Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa – Mistoqsijiet u Tweġibiet

Brussell, I-20ta' lulju 2015

.

1.            X'inhu l-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa? Għaliex neħtiġuh?

Mill-kriżi globali ekonomika u finanzjarja lil hawn, l-UE sofriet minn livelli baxxi ta’ investiment. Hemm bżonn ta’ sforzi kollettivi u kkoordinati sabiex din it-tendenza ta’ majnar tkun invertita u l-Ewropa titpoġġa b’mod sod fit-triq tal-irkupru ekonomiku, li hija fil-quċċata tal-prijoritajiet tal-Kummissjoni Juncker. Meta jitqabblu mal-qofol milħuq fl-2007, l-investimenti fl-UE naqqsu b’madwar 15%. F'terminu qasir ta’ żmien, l-investiment batut inaqqas il-pass tal-irkupru ekonomiku. F'terminu itwal ta’ żmien, in-nuqqas ta’ investiment jolqot fil-laħam il-ħaj it-tkabbir u l-kompetittività. Investiment batut fiż-Żona tal-Ewro għandu impatt konsiderevoli fuq il-kapital azzjonarju, li min-naħa tiegħu jżomm lura l-potenzjal tat-tkabbir, il-produttività, il-livelli ta’ impjiegi u l-ħolqien tal-postijiet tax-xogħol.

Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa għandu tliet għanijiet: li jneħħi l-intoppi għall-investiment billi jiġu ssodati aktar l-għeruq tas-suq uniku, jagħti viżibilità u assistenza teknika lill-proġetti ta’ investiment u jagħmel użu aktar għaqli mir-riżorsi finanzjarji ġodda u eżistenti. Skont stimi tal-Kummissjoni Ewropea, il-Pjan ta’ Investiment għandu l-potenzjal li jżid minn EUR 330 biljun sa EUR 410 biljun mal-PDG tal-UE u li joħloq minn miljun sa 1.3 miljun impjieg ġdid fis-snin li ġejjin. Hemm biżżejjed likwidità fl-UE, iżda l-investituri privati mhumiex jinvestu fuq il-livelli meħtieġa minħabba nuqqas ta’ fiduċja u inċertezza fost fatturi oħrajn, għaldaqstant l-għan tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa huwa li dan jiġi indirizzat. Għal aktar informazzjoni, ara din l-iskeda informattiva.

2.            X'inhu l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (il-FEIS)? Kif jiġi ffinanzjat? Kif se jilħaq il-mira ta’ EUR 315-il biljun?

Il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (il-FEIS) jinsab fil-qalba tal-Pjan ta’ Investiment. L-isfida tal-FEIS hija li jkisser iċ-ċirku vizzjuż ta’ nuqqas ta’ fiduċja u nuqqas ta’ investiment, u li juża l-likwidità li tinsab f’idejn l-istituzzjonijiet finanzjarji, il-korporazzjonijiet u l-individwi fi żmien li fih ir-riżorsi pubbliċi huma limitati.

Il-FEIS qiegħed jitwaqqaf fil-Bank Ewropew tal-Investiment (il-BEI). Se jimmobilizza aktar investimenti fl-ekonomija reali f’oqsma li jinkludu l-infrastruttura, l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni, l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija. Se jiffoka wkoll fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (l-SMEs) u il-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja (kumpaniji b’bejn 250 u 3,000 impjegat). Fil-mira tal-FEIS se jkun hemm proġetti li, fost għanijiet oħrajn, se jippromwovu l-ħolqien tal-postijiet tax-xogħol, il-kompetittività u t-tkabbir fuq terminu twil ta’ żmien.

Sabiex jiġi stabbilit il-FEIS, se tinħoloq garanzija ta’ EUR 16-il biljun. Fond ta’ garanzija ta’ EUR 8 biljun (nofs l-ammont) mill-baġit Ewropew se jservi ta’ forċina għal din il-garanzija tal-UE. Il-BEI se jimpenja ruħu li jalloka EUR 5 biljun, filwaqt li jagħti lill-FEIS kapaċità ta’ assorbiment tar-riskju ta’ EUR 21 biljun. L-esperjenza tal-BEI u tal-Kummissjoni Ewropea tindika li ewro wieħed f’dejn subordinat jixpruna EUR 5 f’investiment totali: Ewro wieħed f’dejn subordinat li miegħu jiżdiedu EUR 4 f’dejn superjuri. Dan ifisser li ewro wieħed f’protezzjoni mill-fond jiġġenera EUR 15-il f’investiment privat fl-ekonomija reali, li kieku ma kienx se jiġi ġġenerat mod ieħor. Dan il-multiplikatur ta’ 1:15 huwa medja prudenti, bbażata fuq esperjenza storika minn programmi tal-UE u tal-BEI. Għal aktar informazzjoni, ara din l-iskeda informattiva.

3.            X'inhuma l-passi li jmiss għall-Pjan ta’ Investiment? Il-FEIS meta se jkun operattiv?

Fit-28 ta’ Mejju 2015, il-leġiżlaturi tal-UE laħqu ftehim politiku dwar Regolament għal Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (il-FEIS). Dan seħħ erba’ xhur u nofs wara li l-Kummissjoni adottat il-proposta leġiżlattiva fit-13 ta’ Jannar. L-Istati Membri approvawha b’unanimità fl-10 ta’ Marzu u fl-20 ta’ April ittieħed vot fil-Parlament Ewropew fil-livell ta’ kumitat. Il-plenarja tal-Parlament Ewropew tat l-approvazzjoni finali tagħha fl-24 ta’ Ġunju, li ppermettiet li l-FEIS jibda jkun operattiv minn kmieni fil-ħarifa skont kif ippjanat.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2014 stiednu lill-BEI biex “jibda l-attivitajiet billi juża l-fondi proprji tiegħu minn Jannar 2015”. Il-BEI diġà ħabbar diversi proġetti li se jkunu prefinanzjati (jew li għalissa jinsabu “maħżuna biex aktar ’il quddiem jiġu ffinanzjati”) fil-kuntest tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, u li fihom huwa s-sieħeb strateġiku tal-Kummissjoni.

Fit-22 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet li testendi l-garanzija tal-UE għall-proġetti prefinanzjati mill-BEI u mill-Fond Ewropew tal-Investiment (il-FEI), u flimkien mal-BEI ħatret il-membri tal-Bord ta’ Tmexxija. Il-membri tal-Kumitat tal-Investiment għandhom jieħdu posthom sa Settembru 2015, b’segwitu għal sejħa miftuħa għal kandidati. F’Settembru wkoll, il-Parlament Ewropew se jkollu seduta ta’ smigħ sabiex japprova lill-kandidati għall-kariga ta’ Direttur Maniġerjali u Viċi Direttur Maniġerjali tal-FEIS. Il-Kummissjoni għandha fi ħsiebha li ċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti (il-EIAH, European Investment Advisory Hub) ikun operattiv fil-ħarifa tal-2015, filwaqt li l-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment (il-PEPI) sa tmiem l-2015.

4.            X'inhu l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment? Min jieħu ħsieb il-ġestjoni tiegħu?

Il-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment (il-PEPI) se jtejjeb l-għarfien tal-investituri dwar proġetti eżistenti u futuri madwar l-Ewropa kollha fi sforz li tiżdied it-trasparenza u li jkun hemm kemm jista’ jkun parteċipazzjoni mill-investituri fil-finanzjament (bla ebda garanzija li dawn il-proġetti se jiġu ffinanzjati minn awtoritajiet pubbliċi).Bis-saħħa tal-portal tal-proġetti, il-promoturi tal-proġetti bbażati fl-UE li jkun qegħdin ifittxu finanzjament estern se jkunu jistgħu jaqsmu l-ideat u l-proġetti ta’ investiment tagħhom ma’ investituri potenzjali. Se jkun ġestit mill-Kummissjoni Ewropea u għandu jibda jopera sa tmiem l-2015.

5.            X’inhu ċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti? X’tip ta’ appoġġ se joffri?

Iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti (il-EIAH) se jipprovdi punt ta’ aċċess uniku għal firxa wiesgħa ta’ servizzi ta’ konsulenza bħala appoġġ għall-identifikazzjoni, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-proġetti, għall-aċċess għal finanzjament, għall-użu ta’ strumenti finanzjarji , u għall-bini ta’ kapaċità. Iċ-Ċentru se jtejjeb il-kapaċità tal-parteċipanti pubbliċi u privati madwar l-Unjoni li jistrutturaw proġetti finanzjarjament fis-sod sabiex jissarrfu fi frott. Iċ-Ċentru għandu jkun operattiv sal-ħarifa tal-2015.

6.            X’inhija l-istruttura ta’ governanza tal-FEIS?

Il-FEIS se jkollu Bord ta’ Tmexxija biex jipprovdi gwida ġenerali ta’ politika, magħmul minn tliet esperti mill-Kummissjoni u wieħed mill-BEI, u Kumitat tal-Investiment biex jieħu deċiżjonijiet individwali ta’ investiment abbażi tal-politika ġenerali dwar jekk għandhiex tintuża l-garanzija tal-UE f’operazzjonijiet tal-BEI skont il-FEIS. Il-Kumitat tal-Investiment se jkun kompost minn tmien membri u se jkun ippresedut mid-Direttur Maniġerjali tal-FEIS. Il-profili għall-membri tal-Kumitat tal-Investiment huma stabbiliti fir-Regolament dwar il-FEIS.

Il-Bord ta’ Tmexxija se jipproponi kandidat għal Direttur Maniġerjali u Viċi Direttur Maniġerjali tal-FEIS. Il-Parlament Ewropew se jagħti l-approvazzjoni tiegħu wara li jagħmel seduta ta’ smigħ. Imbagħad il-President tal-BEI jaħtar formalment id-Direttur Maniġerjali u l-Viċi Direttur Maniġerjali. Il-mandati tagħhom huma stabbiliti għal tliet snin u jistgħu jiġġeddu darba.

7.            B’liema mod l-istruttura ta’ governanza tal-FEIS se tiżgura l-indipendenza mill-kontributuri pubbliċi u privati? X’miżuri ta’ obbligu ta’ rendikont se jkun hemm?           

Il-membri tal-Kumitat tal-Investiment se jkunu esperti indipendenti, b’livell għoli ta’ esperjenza fir-rigward tas-suq. Dan jiżgura li ma jkunx hemm lanqas l-iċken interferenza politika fl-għażla tal-proġetti.

Sabiex ikun żgurat li l-obbligu ta’ rendikont ikun ta’ livell għoli, il-President tal-Bord ta’ Tmexxija u d-Direttur Maniġerjali jirrapportaw dwar il-prestazzjoni tal-FEIS lill-Parlament Ewropew jew lill-Kunsill fuq rikjesta tagħhom, inkluż billi jipparteċipaw f’seduti ta’ smigħ.

Il-President tal-BEI se jkollu wkoll iwieġeb quddiem il-Parlament Ewropew għal kwistjonijiet li jikkonċernaw l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment tal-BEI skont il-FEIS. Jista’ jintalab jipparteċipa f’seduta ta’ smigħ jekk il-Parlament Ewropew ikollu tħassib dwar dawn il-kwistjonijiet.

8.            X’inhu r-rwol tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI fit-teħid tad-deċiżjonijiet?

Bħala kontributur għall-FEIS, il-BEI se jkollu rappreżentanti fil-Bord ta’ Tmexxija. Peress li l-FEIS qiegħed jopera fi ħdan il-BEI, kull proġett appoġġat mill-FEIS ikun jeħtieġ ukoll l-approvazzjoni skont il-proċeduri regolari tal-BEI. Bl-istess mod, il-finanzjament tal-FEIS għall-SMEs u għall-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja permezz tal-Fond Ewropew tal-Investiment se jkun jeħtieġ approvazzjoni skont il-proċeduri regolari tal-BEI.

9.            X’inhu r-rwol tal-Parlament Ewropew u tal-Qorti tal-Awdituri fil-monitoraġġ tal-FEIS?

Ir-Regolament dwar il-FEIS jistabbilixxi regoli estensivi li jiżguraw li l-FEIS iwieġeb quddiem il-Parlament Ewropew. Il-monitoraġġ jissawwar fuq żewġ prinċipji ewlenin:

(a)          Ir-rappurtar: Il-BEI jirrapporta (i) darbtejn fis-sena lill-Kummissjoni u (ii) kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment tal-BEI skont ir-Regolament. Ir-rapport se joħroġ għall-pubbliku. Il-Kummissjoni se tirrapporta wkoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tar-Regolament.

(b)          L-obbligu ta’ rendikont: Il-Parlament Ewropew se jkollu d-dritt li jorganizza f’kull ħin seduti ta’ smigħ mal-President tal-Bord ta’ Tmexxija u d-Direttur Maniġerjali tal-FEIS fuq il-prestazzjoni ta’ dan tal-aħħar. Il-President tal-Bord ta’ Tmexxija u d-Direttur Maniġerjali se jkollhom ukoll obbligu legali li jagħtu risposta mill-aktar fis – bil-fomm jew bil-miktub – għal mistoqsijiet li jsiru mill-Parlament Ewropew. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu wkoll jitolbu rappurtar mill-Kummissjoni. Il-President tal-BEI jista’ jintalab jidher f’seduta ta’ smigħ quddiem il-Parlament Ewropew u jrid jagħti risposta mill-aktar fis – bil-fomm jew bil-miktub – għal mistoqsijiet li jsiru mill-Parlament Ewropew.

Il-Qorti tal-Awdituri se tapplika r-regoli normali tagħha għall-awditjar tal-garanzija tal-UE u l-pagamenti u l-irkupri li jkunu attribwibbli għall-Baġit ġenerali tal-Unjoni. Ir-rwol eżistenti tagħha fir-rigward tal-awditjar tal-attività tal-BEI (speċifikat fi ftehim tripartitiku bejn il-BEI, il-Qorti tal-Awdituri u l-Kummissjoni) jibqa’ kif kien. Kull sena, il-BEI se jipprovdi valutazzjoni tar-riskju lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-FEIS min-naħa tal-BEI u tal-FEI.

10.          Kif jistgħu l-Istati Membri jikkontribwixxu għall-Pjan ta’ Investiment? 

Il-FEIS huwa mibni bl-iktar mod flessibbli biex jippermetti lill-Istati Membri jipparteċipaw. L-Istati Membri, direttament jew permezz tal-Banek Promozzjonali Nazzjonali (il-BPN) tagħhom, jistgħu jikkontribwixxu jew fil-livell
tal-kapaċità ta’ rfigħ tar-riskji (jikkumplimentaw il-kontribuzzjonijiet mill-baġit tal-UE u mill-BEI), permezz ta’ pjattaforma ta’ investiment inkella billi jikkofinanzjaw direttament ċerti proġetti u attivitajiet.

11.          Il-kontribuzzjonijiet nazzjonali għall-Pjan ta’ Investiment se jgħoddu bħala parti mid-defiċit jew dejn tal-pajjiżi, u dawn se jitqiesu fl-applikazzjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir?

Ir-Regolament dwar il-FEIS jinkludi dikjarazzjoni mill-Kummissjoni rigward it-trattament tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. It-trattament ta’ pjattaformi ta’ investiment skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (il-PST) jiddependi l-ewwel nett fuq il-klassifikazzjoni f’termini ta’ statistika ta’ tali pjattaformi mill-EUROSTAT. It-trattament f’termini ta’ statistika, kemm jekk jiddaħħal fil-karta tal-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika kif ukoll jekk jitħalla barra, huwa rregolat mill-istess regoli tal-EUROSTAT bħal dawk li japplikaw għall-BPN innifishom. Għal dan l-għan, il-pjattaformi ta’ investiment b’personalità ġuridika jistgħu jiġu trattati bħala Entitajiet Bi Skop Speċjali (ESS).

F’termini ġenerali, l-ESS jiġu kklassifikati fl-amministrazzjoni pubblika jekk ikunu stabbiliti mill-amministrazzjoni pubblika u jservu entità tal-amministrazzjoni pubblika. Fil-każ ta’ pjattaforma ta’ investiment b'aktar minn azzjonista jew sponsor wieħed, l-status tal-pjattaforma jiddependi fuq l-entità jew l-entitajiet li jikkontrollawha skont ir-regoli tal-kontijiet nazzjonali. F’każ li l-BPN ikunu kklassifikati fl-amministrazzjoni pubblika jew jekk ikun hemm bidla fir-rotta tal-operazzjonijiet tagħhom sabiex jgħaddu mill-amministrazzjoni pubblika, il-kwistjoni prinċipali ssir dik ta’ liema hija l-entità li tistabbilixxi u tikkontrolla l-ESS.

Kontribuzzjonijiet ta’ darba fill mill-Istati Membri – jew mill-Istat inkella mill-Banek Promozzjonali Nazzjonali kklassifikati fis-settur pubbliku ġenerali jew li jaġixxu f’isem l-Istat – lejn pjattaformi ta’ investiment tal-FEIS tematiċi jew ta’ diversi pajjiżi, bħala prinċipju għandhom jikkwalifikaw bħala miżuri ta’ darba biss. Jekk dak ikun il-każ, il-kost ta’ miżura ta’ darba biss bħal din ma jitqisx meta jinħadem id-defiċit strutturali skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Xorta waħda jkun jeħtieġ li jiġu rreġistrati fil-kontijiet pubbliċi.

Id-dikjarazzjoni ma tipprovdi l-ebda modifika tar-regoli. Sempliċiment tfakkar l-applikazzjoni tar-regoli eżistenti. Naturalment, dan jibqa’ eżerċizzju ta’ valutazzjoni skont il-każ mill-Kummissjoni.

12.          Jekk Stat Membru jikkontribwixxi għall-Pjan ta’ Investiment, dawk il-flus iservu biss għal proġetti fil-pajjiż proprju?

Le, il-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri mhux neċessarjament iridu jibqgħu fil-pajjiż proprju. Pereżempju, xi Banek Promozzjonali Nazzjonali jistgħu jiffinanzjaw investimenti fi Stati Membri oħrajn. Jistgħu wkoll jistabbilixxu pjattaformi ta’ investiment konġunt ma’ pajjiżi ġirien, u jistgħu jinvestu fi proġetti transfruntiera.

13.          Kif jistgħu l-Banek Promozzjonali Nazzjonali jkunu ta’ kontribut (flus / persunal)?

Fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji, il-Banek Promozzjonali Nazzjonali (il-BPN) huma mistiedna jikkontribwixxu fil-livell tal-Fond, fi pjattaforma ta’ investiment konġunt jew fil-livell tal-proġett. Dwar il-kooperazzjoni mal-persunal tal-BPN, diġà teżisti koordinazzjoni mill-qrib kif ukoll qsim tal-għarfien espert fost il-BEI u l-Banek Promozzjonali Nazzjonali. Dan se jiġi mħeġġeġ aktar minħabba li l-BPN jistgħu jikkontribwixxu għall-għanijiet u l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Investiment permezz ta’ għarfien espert prattiku li jiswa mitqlu deheb.

14.          X’inhuma l-pjattaformi ta’ investiment? Kif jaħdmu?

Fl-ambitu tal-investiment, l-iskala hija importanti, u b’hekk jagħmel sens li l-promoturi tal-proġetti pubbliċi jew privati joħolqu pjattaformi ta’ investiment tematiċi (li huma simili għal Veikoli bi Skop Speċjali) sabiex il-proġetti jkunu jistgħu jinġabru taħt kappa waħda, pereżempju f’oqsma bħall-effiċjenza fl-enerġija jew il-broadband. Dan ikun jippermetti lill-FEIS u lill-partijiet oħrajn li jiffinanzjaw il-proġetti b’mod konġunt. Teknikament, ikun aktar faċli u effiċjenti li l-FEIS jinvesti f’veikolu apposta bi skala kbira fuq livell nazzjonali jew multinazzjonali minflok jikkonkludi ftehimiet fuq skala iżgħar ma’ investituri individwali.

Il-pjattaformi ta’ investiment jistgħu jkunu wkoll ġeografiċi: inklużi l-pjattaformi reġjonali, nazzjonali jew transfruntiera. Ċerti proġetti, pereżempju fil-qasam tal-interkonnetturi tal-enerġija, għandhom imnejn ikunu jirrikjedu l-kollaborazzjoni u l-kofinanzjament ta’ bosta reġjuni jew pajjiżi. Ir-regoli għall-organizzazzjoni ta’ dawn il-pjattaformi mhumiex imnaqqxa fil-blat.

15.          Jistgħu l-pajjiżi mhux tal-UE jipparteċipaw fil-Pjan ta’ Investiment? Kif jistgħu jikkontribwixxu?

Sabiex l-impatt tal-FEIS ikun qawwi kemm jista’ jkun, huwa importanti li jkun miftuħ għall-kontribuzzjonijiet minn partijiet terzi, inklużi entitajiet mhux fl-UE. Il-pajjiżi mhux tal-UE jistgħu jinvestu b’mod konġunt fil-proġetti tal-FEIS, kemm direttament kif ukoll permezz tal-pjattaformi ta’ investiment konġunt. Bi qbil tal-Bord ta’ Tmexxija, il-pajjiżi mhux tal-UE jistgħu wkoll jikkontribwixxu billi jipprovdu likwidità lill-FEIS, iżda dan ma jagħtihomx id-dritt li jipparteċipaw fit-teħid ta’ deċiżjonijiet jew ta’ vot mill-Bord ta’ Tmexxija.

Il-finanzjament mill-FEIS jista’ jmur għand pajjiżi mhux tal-UE, iżda bħala parti biss minn proġetti transfruntiera li jinvolvi pajjiżi tal-UE. Dawn ikunu pajjiżi li jaqgħu fl-ambitu tal-Politika Ewropea tal-Viċinat inkluża s-Sħubija Strateġika, il-Politika tat-Tkabbir, u ż-Żona Ekonomika Ewropea jew l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, jew għand Pajjiż jew Territorju extra-Ewropew.

16.          X’tip ta’ proġetti se jiġu appoġġati mill-FEIS?    

Il-kuntatti mas-settur privat urew li l-investituri jagħmlu enfasi partikolari fuq il-kwalità soda u l-għażla indipendenti ta’ proġetti li jistgħu jiġu appoġġati permezz tal-Pjan ta’ Investiment. Il-proġetti għandhom ikunu (1) ekonomikament vijabbli bl-appoġġ tal-inizjattiva, (2) żviluppati biżżejjed biex jiġu evalwati fuq bażi globali jew lokali, (3) ta’ valur miżjud Ewropew u konsistenti mal-prijoritajiet ta’ politika tal-UE. (4) Fl-aħħar nett, iridu jimmassimizzaw, fejn ikun possibbli, il-finanzjament tas-settur privat. Ma hemmx għalfejn li l-proġetti jkunu transfruntiera.

L-użu tal-garanzija se jippermetti lill-BEI li jagħmel pass akbar mis-soltu u jagħmel investimenti aktar riskjużi. B’hekk, il-BEI jkun jista’ jinvesti fi proġetti riskjużi id f’id mas-settur privat, mingħajr ma jpoġġi f’riskju l-klassifikazzjoni ta’ AAA tiegħu.

17.          Liema kriterji se jintużaw biex jintgħażlu l-proġetti? Liema proġetti se jiġu ffinanzjati? Min se jkun responsabbli għad-deċiżjoni dwar jekk il-proġetti jissodisfawx il-kriterji?

Il-proġetti mhumiex se jintgħażlu għal raġunijiet politiċi. Hemm kriterji ta' eliġibbiltà stretti u l-ebda kwoti skont il-pajjiż jew is-settur. Dan huwa kruċjali sabiex l-investituri privati jkunu attirati biex jipparteċipaw fil-FEIS. Kull sensazzjoni ta’ interferenza pubblika tkun ta’ tnaffir għall-parteċipanti privati. Il-Kumitat tal-Investiment, magħmul minn esperti indipendenti (deskritti aktar ’il fuq), se jiddeċiedi dwar jekk il-proġetti speċifiċi jistgħux jiġu appoġġati mill-garanzija tal-UE abbażi ta’ linji gwida għall-investiment u tabella ta’ valutazzjoni ta’ indikaturi.

Il-proġetti se jiġu magħżula abbażi tal-“addizzjonalità” (jiġifieri li ma jistgħux jitwettqu għajr bis-saħħa tal-appoġġ tal-garanzija tal-UE), tal-vijabilità ekonomika, tal-affidabilità u tal-kredibilità tagħhom kif ukoll tal-kontribut tagħhom għal oqsma ewlenin li jżidu t-tkabbir, f’konformità mal-politiki tal-UE. Dawn jinkludu l-edukazzjoni u l-għarfien, l-innovazzjoni u l-ekonomija diġitali; l-unjoni tal-enerġija; l-infrastruttura tat-trasport; l-infrastruttura soċjali; u r-riżorsi naturali u l-ambjent. Iridu wkoll, fejn ikun possibbli, jimmobilizzaw il-finanzjament tas-settur privat.

18.          Min jista' japplika għall-finanzjament tal-FEIS u kif? Hemm livell minimu?

Dawn li ġejjin jistgħu japplikaw għall-finanzjament tal-FEIS: entitajiet ta' kull daqs, inklużi l-utilitajiet, veikoli bi skop speċjali jew kumpaniji ta' proġetti; intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (sa 250 impjegat) u kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja (li jħaddmu sa 3,000 impjegat); entitajiet tas-settur pubbliku (ħlief l-Istati Membri stess); Il-Banek Promozzjonali Nazzjonali jew banek oħrajn li jipprovdu self intermedjat; fondi jew kull għamla oħra ta' veikolu ta' investiment kollettiv, pjattaformi ta' investiment individwali.

Ġeneralment hemm żewġ modi biex issir applikazzjoni għall-finanzjament tal-FEIS. L-ewwel, kull promotur ta' proġett jista' jikkuntattja lill-BEI direttament u f'kull ħin bil-proposta tiegħu, wara l-applikazzjoni normali fuq is-sit web tal-BEI għat-tieqa ta' investiment strateġiku. Il-gvernijiet tal-Istati Membri ma jikkontrollawx id-dħul f'dan il-proċess. Proġetti jistgħu jiġu ppreżentati f'kull ħin, dan huwa proċess dinamiku. Meta l-BEI jirċievi proposta ta' proġett, dan janalizza l-proposta u jiddeċiedi jekk hijiex adattata għal finanzjament mill-BEI jew mill-FEIS (bis-sostenn tal-garanzija tal-UE). It-tieni, SMEs interessati fi tranżazzjonijiet tal-FEIS iffinanzjati permezz tal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) — it-tieqa tal-SMEs u Kumpaniji b'Kapitalizzazzjoni Medja— jistgħu jirreferu għal informazzjoni dwar intermedjarji finanzjarji tal-FEI fil-sit web tal-FEI.

19.          Il-FEIS kif se jintervjeni b'mod konkret dwar proġetti ta' investiment fuq terminu twil ta' żmien, l-aktar fuq proġetti li jirrikjedu sehem kbir ta' investimenti pubbliċi (50% jew aktar)?        

Dan huwa spiss il-każ fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija, l-infrastruttura u l-aġenda diġitali (pereżempju l-broadband f'żoni remoti) sabiex proġetti jkunu vijabbli. Il-FEIS - bħala regola - jipprovdi s-segment aktar riskjuż tal-investiment biex jimmassimizza l-kontribuzzjoni minn sorsi privati ta' finanzjament billi jnaqqas ir-riskju ("protezzjoni mill-ewwel telf"). L-Istati Membri u l-Banek Promozzjonali Nazzjonali jistgħu jipprovdu kofinanzjament fil-livell ta' proġetti differenti. B'dan il-mod jistgħu jiżguraw livell ogħla ta' finanzjament pubbliku fi proġett partikolari. Skont is-settur u ż-żona, xi proġetti jiġġeneraw redditi ogħla minn oħrajn. Din mhijiex problematika, minħabba li l-FEIS se jkollu portafoll vast ta' proġetti differenti fl-oqsma differenti, li jvarjaw mit-trasport sal-edukazzjoni, l-enerġija u l-innovazzjoni.

Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jużaw Fondi Strutturali biex jiffinanzjaw proġetti li jeħtieġu livell għoli ta' parteċipazzjoni pubblika u fejn jista' jkun aktar diffiċli biex jattiraw investituri privati, minħabba l-livelli ta' redditu aktar limitati.

20.          Il-FEIS kif se jgħin lill-SMEs?

Il-FEIS se jipprovdi finanzjament (bl-użu ta' strumenti bħall-ekwità, il-kważi ekwità u oħrajn) għal proġetti li huma meqjusa ta' riskju għoli, li spiss huma neqsin fl-ambjent ekonomiku attwali. Dan jista' jkun ta' benefiċċju għal kumpaniji żgħar innovattivi li jkunu għadhom jibdew, li l-investituri għandhom it-tendenza li jaraw bħala li jippreżentaw riskju ogħla minn kumpaniji aktar stabbiliti jew akbar. Kwart tal-investiment totali katalizzat mill-FEIS, jew EUR 75 biljun fuq tliet snin, se jmorru għall-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja permezz tal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), li jifforma parti mill-grupp tal-BEI. L-SMEs normalment jirċievu finanzjament permezz ta' fondi apposta bħal veikoli bi skop speċjali (special purpose vehicles, SPVs), jew intermedjarji bħal banek.

Il-FEI diġà beda jikkofinanzja l-SMEs: f'Mejju 2015 iffirma ftehim inizjali ma' bank Franċiż biex jipprovdi aktar self lil kumpaniji innovattivi; segwit minn ftehimiet simili ma' banek f'pajjiżi oħra.

It-Tieqa tal-SMEs tal-FEIS se tappoġġa l-finanzjament eżistenti mill-programm Kompetittività tal-Intrapriżi u l-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju ("COSME") u ssaħħaħ l-implimentazzjoni tal-Faċilità ta' Garanzija ta' Self (Loan Guarantee Facility, LGF) tal-COSME, li kellhom domanda qawwija mis-suq iżda għandhom riżorsi baġitarji limitati. Bis-saħħa ta' garanzija pprovduta permezz tal-FEIS, il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) se jkun jista' jressaq 'il quddiem fiż-żmien l-iffirmar ta' tranżazzjonijiet ma' intermedjarji finanzjarji meta mqabbel ma' dak li kien ikun possibbli bil-baġit tal-COSME biss. Dan se joħloq diversi impatti pożittivi, li jwasslu għal aktar investimenti u tkabbir u għal irkupru ekonomiku aktar mgħaġġel.

21.          X'inhi d-differenza bejn il-proġetti attwali ffinanzjati mill-BEI u l-proġetti ffinanzjati mill-FEIS? X'inhi l-hekk imsejħa "addizzjonalità"?

"Addizzjonalità" tfisser li proġett ma jistax jitwettaq mingħajr l-appoġġ ta' garanzija tal-UE u li forom oħra ta' finanzjament ma kinux disponibbli għall-proġett minħabba l-profil tar-riskju tiegħu.

L-attivitajiet tal-FEIS huma żieda fuq l-attivitajiet tradizzjonali tal-BEI għaliex ġeneralment jindirizzaw profil ta' riskju differenti. Il-FEIS pereżempju se jkollu x'jaqsam ma' setturi tat-teknoloġija ġdida avvanzata u tal-innovazzjoni, kif ukoll se jiffinanzja proġetti meqjusa bħala aktar riskjużi minħabba r-riskju tal-pajjiż tagħhom u minħabba l-averżjoni għar-riskju mis-settur privat.

Il-FEI se jkompli jiffinanzja l-SMEs u l-kumpaniji ta' daqs medju kif dejjem għamel, iżda l-FEIS se jippermetti li dan iseħħ fuq skala akbar, lil kumpaniji bi profili ta' riskju ogħla jew aktar innovattivi, u aktar kmieni milli previst mill-FEI.

22.          B'liema mod il-Kummissjoni se tiżgura li Fond li jiddependi l-aktar fuq il-parteċipazzjoni privata jinvesti fi proġetti li għandhom l-għan li jippromwovu tkabbir sostenibbli u ekoloġiku?

Il-Fond se jiddeċiedi f'liema proġetti għandu jinvesti skont il-linji gwida għall-investiment. Il-Kumitat tal-Investiment se jiddeċiedi dwar proġetti individwali, abbażi tal-merti tagħhom. Il-kriterji tal-vijabbiltà jistgħu jvarjaw skont in-natura tas-settur: l-enerġija rinnovabbli hija differenti b'mod ċar mit-trasport, li huwa differenti mill-edukazzjoni. Il-promozzjoni ta' tkabbir ekonomiku sostenibbli u ekoloġiku, u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, inkluż f'termini ta' kompetittività, huma elementi li jistgħu jiġu kkunsidrati f'dan il-kuntest, b'mod partikolari permezz ta' tabella ta' valutazzjoni użata għall-valutazzjoni ta' proġetti.

23.          B'liema mod il-Kummissjoni se tiżgura li l-FEIS jindirizza l-iżbilanċi makroekonomiċi fost l-Istati Membri tal-UE u, b'mod partikolari, li l-aktar ekonomiji vulnerabbli jibbenefikaw minn dawn l-investimenti?

Ekonomiji vulnerabbli ġeneralment jippreżentaw livell ogħla ta' riskju għall-investituri. Billi jippermetti lill-BEI biex jieħu iktar riskji, il-FEIS se jiffaċilita wkoll l-investiment fir-reġjuni l-aktar affettwati mill-kriżi.

L-Istati Membri huma mħeġġa jkomplu jużaw il-Fondi Strutturali għal proġetti reġjonali u lokali li jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali u ekonomika. Il-FEIS mhux se jkollu fondi allokati għal setturi jew reġjuni partikolari. Madankollu, kif imsemmi, il-kriterji ta' vijabilità se jvarjaw skont is-settur u r-redditu tas-soċjetà li se jitqiesu f'dan il-kuntest. F'kull każ, il-FEIS se jiffinanzja proġetti madwar l-UE u se jżid b'mod qawwi l-għajnuna teknika biex jiżgura li l-pajjiżi kollha jkunu jistgħu jippreżentaw proġetti mfassla tajjeb, vijabbli u investibbli.

24.          Il-proġetti tal-FEIS se jkunu applikabbli għalihom ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat? 

Il-finanzjament tal-FEIS ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tat-Trattati tal-UE, u l-finanzjament tal-FEIS mhux se jkollu għalfejn jiġi approvat mill-Kummissjoni Ewropea skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. L-operazzjonijiet tal-FEIS se jindirizzaw nuqqasijiet tas-suq jew sitwazzjonijiet subottimali ta' investiment li ma kinux jistgħu jitwettqu, jew mhux sal-istess livell, u proġetti appoġġati mill-FEIS tipikament ikollhom profil ta' riskju ogħla minn proġetti appoġġati mill-operazzjonijiet normali tal-BEI.

Proġetti appoġġati mill-FEIS jistgħu madankollu jibbenefikaw ukoll minn appoġġ finanzjarju (kofinanzjament) mill-Istati Membri tal-UE. Sakemm ma jingħatax fuq termini tas-suq, kofinanzjament ta' dan it-tip huwa għajnuna mill-Istat li trid tiġi approvata mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni f'dawn l-aħħar sentejn fundamentalment immodernizzat ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat tagħha. Hija aġġornat il-korp ta' regoli li japplikaw għal setturi ekonomiċi ewlenin bħalma huma l-broadband, l-avjazzjoni u l-enerġija biex tiżgura li l-flus tal-kontribwenti jintefqu tajjeb fuq miżuri ta' għajnuna intelliġenti, li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u ma jagħmlux ħsara għall-kompetizzjoni ġusta. Il-Kummissjoni se tivvaluta proġetti tal-FEIS b'kofinanzjament mill-Istati Membri abbażi tal-qafas modernizzat tagħha tal-għajnuna mill-Istat.

Biex tappoġġa l-FEIS, il-Kummissjoni se tivvaluta l-kofinanzjament tal-Istati Membri bħala kwistjoni ta' prijorità, u tagħtih trattament mgħaġġel. Il-Kummissjoni timmira li tlesti l-valutazzjoni tagħha fi żmien sitt ġimgħat minn meta tirċievi l-informazzjoni meħtieġa mill-Istat Membru. Sabiex tappoġġa l-proċess rapidu, il-Kummissjoni se twaqqaf task force interna, tistabbilixxi grupp ta' ħidma ddedikat għall-Istati Membri biex jiskambjaw l-aħjar prattiki, u toffri pariri lill-Istati Membri dwar kif ifasslu proġetti konformi mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat tal-UE.

Il-proċess rapidu jissodisfa l-ħtieġa eċċezzjonali biex tingħalaq din il-lakuna fl-investiment fl-UE u n-nuqqas ta' finanzjament tar-riskju għal proġetti ekonomikament vijabbli, li l-FEIS qed jipprova jindirizza bl-immobilizzar ta' investiment privat, u l-forma speċifika ta' finanzjament li se jipprovdu.

Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-UE jimxu id f'id mal-objettiv tal-Pjan ta' Investiment li jindirizza l-fallimenti tas-suq u jimmobilizza l-investiment privat. Huma jiżguraw li l-proġetti tal-investiment jindirizzaw ħtiġijiet reali, iżommu l-ispejjeż taħt kontroll u jiggarantixxu li l-flus pubbliċi jkunu ġenwinament meħtieġa biex jitnedew il-proġetti.

25.          Minn fejn ġej il-fond ta' garanzija ta' EUR 8 biljun? Min jiffinanzjah?

Mis-EUR 16-il biljun li l-UE toffri bħala garanzija, fond ta' garanzija tal-UE ta' EUR 8 biljun (50% tal-valur totali) se jiġi stabbilit biex itaffi kull impatt possibbli fuq il-baġit tal-UE minn sejħiet potenzjali għall-garanzija tal-UE. L-ikkalibrar tiegħu ġie magħżul biex l-UE tkun tista' tilqa' għal kull riskju potenzjali b'marġini ta' sigurtà adegwat. Il-Fond ta' Garanzija ta' EUR 8 biljun huwa stabbilit biss biex jiffaċilita l-ħlas ta' sejħiet potenzjali għall-garanzija, billi jevita li wieħed ikollu jwettaq tnaqqis fl-infiq jew riprogrammar f'daqqa. B'hekk, dan jagħti trasparenza u prevedibilità lill-qafas baġitarju iżda mhuwiex minnu nnifsu meħtieġ biex taħdem il-garanzija.

Biex jiġi stabbilit il-fond ta' garanzija tal-UE, total ta' EUR 8 biljun se jiġu riallokati mill-baġit tal-UE. Minn dan l-ammont, EUR 5 biljun se jiġu riallokati minn programmi ta' finanzjament eżistenti tal-UE (EUR 2.2 biljun minn Orizzont 2020 u EUR 2.8 biljun mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa) u EUR 3 biljun se jiġu mill-marġini tal-baġit tal-UE.

26.          Għaliex il-Kummissjoni qed tnaqqas il-baġits tal-programmi Orizzont 2020 u CEF? Il-Kummissjoni ma temminx li r-riċerka hija prijorità?

L-investiment fir-riċerka huwa - u se jibqa' - prijorità għall-UE u l-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa se jkun strumentali fl-appoġġ għal proġetti relatati mar-riċerka madwar l-Ewropa. Bil-Pjan ta' Investiment, l-ammont globali tal-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni mmobilizzat mill-baġit tal-UE fis-snin li ġejjin se jkun ogħla milli bl-Orizzont 2020 biss.

L-għan tal-Kummissjoni huwa li tiżgura li l-innovazzjonijiet Ewropej ikunu jistgħu jiddaħħlu fis-suq minn kumpaniji ġodda ta' suċċess bl-użu tal-istrumenti finanzjarji xierqa. Il-FEIS se jiffinanzja proġetti aktar riskjużi — u għaldaqstant aktar innovattivi — li normalment huma l-ewwel pass lejn il-ħolqien ta' negozji ġodda u akbar immexxija mir-riċerka.

Ir-riallokazzjoni ta' EUR 2.2 biljun minn Orizzont 2020 tirrappreżenta biss 2.9% tal-pakkett finanzjarju tal-Orizzont 2020 għall-2014-2020. Wara din ir-riallokazzjoni, il-pakkett finanzjarju tal-Orizzont 2020 jibqa' 39% ogħla fi prezzijiet attwali minn dak tas-Seba' Programm Qafas 2007-2013 (26% fi prezzijiet kostanti). F'Orizzont 2020, il-linji tal-baġit tal-UE tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka, l-azzjonijiet Marie Curie, u "It-Tixrid tal-Eċċellenza u t-Twessigħ tal-Parteċipazzjoni" mhumiex se jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-FEIS.

27.          Għaliex il-flus qegħdin jittieħdu mill-innovazzjoni iżda mhux minn politiki oħrajn bħall-agrikoltura?

Fl-2013, wara negozjati diffiċli, l-UE adottat qafas finanzjarju pluriennali ta' EUR 1 triljun (QFP) għall-2014-2020. Il-QFP huwa maqsum f'intestaturi (pereżempju l-kompetittività, il-koeżjoni, l-agrikoltura, l-azzjoni esterna). Trasferiment ta' fondi bejn l-intestaturi jeħtieġ bidla fil-QFP li tista' tkun deċiża biss b'unanimità fost l-Istati Membri. Bidla bħal din tkun teħtieġ negozjati kumplessi u li jieħdu ħafna ħin, li r-riżultat tagħhom ikun inċert.

Barra minn hekk, billi l-investiment fi proġetti u kumpaniji aktar riskjużi hu wieħed mill-prijoritajiet tal-FEIS, il-fondi riallokati xorta se jappoġġaw l-innovazzjoni iżda permezz ta' strumenti differenti.

28.          Dawn it-EUR 8 biljun kif se jiġu allokati tul iż-żmien?

L-ewwel kontribuzzjonijiet għall-FEIS se jsiru fl-2015 u l-2016. Imbagħad, il-bqija tal-allokazzjonijiet baġitarji se jinfirxu fis-snin li ġejjin. Pereżempju, l-abbozz ta' baġit 2016 jipprevedi pagamenti ta' EUR 500 miljun u impenji ta' EUR 2 biljun għall-FEIS, li minnhom EUR 707 miljun minn Orizzont 2020 u EUR 620 miljun mis-CEF u EUR 703 miljun mill-marġini. L-ammonti ġew finalizzati fl-ittra emendatorja speċjali, imħejjija sabiex iġġib l-abbozz tal-baġit 2016 konformi mal-ftehim milħuq fit-28 ta' Mejju 2015.

29.     Huwa meħtieġ li temenda l-baġit sabiex tkun tista' tuża l-marġini għall-2015?

Il-baġit għall-2015 diġà ġie emendat biex jiġu allokati l-fondi inizjali meħtieġa għall-FEIS permezz tal-Abbozz ta' Baġit Emendatorju 1 (ABE 1).

30.          Billi jipprovdi garanzija tal-ewwel telf, il-FEIS ma jistax jitgħabba b'xi proġetti li jagħmlu telf qawwi għal għexieren ta' snin? Il-FEIS se jippermetti l-finanzjament ta' proġetti li jkunu riskjużi żżejjed għall-BEI?

Il-BEI huwa bank pubbliku li l-attivitajiet tiegħu mhumiex orjentati biex jagħmel profitt. Il-karatteristiċi ta' x'jista' jagħmel huma limitati mill-fatt li huwa bank li jrid iħallas lura l-fondi li juża biex jislef il-flus u jamministra r-riskju tal-portafoll tiegħu. Minkejja dan, il-FEIS se jkollu r-rwol li jassorbi xi riskji biex jippermetti lill-bank isellef għal proġetti addizzjonali bi profili ogħla ta' riskju.

L-intenzjoni hija li l-FEIS ma jispiċċax ikun l-uniku sors ta' finanzjament. L-għan huwa li l-FEIS jipproteġi investituri oħra kontra l-ewwel telf, billi jagħmel l-investimenti aktar attraenti għal dawn l-investituri. Il-proġetti jintgħażlu biss jekk — bl-involviment tal-FEIS — jista' jinkiseb effett multiplikatur xieraq f'termini ta' attrazzjoni ta' investituri privati u jekk il-proġetti jkunu vijabbli. Ovvjament, xi proġetti se jiġġeneraw redditu ogħla minn oħrajn.

L-estensjoni tal-garanzija għal proġetti se tiġi approvata minn bord indipendenti ta' esperti — il-Kumitat tal-Investiment — abbażi tal-kwalità tagħhom. Jista' jkun hemm telf f'ċerti proġetti, iżda l-prestazzjoni globali tal-Fond tipprovdi redditi fit-tul għall-investituri pubbliċi u privati u b'hekk, tipprovdi redditu pożittiv fuq flus il-kontribwenti.

31.          Għaliex is-self, l-ekwità u l-garanziji għandhom effett ta' lieva akbar mill-għotjiet?

L-effett ta' lieva addizzjonali huwa ġġenerat mis-self tal-BEI kontra l-flus, aktar milli minn flus li jmorru direttament għand ir-riċevitur aħħari. Il-EUR 21 biljun mill-FEIS jippermettu lill-BEI biex jissellef madwar tliet darbiet aktar, u mbagħad jinvesti fir-riċevitur finali / jiffinanzjah, aktar milli jagħti l-EUR 21 biljun direttament bħala għotjiet.

32.          Hemm ftit wisq kapital, ftit wisq flus, inġinerija finanzjarja biss.

Dan huwa użu għaqli tal-flus pubbliċi li jgħin biex flus privati jiġu diretti lejn l-investimenti. Biex jiġi stabbilit il-FEIS, se tinħoloq garanzija ta' EUR 16-il biljun bħala parti mill-baġit tal-UE. Dawn il-flus se jipprovdu lill-BEI b'kapaċità tal-ġarr ta' riskju. Il-Garanzija, flimkien mar-riżorsi tal-BEI ta' EUR 5 biljun, se tassorbi r-riskju ogħla f'investimenti strateġiċi u b'dan il-mod timmobilizza riżorsi privati li bħalissa mhumiex qed jiġu investiti fl-ekonomija reali. Il-Fond għalhekk se jibda b'riżorsi sinifikanti f'idejh u se jkun kapaċi jespandi l-attivitajiet tiegħu matul iż-żmien. Il-Kummissjoni u l-BEI identifikaw proporzjon ta' ingranaġġ ta' 1:15 bħala tajjeb u fattibbli. Il-BEI għandu esperjenza wiesgħa f'dan il-qasam.

Aktar minn hekk, u minbarra t-EUR 315-il biljun mobilizzati mill-FEIS, il-Fondi Strutturali u tal-Investiment Ewropej jeħtieġ li jintużaw b'mod aktar effiċjenti li jimmultiplika l-effett tal-Fond. U fl-aħħar nett, l-Istati Membri u l-investituri privati jistgħu jipparteċipaw fil-livell tal-pjattaforma jew tal-proġett.

33.          Il-flus se jmorru għal proġetti relattivament sikuri li xorta waħda kienu jiġu ffinanzjati. Dan il-Pjan ta' Investiment mhuwiex qed jokkupa post l-investituri privati?             

Il-FEIS jimmira għal-proġetti b'riskju ogħla minn dawk li s-settur privat kien jiffinanzja waħdu mingħajr il-garanzija tal-UE. Huwa jikkontribwixxi għall-finanzjament ta' proġetti li ma jistgħux jiġu ffinanzjati biss mis-settur pubbliku jew privat. Mhuwiex l-għan tal-FEIS li jiffinanzja proġetti li jistgħu jiksbu aċċess għal finanzi fis-settur privat, fil-livell nazzjonali jew skemi oħra tal-UE. Il-FEIS se jiffinanzja biss medja ta' 20% tal-investiment totali, u jħalli 80% għal sorsi oħra ta' finanzjament.

34.          L-effett multiplikatur ta' 1:15 huwa meqjus mill-Kummissjoni bħala "medja prudenti, ibbażata fuq esperjenza storika minn programmi tal-UE u tal-BEI". X'inhi l-esperjenza konkreta li qed tirreferi għaliha?

Kif qalu rappreżentanti tal-BEI f'diversi okkażjonijiet, l-effett multiplikatur huwa meqjus bħala "konservattiv", abbażi tal-esperjenza tal-BEI. Id-dipartiment tar-riskju tal-BEI għandu rekord twil ta' riżultati ta' attivitajiet ta' self f'setturi differenti. Pereżempju: iż-żieda fil-kapital tal-BEI mill-2012-13 qed tiġġenera effett multiplikatur ta' 1:18. Min-naħa tal-Kummissjoni, l-esperjenza mill-programm CIP-SMEG (finanzjament tal-SME) tissuġġerixxi effett multiplikatur ta' mill-inqas 1:30.

35.          X'inhi d-dejta konkreta disponibbli? Din l-esperjenza storika hija rilevanti għas-sitwazzjoni attwali b'baġits nazzjonali magħfusin?

L-effett multiplikatur huwa medja stmata u ma hemm ebda rabta diretta mas-sitwazzjonijiet tal-baġit nazzjonali. Element importanti tal-fattur multiplikatur huwa l-attrazzjoni ta' investituri privati. B'kuntrast ma' xi snin ilu, illum hemm livell għoli ta' likwidità fl-Ewropa, li jfisser li l-investituri privati għandhom likwidità disponibbli li jistgħu jimmobilizzaw għal investimenti.

36.          X'tip ta' veikoli finanzjarji se jużaw l-attivitajiet tal-FEIS biex jattiraw investituri privati/pubbliċi fil-finanzjament ta' proġett?       

Il-FEIS se jaħdem ma' firxa wiesgħa ta' strumenti finanzjarji u se jkun flessibbli f'termini ta' liema strument juża, skont il-proġett inkwistjoni, biex jiżgura l-aktar soluzzjonijiet effiċjenti ta' finanzjament. Il-FEIS jista' pereżempju juża strumenti tad-dejn, garanziji, ekwità, strumenti ta' kważi ekwità, strumenti tat-tisħiħ tal-kreditu jew kapital ta' riskju. Huwa se jkun kapaċi jiffinanzja proġetti direttament jew jipparteċipa f'fondi li jiffinanzjaw proġetti varji.

37.          Għal kemm żmien se jkun operattiv il-FEIS? X'inhu t-tul tal-ħajja tal-Fond?

Il-FEIS għandu perjodu inizjali ta' investiment ta' erba' snin. Wara tliet snin se jkun soġġett għal evalwazzjoni indipendenti. Il-Kummissjoni se tippubblika rapport li jivvaluta l-impatt tagħha mal-UE kollha dwar l-investiment, il-ħolqien tal-impjiegi u l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja. Fuq il-bażi ta' dan ir-rapport, il-Kummissjoni se tipproponi li l-koleġiżlaturi jistabbilixxu perjodu ta' investiment ġdid b'finanzjament xieraq jekk:

  • ir-rapport jikkonkludi li l-FEIS qed jilħaq l-objettivi tiegħu u jkun ġustifikat li tinżamm skema li tappoġġa l-investiment; jew
  • ir-rapport jikkonkludi li l-FEIS mhuwiex qed jilħaq l-objettivi tiegħu, iżda li jkun ġustifikat li tinżamm skema li tappoġġa l-investiment. F'dan il-każ, il-Kummissjoni tadotta proposta li temenda l-FEIS sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati.

38.          Ħafna orizzonti ta' investiment huma itwal mill-ħajja tal-FEIS. Dan kif se jiġi mmaniġġat?

Il-proġetti implimentati b'appoġġ mill-FEIS huma proġetti tal-BEI u l-FEI u se jiġu mmonitorjati minnhom irrispettivament mit-tul tal-perjodu ta' investiment.

39.          Jistgħu d-dejn u l-istrumenti ta' finanzjament tar-riskju fil-FEIS jiġu kkombinati ma' fondi strutturali?

Il-fondi strutturali jistgħu jintużaw mill-Istati Membri biex jinvestu flimkien mal-FEIS fi proġetti eliġibbli. L-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali huma wkoll mistiedna jużaw il-fondi tal-UE disponibbli għalihom b'mod kemm jista' jkun effettiv b'appoġġ għall-investiment, billi jiffukaw fuq oqsma ewlenin u jimmassimizzaw l-effett multiplikatur ta' kull euro investit. Dan jimplika użu akbar ta' strumenti finanzjarji fil-forma ta' self, ekwità u garanziji, minflok għotjiet tradizzjonali.

Fil-kuntest tal-Pjan ta' Investiment, l-ambizzjoni hija li mill-inqas jirdoppja l-użu ta' strumenti finanzjarji innovattivi fil-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej mill-2014 sal-2020. Aktar użu ta' strumenti finanzjarji innovattivi, minflok għotjiet, għandu joħloq impatt addizzjonali għal kull euro mobilizzat.

Bl-irduppjar tal-ammont ta' strumenti innovattivi u bl-użu tal-effett multiplikatur, jistgħu jiġu mmobilizzati mill-inqas EUR 20 biljun f'termini ta' investimenti addizzjonali fl-ekonomija reali permezz tal-fondi strutturali bejn l-2015 u l-2017.

L-Istati Membri huma mistiedna biex jużaw il-fondi tal-UE li għadhom disponibbli fil-perjodu ta' programmar 2007-2013 bl-aħjar mod u jiżguraw li dawn jintużaw kollha b'appoġġ ta' dan il-Pjan ta' Investiment.

40.          Ma hemmx duplikazzjoni bejn il-FEIS u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (il-FSIE)? 

Le. Ir-regolament tal-FEIS jimmira lejn komplimentarjetà sħiħa bejn l-opportunitajiet ta' finanzjament ta' riskju tal-FEIS u dawk tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej.

Dawn iż-żewġ sorsi għandhom skopijiet differenti u huma implimentati permezz ta' strumenti finanzjarji differenti. Filwaqt li l-FEIS jiffoka fuq li jattira investituri privati fi proġetti ekonomikament vijabbli, il-biċċa l-kbira tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (il-FSIE) jikkonsistu f'għotjiet.

Il-Kummissjoni qed taħdem fuq gwida konkreta għall-awtoritajiet ta' ġestjoni dwar kif l-aħjar jikkombinaw dawn l-opportunitajiet. Barra minn hekk, l-Istati Membri huma mħeġġa mill-anqas jirduppjaw l-użu ta' strumenti finanzjarji innovattivi biex jiġi ottimizzat l-impatt tal-fondi strutturali fil-futur.

Biex nieħdu eżempju fittizju: Il-bini ta' triq b'pedaġġ f'ċentru industrijali jista' jattira l-investituri u għalhekk jista' jiġi ffinanzjat aktar faċilment permezz tal-FEIS. Iżda l-bini ta' triq mingħajr pedaġġ f'żona rurali x'aktarx ma jattirax investituri privati u għalhekk aħjar jiġi ffinanzjat permezz tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (il-FSIE).

MEMO/15/5419


Side Bar