonqos b'mill-anqas 25%. Dan il-Pakkett jipproponi wkoll xi azzjonijiet speċifiċi biex jonqos l-iskart tal-baħar, li jwettqu l-Miri tal-Iżvilupp Sostenibbli għall-2030 u l-mira ewlenija attwali tal-UE għall-iskart tal-baħar. Dan is-suġġett teżaminah ukoll l-istrateġija tal-plastik fl-ekonomija ċirkolari.

X'inhu propost għall-ħela tal-ikel?

L-Ewropa mħassba sew bil-ħela tal-ikel: hu stmat li kull sena jinħlew mal-100 miljun tunnellatta ta' ikel fl-UE. L-ikel jintilef u jinħela tul il-katina kollha tal-provvista tal-ikel: fl-irziezet, waqt l-ipproċessar u l-manifattura, fil-ħwienet, fir-ristoranti u fid-djar. Minbarra l-impatti ekonomiċi u ambjentali relatati, il-ħela tal-ikel għandha sehem importanti wkoll mil-lat soċjali – għandha teħfief id-donazzjoni tal-ikel żejjed ħalli l-ikel sikur li jista' jittiekel jirnexxilu jasal għand min jeħtieġu l-aktar.

F'Settembru 2015, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat Miri tal-Iżvilupp Sostenibbli għall-2030 fosthom mira biex il-ħela tal-ikel għal kull ras tonqos bin-nofs fil-livell tal-bejgħ bl-imnut u fil-livell tal-konsum u biex jonqos it-telf tal-ikel tul il-ktajjen tal-produzzjoni u tal-provvista. L-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom li jilħqu din il-mira. Il-proposta leġiżlattiva l-ġdida dwar l-iskart titlob lill-Istati Membri biex inaqqsu l-ħela tal-ikel f'kull stadju tal-katina tal-provvista tal-ikel, isegwu l-livelli tal-iskart mill-ikel u jirrapportaw lura ħalli jeħfief l-iskambju bejn l-atturi fuq il-progress li jkun sar.

Il-Kummissjoni se:

  • tiżviluppa metodoloġija komuni tal-UE biex tkejjel il-ħela tal-ikel u tiddefinixxi indikaturi rilevanti;
  • toħloq pjattaforma li tgħaqqad flimkien lill-Istati Membri u lill-atturi kollha tal-katina tal-ikel, biex ikunu jistgħu jiġu definiti l-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-Miri tal-Iżvilupp Sostenibbli għall-ħela tal-ikel u jinqasmu l-aqwa prattiki u r-riżultati miksuba;
  • tieħu miżuri biex tiċċara l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart, l-ikel u l-għalf, u tiffaċilita d-donazzjoni tal-ikel u l-użu sikur ta' dawk li kienu oġġetti tal-ikel u prodotti sekondarji fil-produzzjoni tal-għalf;
  • tistħarreġ modi kif l-atturi tal-katina tal-ikel jistgħu jużaw aħjar l-immarkar tad-data u kif il-konsumaturi jistgħu jifhmuh aħjar, b'mod partikolari l-hekk magħrufa "best before".

X'se tagħmel il-Kummissjoni biex tevita r-rimi tal-ikel li jkun għadu jista' jittiekel?

Flimkien mal-Istati Membri, il-Kummissjoni se tieħu miżuri biex tiċċara l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart, l-ikel u l-għalf ħalli jeħfief it-tqassim mill-ġdid tal-ikel sikur li jkun għadu jista' jittiekel minn min jeħtieġu u ħalli meta jkunu sikuri, dawk li kienu oġġetti tal-ikel ikunu jistgħu jintużaw bħala riżorsa għall-għalf tal-annimali. Ngħidu aħna l-proposta leġiżlattiva dwar l-iskart neħħiet għalkollox il-materjali tal-għalf mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha ħalli tiżgura li dawk li kienu oġġetti tal-ikel, (bħall-gallettini mfarrkin u l-ħobż xott) li huma sikuri iżda ma jistgħux jidħlu fil-katina tal-ikel minħabba raġunijiet ta' kummerċjalizzazzjoni, ma jitqiesu mkien bħala skart fl-UE u b'hekk ikunu jistgħu jintużaw bħala riżorsa għall-produzzjoni tal-għalf tal-annimali. Id f'id mal-Istati Membri u mal-partijiet konċernati, Il-Kummissjoni se tiżviluppa linji gwida tal-UE għad-donazzjoni tal-ikel lil donaturi u lil banek tal-ikel fuq kif jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE (mil-lat ta' sikurezza fl-ikel, traċċabilità, responsabilità legali, VAT, eċċ.).

