Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Il-ġlieda kontra n-nirien fil-foresti fl-Ewropa – kif taħdem

Brussell, is-17ta' lulju 2015

Kull sena jkun hemm nirien devastanti fil-foresti fl-Ewropa, li jeqirdu eluf ta' ettari ta' foresti. Għalkemm pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa jinsabu f'riskju ogħla, l-ebda pajjiż Ewropew ma huwa immuni.

(Aġġornata 10/08/2017)

Meta nar f'foresta jkun kbir wisq għal pajjiż biex jitfih waħdu, il-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni Ewropea jista' jiġi attivat biex jiġi żgurat rispons koordinat.

Reazzjoni koordinata u konġunta

Meta l-kapaċitajiet nazzjonali biex jingħata rispons għal nirien tal-foresta jinqabżu, il-pajjiżi Ewropej ta' spiss juru solidarjetà billi jibagħtu għajnuna fl-għamla ta' ajruplani li jitfgħu l-ilma mill-ajru, ħelikopters, tagħmir għat-tifi tan-nar u persunal. Hemm metodu strutturat kif dan isir fil-livell Ewropew.

Iċ-Ċentru ta' Koordinazzjoni għal Rispons ta' Emerġenza (Emergency Response Coordination Centre, ERCC) huwa ċ-ċentru ta' rispons ta' emerġenza tal-Kummissjoni Ewropea. Huwa jikkoordina l-assistenza pan-Ewropea permezz tal-mekkaniżmu ta' protezzjoni ċivili tal-Unjoni Ewropea u jiżgura li kull stat parteċipanti fil-mekkaniżmu jkun infurmat malajr dwar il-bżonnijiet ta' pajjiż affettwat matul kriżi. Id-Deċiżjoni li jiġi attivat il-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili ma ssirx mill-Kummissjoni, imma trid issir mill-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiż affettwat.

Il-mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE jiffaċilita u jikkofinanzja wkoll it-trasport tal-assistenza lejn iż-żona affettwata.

Preparati għall-istaġun tan-nirien fil-foresti

L-ERCC jimmonitorja b'mod attiv ir-riskju u l-okkorrenza tan-nirien fil-foresti fl-Ewropa u jgħaqqad flimkien l-awtoritajiet tal-protezzjoni ċivili madwar l-Ewropa

Huwa jagħmel dan permezz ta':

  • Servizzi u għodod ta' monitoraġġ nazzjonali bħas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni dwar in-Nirien fil-Foresti (European Forest Fire Information System, EFFIS), li tipprovdi ħarsa ġenerali lejn id-dejta li l-pajjiżi Ewropej jiġbru permezz tal-programmi nazzjonali tan-nirien fil-foresti tagħhom.
  • Torganizza laqgħat regolari ma' kull Stat Parteċipanti fil-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili tal-UE qabel l-istaġun tan-nirien fil-foresti sabiex isir skambju ta' informazzjoni dwar l-istat ta' tħejjija.
  • Matul is-sajf, l-ERCC jorganizza vidjokonferenzi ta' kull ġimgħa mal-pajjiżi li jinsabu f'riskju għoli ta' nirien fil-foresti: Il-Kroazja, Franza, il-Greċja, l-Italja, il-Portugall u Spanja
  • Barra minn hekk, esperti mill-Istati Parteċipanti fil-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili tal-UE huma ssekondati lill-ERCC kull sajf. Dawn mhux biss jikkontribwixxu għall-ħidma kumplessiva tal-ERCC, imma jżommu wkoll kuntatti regolari mal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni ċivili, li huwa importanti f'każ tal-attivazzjoni tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili.

Negħlbu n-nirien fil-foresti

Il-mekkaniżmu Ewropew tal-Protezzjoni Ċivili ta' spiss jiġi attivat (jew bħala allerta minn qabel jew minħabba talba għall-għajnuna) bħala riżultat ta' nirien fil-foresti fl-Ewropa u wkoll barra minnha.

Matul l-istaġun tan-nirien fil-foresti tal-2012 kien hemm disa' talbiet għal assistenza u twissija minn qabel waħda: Il-Bulgarija, is-Slovenja, l-Albanija, il-Montenegro, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Greċja u l-Portugall talbu appoġġ mill-ajru u Spanja fetħet każ ta' twissija minn qabel. Fl-2013, il-Mekkaniżmu ġie attivat biex iwieġeb għal talbiet ta' assistenza għal nirien fil-foresti fil-Bożnija-Ħerzegovina u l-Portugall. Fl-2014, il-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili tal-UE ġie attivat b'riżultat ta' talba għall-assistenza mingħand l-Iżvezja u l-Greċja u għal twissija minn qabel fin-Norveġja. Fl-2015 u fl-2016, il-Greċja, Ċipru, Franza, u l-Portugall attivaw il-mekkaniżmu fil-kuntest ta' nirien fil-foresti. L-istaġun tas-sajf tal-2017 kien ikkaratterizzat minn attività eċċezzjonalment għolja f'termini ta' nirien fil-foresti. Sat-8 ta' Awwissu 2017, il-mekkaniżmu kien ġie attivat mill-Portugall, il-Montenegro, Franza, l-Albanija, u darbtejn mill-Italja.

Is-servizz tal-immappjar tas-satellita tas-Servizz tal-Immaniġġar tal-Emerġenzi Copernicus tal-UE ġie attivat ukoll ripetutament b'rispons għall-emerġenzi marbuta man-nirien fil-foresti.

Dwar il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili

Il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili jiffaċilita l-kooperazzjoni fir-rispons għad-diżastri fost 34 Stat Ewropew (it-28 Stat Membru tal-UE, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Iżlanda, il-Montenegro, in-Norveġja, is-Serbja u t-Turkija). Dawn l-Istati Parteċipanti jiġbru flimkien ir-riżorsi li mbagħad jistgħu jkunu disponibbli għall-pajjiżi milquta minn diżastri madwar id-dinja kollha.

Il-Kummissjoni ma tibgħatx ajruplani jew tagħmir hija stess, iżda taħdem biex tikkoordina r-rispons tal-istati parteċipanti fil-mekkaniżmu.

Mit-tnedija tiegħu fl-2001, il-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili tal-UE mmonitorja aktar minn 400 diżastru u rċieva aktar minn 300 talba għall-assistenza. Huwa intervjena f'xi wħud mill-aktar diżastri devastanti li ffaċċat d-dinja, inkluż l-għargħar fis-Serbja u fil-Bożnija-Ħerzegovina (2014), l-epidemija tal-Ebola fl-Afrika tal-Punent (2014), il-kunflitt fl-Ukrajna (2014), it-terremot fin-Nepal (2015), il-kunflitt fl-Iraq (2016) u l-uragan “Matthew” fil-Ħaiti (2016).

Il-leġiżlazzjoni tal-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE ġiet riveduta fl-2013 biex tinkludi innovazzjonijiet sinifikanti. Innovazzjoni minn dawn hija l-ħolqien tal-Kapaċità Ewropea ta' Rispons għall-Emerġenzi (EERC), li tikkonsisti minn ġabra volontarja ta' kapaċitajiet ta' reazzjoni impenjati minn qabel mill-Istati Parteċipanti. Il-ġabra volontarja, li tnediet f'Ottubru 2014, iżżid il-prevedibilità u l-kredibilità tal-Mekkaniżmu ta' Protezzjoni Ċivili tal-UE fir-reazzjoni għad-diżastri u tiffaċilita wkoll l-ippjanar u l-koordinazzjoni aħjar ta' operazzjonijiet ta' reazzjoni.

Il-prevenzjoni tan-nirien fil-foresti

Ir-responsabbiltà primarja għall-prevenzjoni kif ukoll għar-rispons hija f'idejn il-pajjiż fejn iseħħ id-diżastru. Ir-rwol ewlieni tal-Kummissjoni huwa li tikkoordina rispons rapidu u effiċjenti permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili meta jiġi attivat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni taħdem mal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni ċivili biex tappoġġa, tikkumplimenta u tikkoordina l-isforzi tagħhom fil-prevenzjoni tan-nirien fil-foresti u t-tħejjija għalihom u l-ippjanar tal-ġestjoni tar-riskju.

Dan isir permezz ta':

  • Appoġġ lill-Istati Parteċipanti permezz ta' finanzjament ta' proġetti ta' prevenzjoni u tħejjija.
  • Jistgħu jintbagħtu esperti fil-post sabiex jivvalutaw ir-riskji, jipprovdu pariri u appoġġ lill-awtoritajiet lokali jew nazzjonali.
  • Il-Kummissjoni torganizza laqgħat annwali mal-Istati Membri biex tiddiskuti magħhom l-isfidi għall-istaġun tan-nirien fil-foresti fl-Ewropa, u biex tara kif l-aħjar tista' takkumpanja lill-Istati Parteċipanti fl-isforzi tagħhom għall-prevenzjoni u r-rispons.
  • Il-Kummissjoni tislet it-tagħlimiet meħuda u telabora fuq prattiki tajba mill-attivitajiet ta' prevenzjoni u tħejjija tagħha.

Eżempji ta' proġetti

F'Jannar 2017, tnieda proġett ta' tħejjija ta' sentejn fil-qasam tan-nirien fil-foresti, “l-Istandardizzazzjoni tat-Taħriġ tat-Tifi tan-Nar fil-Foresti fil-Mediterran ”. Dan il-proġett huwa ffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea b'kontribuzzjoni ta' EUR 325 732. L-Escola Nacional de Bombeiros fil-Portugall hija waħda mis-sħab. Fil-passat, il-Portugall ħa sehem fi proġetti oħra simili, bħal pereżempju matul is-Sistema ta' Informazzjoni meteoroloġika Spanjola-Portugiża għall-operazzjonijiet transfruntieri f'nirien fil-foresti (SPITFIRE), li tnediet fl-2014. Il-proġett, li kien appoġġat mill-UE bi kważi EUR 500 000, kellu l-għan li jtejjeb l-iskambju ta' informazzjoni dwar il-meteoroloġija u dwar ir-riskju ta' nirien fil-foresti fiż-żona tal-fruntiera bejn il-Portugall u Spanja (Ref. http://ec.europa.eu/echo/funding-evaluations/financing-civil-protection-europe/selected-projects_en). 

Id-Deċiżjoni 1313/2013/UE introduċiet għall-ewwel darba obbligi fuq l-Istati Membri fil-qasam tal-prevenzjoni tad-diżastri. Hija tagħti l-kompitu lill-Istati Membri li jiżviluppaw valutazzjonijiet tar-riskju u jikkondividu sommarju tar-riżultati, u li jwettqu u jikkondividu l-valutazzjoni tal-kapaċità tagħhom tal-immaniġġar tar-riskju.

Għal aktar informazzjoni

L-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili tal-Kummissjoni Ewropea:

Is-Sistema Ewropea tal-Informazzjoni dwar in-Nar fil-Foresti

 

MEMO/15/5411

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar