Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: Il-Protokoll ta’ Pariġi — Pjan ta’ azzjoni għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima globali wara l-2020

Brussell, 25 Frar 2015

1. X’inhu l-għan tal-Komunikazzjoni?

Il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-viżjoni tal-UE għal ftehim tan-Nazzjonijiet Unitidwar it-tibdil fil-klima li huwa trasparenti, dinamiku u legalment vinkolanti u li jqiegħed lid-dinja fit-triq it-tajba biex it-tisħin globali ma jilħaqx livelli perikolużi. Bħalissa għaddejin negozjati internazzjonali dwar dan li mistennija jiġu ffinalizzati fil-konferenza tan-NU dwar il-klima li għandha ssir f'Pariġi f'Diċembru tal-2015.

Din il-Komunikazzjoni ssarraf id-deċiżjonijiet meħuda waqt is-Summit Ewropew ta’ Ottubru tal-2014 fil-mira proposta mill-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet (l-hekk imsejjaħ "Kontribut Maħsub Determinat fil-Livell Nazzjonali") għall-ftehim il-ġdid.

2. Din il-Komunikazzjoni xi rwol għandha fl-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija Ewropea mħabbra llum?

Il-Komunikazzjoni hija element ewlieni fl-implimentazzjoni tal-prijorità tal-Kummissjoni mmexxija mill-President Juncker li tinbena Unjoni tal-Enerġija reżiljenti b'politika dwar it-tibdil fil-klima li tħares 'il quddiem.

F’Ottubru tal-2014, il-mexxejja tal-UE qablu dwar tnaqqis domestiku ta’ mill-anqas 40 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2030, flimkien mal-elementi kostitwenti ewlenin l-oħra tal-qafas ta’ politika għall-2030. Dan għandu l-għan li jagħmel l-ekonomija u s-sistema tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea aktar kompetittivi, siguri u sostenibbli filwaqt li jistabbilixxi mira ta' mill-anqas 27 % għall-enerġija rinnovabbli u għall-iffrankar enerġetiku sal-2030. Ir-reviżjoni tal-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet se tifforma parti mill-qafas leġiżlattiv ta' wara l-2020.

Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima teħtieġ rispons politiku fil-livell internazzjonali. L-UE hija s-sors ta' madwar 10 % tal-emissjonijiet globali, u dan is-sehem se jkompli jonqos fl-għaxar snin li ġejjin. Fl-2011, il-196 Parti tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima ddeċidew li jfasslu ftehim ġdid applikabbli għal kulħadd sa tmiem l-2015, meta għandha ssir il-konferenza dwar it-tibdil fil-klima f'Pariġi. Din il-Komunikazzjoni tipproponi t-tfassil tal-elementi ewlenin ta’ dan il-ftehim.

3. Għaliex neħtieġu ftehim ġdid dwar il-klima?

Il-komunità internazzjonali rrikonoxxiet l-evidenza xjentifika li ż-żieda annwali tat-temperatura medja globali jeħtieġ li tinżamm sew taħt iż-2°C (3.6°F) meta mqabbla mat-temperatura fiż-żminijiet ta' qabel l-era industrijali sabiex it-tibdil fil-klima ma jilħaqx livelli perikolużi. Madankollu, l-azzjoni internazzjonali meħuda s'issa mhix biżżejjed: huwa stmat li ż-żieda fit-temperatura medja ta' wiċċ id-dinja fl-2100 se tvarja minn 3.7 sa 4.8 gradi Celsius aktar mill-medja għall-perjodu mill-1850 sal-1900, filwaqt li ż-żieda attwali esperjenzata tammonta għal 0.85 gradi Celsius.

Mill-aktar valutazzjoni riċenti dwar ix-xjenza tal-klima tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (l-IPCC) ħareġ li l-opportunità biex nibqgħu taħt il-limitu ta’ 2°C tat-temperatura qed tonqos b'rata mgħaġġla. Il-limitazzjoni taż-żieda fit-temperatura se teħtieġ tnaqqis sostanzjali u sostnut fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-pajjiżi kollha. Id-dewmien fl-azzjoni se jiswa aktar, joffri sfida teknoloġika akbar u jnaqqas l-għażliet biex l-emissjonijiet jitnaqqsu b'mod effettiv u biex nitħejjew għall-impatti tat-tibdil fil-klima.

Sa mill-1994 ’l hawn, il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) - li għandha sħubija kważi universali b’196 parti, fosthom l-UE - iffukat fuq l-isfida li tiġi evitata l-interferenza perikoluża tal-bniedem fis-sistema tal-klima globali. Il-Protokoll ta’ Kjoto kien l-ewwel pass essenzjali iżda inkluda biss 39 pajjiż industrijalizzat u qatt ma kien mistenni jsolvi l-problema waħdu. Wara l-konferenza ta’ Kopenħagen, sal-2014, aktar minn 90 pajjiż, kemm dawk żviluppati kif ukoll dawk li għandhom qegħdin jiżviluppaw — kienu għamlu wegħdiet volontarji ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet sal-2020. Madankollu, dawn mhumiex biżżejjed biex jinkiseb l-għan maqbul ta’ tisħin ta' taħt iż-2°C.

Għal din ir-raġuni, fl-2011, il-UNFCCC nediet negozjati għal ftehim legalment vinkolanti ġdid, li jinvolvi l-Partijiet kollha, li se jqiegħed lid-dinja fit-triq it-tajba biex jintlaħaq l-għan ta' tisħin ta' taħt iż-2°C. Il-ftehim għandu jiġi konkluż f’Pariġi f’Diċembru tal-2015 u jidħol fis-seħħ fl-2020.

L-UE temmen li l-Protokoll il-ġdid għandu jinkludi impenji legalment vinkolanti dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet. Dan se jagħti l-aktar sinjal ċar lill-gvernijiet, lis-swieq u lill-pubbliku li l-Partijiet tal-Protokoll qed jintrabtu bis-sħiħ biex jiġġieldu t-tibdil fil-klima. Dawn l-impenji jipprovdu l-aktar espressjoni b'saħħitha ta’ rieda politika min-naħa ta’ Parti biex tilħaq l-impenji tagħha, u jipprovdu l-prevedibbiltà u ċ-ċertezza meħtieġa għall-atturi pubbliċi u privati kollha u l-istabbiltà fil-kuntest tal-bidliet politiċi domestiċi. Dan jista’ jintlaħaq biss bi ftehim ġdid li jkun japplika għall-Partijiet kollha.

4. X’inhuma l-punti ewlenin tal-Komunikazzjoni?

Il-punti ewlenin tal-Komunikazzjoni huma dawn li ġejjin:

  • din il-Komunikazzjoni ssarraf id-deċiżjoni meħuda mill-mexxejja tal-UE waqt is-Summit Ewropew f'Ottubru tal-2014 fil-mira proposta mill-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-ftehim globali l-ġdid dwar it-tibdil fil-klima. Il-mira hija stabbilita f'konformità mar-rekwiżiti għall-informazzjoni maqbulin f’Lima. L-UE se tkun lesta tressaq il-kontribut tagħha lis-Segretarjat tal-UNFCCC sa tmiem Marzu tal-2015;
  • il-Komunikazzjoni tappella lill-pajjiżi kollha biex iressqu l-miri proposti tagħhom għat-tnaqqis fl-emissjonijiet għall-perjodu wara l-2020 u sal-2025/l-2030, ferm qabel il-konferenza ta’ Pariġi. Iċ-Ċina, l-Istati Uniti u l-pajjiżi l-oħra tal-G20, b’mod partikolari, għandhom ikunu f’pożizzjoni li jagħmlu dan sa tmiem l-ewwel tliet xhur tal-2015;
  • il-Komunikazzjoni tiddeskrivi l-viżjoni tal-UE għal ftehim legalment vinkolanti trasparenti u dinamiku, li jkun fih impenji ġusti u ambizzjużi mill-Partijiet kollha, ibbażat fuq ċirkustanzi ġeopolitiċi li qed jevolvu. Kollettivament, dawn l-impenji għandhom - f’konformità max-xjenza - iqiegħdu lid-dinja fit-triq it-tajba biex jitnaqqsu l-emissjonijiet globali b’mill-anqas 60 % taħt il-livelli tal-2010 fl-2050;
  • hija tipproponi li l-Ftehim tal-2015 għandu preferibbilment jieħu l-forma ta’ Protokoll skont l-UNFCCC u jidħol fis-seħħ hekk kif jiġi ratifikat minn pajjiżi li flimkien għandhom 40 Gt ta’ emissjonijiet ekwivalenti għas-CO2, li jikkorrispondu għal madwar 80 % tal-emissjonijiet globali tal-2010. L-UE, iċ-Ċina u l-Istati Uniti għandhom juru tmexxija politika billi jingħaqdu mal-Protokoll kemm jista’ jkun malajr;
  • taħt il-Protokoll il-ġdid, flimkien mal-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, il-pajjiżi kollha għandhom jiġu mħeġġa jipparteċipaw fil-finanzjament tal-klima, fl-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġija u fil-bini tal-kapaċità;
  • sabiex il-pajjiżi jiksbu żvilupp sostenibbli reżiljenti għat-tibdil fil-klima, il-Protokoll għandu jerġa' jsaħħaħ l-impenji tal-Partijiet li jwettqu azzjonijiet ta’ adattament, li jikkooperaw u li jippromwovu l-użu effettiv u effiċjenti tal-istrateġiji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u għall-adattament għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima;
  • il-Komunikazzjoni tenfasizza l-ħtieġa li l-Protokoll jirrikjedi t-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra mis-setturi kollha, inklużi l-avjazzjoni u t-tbaħħir, kif ukoll fl-emissjonijiet tal-gassijiet fluworurati. L-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (l-ICAO), l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (l-OMI) u l-Protokoll ta’ Montreal, rispettivament, għandhom jaġixxu f’dawn l-oqsma sal-aħħar tal-2016;
  • il-Komunikazzjoni tenfasizza kif politiki oħra tal-UE, bħal dawk fl-oqsma tal-kummerċ, ir-riċerka xjentifika, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni, kif ukoll il-kooperazzjoni ekonomika u fil-qasam tal-iżvilupp jistgħu jappoġġaw u jsaħħu l-politika internazzjonali tal-UE dwar il-klima;
  • il-Komunikazzjoni hija kkumplimentata minn Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Diplomazija fil-qasam tal-Klima, li huwa maħsub biex iżid l-ilħiq tal-UE u l-bini ta' alleanzi ma' pajjiżi sħab ambizzjużi li ma jiffurmawx parti mill-UE fil-perjodu ta' tħejjija għall-konferenza ta' Pariġi.

5. Għaliex il-pajjiżi kollha għandhom jikkontribwixxu u x'kontribut għandhom jagħtu?

Il-Protokoll il-ġdid għandu jirrifletti r-responsabbiltajiet nazzjonali li qed jevolvu fl-ekonomija dinjija, kif ukoll ir-realtajiet ġeopolitiċi tal-lum, u l-kapaċità tal-pajjiżi li jikkontribwixxu.

F’Novembru tal-2014, iċ-Ċina u l-Istati Uniti, iż-żewġ pajjiżi bl-aktar emissjonijiet, segwew lill-UE billi ħabbru l-miri tagħhom għal wara l-2020. Kollettivament, dawn ikopru biss madwar nofs l-emissjonijiet globali attwali. Biex ikun effettiv, il-Protokoll il-ġdid jeħtieġ li jkollu l-aktar kopertura ġeografika wiesgħa possibbli u l-ogħla livell possibbli ta’ ambizzjoni. Il-pajjiżi bl-akbar responsabbiltajiet u kapaċitajiet għandhom jagħmlu l-aktar kontributi ambizzjużi, iżda huwa importanti li l-pajjiżi kollha jkunu attivi u jintrabtu li jagħtu sehemhom. Il-kontribut ta’ kull parti għandu jirrappreżenta progress sinifikanti fil-livell ta’ ambizzjoni u fil-kamp ta' applikazzjoni meta mqabbel mal-impenn attwali tagħha. Dan għandu juri konverġenza għal-livelli baxxi ta’ emissjonijiet ġenerali kif ukoll titjib fl-intensità tal-emissjonijiet tul iż-żmien.

6. Il-ftehim il-ġdid kif jista' jgħin biex jiġi attirat il-finanzjament għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima?

It-trasformazzjoni lejn ekonomiji b’emissjonijiet baxxi u reżiljenti għat-tibdil fil-klima se teħtieġ bidliet fuq skala kbira fix-xejriet ta’ investiment. Kemm il-finanzjament pubbliku kif ukoll dak privat se jkollhom rwol importanti f'dan. Il-Protokoll għandu jipprovdi qafas biex jiġu attirati l-investimenti fi programmi u proġetti b'emissjonijiet baxxi u li huma reżiljenti għat-tibdil fil-klima għall-Partijiet tal-Protokoll il-ġdid. Dan jista’ jinkludi, pereżempju, impenn min-naħa tal-Partijiet kollha tal-Protokoll il-ġdid li jsaħħu l-hekk imsejħa “ambjenti favorevoli” sabiex jiġu promossi investimenti f’teknoloġiji b’emissjonijiet baxxi u reżiljenti għat-tibdil fil-klima. L-istabbiliment tas-sett it-tajjeb ta' kundizzjonijiet lokali speċifiċi - legali, organizzattivi, fiskali, ta' informazzjoni u politiċi - huwa essenzjali biex jiġi attirat b'suċċess il-finanzjament għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Il-Partijiet tal-Protokoll il-ġdid għandhom jintrabtu wkoll li jinkorporaw kunsiderazzjonijiet klimatiċi fil-politiki, l-istrateġiji tal-iżvilupp u l-investimenti tagħhom biex jużaw il-ħafna sinerġiji bejn l-iżvilupp u l-finanzjament għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. L-iskala sħiħa tal-finanzjament għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima meħtieġa għall-mitigazzjoni u l-adattament wara l-2020 se ssir aktar ċara hekk kif ikunu ppubblikati l-biċċa l-kbira tal-Kontributi Maħsubin Determinati fil-Livell Nazzjonali u tal-Pjanijiet ta' Adattament Nazzjonali.  

7. L-UE se tkompli tappoġġa l-azzjoni klimatika fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw?

Iva, l-UE eqd tintrabat li tkompli tappoġġa l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. L-UE żviluppat firxa wiesgħa ta’ strumenti ta’ finanzjament li jindirizzaw il-bżonnijiet finanzjarji f’pajjiżi u setturi differenti. Il-pajjiżi l-inqas żviluppati u l-aktar vulnerabbli se jibqgħu jgawdu minn aċċess preferenzjali għall-għotjiet ta’ finanzjament, pereżempju permezz tal-Alleanza Globali kontra t-Tibdil fil-Klima tal-UE jew permezz tal-programmi ta’ kooperazzjoni tal-UE ma’ pajjiżi u reġjuni speċifiċi. Flimkien mal-għotjiet ta’ finanzjament, l-UE tiffaċilita l-mobilizzazzjoni ta’ self u ta' investiment privat permezz tal-faċilitajiet ta’ investiment reġjonali tagħha. Sa mill-2007 'l hawn, dawn il-faċilitajiet għaqqdu madwar EUR 1 biljun ta' għotjiet ta' finanzjament mill-UE ma' aktar minn EUR 6 biljun ta' self pubbliku, li wasslu għal finanzjament totali tal-proġetti ta' aktar minn EUR 25 biljun f'aktar minn 120 proġett rilevanti għall-klima fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Barra minn hekk, ħafna Stati Membri tal-UE jappoġġaw lil pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw permezz ta' programmi ta' kooperazzjoni bilaterali sinifikanti ħafna u ta' fondi multilaterali bħall-Fond Ekoloġiku għall-Klima u l-Fond għall-Ambjent Dinji. Fl-2013 biss, l-UE u l-Istati Membri tagħha flimkien taw madwar EUR 9.5 biljun (madwar USD 12-il biljun) f'għotjiet u self biex jappoġġaw azzjonijiet marbutin mal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

8. X’inhu l-proċess għat-tħejjija u l-ġbir tal-kontributi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-ftehim tal-2015?

Il-Kontributi Maħsubin Determinati fil-Livell Nazzjonali se jitħejjew domestikament minn kull Parti għall-UNFCCC, hekk kif għamlu l-UE u l-Istati Membri tagħha. Ir-rekwiżiti tal-informazzjoni biex il-miri proposti jiġu deskritti b'mod ċar, trasparenti u li jiftiehem kienu stabbiliti fis-Sejħa ta' Lima għal Azzjoni marbuta mal-ġlieda kontra t-tibdil fil-Klima, maqbula fil-konferenza dwar il-klima li saret fil-Perù f'Diċembru tal-2014.

Jeħtieġ li l-Partijiet kollha jressqu l-Kontributi Maħsubin Determinati fil-Livell Nazzjonali tagħhom ferm qabel il-konferenza ta’ Pariġi. L-UE tistenna li l-pajjiżi kollha tal-G20, l-pajjiżi l-oħra b'ekonomiji kbar u l-pajjiżi l-oħra li jistgħu jagħmlu dan, iressqu l-kontributi maħsubin tagħhom sa tmiem l-ewwel tliet xhur tal-2015.

Il-kontribut propost tal-UE huwa inkluż fil-Komunikazzjoni u jistabbilixxi l-mira ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tagħha fl-għamla ta' Kontribut Maħsub Determinat fil-Livell Nazzjonali li huwa konsistenti mar-rekwiżiti maqbula. L-UE se tkun lesta tressaq il-Kontribut Maħsub Determinat fil-Livell Nazzjonali tagħha sa tmiem Marzu.

Il-UNFCCC ħolqot portal speċifiku għall-Partijiet biex dawn itellgħu l-Kontributi Maħsubin Determinati fil-Livell Nazzjonali tagħhom, li se jiġu ppubblikati fuq is-sit elettroniku tagħha. Skont il-mandat mogħti mill-konferenza dwar il-klima ta' Lima, il-UNFCCC se tħejji rapport ta' kompilazzjoni sal-1 ta' Novembru 2015 dwar l-effett aggregat tal-kontributi proposti mibgħuta lilha mill-Partijiet sal-1 ta' Ottubru 2015.

9. L-UE x'se tikkontribwixxi għall-ftehim il-ġdid?

Il-kontribut tal-UE għall-ftehim ta’ Pariġi tal-2015 se jkun mira ta' tnaqqis domestiku vinkolanti u mifrux mal-ekonomija kollha ta' "mill-anqas 40 %" tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2030. Biex tinkiseb il-mira ġenerali, is-setturi koperti mill-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet (l-EU ETS) se jkollhom inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom bi 43 % meta mqabbel mal-livelli tal-2005 sal-2030. L-emissjonijiet minn setturi li mhumiex koperti mill-EU ETS se jkollhom jitnaqqsu bi 30 % meta mqabbla mal-livell tagħhom tal-2005. Il-mira ta' “mill-anqas 40 %” hija ambizzjuża u ġusta u hija konformi ma’ perkors kosteffiċjenti għal tnaqqis tal-emissjonijiet ta' mill-anqas 80 % sal-2050.

10. X'jiġri jekk, meta jingħaddu f'daqqa, il-kontributi proposti ma jkunux biżżejjed biex jinkiseb l-għan maqbul mill-konferenza ta' Pariġi ta' taħt iż-2˚C?

Jekk l-impenji kollettivi stabbiliti f’Pariġi ma jilħqux dak li teħtieġ ix-xjenza biex jinżamm l-għan li ż-żieda tibqa' ta' taħt iż-żewġ gradi, il-Protokoll u d-deċiżjonijiet il-ġodda li għandhom jittieħdu f'Pariġi għandhom jiżguraw li d-dinja titqiegħed fit-triq it-tajba biex dan il-għan jintlaħaq kemm jista' jkun malajr.

L-ewwel nett, huwa essenzjali li l-ftehim ikun dinamiku u jkun jinkludi proċess għar-reviżjoni regolari u t-tisħiħ tal-impenji ta’ mitigazzjoni, li jkunu konsistenti mal-għanijiet fit-tul u mal-aktar riżultati riċenti li joħorġu mix-xjenza. Jekk l-isforzi kollettivi globali jonqsu milli jissodisfaw dak li huwa meħtieġ, dan il-proċess ta' ħames snin għandu jinkoraġġixxi lill-Partijiet biex iżidu l-livell ta’ impenji eżistenti f’perjodi fil-mira sussegwenti. Proċess ta’ eżami ta’ kull ħames snin, li jibda fl-2020, jgħin it-trasparenza, iċ-ċarezza u l-fehim tal-impenji ta’ mitigazzjoni tal-Partijiet fid-dawl tal-kontribut tagħhom għall-għan ta’ żieda li tibqa' taħt iż-2°C. L-eżami għandu jistieden lill-Partijiet jispjegaw il-progress tagħhom b'rabta mal-impenji ta’ mitigazzjoni tagħhom u għaliex huma jaħsbu li l-azzjoni tagħhom hija ġusta u ambizzjuża. Il-proċess għandu jqis ukoll il-kapaċità, ir-responsabbiltà u ċ-ċirkustanzi nazzjonali li jkunu qed jevolvu.

It-tieni nett, f’Pariġi għandu jiġi deċiż proċess li jibda fl-2016 u li jidentifika oqsma ta' mitigazzjoni għolja, u li jisfrutta opportunitajiet mitlufa permezz tal-kooperazzjoni internazzjonali, pereżempju bl-għajnuna tal-Fond Ekoloġiku għall-Klima.

It-tielet nett, għandha tiżdied l-azzjoni mis-settur privat, mhux governattiv u sottonazzjonali li tikkumplimenta l-azzjoni tal-gvern. Bosta inizjattivi tnedew fis-Summit dwar il-Klima tas-Segretarju Ġenerali tan-NU li sar f'Settembru tal-2014 u fil-konferenza ta' Lima dwar it-tibdil fil-klima.

11. Kif se nkunu nafu jekk il-pajjiżi humiex qed jilħqu l-miri tagħhom?

L-uniku mod kif tista’ tinkiseb il-fiduċja meħtieġa fil-Protokoll il-ġdid huwa billi jiġi żgurat li dan ikun jinkludi sistema robusta ta’ trasparenza u responsabbiltà. Is-sistema għandha tinkludi regoli legalment vinkolanti relatati mal-monitoraġġ, ir-rappurtar, il-verifika u l-kontabbiltà għall-Partijiet kollha u proċess relatat ta’ konformità.

Qafas komuni ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika u ta' kontabbilità jżomm l-integrità tal-impenji peress li jippermetti lill-Partijiet juru, b'mod trasparenti u konsistenti, li huma qegħdin iħarsu l-impenji tagħhom u li r-riżultati rrappurtati huma veri. Dan se jippermetti wkoll lill-Partijiet juru kemm qegħdin javvanzaw b'mod kollettiv u se jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa biex ifasslu politika ta' mitigazzjoni domestika effettiva. Proċess ta’ konformità se jippromovi u jiffaċilita l-implimentazzjoni effettiva u f'waqtha mill-Partijiet kollha, isaħħaħ il-fiduċja li l-Partijiet kollha qegħdin jagħmlu l-parti tagħhom u jiżgura ċ-ċertezza u l-prevedibbiltà legali. Din hija kwistjoni kritika u ewlenija biex nibqgħu fit-triq it-tajba biex niskbu l-għan ta' żieda taħt iż-2°C.

12. Xi rwol għandu jaqdi l-adattament fil-ftehim il-ġdid dwar il-klima?

Filwaqt li azzjoni ambizzjuża sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet hija essenzjali, azzjoni individwali u kollettiva bi tħejjija u adattament għall-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima hija daqstantieħor importanti. Għaldaqstant, l-adattament se jkun element ewlieni tal-Protokoll il-ġdid. Il-Protokoll il-ġdid għandu jenfasizza l-impenn tal-pajjiżi kollha li jieħdu miżuri biex jiffaċilitaw l-adattament xieraq, li jintegraw l-adattament fil-proċessi tal-ippjanar nazzjonali u reġjonali rilevanti u li jikkooperaw biex jiksbu żvilupp sostenibbli li jkun reżiljenti għat-tibdil fil-klima.

Sabiex ikun jista’ jiġi evalwat il-progress fil-ilħiq tal-għan tal-Konvenzjoni, il-Protokoll għandu jtejjeb ir-rappurtar dwar l-effettività tal-adattament u t-tagħlimiet meħuda dwar il-bini tar-reżiljenza permezz ta’ Komunikazzjonijiet Nazzjonali. Il-Protokoll għandu jżid l-għajnuna għal dawk ir-reġjuni u l-pajjiżi li huma partikolarment vulnerabbli għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima, inkluż permezz tal-għoti ta’ appoġġ finanzjarju u tekniku kif ukoll permezz tal-bini tal-kapaċità.

13. X’inhuma l-prospetti li jintlaħaq ftehim globali?

Il-prospetti huma tajbin. Waħda mill-isfidi hija li jkun żgurat li l-Protokoll il-ġdid ikun tajjeb għal ħafna snin li ġejjin. Biex jinkiseb dan, il-Protokoll għandu jkun ambizzjuż, b’saħħtu, dinamiku u kapaċi jżomm lid-dinja fit-triq it-tajba biex jinkiseb l-għan ta' żieda ta' taħt iż-2 °C.

L-UE għandha fiduċja li l-Protokoll il-ġdid se jsaħħaħ u jifrex b'mod sinifikanti l-isforzi kollettivi internazzjonali biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima. Matul l-aħħar 12-il xahar, kien hemm momentum politiku u pubbliku globali dejjem ikbar għal iktar azzjoni klimatika. Il-mira ta' tnaqqis ta' "mill-anqas" 40 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra domestiċi maqbul mill-mexxejja tal-UE f'Ottubru li għadda, flimkien mat-tħabbira dwar il-miri futuri tal-Istati Uniti u taċ-Ċina li segwew dan il-ftehim, huma xhieda ċara tal-impenn globali f'dan il-qasam. Fil-konferenza dwar il-klima ta’ Lima saru wegħdiet dwar il-Fond Ekoloġiku għall-Klima, li se jintuża biex jgħin lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, li qabżu l-10 biljun dollaru, u kważi nofs dan l-ammont ġie mill-Istati Membri tal-UE.

B’mod kruċjali, il-Ħames Rapport ta’ Valutazzjoni tal-IPCC jgħidilna li l-mira ta' żieda ta' taħt iż-2°C għadha tista' tintlaħaq - filwaqt li jenfasizza l-urġenza għal azzjoni kollettiva globali ambizzjuża.

Se tkun meħtieġa rieda politika qawwija mill-partijiet kollha, b’mod partikolari mill-G20 u minn pajjiżi oħra bi dħul għoli u medju, biex jintlaħaq ftehim effettiv.

14. X'inhuma l-passi li jmiss?

Il-Komunikazzjoni se tiġi ppreżentata lill-Ministri tal-Ambjent tal-UE fil-laqgħa tagħhom fis-6 ta’ Marzu. Fil-ġimgħat li ġejjin, l-UE se tiffinalizza l-kontribut tagħha għall-ftehim globali l-ġdid dwar il-klima biex dan jitressaq lill-UNFCCC sal-aħħar ta’ Marzu.

Il-prijoritajiet għall-UE fix-xhur li jmiss jinkludu l-iżgurar ta' djalogu u kooperazzjoni intensivi ma' pajjiżi sħab u l-inkoraġġiment ta' ekonomiji G20 u ekonomiji oħra bi dħul għoli u medju biex ikollhom irwol ewlieni permezz ta' kontributi f'waqthom u ambizzjużi, partikolarment fil-kuntest tal-Forum tal-Ekonomiji Ewlenin, il-G20 u l-G7.

Il-Kummissjoni Ewropea qed tikkunsidra li torganizza konferenza dedikata internazzjonali biex iżżid il-fehim reċiproku tal-firxa ta' kontributi proposti u l-adegwatezza tal-ambizzjoni kollettiva qabel il-konferenza ta' Pariġi.

15. Min se jibbenifika?

Il-pajjiżi kollha tad-dinja u ċ-ċittadini tagħhom se jibbenefikaw jekk it-tibdil fil-klima jinżamm milli jilħaq livelli perikolużi. Il-ħames rapport ta’ valutazzjoni tal-grupp intergovernattiv ta' esperti dwar it-tibdil fil-klima jelenka l-impatti negattivi tan-nuqqas ta' indirizzar tat-tibdil fil-klima.

Minbarra li jiġu llimitati l-impatti tat-tibdil fil-klima, il-benefiċċji speċifiċi ekonomiċi u ambjentali għall-UE jinkludu:

- aktar sigurtà tal-enerġija marbuta partikolarment ma’ anqas użu u importazzjonijiet ta' karburant fossili;

- effiċjenza tal-enerġija mtejba li bħala parti mill-politiki attwali, tgħin biex jitnaqqsu l-ispejjeż, jinħolqu l-impjiegi u tittejjeb il-kompetittività;

- tnaqqis fit-tniġġis tal-arja, li jibbenefika s-saħħa tal-bniedem;

- f’termini ta’ impjiegi, setturi ta’ tkabbir ġodda huma mistennija li joħolqu opportunitajiet f’oqsma bħalma huma l-inġinerija, il-manifattura bażika, it-tagħmir tat-trasport, il-kostruzzjoni u s-servizzi tan-negozju.

MEMO/15/4487

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku:


Side Bar