X'qed isir fejn tidħol il-materja prima kritika?

Il-materja prima kritika għandha importanza ekonomika kbira għall-UE u l-provvista tagħha ġġorr riskju kbir. Din tintuża f'diversi tagħmir elettroniku li nużaw kuljum, ngħidu aħna smartphone jaf ikun fih sa 50 tip differenti ta' metalli, fosthom il-materja prima kritika. Ir-rata tassew baxxa ta' riċiklaġġ fejn jidħlu dawn il-materjali turi li qed jintilfu bosta opportunitajiet ekonomiċi, u biex nimxu lejn ekonomija aktar ċirkolari rridu nżidu l-irkupru tal-materja prima kritika.

Il-Kummissjoni se:

  • tieħu azzjoni biex tħeġġeġ l-irkupru tal-materja prima kritika u se tħejji rapport dwar l-aqwa prattiki u b'alternattivi għal aktar azzjoni fil-livell tal-UE;
  • fil-proposta riveduta dwar l-iskart, tħajjar lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni dawn dan;
  • tqis ir-rekwiżiti tal-prodotti skont id-Direttiva dwar l-Ekodisinn ħalli ttejjeb ir-riċiklabbiltà tat-tagħmir elettroniku u l-iżvilupp ta' standards tar-riċiklaġġ b'effiċjenza kbira.

X'inhu propost għas-setturi tal-bini u tat-twaqqigħ?

L-iskart tal-bini u tat-twaqqigħ jiġbor wieħed mill-akbar volumi ta' skart fl-Ewropa. Kull persuna tiġġenera tunnellata ta' skart tal-bini u tat-twaqqigħ fis-sena – jiġifieri fl-UE kollha b'kollox jinġabru 500 miljun tunnellata fis-sena. Il-materjali prezzjużi mhux dejjem jingħarfu u jiġu rkuprati. Jekk f'dan is-settur jitjieb l-immaniġġar tal-iskart, dan iħalli impatt sinifikati fuq l-ekonomija ċirkolari.

Il-Kummissjoni se:

  • tieħu serje ta' azzjonijiet biex tiżgura li fis-settur tal-bini u tat-twaqqigħ jiġu rkuprati r-riżorsi prezzjużi u li jsir immaniġġar tajjeb tal-iskart, kif ukoll biex tiffaċilita l-valutazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali tal-binjiet;
  • tiżviluppa linji gwida għal qabel it-twaqqigħ biex tagħti spinta r-riċiklaġġ ta' valur għoli fis-settur, u se toħloq protokolli ta' riċiklaġġ volontarju ħalli titjieb il-kwalità tal-materjali tal-bini riċiklati u tiżdied il-fiduċja fihom.

X'inhu propost għall-prodotti tal-bijomassa u b'bażi bijoloġika?

Il-materjali b'bażi bijoloġika, bħall-injam, l-għelejjel jew il-fibri, jistgħu jintużaw għal firxa wiesgħa ta' prodotti u għandhom bosta użu għall-enerġija. Minbarra li jipprovdi alternattiva għall-prodotti bbażati fuq il-fossili, il-materjali b'bażi bijoloġika huma rinnovabbli, bijodegradabbli u kompostabbli. Fl-istess ħin, biex jintużaw ir-riżorsi bijoloġiċi trid tingħata attenzjoni speċjali liċ-ċiklu tagħhom, lill-impatti ambjentali u lill-ksib sostenibbli. Fl-ekonomija ċirkolari għandna nħeġġu l-użu kaskata tar-riżorsi rinnovabbli flimkien mal-potenzjal innovattiv li għandu għal materjali, kimiki u proċessi ġodda.

Il-Kummissjoni se:

  • tippromwovi l-użu effiċjenti tar-riżorsi b'bażi bijoloġika permezz ta' serje ta' miżuri, fosthom billi tiggwida u xxerred l-aqwa prattiki fejn jidħol l-użu kaskata tal-bijomassa u tappoġġa l-innovazzjoni fil-bijoekonomija.

Il-proposta leġiżlattiva riveduta dwar l-iskart fiha mira għar-riċiklaġġ tal-imballaġġ magħmul mill-injam u dispożizzjoni li tiżgura l-ġbir separat tal-bijoskart.

Kif se tiġi sorveljata l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Ekonomija Ċirkolari?

Il-Kummissjoni se tipproponi qafas ta' monitoraġġ sempliċi u effettiv biex tissorvelja l-elementi ewlenin tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Ekonomija Ċirkolari. Dan ikun fih indikaturi f'oqsma bħas-sigurtà tal-provvista għal materja prima ewlenija, it-tiswija u l-użu mill-ġdid, il-ġenerazzjoni tal-iskart, l-immaniġġar tal-iskart, il-kummerċ tal-materja prima sekondarja fl-UE u ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE u l-użu tal-materjali riċiklati fil-prodotti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tiżviluppa metodoloġija komuni tal-UE biex tkejjel il-ħela tal-ikel u tiddefinixxi indikaturi rilevanti.

B'liema mod tqiesu r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika?

Il-konsultazzjoni pubblika fuq l-Ekonomija Ċirkolari ġabret madwar 1,500 tweġiba li jixhdu l-fehmiet tal-gruppi ewlenin tal-partijiet konċernati: 45% mis-settur privat, 25% individwi, 10% mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u 6% mill-awtoritajiet pubbliċi. Il-kontribut tnebbaħ mill-ħidma preparatorja fuq il-pjan ta' azzjoni tal-ekonomija ċirkolari, u ħareġ fid-dieher, pereżempju, fl-għażla tas-setturi ta' prijorità.

Għal aktar tagħrif

Stqarrija għall-istampa: Nagħlqu ċ-Ċiklu: Il-Kummissjoni tadotta Pakkett ġdid, ambizzjuż u ċar tal-Ekonomija biex tixpruna l-kompetittività, toħloq l-impjiegi u tiġġenera t-tkabbir sostenibbli

Skeda Informattiva Ġenerali: Sabiex Nagħlqu ċ-Ċiklu: Pakkett Ambizzjuż tal-Ekonomija Ċirkolari tal-UE

Skeda Informattiva: Sabiex Nagħlqu ċ-Ċiklu: Lill-konsumaturi ngħinuhom jagħżlu prodotti u servizzi sostenibbli

Skeda Informattiva: Sabiex Nagħlqu ċ-Ċiklu: Il-fażi tal-produzzjoni tal-Ekonomija Ċirkolari

Skeda Informattiva: Sabiex Nagħlqu ċ-Ċiklu: Nimmaniġġaw aħjar l-iskart b'għodod u b'miri ċari

Skeda Informattiva: Sabiex Nagħlqu ċ-Ċiklu: Minn Skart Għal Riżorsa

Komunikazzjoni: Nagħlqu ċ-ċiklu – Pjan ta' Azzjoni tal-Ekonomija Ċirkolari tal-UE

L-Anness tal-Komunikazzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari

Id-Direttiva Proposta dwar l-Iskart

Id-Direttiva Proposta dwar l-Iskart mill-Imballaġġ

Id-Direttiva Proposta dwar ir-Rimi fil-Miżbliet

Id-Direttiva Proposta dwar l-Iskart Elettriku u Elettroniku

Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika

MEMO/15/6204

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar