Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Mistoqsijiet u Tweġibiet: Regolament Ġdid dwar l-Ikel Ġdid

Brussell, is-16ta' novembru 2015

Għadu kemm ġie miftiehem Regolament ġdid dwar l-ikel ġdid

Ir-Regolament il-ġdid dwar l-ikel ġdid li ġie miftiehem illum għandu l-għan li jtejjeb il-kundizzjonijiet għan-negozji ħalli jsibuha eħfef biex idaħħlu ikel ġdid u innovattiv fis-suq tal-UE, u fl-istess waqt il-konsumaturi Ewropej jkollhom livell għoli ta’ sikurezza fl-ikel. Dan ir-Regolament iwessa' l-għażla tal-ikel għall-konsumaturi Ewropej u joħloq ambjent aktar favorevoli għall-industrija agroalimentari tal-Ewropa — it-tieni l-akbar settur tal-impjiegi fl-Ewropa — biex tgawdi mill-innovazzjoni li tant hi meħtieġa għat-tkabbir u għall-impjiegi.

X'inhu ikel ġdid?

L-ikel ġdid hu ikel li ma kienx ikkonsmat f’livell sinifikanti fl-UE qabel Mejju 1997 (qabel daħlet fis-seħħ l-ewwel leġiżlazzjoni dwar l-ikel ġdid). Din jista' jkun ikel innovattiv maħluq ġdid jew ikel magħmul b'teknoloġiji u proċessi tal-produzzjoni ġodda kif ukoll ikel li tradizzjonalment jittiekel barra mill-UE. Fost l-ikel ġdid approvat dan l-aħħar hemm iż-żejt mill-Buglossoides arvensis, il-proteina taż-żerriegħa tal-kolza u ż-żejt taż-żerriegħa tal-kosbor.

Dan l-ikel hu awtorizzat fl-UE?

Bejn l-1997 u l-2014, fl-UE tressqu madwar 170 applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, jiġifieri bejn 7 u 10 applikazzjonijiet fis-sena, u s’issa ġew awtorizzati biex jintużaw madwar 90 ikel ġdid.

Fost l-ikel ġdid awtorizzat hemm prodotti li tradizzjonalment jittiekellu f’pajjiżi barra mill-UE bħaż-żrieragħ taċ-chia (b’livell għoli ta’ aċidi xaħmin omega-3), u ikel magħmul bl-aktar innovazzjonijiet teknoloġiċi moderni bħal prodotti tal-ħalib trattat bis-sħana li jiġu ffermentati bil-Bacteroides xylanisolvens (DSM 23964). Hemm ukoll ix-xaħam b'enerġija mnaqqsa msejjaħ 'salatrim', żejt għani bid-DHA mill-mikroalka, u meraq tal-frott bi pressjoni għolja (u dan tal-aħħar hu eżempju ta’ ikel derivat minn proċessi tal-produzzjoni ġodda).

Il-lista sħiħa tal-ikel ġdid awtorizzat tinsabhawn.

Għalfejn il-Kummissjoni rrevediet il-leġiżlazzjoni dwar l-ikel ġdid?

Ir-regoli attwali jmorru lura kważi għoxrin sena. Minn dakinhar, l-iżviluppi teknoloġiċi u l-pariri xjentifiċi evolvew ġmielu. Għalhekk jeħtieġ jiġu aġġornati r-regoli tal-UE ħalli l-proċedura tal-awtorizzazzjoni ma tibqax tieħu fit-tul daqshekk (medja ta' tliet snin u nofs). Fl-2008 l-Kummissjoni kienet proponiet li ssirilha reviżjoni iżda l-Kunsill u l-Parlament Ewropew ma laħqux ftehim bejniethomhom dwar dan.

Liema huma l-isfidi ewlenin?

Ir-Regolament il-ġdid iżid l-effiċjenza tal-proċedura tal-awtorizzazzjoni, ikun jista' jwassal ikel innovattiv u sikur aktar malajr fis-suq u jneħħi ostakoli mhux meħtieġa għall-kummerċ, filwaqt li jiżgura livell għoli ta’ sikurezza fl-ikel.

Dan joħloq sistema ta’ awtorizzazzjoni ċentralizzata ħalli l-applikanti jkollhom aktar ċertezza meta jiġu biex jiksbu awtorizzazzjoni għall-ikel ġdid, filwaqt li l-proċess tal-awtorizzazzjoni se jeħfief u jitħaffef.

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-EFSA) se tagħmel valutazzjoni xjentifika tar-riskju għall-applikazzjonijiet tal-ikel ġdid filwaqt li l-Kummissjoni se tamministra l-fajls ta' kull applikant, u jekk jinstab li jkun ikel sikur se tressaq proposta għall-awtorizzazzjoni tal-ikel ġdid.

Sabiex jeħfief il-kummerċ tal-ikel tradizzjonali minn pajjiżi li mhumiex fl-UE, u li fl-UE jkun jitqies bħala ikel ġdid, ir-Regolament il-ġdid jintroduċi proċedura ta’ valutazzjoni aktar xierqa għall-ikel ġdid fl-UE. Jekk storikament ikun jidher li dak l-ikel tradizzjonali huwa sikur u li l-Istati Membri tal-UE jew l-EFSA ma wrew l-ebda tħassib fejn tidħol is-sikurezza tiegħu, dak l-ikel tradizzjonali se jitħalla jitqiegħed fis-suq abbażi ta' notifika mingħand l-operatur tan-negozju tal-ikel.

Ir-Regolament il-ġdid fih ukoll dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta. Għall-ewwel ħames snin minn meta l-ikel ġdid ikun ġie awtorizzat, l-evidenza xjentifika li tkun għadha kemm ġiet żviluppata u d-dejta proprjetarja mhumiex se jkunu jistgħu jintużaw għall-benefiċċju ta' xi applikazzjoni oħra.

X’inhuma l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni?

L-ikel ġdid se jiġi approvat biss biex jintuża fl-UE, diment li dan ma jippreżentax riskju għas-saħħa pubblika, ma jkunx ta’ żvantaġġ meta jieħu post ikel simili u ma jiżgwidax lill-konsumatur. Qabel l-awtorizzazzjoni, dan l-ikel se ssirlu valutazzjoni xjentifika biex tkun żgurata s-sikurezza tiegħu. L-awtorizzazzjoni tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-użu tal-ikel, id-deżinjazzjoni tiegħu bħala ikel/ingredjent tal-ikel u r-rekwiżiti tat-tikkettar.

L-ikel ġdid irid ikollu tikketta?

L-ikel ġdid hu soġġett għar-rekwiżiti ġenerali tat-tikkettar li jistabbilixxi r-Regolament (KE) Nru 1169/2011. Iżda jaf jiġu applikati wkoll rekwiżiti speċifiċi addizzjonali għat-tikkettar tal-ikel ġdid ħalli l-konsumatur jiġi infurmat sew; jiġifieri: tikketti ta' twissija li l-ikel ġdid mhux rakkomandat għal ċertu gruppi vulnerabbli. It-tikketta trid issemmi id-denominazzjoni tal-ikel, u meta xieraq għandha tispeċifika l-kundizzjonijiet għall-użu. L-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa jridu jaqblu mar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Indikazzjonijiet dwar is-Saħħa u n-Nutrizzjoni (araMEMO/06/200).

X’inhuma n-nanomaterjali u liema huma l-kundizzjonijiet għall-użu tagħhom fl-ikel?

In-nanomaterjali huma materjali maħdumin fuq l-iskala ta’ atomi u molekuli. Ir-Regolament il-ġdid jispeċifika li qabel ma jintużaw fl-oġġetti tal-ikel, in-nanomaterjali maħdumin li huma definiti fil-leġiżlazzjoni l-ġdida jeħtieġu awtorizzazzjoni tal-Ikel Ġdid. Is-sikurezza ta' dak l-ikel se tivvalutaha l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel. L-applikanti jridu juru wkoll li n-nanomaterjali maħdumin li qed tintalab l-awtorizzazzjoni tagħhom ġew ittestjati bl-aktar metodi ta’ ttestjar aġġornati.

L-insetti jkoprihom ir-Regolament il-ġdid?

Madwar id-dinja, l-insetti diġà huma kkunsmati fuq firxa wiesgħa. Fl-UE, l-insetti huma inklużi fid-definizzjoni ta' ikel ġdid għax jitqiesu bħala ingredjenti tal-ikel iżolati mill-annimali.  Anka l-partijiet tal-insetti (bħas-saqajn, il-ġwienaħ, ir-ras, eċċ.) huma inklużi f'din id-definizzjoni.

Il-leġiżlazzjoni l-ġdida tiċċara li anki l-annimali sħaħ, bħal insetti sħaħ, jekk il-bniedem ma kienx jikkunsmahom fi kwantità sinifikanti fl-UE qabel il-15 ta' Mejju 1997 (id-data li stabbilixxa r-Regolament), dawn huma inklużi fid-definizzjoni ta’ ikel ġdid.

Hemm xi applikazzjonijiet pendenti u se jintlaqtu bir-regoli l-ġodda?

Madwar l-UE, tul l-aħħar snin saru bejn 7 u 10 applikazzjonijiet fis-sena biex jiġi awtorizzat ikel ġdid. Bħalissa hemm bosta applikazzjonijiet li qed jivvalutaw l-Istati Membri, fosthom tal-florotannini Ecklonia cava, iż-żilo-oligosakkarid u l-estratt imnixxef bl-isprejj tat-Terminalia ferdinandiana EXELL. Dawk l-applikazzjonijiet mhumiex se jkunu ffinalizzati sakemm jibda japplika r-Regolament il-ġdid u allura se jirregolahom ir-Regolament il-ġdid. Dan ifisser li l-Kummissjoni se tieħu ħsieb tiffinalizza dawn it-talbiet.

L-Istati Membri jistgħu japprovaw jew jipprojbixxu ikel ġdid b’mod indipendenti mill-UE?

Le. Ir-Regolament dwar l-Ikel Ġdid jistabbilixxi miżuri armonizzati għall-awtorizzazzjoni tal-ikel ġdid, u għalhekk ladarba l-oġġetti tal-ikel jiġu approvati għall-kummerċjalizzazzjoni fl-UE, dawn jistgħu jinbiegħu f'kull Stat Membru tal-UE. Madankollu, Stat Membru tal-UE jista’ jissospendi jew jillimita b’mod proviżorju l-kummerċjalizzazzjoni u l-użu ta’ xi ikel ġdid, jekk ikun jidhirlu li dan ikun ta' periklu għas-saħħa skont id-dispożizzjonijiet ta’ salvagwardja tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel. L-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni ħalli din tinvestiga l-miżuri protettivi ta’ dak l-Istat Membru tal-UE. Jekk jinstab li l-ikel ikun joħloq xi riskju għall-konsumaturi, il-Kummissjoni tista’ tissospendi minnufih l-awtorizzazzjoni tagħha għall-kummerċjalizzazzjoni fl-UE.

Ir-Regolament il-ġdid se jaffettwa l-innovazzjoni fis-settur tal-ikel?

Ir-Regolament il-ġdid għandu l-għan li jkompli jissimplifika, jħaffef u jtejjeb il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tal-ikel ġdid, ħalli l-ikel innovattiv li jkun sikur biex jittiekel jasal fis-suq aktar malajr. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta se jgħinu biex jitħarsu l-interessi tal-kumpaniji li jipproduċu prodotti ġodda u innovattivi, u għandu jgħin biex titħeġġeġ l-innovazzjoni fis-settur tal-ikel.

Xinhu l-pass li jmiss?

Wara l-ftehim li sar illum, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw formalment ir-Regolament il-ġdid qabel jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Meta se jibdew japplikaw ir-regoli l-ġodda?

Ir-regoli l-ġodda japplikaw sentejn minn meta jidħol fis-seħħ ir-Regolament il-ġdid (qrib tmiem l-2017).

MEMO/15/5875

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar