Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

It-titjib ta' kif l-Istati Membri tal-UE u r-reġjuni jinvestu u jiġġestixxu l-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE

Brussell, 24 Marzu 2015

Fl-2014-2020, aktar minn EUR 351 biljun ser ikunu disponibbli għall-Istati Membri tal-UE, ir-reġjuni u l-ibliet taħt il-Politika ta’ Koeżjoni (Fond Ewropew tal-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni). Għal ħafna minn dawn il-pajjiżi huwa s-sors ewlieni ta’ finanzjament pubbliku. Huwa imperattiv li dawn il-flus ikunu investiti u ġestiti sew, peress li dgħjufijiet fl-amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali jistgħu jpoġġu s-suċċess ta’ dawn il-programmi f’riskju.

Għall-perjodu 2007-2013, hemm fondi allokati taħt il-Politika ta’ Koeżjoni li għad iridu jiġu investiti. Il-Kummissjoni tixtieq tgħin lill-Istati Membri jevitaw li jitilfu investimenti ta’ valur u tiżgura li l-flus jintefqu kif suppost u fit-tipi adatti ta’ proġetti li n-nies jibbenefikaw minnhom.

Din hija r-raġuni għaliex it-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva biex jitjieb il-mod li bih il-Fondi jiġu investiti u ġestiti hija fil-qalba tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE fl-2014-2020. Il-Kummissarju għall-Politika Reġjonali Corina Creţu identifikat din bħala prijorità għal azzjoni.

Dan huwa l-qofol ta’ sett ta’ azzjonijiet ġodda organizzati mill-Kummissarju għall-Politika Reġjonali Corina Creţu u s-servizzi tagħha fid-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana, b’kontribuzzjoni mid-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni.

X’jinvolvi dan l-approċċ fil-fatt?

L-inizjattiva dwar implimentazzjoni aħjar tal-Politika ta’ Koeżjoni tikkonsisti f’approċċ fuq erba’ binarji:

1. It-“Task Force dwar Implimentazzjoni Aħjar”, permezz ta’ timijiet ta’ azzjoni mfassla apposta, tappoġġja l-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali biex jużaw l-investimenti li fadal mill-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 b’mod effettiv. It-Task Force analizzat il-fatturi ewlenin responsabbli għal dewmien fl-implimentazzjoni, u bdiet tifformula Pjanijiet ta’ Azzjoni ddettaljati u komprensivi għal kull programm f’riskju. Il-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-Istati Membri kkonċernati biex isibu soluzzjonijiet biex jimmassimizzaw l-użu ta’ impenji taħt Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2007-2013, kif mitlub mill-Kunsill Ewropew f’Diċembru 2014.

2. Tinbena l-kapaċità amministrattiva fl-Istati Membri u r-reġjuni għall-programmi tal-2014-2020, permezz tat-tieni fażi tat-Task Force u permezz ta’ varjetà ta’ miżuri bħal qsim ta’ ħiliet, skambju ta’ esperti, taħriġ u assistenza teknika.

3. Il-Kummissarju għall-Politika Reġjonali Corina Creţu biħsiebha teżamina għaliex reġjuni b’livell baxx ta’ żvilupp ekonomiku jew reġjuni li jkunu għaddejjin minn diversi snin ta’ tkabbir negattiv tal-PDG għadhom lura. Għall-Politika ta’ Koeżjoni, li timmira li tnaqqas id-differenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp bejn ir-reġjuni tal-Ewropa, din ix-xejra hija ta’ tħassib partikolari.

4. Il-Kummissjoni qegħda twaqqaf grupp ta’ esperti biex b’mod indipendenti jevalwaw l-adozzjoni ta’ simplifikazzjoni mill-Istati Membri u jidentifikaw aktar possibbiltajiet biex jiġu ssimplifikati r-regoli. Il-grupp se jagħmel rakkomandazzjonijiet fuq kif titjieb l-inklużjoni ta’ opportunitajiet għal simplifikazzjoni fl-implimentazzjoni tal-fondi għall-benefiċjarji fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. L-għan sekondarju għandu jkun li jiġi propost kif ikun hemm aktar simplifikazzjoni fil-qafas għal wara l-2020. Din l-azzjoni hija marbuta mill-qrib mal-inizjattiva tal-Viċi President Kristalina Georgieva għal “baġit tal-UE ffokat fuq ir-riżultati”.

Kif inħolqot it-Task Force dwar Implimentazzjoni Aħjar?

Il-ħolqien ta’ task force speċjali biex tgħin lill-Istati Membri u r-reġjuni jonfqu l-investimenti tal-Politika ta’ Koeżjoni kienet waħda mill-ewwel inizjattivi tal-Kummissarju għall-Politika Reġjonali Corina Creţumeta hija bdiet il-mandat tagħha. It-Task Force għandha l-għan li tgħin numru ta’ pajjiżi li qed jiffaċċjaw diffikultajiet meta jkunu qed iwettqu l-investimenti ppjanati minn qabel biex itejbu l-kapaċità tagħhom ta’ “assorbiment” u jaħtfu l-opportunitajiet ta’ investiment permezz ta’ kapaċità amministrattiva aktar b’saħħitha.

Fuq min hija ffukata t-Task Force?

L-attenzjoni tat-Task Force fil-preżent hija ffukata fuq grupp ta’ pajjiżi li r-rati ta’ assorbiment tagħhom huwa taħt il-medja tal-UE. Is-sitwazzjoni tista’ twassal għal “diżimpenn” u t-telf ta’ fondi li jkunu ġew allokati jew li huma ppjanati.

It-tmien pajjiżi kkonċernati huma l-Bulgarija, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, l-Italja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, u s-Slovenja.

X'qegħda tagħmel fil-fatt it-Task Force?

L-ewwel azzjoni tat-Task Force kienet li tevalwa u tanalizza s-sitwazzjoni permezz ta’ approċċ strutturat u uniformi fl-Istati Membri kollha kkonċernati. Dan involva li jiġu identifikati l-konġestjonijiet u d-dgħufijiet ewlenin fl-implimentazzjoni għal kull assi ta' prijoritajiet tal-programmi kkonċernati. Għal xi pajjiżi hemmproblemi u dewmien fl-implimentazzjoni ta’ proġetti kbar ta’ infrastruttura, speċjalment dawk ambjentali u tat-trasport. Oħrajn ibatu minn dgħjufijiet ġenerali fil-kapaċità amministrattivatagħhom, kif ukoll kwistjonijiet aktar strutturali u ta’ governanza.

It-Task Force hija responsabbli għat-tfassil ta’ pjanijiet ta’ azzjoni għal kull Stat Membru kkonċernat, jew għar-rieżami ta’ pjanijiet eżistenti fejn huma diġà fis-seħħ. Dan il-proċess ser jiżgura skambju ta’ esperjenza u t-tixrid ta’ prattika tajba fost il-parteċipanti. Fejn rilevanti, id-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni jingħaqad flimkien mad-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana biex jiżguraw miżuri xierqa huma wkoll meħuda fil-qasam tal-Fond Soċjali Ewropew.

Dan huwa dwar l-għoti tal-ismijiet u ċ-ċanfir pubbliku?

Xejn affattu – l-għan huwa li jiġu promossi mudelli ta’ prattika tajba u tingħata daqqa t’id. Il-bini tal-kapaċità amministrattiva tista’ wkoll tiġi intensifikata, b’mod partikolari bil-ħsieb li tittejjeb l-implimentazzjoni fil-perjodu 2014-2020 u nitgħallmu mill-passat. Dan huwa t-tieni mandat tat-Task Force għall-perjodu medju ta’ żmien. L-Istati Membri huma mħeġġa li jużaw il-baġit tagħhom għal għajnuna teknika taħt il-Politika ta’ Koeżjoni b’mod aktar effiċjenti u mmirat biex isaħħu l-kapaċità amministrattiva tagħhom li jimplimentaw il-fondi.

Għaliex hija importanti l-kapaċità amministrattiva?

Il-politika ta’ koeżjoni topera skont il-prinċipju ta’ “ġestjoni kondiviża” – kondiviża bejn il-Kummissjoni u l-korpi lokali u nazzjonali li jiġġestixxu l-fondi fl-Istati Membri.  

Il-Politika ta’ Koeżjoni ġdida għall-2014-2020 titfa’ l-enfasi fuq il-bini ta' kapaċità amministrattiva għal Stati Membri biex jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda għall-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, biex jimplimentaw il-programmi ta’ investiment tagħhom b’mod effettiv u jiksbu l-aħjar riżultati possibbli.

B’mod ġenerali, kapaċità amministrattiva għall-ġestjoni u investiment tal-Fondi u ta’ programmi u proġetti kkofinanzjati mill-UE hija meqjusa bħala fattur ewlieni li jikkontribwixxi għas-suċċess tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE. Meta l-amministrazzjonijiet pubbliċi li jiġġestixxu l-Fondi (l-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni, il-Korpi Intermedjarji, l-Awtoritajiet ta’ Ċertifikazzjoni, l-Awtoritajiet ta’ Verifika) huma aktar dgħajfa, iħabbtu wiċċhom ma’ konġestjonijiet u sfidi. Ir-riżultat aħħari huwa li l-investimenti ma jistgħux iwasslu l-benefiċċji mistennija lil dawk in-nies li jgħixu fir-reġjuni u l-bliet tal-Ewropa. Din mhijiex biss kwistjoni ta’ etika u regoli – huwa wkoll iktar għali li titħaddem sistema ta’ amministrazzjoni ineffiċjenti.

Inti kif tappoġġja l-kapaċità amministrattiva biex jiġu implimentati aħjar il-Fondi?

L-appoġġ tal-kapaċità amministrattiva jirrigwarda l-kisba tal-istrutturi, ir-riżorsi umani, is-sistemi u l-għodod adatti fis-seħħ. Fi kliem ieħor, li jiġi żgurat li r-responsabbiltajiet u l-ħidmiet jiġu assenjati b’mod ċar; persunal jiġi mħarreġ kif xieraq; u jiġu reklutati t-tip adatt ta’ persuni biex jamministraw il-fondi. Huma jeħtieġu wkoll li jiġu mgħammra bl-għodod adatti – sistemi tal-IT, manwali, regoli – biex jiġġestixxu l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej. Jekk is-sistemi u l-għodod huma hemm, l-organizzazzjonijiet ikunu inqas vulnerabbli. Element importanti ieħor hija l-governanza. Dan ifisser li l maniġers jinżammu responsabbli għall-eżekuzzjoni, li tissalvagwardja kontra l-korruzzjoni u l-kunflitt ta’ interess, u li tippromwovi t-trasparenza.

U b’mod aktar konkret?

Il-Kummissjoni Ewropea nediet sensiela ta’ avvenimenti ta’ taħriġ li jippreparaw għall-perjodu ta’ programmar il-ġdid. Dawn l-avvenimenti huma mmirati lejn l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali responsabbli għall-ġestjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni. Dawn huma prinċipalment iddedikati għall-ipprogrammar u l-implimentazzjoni, imma jindirizzaw ukoll kwistjonijiet ta’ ġestjoni u kontroll finanzjarju.

Id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana jgħin ukoll biex tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tal-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali bl-użu ta’ għodod analitiċi/dijanjostiċi, gwida u mekkaniżmi ta' appoġġ personalizzat bħal skambju ta’ prattika tajba u ta’ esperjenzi, jew il-faċilitazzjoni ta' kollegazzjoni bejn il-pari. L-enfasi hija prinċipalment fuq l-għajnuna biex l-investiment tal-UE jiġi ġestit aħjar.

Il-Kummissjoni reċentement nediet żewġ inizjattivi ġodda: is-sistema ta' skambju TAIEX-REGIO PEER 2 PEER (imnedija fit- 24 ta’ Marzu) u l-Patti ta’ Integrità:

PEER 2 PEER hija mfassla għal 24 000 uffiċjal li jaħdmu għal korpi li jiġġestixxu fondi u proġetti taħt Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni. Hija twieġeb direttament għal talbiet speċifiċi minn awtoritajiet irreġistrati fuq bażi tad-dejta onlajn u se twassal assistenza fil-forma ta’ missjonijiet ta’ esperti, żjajjar ta’ studju u workshops speċifiċi. Uffiċjali li huma lesti jaqsmu l-għarfien espert tagħhom għandhom jirreġistraw mal-Bażi ta' Dejta tal-Esperti.

  • Patti ta’ Integrità ġew żviluppati mill-NGO Transparency International biex tappoġġja l-gvernijiet, in-negozji u s-soċjetà ċivili biex titjieb il-fiduċja u t-trasparenza fl-akkwist pubbliku. Il-Kummissjoni issa qed timmira li tiggwida Patti ta’ integrità għal diversi proġetti kofinanzjati mill-UE permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni.

Patt ta’ integrità għall-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni ser ikun ftehim legalment vinkolanti bejn l-Awtorità ta’ Ġestjoni u kumpaniji li jagħmlu offerti għal kuntratti pubbliċi li ser isegwu proċess ta’ akkwist trasparenti u effiċjenti. Sabiex tiġi żgurata responsabbiltà akbar, il-Patti ta’ Integrità se jinkludu sistema ta’ monitoraġġ immexxija minn organizzazzjoni magħżula tas-soċjetà ċivili.

Is-sejħa għal interess ta' parteċipazzjoni fl-esperiment ta’ dan l-istrument fi proġetti kkofinanzjati tal-Politika ta’ Koeżjoni fl-Istati Membri ser titnieda f’Mejju 2015. L-awtoritajiet u l-benefiċjarji huma ferm imħeġġa sabiex jagħmlu użu minn din l-inizjattiva.

Hemm modi oħra li bihom l-Istati Membri u r-reġjuni jistgħu jinvestu f’amministrazzjonijiet pubbliċi effiċjenti?

Lil hinn mill-assistenza teknika, Stati Membri eliġibbli għandhom jużaw miżuri li jappoġġjaw il-bini ta' kapaċità istituzzjonali usa’. Investiment fil-bini tal-kapaċità istituzzjonali u amministrazzjoni pubblika effiċjenti (Objettiv Tematiku 11), appoġġjat mill-Fond Soċjali Ewropew u mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, għandha għan usa’ u fuq perijodu ta’ żmien itwal. L-enfasi hija fuq riforma ġenwina u bidla sistemika biex titjieb il-prestazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, indipendentement mir-rwol tagħhom tal-ġestjoni ta’ fondi tal-UE.

Fl-2014-2020, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej ser ikomplu jappoġġjaw il-bini ta’ kapaċità istituzzjonali u r-riformi. L-objettiv ta’ dan is-sostenn huwa li joħloq istituzzjonijiet li huma stabbli u prevedibbli, flessibbli biżżejjed biex jirreaġixxu għall-isfidi soċjali, miftuħa għal djalogu mal-pubbliku, kapaċi li jintroduċu soluzzjonijiet ġodda ta’ politika u jipprovdu servizzi aħjar. Huwa diretta lejn proċessi organizzattivi aktar effiċjenti, u ġestjoni moderna, u impjegati taċ-ċivil motivati u kkwalifikati.

L-appoġġ ta’ riformi tal-amministrazzjoni pubblika bħala parti mill-Objettiv Tematiku għall-Bini ta’ Kapaċità Istituzzjonali għall-perjodu l-ġdid ta’ pprogrammar għall-perijodu 2014-2020 huwa marbut mar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż rilevanti, Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal relatati , Programmi ta’ Aġġustament Ekonomiku fejn applikabbli, u l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

Hemm flus fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss biex jgħin dan l-isforz?

Iva. Madwar 4.8 biljun ewro ġew allokati fil-baġit tal-Politika ta’ Koeżjoni l-ġdid għall- 2014-2020 biex jappoġġjaw il-bini ta’ kapaċità istituzzjonali u r-riformi. Il-fondi ser ikunu wkoll diretti lejn it-tisħiħ tal-kapaċità tal-korpi involuti direttament fl-implimentazzjoni, permezz ta’ assistenza teknika.

Inti kif tgħin fil-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni?

0,2% tal-iżbalji kollha rrappurtati fil-ġestjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni huma kkawżati minn frodi. Il-Kummissjoni għandha approċċ ta’ tolleranza żero għall-frodi u l-korruzzjoni u tistenna l-istess mill-Istati Membri u r-reġjuni. L-assistenza finanzjarja għandha tintuża biex tappoġġja l-kompetittività, ittejjeb il-produttività u toħloq opportunitajiet ġodda ta’ impjieg. Waqt l-iskrinjar ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija u Programmi Operazzjonali, il-Kummissjoni tinsisti fuq impenn ċar mill-Istati Membri biex jieħdu azzjonijiet biex jipprevjenu l-frodi u se ssegwi mill-qrib dak l-impenn.  

F’Diċembru 2013, flimkien ma’ Transparency International, il-Kummissjoni organizzat konferenza internazzjonali segwita minn sensiela ta’ seminars tal-pajjiż dwar il-ġlieda kontra l-frodi f’Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej. Il-fokus prinċipali ta’ dawn l-avvenimenti kien li joffru l-uffiċjali għodod prattiċi li jistgħu jimpedixxu l-użu ħażin ta’ fondi.

Wieħed mill-eżiti konkreti ta’ dawn is-seminars kienet l-idea li tiġi applikata s-sistema “Patti ta’ Integrità”, żviluppata minn Transparency International, għall-proġetti appoġġjati mill-Politika ta' Koeżjoni.

Il-Kummissjoni żviluppat ukoll—u tinkoraġġixxi ħafna lill-Istati Membri biex jużaw—għodda ġdida tal-IT msejħa l-ARACHNE. Din l-għodda tgħaqqad il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej tad-dejta tal-monitoraġġ mal-bażijiet tad-dejta esterni u tgħin lill-awtoritajiet ta’ ġestjoni biex jiġu identifikati proġetti b’riskji ogħla li jirrikjedu skrutinju iktar mill-qrib.

Iktar informazzjoni:

PEER 2 PEER

Il-Kummissjoni Ewropea u Transparency International jingħaqdu għal infiq aħjar tal-investimenti tal-UE

Fuq il-websajt InfoRegio: It-titjib ta’ kif il-fondi jiġu investiti u ġestiti

Fuq il-websajt ESF: Servizzi pubbliċi aħjar

MEMO/15/4654

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku:


Side Bar