Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Suq Uniku aktar integrat u aktar ġust

Brussell, it-28ta' ottubru 2015

1. Għalfejn neħtieġu din l-istrateġija?

Is-Suq Uniku hu waħda mill-kisbiet il-kbar tal-Ewropa. Dan jiftaħ il-bibien beraħ biex il-persuni, il-prodotti, is-servizzi u l-kapital jimirħu fl-akbar ekonomija tad-dinja (bi PDG ta' EUR 14-il triljun) u għalhekk lin-negozji Ewropej jagħtihom opportunitajiet enormi u lill-konsumaturi jwessgħalhom l-għażla u joffrilhom prezzijiet orħos. Barra minn hekk, iċ-ċittadini jkunu jistgħu jivvjaġġaw, jgħixu, jaħdmu u jistudjaw kull fejn jixtiequ. Iżda dawn il-benefiċċji mhux dejjem iseħħu fil-prattika għax ir-regoli tas-Suq Uniku jaf ma jkunux magħrufa, ma jiġux implimentati jew sempliċiment għax jixxekklu b'ostakli oħra. U s-Suq Uniku jeħtieġ jevolvi ħalli jilqa' ideat innovattivi u mudelli tan-negozju innovattivi.

Għaldaqstant il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tagħti spinta ġdida lis-Suq Uniku b'għadd ta' azzjonijiet pragmatiċi u ambizzjużi li jisħqu fuq tliet oqsma ewlenin, jiġifieri li:

  • toħloq opportunitajiet ġodda għall-konsumaturi, il-professjonisti u n-negozji;
  • tħeġġeġ u tippermetti l-immodernizzar u l-innovazzjoni li l-Ewropa teħtieġ; u
  • tiżgura l-ġid reali fil-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini.

Din l-istrateġija tiffoka fuq is-swieq tas-servizzi u tal-prodotti filwaqt li tikkumplimenta l-isforzi tal-Kummissjoni biex tixpruna l-investiment, ittejjeb il-kompetittività u l-aċċess għall-finanzi, tiżgura li s-suq intern għall-enerġija ikun jaħdem sew, taħtaf l-opportunitajiet tas-Suq Uniku Diġitali, tippromwovi u tiffaċilital-mobbiltà tal-impjiegi u tevita l-abbuż tar-regoli.

 

I - NOĦOLQU OPPORTUNITAJIET GĦALL-KONSUMATURI U N-NEGOZJI

2. Nippermettu l-iżvilupp bilanċjat tal-ekonomija kollaborattiva

Ħarsa fuq fuq: L-ekonomija kollaborattiva tirreferi għall-ekosistema tas-servizzi on-demand u tal-użu temporanju tal-assi, li tant qed tinfirex malajr. L-ekonomija kollaborattiva twessa' l-għażla u toffri prezzijiet orħos għall-konsumaturi filwaqt li tipprovdi opportunitajiet ta’ tkabbir għan-negozji l-ġodda u għall-kumpaniji Ewropej eżistenti li jkunu innovattivi. Fl-istess waqt iridu jitqiesu wkoll kwistjonijiet importanti oħrajn relatati mad-drittijiet tal-konsumaturi, it-taxxi u l-liġi tax-xogħol. Id-diverġenzi fost ir-regoli u l-politiki nazzjonali joħolqu l-inċertezza legali u jaf ixekklu l-iżvilupp tal-ekonomija kollaborattiva fl-Ewropa.

L-approċċ: Il-Kummissjoni se tippreżenta gwida fuq kif il-liġi eżistenti, fosthom id-Direttiva dwar is-Servizzi, id-Direttiva dwar il-Kummerċ elettroniku u liġijiet tal-konsumatur bħad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Inġusti, id-Direttiva dwar Termini Kuntrattwali Inġusti u d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur, jgħoddu għall-ekonomija kollaborattiva. Barra minn hekk il-Kummissjoni se tgħarrex għal xi diskrepanzi regolatorji u tagħraf kif għandhom jiġu indirizzati mingħajr ma tiffavorixxi xi mudell kummerċjali partikolari.

...

Fl-2016:

aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva, bi gwida fuq kif il-liġi tal-UE tapplika għall-mudelli tan-negozju fl-ekonomija kollaborattiva u valutazzjoni tad-diskrepanzi regolatorji possibbli

Allura...

  • Xi pjan għandha l-Kummissjoni għall-ekonomija kollaborattiva? L-ekonomija kollaborattiva tibbaża fuq mudelli tan-negozju innovattivi li lill-konsumaturi u lin-negozji jgħinuhom iqabblu l-ħtiġijiet tagħhom ma' offerti ġodda ta’ prodotti u servizzi. Din tista' żżid l-effiċjenza, it-trasparenza, l-għażla u l-konvenjenza għall-konsumaturi u tnaqqas l-ispejjeż. L-individwi privati, in-negozji l-ġodda li qed jikbru malajr u l-kumpaniji stabbiliti, ilkoll jistgħu jaħtfu l-opportunitajiet tal-ekonomija kollaborattiva. Il-Kummissjoni qed tistudja kif tista' timbotta l-iżvilupp ta’ servizzi innovattivi u l-użu temporanju tal-assi, mingħajr ma tiffavorixxi xi mudell tan-negozju partikolari. Fl-istess ħin iridu jiġu rispettati l-għanijiet tal-politika pubblika bħall-protezzjoni tal-konsumatur filwaqt li jitħarsu l-liġijiet tat-taxxa u tax-xogħol.

 

3. Lill-SMEs u lin-negozji l-ġodda ngħinuhom jikbru

Ħarsa fuq fuq: L-SMEs, in-negozji l-ġodda u l-intraprendituri żgħażagħ li jridu jikbru u jirnexxu fl-UE għadhom isibu ħafna xkiel. Kwistjoni ewlenija f'dan kollu hija l-aċċess għall-finanzi, kemm min-naħa tad-dejn kif ukoll min-naħa tal-ekwità. Ħafna intraprendituri jitilqu mill-Ewropa għax ma jkunux jistgħu jgħaqqdu l-kapital li jkollhom bżonn, u l-SMEs m'għandhomx aċċess għal firxa akbar ta' soluzzjonijiet finanzjarji. Barra minn hekk ħafna drabi l-SMEs jilmentaw fuq il-kumplessità tar-regolament dwar il-VAT, fuq l-aspetti tal-liġi tal-kumpaniji u b’mod aktar ġenerali fuq kif iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti regolatorji differenti ta' swieq differenti.

L-approċċ: Il-Kummissjoni qed tipprovdi strumenti ta' finanzjament tal-UE, iżda fl-istess waqt qed ittejjeb l-aċċess tal-kumpaniji għall-finanzjament privat bil-Pjan ta' Investiment u bl-Unjoni tas-Swieq Kapitali. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tressaq proposti biex jinħoloq Fond ta' fondi Ewropej tal-kapital tar-riskju li jkollu l-appoġġ tal-baġit tal-UE u li jkun miftuħ għall-oħrajn biex jattiraw kapital privat. Minbarra dan, il-Kummissjoni se tissimplifika r-rekwiżiti tal-VAT, tnaqqas l-ispejjeż għar-reġistrazzjoni tal-kumpaniji u tressaq proposta għall-insolvenza ħalli l-intraprendituri li jfallu jkollhom ċans ieħor. L-informazzjoni fuq ir-rekwiżiti regolatorji tkun aċċessibbli minn portal uniku diġitali u l-Kummissjoni se tinsisti fuq servizzi pubbliċi online li jkunu ta' kwalità tajba ħafna ħalli jittaffa l-piż amministrattiv u ħalli l-Ewropa ssir aktar attraenti għall-innovaturi mill-UE stess kif ukoll minn barra.

...

Fl-2016:

Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT

Inizjattiva leġiżlattiva dwar l-insolvenza tal-kumpaniji, inkluż dwar ir-ristrutturar bikri u t-tieni ċans

Inizjattiva għall-ftuħ tan-negozji

 

Fl-2017:

Inizjattivi biex jeħfiefu l-użu tat-teknoloġiji diġitali tul il-fażijiet kollha ta' kumpanija u l-fużjonijiet u d-diviżjonijiet transfruntiera

Allura...

  • Inti qed tgħinhom lill-SMEs li jixtiequ jimirħu 'l barra mill-fruntieri? L-SMEs mhux kollha jkollhom jew għandu jkollhom ambizzjonijiet pan-Ewropej, iżda l-opportunitajiet għandhom jinfetħu xorta waħda.
  • Minn fejn ġej il-finanzjament privat? Il-Pjan ta’ Investiment u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali tfasslu biex jisfruttaw l-ammont kbir ta' likwidità li hemm fis-swieq u biex l-investiment privat u l-finanzjament ikunu siewja għall-ġid tan-negozji Ewropej, l-aktar l-SMEs. Il-kapital tar-riskju hu importanti b'mod partikolari għan-negozji l-ġodda iżda fl-Ewropa għadu ma ġiex żviluppat biżżejjed. Il-kumpaniji tal-UE kien ikollhom xi EUR 90 biljun għad-dispożizzjoni tagħhom mill-2008 sal-2013 kieku s-swieq tal-kapital tar-riskju tal-UE kienu integrati daqs dawk tal-Istati Uniti. Bħalma tħabbar fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, fost l-oħrajn il-Kummissjoni se tipproponi Fond ta' fondi Ewropej tal-kapital tar-riskju. Bħala parti minn dan il-Pjan, il-Kummissjoni se tniedi konsultazzjoni pubblika għal reviżjoni tar-Regolamenti dwar il-Fondi Ewropej tal-Kapital tar-Riskju u l-Fondi Ewropej tal-Intraprenditorija Soċjali.

 

4. Is-suq bla fruntieri tas-servizzi nwettquh fil-prattika

Ħarsa fuq fuq: Għalkemm is-servizzi jfissru żewġ terzi tal-ekonomija tal-UE, l-għoti transfruntier tas-servizzi għadu ma ġiex żviluppat biżżejjed. Jekk jitneħħew l-ostakli bla bżonn għall-għoti transfruntier tas-servizzi, jinfetħu opportunitajiet beraħ għall-kumpaniji l-ġodda biex jidħlu fis-suq, titjieb il-kompetittività u jorħsu l-prezzijiet għall-konsumaturi. Iżda d-Direttiva dwar is-Servizzi għandha potenzjal ferm akbar minn dak li qed jiġi sfruttat. Ngħidu aħna - dawk li jipprovdu s-servizzi tan-negozju bħall-kumpaniji tal-arkitettura, l-inġinerija u l-kontabbiltà u li jixtiequ jimirħu f'suq ta' Stat Membru ieħor tal-UE, ħafna drabi jsibu rekwiżiti restrittivi bħal forom ġuridiċi jew rekwiżiti għal parteċipazzjoni azzjonarja. Simili għal dan, il-kumpaniji tal-kostruzzjoni spiss isibuha diffiċli jsegwu l-proċeduri biex juru konformità mal-iskemi tal-awtorizzazzjoni u mal-assigurazzjoni tar-responsabbiltà meħtieġa. Barra minn hekk, madwar l-Ewropa aktar minn 5000 professjoni jeħtieġu kwalifiki speċifiċi jew titlu speċifiku. Filwaqt li r-regolamentazzjoni tal-professjonijiet għadha u tibqa' prerogattiva nazzjonali, hu ċar li xi drabi r-regoli nazzjonali jagħmluha diffiċli biex iċ-ċittadini jiksbu aċċess għal ċertu impjiegi u biex il-professjonisti kwalifikati jsibu saqajhom, jipprovdu s-servizzi jew li jaħdmu f’pajjiżi oħra tal-UE. Dan jillimita l-għażla tal-konsumaturi u jgħin għal prezzijiet ogħla. Flimkien mal-Istati Membri, il-Kummissjoni kkoordinat evalwazzjoni reċiproka tal-professjonijiet regolati ħalli tagħtihom l-opportunità jivvalutaw il-qafas eżistenti tagħhom, jitgħallmu mill-aqwa prattiki u jidentifikaw ir-riformi possibbli meħtieġa.

L-approċċ: Il-Kummissjoni se ddaħħal passaport tas-servizzi u tgħin lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jimmodernizzaw il-professjonijiet regolati. Il-Kummissjoni se tipproponi azzjoni leġiżlattiva biex jingħelbu l-ostakli regolatorji, bħad-diverġenzi fil-forom ġuridiċi u fir-rekwiżiti għal parteċipazzjoni azzjonarja, kif ukoll ir-restrizzjonijiet multidixxiplinari għas-servizz tan-negozju ewlenin u, jekk ikun xieraq, ir-rekwiżiti organizzazzjonali fil-kumpaniji tal-bini. Il-Kummissjoni se tirrevedi l-iżviluppi tas-suq u jekk ikun meħtieġ se tieħu azzjoni b’rabta mar-rekwiżiti tal-assigurazzjoni għan-negozju u l-fornituri tas-servizzi tal-bini.


...

 

Fl-2016:

Gwida dwar il-ħtiġijiet ta’ riforma għall-Istati Membri fir-regolament tal-professjonijiet

Qafas analitiku biex l-Istati Membri jużawh meta jkunu qed jirrevedu r-regolamenti attwali tal-professjonijiet jew meta jiġu biex jipproponu oħrajn ġodda

Azzjoni leġiżlattiva biex jiġu indirizzati l-ostakli regolatorji mmirati fejn jidħlu s-servizzi ewlenin tan-negozju u s-servizzi tal-bini

Inizjattiva leġiżlattiva biex tintroduċi "passaport tas-servizzi" għal setturi ewlenin tal-ekonomija bħas-servizzi tal-bini u tan-negozju

 

Allura...

  • Inti se terġa' tiftaħ id-Direttiva dwar is-Servizzi? Le. M'hemmx pjanijiet li tiġi riveduta jew emendata d-Direttiva dwar is-Servizzi. Minflok l-enfasi qed tingħata lill-implimentazzjoni.
  • Għaliex il-Kummissjoni qed tagħti tant attenzjoni lis-settur tas-servizzi? Id-Direttiva tal-2006 dwar is-Servizzi xprunat bosta riformi nazzjonali biex jitneħħew l-ostakli li jżommu lill-kumpaniji milli joffru s-servizzi tagħhom fl-Istati Membri l-oħra, iżda l-implimentazzjoni jeħtieġ titjieb. Xi studji juru li swieq tas-servizzi aktar dinamiċi joffru servizzi orħos u jwessgħu l-għażla għall-konsumaturi. Jekk niftħu s-swieq tas-servizzi noħolqu opportunitajiet ġodda: xi valutazzjonijiet juru li meta tnaqqsu l-ostakli regolatorji, infetħu aktar kumpaniji ġodda. U l-produttività tiżdied għax ir-riżorsi jiġu allokati b'aktar effiċjenza u b'hekk is-settur tas-servizzi tagħna jsir aktar kompetittiv. Billi s-servizzi qed jintrabtu dejjem aktar mal-manifattura, dan se jħalli impatti pożittivi wkoll fuq il-kompetittività industrijali tagħna. Ħabat tajjeb li fl-għaxar anniversarju tad-Direttiva dwar is-Servizzi nqawwu l-isforzi biex fl-aħħar naħsdu l-ġid kollu tad-Direttiva.
  • X'inhu l-passaport tas-servizzi u dan se jwassalhom biex jiġru lejn l-aktar livell baxx billi japplikaw il-liġijiet tax-xogħol tal-pajjiż tal-oriġini tagħhom? Il-passaport tas-servizzi hu dokument li toħroġ awtorità nazzjonali biex lil kull min jipprovdi servizz tgħinu jaqsam il-fruntieri, bil-patt u l-kundizzjoni li dan juri konformità mar-rekwiżiti applikabbli għalih fl-Istat Membru fejn ikun jixtieq jipprovdi s-servizz. Dan il-passaport se jissaħħaħ b'arkivju nazzjonali komuni tad-dokumenti li jneħħi r-rekwiżiti multipli tal-informazzjoni u tad-dokumentazzjoni u b'formoli armonizzati li jiġbru l-informazzjoni meħtieġa. Il-passaport tas-servizzi la jbiddel l-ammont tar-regoli applikabbli u lanqas ma jnaqqas ir-rekwiżiti tal-protezzjoni soċjali jew tal-liġi tax-xogħol li fornituri tas-servizzi jridu josservaw.
  • Dan kif jintrabat mal-proposti li ġejjin dwar il-mobbiltà tax-xogħol? Il-Pakkett tal-Mobbiltà tax-Xogħolse jsib approċċ bilanċjat li jippromwovi l-mobbiltà tax-xogħol filwaqt li jnaqqas kemm jista' jkun il-konsegwenzi bla ħsieb. It-tħassib dwar każijiet potenzjali ta' abbuż, il-Kummissjoni qed tieħdu b'serjetà kbira. Waqt li tippromwovi l-mobbiltà tax-xogħol, il-Kummissjoni tara li ċ-ċittadini jitħallew jaħtfu l-opportunitajiet tas-Suq Uniku iżda tippreveni l-abbuż. Bħall-Istrateġija tas-Suq Uniku, il-Pakkett tal-Mobbiltà tax-Xogħol għandu l-għan li jgħin għal Suq Uniku aktar integrat u aktar ġust. Dan fih azzjoni li tappoġġa l-mobbiltà tax-xogħol, reviżjoni mmirata tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema, u proposta biex titjieb il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali fl-Ewropa.
  • Għalfejn qed issir enfasi fuq is-servizzi tan-negozju u l-bini? Is-servizzi tan-negozju (bħas-servizzi tal-kontabbiltà u tal-inġinerija) huma essenzjali għall-manifattura u għal ħafna setturi oħra tas-servizzi. Dawn jikkontribwixxu għal 11% tal-PDG tal-UE iżda għandhom livell baxx ta' kompetizzjoni u produttività, jitolbu prezzijiet għaljin u ma jirnexxilhomx jaħtfu l-opportunitajiet tas-Suq Uniku. Fl-UE, is-settur tal-bini jħaddem madwar 15-il miljun ruħ u jiġġenera kważi 6% tal-PDG tal-UE; filwaqt li l-kumpaniji tal-bini fl-UE joqorbu t-tliet miljuni u 99% minnhom huma SMEs. Filwaqt li l-ħaddiema tal-bini jkunu ħaddiema stazzjonati fi Stati Membri oħra, 'il barra minn pajjiżhom, is-servizzi tal-bini li l-kumpaniji jagħtu 'l barra mill-fruntieri huma ftit ħafna u s-settur tas-servizzi hu fost l-inqas setturi integrati.
  • Inti trid tneħħi r-regolamentazzjoni tal-professjonijiet u tneħħi l-kwalifiki professjonali speċjali bħaċ-ċertifikat Meisterbrief tal-artiġjanat fil-Ġermanja? Il-Kummissjoni tappoġġahom is-sistemi edukattivi binarji bħal tal-Ġermanja, u mhix beħsiebha tneħħi l-hekk imsejjaħ "Meisterbrief". Bl-ebda mod ma tixtieq tnaqqas l-istandards u l-kwalità tas-servizzi u tirrikonoxxi r-regoli u t-tradizzjonijiet differenti li għandhom l-Istati Membri f'dan il-qasam. Madankollu, l-għadd ġmielu u d-diverġenza tar-rekwiżiti nazzjonali qed itaqqlu l-ekonomija Ewropea kollha kemm hi. Fl-UE jeżistu aktar minn 5000 professjoni regolata: uħud mill-pajjiżi għandhom 400 u oħrajn inqas minn 100. Biex nieħdu eżempju, fl-Istati Membri r-regolamenti għall-parrukkiera u għall-estetisti jvarjaw tant li wħud m'għandhomx filwaqt li oħrajn jitolbu tliet snin taħriġ vokazzjonali obbligatorji. Xi studji jenfasizzaw li regolamentazzjoni inqas restrittiva tħalli impatt pożittiv fejn jidħlu l-ħolqien tal-impjiegi, il-prezzijiet għall-konsumaturi u l-effiċjenza ġenerali tal-allokazzjoni tar-riżorsi fl-ekonomija. Il-Kummissjoni la tagħmel u lanqas tneħħi r-regolamentazzjoni tal-professjonijiet – dan jibqa' prerogattiva nazzjonali – iżda tirrakkomanda l-modernizzazzjoni u tappoġġa r-riformi tal-Istati Membri f'dan il-qasam.

5. Negħlbu r-restrizzjonijiet fis-settur tal-bejgħ bl-imnut

Ħarsa fuq fuq: Il-bejgħ bl-imnut ifisser impjieg minn kull tmienja fl-UE iżda t-tkabbir fil-produttività tiegħu baqa' l-istess. Ir-reviżjoni tar-regoli dwar il-ħwienet tal-bejgħ bl-imnut ħarġet fid-dieher għadd ta' ostakli fosthom restrizzjonijiet fuq id-daqs jew il-post tal-ħanut, ir-rekwiżit li trid tapplika għal ħafna permessi, jew it-tul tal-proċedura. Għalkemm xi restrizzjonijiet fuq il-ħwienet tal-bejgħ bl-imnut jaf ikunu ġġustifikati, pereżempju minħabba raġunijiet ambjentali jew tal-ippjanar urban, xi drabi ma jkunux xierqa jew proporzjonati mal-għanijiet segwiti.

L-approċċ: Il-Kummissjoni se tistrieħ fuq soluzzonijiet li ħadmu sew fi Stati Membri differenti u se tissuġġerixxi l-aqwa prattiki ħalli l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jsibu l-ineffiċjenzi u jimmodernizzaw l-oqfsa ġuridiċi tagħhom għall-bejgħ bl-imnut. Dan kollu jgħin biex jonqsu l-ostakli u biex il-bejjiegħa bl-imnut isibuha eħfef jiftħu l-ħwienet madwar l-UE; filwaqt li lill-Istati Membri jgħinhom isibu l-aktar soluzzjonijiet effiċjenti biex jilħqu l-għanijiet tal-politika pubblika fosthom il-protezzjoni tal-ambjent u l-ippjanar tal-bliet u tal-pajjiż.

...

 

Fl-2017:

Komunikazzjoni li tistabbilixxi l-aqwa prattiki li jiffaċilitaw l-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut u jnaqqsu r-restrizzjonijiet operazzjonali

 

Allura...

  • Għalfejn ir-restrizzjonijiet għall-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut huma problema? L-ostakli f’dan is-settur jillimitaw l-innovazzjoni u l-għażla tal-konsumaturi. U għalhekk jekk inħaffu l-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut, inkunu qed inrawmu l-kompetizzjoni fost il-bejjiegħa bl-imnut u ngħinu biex jorħsu l-prezzijiet u jingħata valur aħjar lill-konsumaturi.
  • Iżda din l-inizjattiva ma tkunx qed tagħti ċ-ċans lill-ħuta l-kbira biex taħtaf lill-ħuta ż-żgħira? Fl-ekonomiji nazzjonali diġà hemm il-ktajjen il-kbar, iżda fejn jidħol il-bejgħ bl-imnut ix-xejriet fit-tul juru li l-ħwienet iż-żgħar jistgħu jikkompetu jekk jispeċjalizzaw. Għalhekk jekk jonqsu l-ostakli, kemm il-ħwienet il-kbar u anki l-ħwienet iż-żgħar jistgħu jmorru tajjeb. B'mod partikolari, jekk jonqsu l-burokrazija u l-piż regolatorju u tiżdied it-trasparenza, dan ikun ta' ġid għall-SMEs li m'għandhomx riżorsi, meta jħabbtu wiċċhom ma' rekwiżiti amministrattivi u legali kumplessi.

 

6. Nevitaw id-diskriminazzjoni tal-konsumaturi u tal-intraprendituri

Ħarsa fuq fuq: Ħafna drabi l-konsumaturi Ewropej jilmentaw fuq differenzi mhux ġustifikati fit-trattament minħabba nazzjonalità jew post tar-residenza, anki jekk dan imur kontra l-liġi tal-UE (l-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar is-Servizzi). Pereżempju ċ-ċittadini jilmentaw fuq kumpaniji tat-telekomunikazzjoni li jirrifjutaw li jipprovdu servizz tal-internet lil ċittadini ta' pajjiż differenti, jew fuq kumpaniji tal-utilitajiet li jitolbu tariffi ogħla għall-ilma lil persuni li mhux residenti. Jilmentaw fuq parks tad-divertiment li joħduhom awtomatikament fis-sit web tal-pajjiż ta' residenza tagħhom u li jaċċettaw biss pagamenti ta' debitu dirett għal biljetti ta' sena mingħand klijenti li jkollhom kontijiet bankarji nazzjonali.

L-approċċ: Il-Kummissjoni se tieħu azzjoni biex tiżgura li l-konsumaturi li jippruvaw jixtru servizzi jew prodotti fi Stat Membru ieħor, sew jekk bl-internet jew wiċċ imb'wiċċ, mhux se jħabbtu wiċċhom ma’ diverġenżi fejn jidħlu l-prezzijiet, il-kundizzjonijiet tal-bejgħ jew l-għażliet tal-konsenja, sakemm dawn ma jkunux ġustifikati b’raġunijiet oġġettivi u verifikabbli. Skont l-inizjattiva tal-blokok ġeografiċi li ħadet l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali u bħala parti minn approċċ komprensiv biex tkompli tiżdied il-ġustizzja fis-Suq Uniku, il-Kummissjoni se tieħu miżuri — azzjonijiet leġiżlattivi u ta’ infurzar — kontra t-trattament differenti mhux ġustifikat lill-klijenti minħabba l-post tar-residenza jew in-nazzjonalità tagħhom.

...


Fl-2016:

Azzjoni leġiżlattiva biex tiġi evitata d-diskriminazzjoni lill-konsumaturi minħabba n-nazzjonalità jew il-pajjiż tar-residenza

 

Allura...

  • L-istess prodott jew servizz għandu jiswa l-istess madwar l-UE? Mhuwiex illegali li jintalab prezz differenti fi swieq differenti, u l-Kummissjoni la għandha l-kompentenza u lanqas l-intenzjoni li tarmonizza l-prezzijiet madwar l-UE. Il-prezzijiet jistgħu jvarjaw minħabba bosta għanijiet u raġunijiet ġustifikati. Iżda l-konsumaturi jeħtieġu trasparenza u opportunitajiet aħjar biex ikunu jistgħu jagħżlu l-aqwa prezz possibbli jew l-aqwa servizz disponibbli fis-Suq Uniku. Il-konsumaturi m'għandhomx jiċċaħħdu minn offerti aktar attraenti li jkun hemm f'xi pajjiż ieħor differenti minn fejn jgħixu. It-trattament differenti jaf ikun ġustifikat biss jekk ikun hemm kriterji oġġettivi, bħal spejjeż tat-trasport differenti.

 

  • Għalfejn hemm bżonn li tittieħed aktar azzjoni jekk dan diġà jmur kontra l-liġi tal-UE? L-Artikolu 20(2) tad-Direttiva dwar is-Servizzi jagħmilha ċara li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji ma jitħallewx jittrattaw lill-konsumaturi b'modi differenti minħabba r-residenza jew in-nazzjonalità tagħhom. Iżda din id-dispożizzjoni tal-liġi ddgħajfet minħabba l-formulazzjonijiet ġuridiċi ġenerali u n-nuqqas ta' mezzi ta' rimedju u għodod ta’ infurzar apposta. L-inizjattiva tal-Kummissjoni għandha l-għan li ssaħħaħ il-pożizzjoni legali tal-konsumaturi u l-għodod ta' infurzar disponibbli, fosthom b'riforma tar-Regolament dwar il-Koperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi.
  • Fejn jidħlu l-blokok ġeografiċi? L-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali diġà ħabbret azzjoni leġiżlattiva kontra l-blokok ġeografiċi. Din tirreferi għal meta l-konsumaturi jitwaqqfu milli jaċċessaw xi paġni web, jintbagħtu awtomatikament f'xi paġna oħra, jew ikollhom restrizzjonijiet fuq xi offerti minħabba l-pajjiż tar-residenza tagħhom. L-Istrateġija tas-Suq Uniku beħsiebha tindirizza kull restrizzjoni u diskriminazzjoni minħabba l-post ġeografiku irrispettivament minn jekk din iseħħx fil-ħwienet jew onlajn. F'Settembru 2015 il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika ħalli tiġbor il-fehmiet fuq il-blokok ġeografiċi u forom oħra ta' diskriminazzjoni minħabba l-post ġeografiku li jġarrbu l-konsumaturi fl-UE.
  • X'għamlet s'issa l-Kummissjoni biex twaqqaf id-diskriminazzjoni bejn konsumaturi differenti? Il-Kummissjoni tista' tieħu azzjoni kontra l-Istati Membri li ma jiżgurawx li l-kumpaniji jirrispettaw il-prinċipju bażiku tal-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar is-Servizzi. F’Settembru 2014 il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni li l-kumpaniji tal-kiri tal-karozzi qed iħaddmu prattiki diskriminatorji kontra l-klijenti tagħhom. Xahar wara, il-kumpaniji tal-kiri tal-karozzi taw kelmthom li jbiddlu dawn il-prattiki, u lill-klijenti tagħhom se jkunu qed joffrulhom prezzijiet differenti skont il-pajjiż tar-residenza tagħhom meta d-differenza jkunu jistgħu jiġġustifikawha b'raġunijiet oġġettivi biss. Matul is-sajf tal-2015, il-Kummissjoni bdiet tinvestiga prattiki simili li qed jużaw xi parks ewlenin tad-divertiment fi Franza, u dawn l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

 

 

II - INĦEĠĠU L-MODERNIZZAZZJONI U L-INNOVAZZJONI

 

7. Nimmodernizzaw is-sistema tal-istandards tagħna

Ħarsa fuq fuq: L-istandards jgħinu s-sikurezza, l-innovazzjoni u l-interoperabbiltà, u huma importanti biex jinbena s-Suq Uniku. Pereżempju, dawn ivarjaw mil-livell minimu ta' protezzjoni u sikurezza għall-ħelmits tal-muturi, il-maskri kirurġiċi u l-liftijiet sal-metodoloġiji komuni li jintużaw biex jitkejjel l-ispazju tal-art (kwistjoni importanti għall-kumpaniji involuti fil-kuntratti tal-manutenzjoni). Iżda l-proċess tal-istandardizzazzjoni qed jaffaċċja bosta sfidi minħabba d-differenzi fin-natura tal-ekonomija u minħabba d-diversifikazzjoni tal-mudelli tan-negozju (il-globalizzazzjoni, il-ktajjen usa' tal-provvista, eċċ.), ir-rwol dejjem akbar li għandha t-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (l-ICT), l-importanza dejjem akbar tas-servizzi, u t-twaħħid tal-prodotti u s-servizzi f'pakkett wieħed.

L-approċċ: B'inizjattiva konġunta l-Kummissjoni se timmodernizza s-sħubija eżistenti li tfassal l-istandards id f'id mal-interlokuturi rilevanti, jiġifieri l-industrija, l-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni, l-SMEs u l-bqija tal-partijiet konċernati. Filwaqt li taħfen l-esperjenza pożittiva tal-istandards tal-prodotti, l-Inizjattiva Konġunta għall-Istandardizzazzjoni li jmiss għandha l-għan li l-Ewropa tkompli tiżviluppa bħala ċentru internazzjonali għall-istandardizzazzjoni, tgħin biex jinħataf il-potenzjal tal-istandardizzazzjoni tas-servizzi, u tallinja l-kisbiet tas-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni ma' firxa wiesgħa ta' prijoritajiet politiċi tal-UE.

 

...

 

Fl-2016:

L-Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni

Gwida apposta dwar l-istandardizzazzjoni tas-servizzi

 

Allura...

  • Il-Kummissjoni se timponi l-istess standards fuq kulħadd? L-istandards jixprunaw l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni għax joffru l-alternattiva ta' bażi teknika stabbli u aċċettata li fuqha jista' jissejjes aktar progress. Iżda ġeneralment dawn jużahom kull min minn jeddu jrid iħaddem approċċ differenti – diment li juri li jkun qed jissodisfa r-rekwiżiti tas-sikurezza u rekwiżiti oħrajn rilevanti.
  • L-istandards huma xierqa għas-servizzi? L-effiċjenza tal-kumpaniji tista' titjieb bi standards volontarji li jkunu jaqblu mal-ħtiġijiet tas-suq, għax dawn ikunu jistgħu jallokaw aħjar ir-riżorsi u jiffokaw fuq l-attivitajiet ewlenin. Dawn jistgħu jgħinu biex titjieb ukoll il-kwalità tas-servizz. U kulma jmur qed tiżdied l-istandardizzazzjoni tas-servizzi fil-livell nazzjonali. Fil-livell Ewropew, l-istandards tas-servizzi jistgħu jaqdu rwol importanti biex jitjiebu l-provvista transfruntiera tas-servizzi, it-trasparenza tas-suq, il-kwalità tas-servizz u l-prestazzjoni tal-fornituri tas-servizzi.

 

 

8. Akkwist pubbliku aktar trasparenti, effiċjenti u responsabbli

Ħarsa fuq fuq: L-akkwist pubbliku hu importanti għall-ekonomija Ewropea. Ir-regoli tal-UE jaraw li jkun żgurat l-użu effiċjenti ta' flus il-poplu, li tonqos il-korruzzjoni u tiġi modernizzata l-amministrazzjoni pubblika. In-nefqa pubblika fuq il-prodotti, ix-xogħlijiet u s-servizzi tirrapreżenta kważi 19% tal-PDG tal-UE: fl-UE kull sena qed jintefqu aktar minn €2.3 triljun. Jekk l-akkwist pubbliku fis-Suq Uniku jkun trasparenti u kompetittiv, dan joħloq opportunitajiet għan-negozju u jgħin biex l-amministrazzjoni pubblika tkun aktar effiċjenti, tikber l-ekonomija u jinħolqu l-impjiegi. Il-liġi tal-UE tistabbilixxi regoli armonizzati minimi għall-akkwist pubbliku li jridu jsiru liġijiet nazzjonali sa April 2016 (u sa October 2018 fejn jidħol l-akkwist pubbliku elettroniku).

L-approċċ: Sabiex jitħaffef l-investiment u tkun evitata l-litigazzjoni fit-tul, il-Kummissjoni se tgħin lill-Istati Membri b'mekkaniżmu ta’ valutazzjoni ex-ante volontarja tal-aspetti tal-akkwist pubbliku f'ċertu proġetti tal-infrastruttura fuq skala kbira. Se tippromwovi rabtiet bejn il-korpi tar-reviżjoni tal-ewwel istanza u tagħti assistenza legali u teknika lill-Istati Membri biex jistabbilixxu korpi ta' rimedju malajr u ġust. Mal-Istati Membri, il-Kummissjoni se tistabbilixxi reġistri kuntrattwali li jkopru l-fażijiet kollha tal-kuntratti ħalli b'hekk jiżdiedu t-trasparenza u l-kwalità tas-sistemi nazzjonali tal-akkwist pubbliku u jitwieżen l-iżvilupp ta' għodod għall-analiżi tad-dejta u li jsibu l-anomaliji. Fi ftit kliem, il-Kummissjoni qed tipproponi governanza aħjar ta' għoxrin fil-mija tal-PDG. Din il-valutazzjoni ex-ante volontarja ma tippreġudikax il-prerogattivi tal-Kummissjoni skont it-Trattat.

 

...

 

Fl-2017:

Il-mekkaniżmu ta' valutazzjoni ex-ante volontarja tal-aspetti tal-akkwist pubbliku f'ċertu proġetti tal-infrastruttura fuq skala kbira

2017-2018:

Inizjattivi għal governanza aħjar tal-akkwist pubbliku bi twaqqif ta' reġistri tal-kuntratt, ġbir aħjar tad-dejta u rabtiet bejn il-korpi tar-reviżjoni

 

 

Allura...

  • Il-Kummissjoni trid biss ittejjeb is-sejħiet nazzjonali għall-offerti jew trid trawwem għotjiet aktar pan-Ewropej? It-tnejn li huma. Sal-lum huma ftit il-kuntratti tal-akkwist pubbliku li jingħataw 'il barra mill-fruntiera u dan jillimita l-kompetizzjoni fil-kuntratti pubbliċi u għalhekk min iħallas it-taxxi mhuwiex jikseb valur għal flusu u l-aqwa prodotti u servizzi pubbliċi.
  • Imma l-mekkaniżmu ta' valutazzjoni għall-proġetti ta’ infrastruttura mhux se jdewwem il-proċess tal-proġetti li l-Ewropa tant teħtieġ? Le, bil-maqlub. Bħalissa qed jinħela wisq żmien biex ikun żgurat li l-proġett tal-investiment fuq skala kbira ikun konformi mar-regoli tal-akkwist pubbliku. Bil-mekkaniżmu propost, il-Kummissjoni se tagħti fehmitha fi żmien li fil-prinċipju ma għandux jaqbeż it-tliet xhur minn meta jkun notifikat il-proġett.

 

 

9. Nikkonsolidaw il-qafas tal-proprjetà intellettwali tal-Ewropa  

Ħarsa fuq fuq: Il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali hi importanti għall-promozzjoni tal-innovazzjoni u tal-kreattività, li min-naħa tagħhom joħolqu l-impjiegi u jħeġġu l-kompetittività. Sabiex tikkompeti fil-livell globali, l-UE teħtieġ sistema tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li tkun attraenti, affordabbli u effiċjenti. Dan hu importanti b'mod partikolari għall-SMEs li m'għandhomx l-istess livell ta' riżorsi biex jimmaniġġjaw il-portafoll tagħhom tal-proprjetà intellettwali daqs il-kumpaniji l-kbar. Minkejja li dan l-aħħar sar progress bl-adozzjoni tas-sistema tal-Privattiva Unitarja u r-riforma tal-marki kummerċjali, il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwai fl-UE għadha frammentata.

 

L-approċċ: Il-Kummissjoni se tissokta bl-aħħar ħidma biex twettaq il-Privattiva Unitarja u biex tiċċara kif din se taħdem flimkien mal-privattivi nazzjonali u maċ-ċertifikati ta’ protezzjoni supplimentari (SPC) nazzjonali. Bħalma diġà ħabbret bl-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, il-Kummissjoni se tirrevedi l-infurzar tar-regoli dwar il-proprjetà intellettwali tal-UE bl-approċċ "segwi l-flus" bil-għan li kull min jikser il-liġi fuq skala kummerċjali jiċċaħħad mid-dħul tiegħu, minflok ma tfittex lil min jikser id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

 

...

 

2016-2017:

L-ewwel għoti tal-Privattiva Unitarja

Inizjattivi li jimmodernizzaw il-qafas tal-proprjetà intellettwali, fosthom miżuri li jappoġġaw lill-SMEs biex jużaw il-proprjetà intellettwali u reviżjoni tal-qafas ta' infurzar tal-proprjetà intellettwali

 

Allura...

  • X'tinkludi r-reviżjoni tal-qafas ta' infurzar tal-proprjetà intellettwali tal-UE? Din se ttenni l-ħidma li għamlet l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali? Il-ħidma li saret bl-Istrateġija tas-Suq Uniku se tikkumplimenta l-ħidma li nbdiet bis-Suq Uniku Diġitali. Filwaqt li s-Suq Uniku Diġitali se jiffoka fuq il-modernizzazzjoni tar-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur, fosthom l-infurzar tad-drittijiet tal-awtur, l-Istrateġija tas-Suq Uniku tiffoka fuq l-infurzar tal-proprjetà intellettwali tal-UE b'mod aktar ġenerali, inkluż fuq aspetti li m'għandhomx x'jaqsmu mal-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali onlajn. Wara li għamlet għadd ta' konsultazzjonijiet pubbliċi, il-Kummissjoni se tiddeċiedi jekk fil-ġejjieni hemmx bżonn jitteħdu azzjonijiet regolatorji jew mhux regolatorji.
  • Fejn waslet il-Privattiva Unitarja? Dan l-aħħar l-Italja ngħaqdet mal-Privattiva Unitarja u għalhekk hemm 26 Stat Membru li qed jieħdu sehem permezz ta' koperazzjoni aħjar. Fl-2015 ukoll, intlaħaq ftehim dwar l-ispiża tal-protezzjoni tal-privattiva. Il-Kummissjoni qed issejjaħ lil kull Stat Membru parteċipant biex jirratifika minnufih il-Ftehim dwar Qorti Unifikata tal-Privattivi ħalli l-Pakkett tal-Privattiva Unitarja jidħol fis-seħħ sa tmiem l-2016.
  • X'inhuma ċ-ċertifikati ta’ protezzjoni supplimentari (SPC)? Iċ-ċertifikati ta’ protezzjoni supplimentari huma dritt tal-proprjetà intellettwali li jservi ta' estensjoni fil-limitu taż-żmien ta' dritt ta' privattiva. Dawn japplikaw għal prodotti farmaċewtiċi u ta' protezzjoni tal-pjanti speċifiċi li jkunu ġew awtorizzati mill-awtoritajiet regolatorji.
  • Minn dan se tgawdi biss l-industrija tal-farmaċewtika? Le. Iċ-ċertifikati ta' protezzjoni supplimentari huma importanti għall-produtturi tal-prodotti farmaċewtiċi u tat-tagħmir mediku, iżda anki għall-prodotti tas-saħħa tal-annimali u għall-prodotti relatati mat-trattament tal-uċuħ tar-raba', u potenzjalment għal setturi oħra li jkunu jeħtieġu l-awtorizzazzjoni tas-suq għall-prodotti tagħhom.

 

III - NIŻGURAW IT-TWETTIQ FIL-PRATTIKA

 

10. Noħolqu mentalità ta’ konformità u infurzar intelliġenti, u nsaħħu s-Suq Uniku għall-prodotti u s-servizzi

Ħarsa fuq fuq: Waħda mir-raġunijiet ewlenin għalfejn mhux kull opportunità tas-Suq Uniku ssarrfet fil-prattika hija għax il-liġi tal-UE għadha ma ġietx implimentata u infurzata bis-sħiħ. F'nofs l-2015 kien hemm pendenti madwar 1090 proċediment ta' ksur. In-nuqqas ta' konformità jdgħajjef is-Suq Uniku u jnaqqas il-kunfidenza taċ-ċittadini. Fejn jidħol infurzar aħjar tar-regoli eżistenti, għad jonqos ħafna x'jista' jsir.

Barra minn hekk, għall-infurzar hemm bżonn ukoll li l-awtoritajiet nazzjonali jiżguraw li l-prodotti jkunu sikuri u konformi mar-regoli. Għad baqa' wisq prodotti li mhumiex sikuri u konformi u li qed jinbiegħu fis-suq tal-UE. Dawn jixħtu fi żvantaġġ lin-negozji li jkunu konformi u jagħmlu ħsara lill-konsumaturi.

F'ċertu oqsma mhux qed jiġi applikat il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li jiżgura li l-prodotti kkummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor ikunu jgawdu d-dritt tal-moviment liberu u jistgħu jinbiegħu fi Stat Membru ieħor. Dan ixekkel lill-kumpaniji, l-aktar lill-SMEs, milli jbigħu l-prodotti tagħhom f'pajjiżi oħra tal-UE.

L-approċċ: Il-Kummissjoni se taħdem id f’id mal-Istati Membri u mal-partijiet konċernati biex toħloq mentalità ta’ konformità u infurzar intelliġenti. Il-Kummissjoni se tipproponi inizjattiva regolatorja biex tinġabar informazzjoni komprensiva, affidabbli u imparzjali mingħand atturi tas-suq magħżula ħalli titjieb l-abbiltà tal-Kummissjoni biex tissorvelja u tinforza r-regoli tal-UE. Barra minn hekk, din se ssaħħaħ il-mekkaniżmu ta’ sorveljanza tas-suq biex tidentifika prodotti li ma jkunux sikuri u konformi u tneħħihom mis-suq tal-UE; u se ssaħħaħ ukoll l-applikazzjoni tal-prinċipji tar-rikonoxximent reċiproku. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tirrinforza l-miżuri preventivi biex tevita li fis-suq tas-servizzi jinħolqu ostakli ġodda.

...

 

Fl-2016:

Proposta għal għodod ta’ informazzjoni fuq is-suq li bihom il-Kummissjoni tkun tista' tiġbor informazzjoni mingħand parteċipanti fis-suq magħżula

Proposta leġiżlattiva biex titjieb il-proċedura eżistenti ta' notifika skont id-Direttiva 2015/1535 għas-servizzi

Pjan ta’ Azzjoni biex jiżdied l-għarfien fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku

 

2016-2017:

Sett komprensiv ta’ azzjonijiet biex ikomplu jissaħħu l-isforzi ħalli l-prodotti mhux konformi ma jitħallewx jidħlu fis-suq tal-UE (u dawn possibbilment ikunu jinkludu inizjattiva leġiżlattiva)

 

Fl-2017:

Reviżjoni tar-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku

Għodda għall-analiżi tad-dejta għall-monitoraġġ tal-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku

 

Allura...

  • Għalfejn se tintuża l-Għodda ta' Informazzjoni fuq is-Suq Uniku? Mill-esperjenza fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni nafu li dawn jgħinu biex tinġabar informazzjoni soda biex il-Kummissjoni tfassal politika u infurzar aktar iffukati u effiċjenti. Għalkemm is-sitwazzjoni fil-qasam tas-Suq Uniku hi differenti, għodod ta’ informazzjoni jistgħu jkunu siewja biex tinftiehem aħjar l-imġiba tal-operaturi tas-suq, l-aktar tal-kumpaniji privati, f'oqsma tas-Suq Uniku bħall-blokok ġeografiċi u l-ipprezzar transfruntier tal-pakketti.
  • L-għodda ta' informazzjoni fuq is-Suq Uniku se tkompli ttaqqal lill-kumpaniji? L-għodod ta’ informazzjoni fuq is-suq (is-SMIT) jintużaw biss meta l-Kummissjoni jkollha raġunijiet biex temmen li s-SMIT jistgħu jgħinuha ssolvi xi problema. Dawn se jintużaw bil-għaqal u f'każijiet mill-aktar importanti biss, ngħidu aħna meta tingħarbel sew l-informazzjoni kollha disponibbli u joħroġ fid-dieher il-ħtieġa li tinġabar informazzjoni direttament mingħand il-parteċipanti fis-suq.
  • Xi jkun l-iskop tal-proċedura ta’ notifika? Meta jinħolqu jew jinbidlu r-regolamenti tekniċi fl-Istati Membri, jistgħu jinħolqu ostakli tekniċi mhux ġustifikati u bla bżonn għall-kummerċ. Id-diskrepanzi fost ir-regoli nazzjonali jaf iżidu l-ispejjeż tal-kumpaniji esportaturi u jillimitaw il-kummerċ fl-UE kollha. Nistgħu niżguraw li s-suq tas-servizzi jkun jaħdem aħjar jekk nużaw proċedura aktar effettiva li tkopri firxa usa' ta' servizzi u li biha l-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra jkunu jistgħu jeżaminaw u jikkummentaw fuq l-abbozzi ta' liġijiet nazzjonali. Din iżżid it-trasparenza u tippermetti valutazzjoni aħjar tal-proporzjonalità tal-miżuri l-ġodda.
  • Il-Kummissjoni se tkun tista’ tobbliga lill-kumpaniji biex iwieġbu, eż. b'sanzjonijiet? Din il-kwistjoni għandha tiġi evalwata u stabbilita fil-proposta futura tagħna.
  • X’se tagħmel il-Kummissjoni biex tevita li l-prodotti mhux konformi jinbiegħu fis-suq tal-UE? Il-Kummissjoni se tgħin lin-negozji biex jiżguraw li jkollhom l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-konformità tal-prodott. Se timmodernizza u tiċċara l-obbligi li n-negozji għandhom jipprovdu prodotti konformi biss. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tieħu azzjonijiet biex issaħħaħ is-sorveljanza tas-suq tal-prodotti fl-UE ħalli jiżdiedu u jitħaffu l-kontrolli tal-prodotti u ħalli dawk li ma jkunux konformi jitneħħew mis-suq aktar malajr.
  • Kif nistgħu negħlbu l-ostakli eżistenti u nevitaw li noħolqu ostakli ġodda? Il-Kummissjoni trid tindirizza l-ostakli rikorrenti billi ssaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku. Ir-rikonoxximent reċiproku fil-qasam tal-prodotti jista' jiżdied u jitjieb b'mod partikolari b'reviżjoni tar-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku li għandu jagħti dritt effettiv lill-kumpaniji għal ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni ta' prodotti kkummerċjalizzati legalment f'xi Stat Membru.Il-Kummissjoni trid issejjes fuq l-esperjenza pożittiva tad-Direttiva (UE) 2015/1535 dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku. Din id-Direttiva taħseb biex abbozz ta' Regolament fil-qasam tal-prodotti (industrijali, agrikoli u tas-sajd) u tas-servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni jiġi notifikat ħalli l-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra jkollhom l-opportunità li jeżaminaw jekk dan għandux il-potenzjal li joħloq ostakli għall-kummerċ fis-suq intern. Dan il-mod jiċċara u jevita li jinħolqu problemi fi spirtu ta' koperazzjoni reċiproka u mingħajr il-ħtieġa għal ksur, u jkun ta' għajnuna jekk jibda jitħaddem ukoll fil-qasam tas-servizzi.

 

 

 

MEMO/15/5910

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar