Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, l-10 ta' Settembru 2014

Mistoqsijiet u tweġibiet: Il-Kummissjoni Juncker

Il-President-elett Jean Claude Juncker illum ħabbar l-allokazzjoni tar-responsabilitajiet fit-tim tiegħu u l-mod kif se titqassam il-ħidma fil-Kummissjoni Ewropea ladarba din tieħu l-kariga. (ara IP/14/984 kif ukoll SPEECH/14/585). Dawn huma l-fatti ewlenin li għandek tkun taf.

Daqqa t'għajn lejn il-Kummissjoni Juncker

  • Tim qawwi u ta' esperjenza, il-Kummissjoni Juncker kif qed tiġi proposta tinkludi ħames eks-Prim Ministri, erba' Deputati Prim Ministri, 19-il eks-Ministru, seba' Kummissarji li qed jerġgħu jinħatru bħala tali (fosthom hemm Jyrki Katainen li kien ingħaqad mal-Kummissjoni Barroso II f'Lulju 2014 biex jieħu post Olli Rehn, u tmien eks-Membri tal-Parlament Ewropew. Fost dawn, 11 ġejjin minn sfond ekonomiku u finanzjarju qawwi, filwaqt li 8 għandhom esperjenza estensiva fir-relazzjonijiet esteri. Terz tal-Kummissarji maħtura (disa' minn 28), fosthom il-President-elett, ħadu sehem fil-kampanja tal-elezzjonijiet Ewropej ta' din is-sena.

  • Bħala tim frisk u dinamiku, il-Kummissjoni l-ġdida hija iżgħar fl-età mill-Kummissjoni preżenti. B'mod partikolari, l-età medja tal-Viċi Presidenti hija 49.

  • Hemm 9 Membri nisa, u 19-il Membru raġel fil-Kummissjoni Juncker. B'hekk in-nisa jirrappreżentaw madwar 33% tal-Kulleġġ u l-irġiel madwar 66%.

  • Tlieta fost is-seba' (42 %) Viċi Presidenti huma nisa.

  • Fost il-Membri, 14 huma affiljati mal-Partit Popolari Ewropew (EPP), 8 huma affiljati mal-Alleanza Progressiva tas-Soċjal-Demokratiċi (S&D), ħamsa huma affiljati mal-Alleanza tal-Liberali u Demokratiċi għall-Ewropea (ALDE) u wieħed huwa affiljat mal-Konservattivi u r-Riformisti Ewropej (ECR).

  • Fost il-Viċi Presidenti, ir-Rappreżentanta Għolja tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Viċi President Ewlieni huma affiljati mal-Alleanza Progressiva tas-Soċjal-Demokratiċi (S&D), tliet Viċi Presidenti huma affiljati mal-Partit Popolari Ewropew (EPP), u tnejn huma affiljati mal-Alleanza tal-Liberali u d-Demokratiċi għall-Ewropa (ALDE).

X'inhuma l-bidliet ewlenin għall-mod kif taħdem il-Kummissjoni?

Il-President-elett Jean-Claude Juncker spjega, fid-diskors li għamel lill-Parlament Ewropew fil-15 ta' Lulju 2014 li huwa jrid li l-organizzazzjoni tal-Kummissjoni tkun orjentata lejn it-twettiq tal-Linji Gwida Politiċi li abbażi tagħhom huwa ġie elett. Il-President-elett Juncker qal: "Irrid Unjoni Ewropea li hija akbar u aktar ambizzjuża fuq l-affarijiet il-kbar, u iżgħar u aktar modesta fuq l-affarijiet iż-żgħar." Huwa b'dan il-għan quddiemu li huwa għażel li l-Kummissjoni l-ġdida tkun organizzata madwar timijiet ta' proġett (ara hawn taħt).

Fil-Kummissjoni Juncker se jkun hemm sitt Viċi Presidenti apparti r-Rappreżentanta Għolja tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà li hija fl-istess ħin Viċi President tal-Kummissjoni. Se jkun hemm Viċi President Ewlieni, li se jkun inkarigat mir-Regolametazzjoni Aħjar, ir-Relazzjonijiet Interistituzjonali, l-Istat tad-Dritt u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (Frans Timmermans). Il-Viċi President Ewlieni se jaġixxi bħala l-id il-leminija tal-President, l-aktar billi jara li kull proposta tal-Kummissjoni tkun tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, li huma fil-qalba tal-ħidma tal-Kummissjoni. Bħala d-deputat tal-President, huwa se jżomm għajnejh fuq ir-relazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea mal-istituzzjonijiet Ewropej oħrajn.

Il-Viċi Presidenti se jmexxu timijiet ta' proġett, jidderieġu u jikkoordinaw il-ħidma ta' għadd ta' Kummissarji. Dan jiżgura li jkun hemm interazzjoni dimamika fost il-Membri kollha tal-Kulleġġ, u b'hekk ikun hemm anqas kompartimentalizzazzjoni u anqas strutturi statiċi.

Il-Viċi Presidenti u l-Kummissarji jkunu jiddependu b'mod reċiproku minn xulxin. Kummissarju se jkun jiddependi fuq l-appoġġ ta' Viċi President biex idaħħal inizjattiva ġdida fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni jew fuq l-Aġenda tal-Kulleġġ. Fl-istess ħin, Viċi President ikun jiddependi fuq il-kontribuzzjonijiet mill-Kummissarji tat-Tim ta' Proġett tiegħu jew tagħha għat-tlestija b'suċċess tal-proġett assenjat lilu jew lilha. Kull Membru tal-Kummissjoni għandu portafoll, xi wħud huma usa' u aktar orizzontali, filwaqt li oħrajn huma aktar speċjalizzati. Il-Membri kollha tal-Kulleġġ se jkollhom bżonn jagħmlu l-parti tagħhom f'dan il-mod ġdid ta' ħidma b'kollaborazzjoni.

X'inhu r-rwol tal-Viċi Presidenti fil-Kummissjoni Juncker?

Il-President-elett Juncker għażel li jafda lill-Viċi Presidenti b'kompiti speċifiċi li se jkollhom iwettqu.

Il-Viċi Presidenti se jkunu nkarigati minn għadd ta' proġetti ta' prijorità identifikati b'mod ċar u se jidderieġu u jikkoordinaw il-ħidma madwar il-Kummissjoni fl-oqsma ewlenin tal-Linji Gwida Politiċi, bħal ma huma l-għoti ta' impetu għall-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment, Suq Uniku Diġtali konness, Unjoni tal-Enerġija reżiljenti kif ukoll Unjoni Ekonomika u Monetarja aktar profonda u aktar ġusta. Dan jippermetti li jkun hemm kooperazzjoni ħafna aktar qawwija madwar l-oqsma ta' responsabilità, b'ħafna Kummissarji jaħdmu qrib il-Viċi Presidenti, f'formati li jistgħu jinbidlu skont il-ħtieġa u skont kif jiżviluppaw proġetti ġodda matul iż-żmien.

Il-Viċi Presidenti se jkollhom ukoll rwol strateġiku ta' għarbiel Bħala regola ġenerali, il-President mhu se jressaq l-ebda inizjattiva ġdida fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni jew fuq l-aġenda tal-Kulleġġ li ma tkunx irċeviet l-appoġġ ta' wieħed mill-Viċi Presidenti, abbażi ta' argumenti sodi u narrattiva ċara. F'dan is-sens, u meta wieħed iqis il-prijorità speċifika mogħtija għall-aġenda dwar ir-regolamentazzjoni aħjar u l-limitazzjonijiet tal-baġit, il-President se jagħti attenzjoni partikolari għall-opinjoni tal-Viċi President Ewlieni, inkarigat mir-Regolamentazzjoni Aħjar, ir-Relazzjonijiet Interistituzzjonali, l-Istat tad-Dritt u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (Frans Timmermans) u tal-Viċi President għall-Baġit u r-Riżorsi Umani (Kristalina Georgieva).

Il-Viċi Presidenti se jiddeċiedu wkoll min, fil-qasam tagħhom ta' responsabilità, se jirrappreżenta lill-Kummissjoni Ewropea fl-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra, fil-Parlamenti nazzjonali u f'fora istituzzjonali oħra fil-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali.

Il-Viċi Presidenti se jkunu appoġġjati mis-Segretarjat Ġenerali fil-kompiti tagħhom iżda se jkunu qed jistrieħu primarjament fuq kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissarji relevanti u s-servizzi li jirrappurtaw lejhom.

Kif se jaħdmu t-timijiet ta' proġett?

Tim ta' Proġett: Impetu ġdid għall-Impjiegi, it-Tkabbir u l-Investiment

Jean-Claude Juncker: "Il-prijorità ewlenin tiegħi, u l-konessjoni li għaddejja minn kull proposta li ssir hija dik li l-Ewropea terġa' tibda tikber ekonomikament u li n-nies jerġgħu jibda' jkollhom impjiegi diċenti."

Il-kap tat-tim huwa Jyrki Katainen, il-Viċi President għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività.

Waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni se tkun dik li tissaħħaħ il-kompetittività Ewropea u li jiġi stimulat l-investiment u l-ħolqien tal-impjiegi. Il-Viċi President għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività se jkollu l-kompitu b'mod partikolari li jidderieġi, jikkoordina, jippreżenta u jimplimenta pakkett ambizzjuż li jolqot l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment li għandu jippermettilna li nimmobilizzaw sa EUR 300 biljun f'investiment pubbliku u privat addizzjonali fl-ekonomija reali fuq it-tliet snin li ġejjin.

Huwa għalhekk se jkollu bżonn jidderieġi u jikkoordina l-ħidma ta' diversi Kummissarji, li kollha se jkunu qegħdin jikkontribwixxu l-parti tagħhom għall-Pakkett, u, b'mod aktar ġenerali, lejn l-għanijiet ewlenin. B'mod partikolari huwa sejjer jidderieġi u jikkoordina l-ħidma tal-Kummissarji għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji; l-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema; il-Politika Reġjonali; is-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs; l-Istabilità Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali; l-Ekonomija Diġitali u s-Soċjetà; l-Azzjoni dwar il-Klima u l-Enerġija; u t-Trasport u l-Ispazju.

Tim ta' Proġett: Suq Uniku Diġitali

Jean-Claude Juncker: "Billi noħolqu suq uniku diġitali konness, nistgħu niġġeneraw sa EUR 250 biljun fi tkabbir addizzjonali fl-Ewropa matul il-mandat tal-Kummsisjoni li jmiss, u b'hekk noħolqu mijiet ta' eluf ta' impjiegi ġodda, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ li qed ifittxu xogħol, u soċjetà dinamika bbażata fuq l-għarfien. L-UE għandha tkun fuq quddiem fl-industriji kreattivi, iżda fir-rispett sħiħ tad-diversità kulturali."

Il-kap tat-tim huwa Andrus Ansip, Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali.

Sabiex isir l-aħjar użu mill-opportunitajiet li joffru t-teknoloġiji diġitali, jeħtieġ li tispiċċa l-kompartimentalizzazzjoni nazzjonali fejn jidħlu r-regolamentazzjoni tat-telekoms, il-leġiżlazzjoni dwar id-dritt tal-awtur u l-protezzjoni tad-dejta, fil-ġestjoni tal-mewġ tar-radju u fl-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni. Ir-regoli dwar id-dritt tal-awtur, li fil-futur se jkunu taħt ir-responsabilità tal-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (Günther Oettinger), ukoll għandhom jiġu mmodernizzati fid-dawl tar-revoluzzjoni diġitali u imġiba ġdida tal-konsumatur. Għandhom ikunu ta' għajnuna fil-kostruzzjoni ta' industrija Ewropea tal-medja u tal-kontenut, ta' suċċess. Id-diversità kulturali se tibqa' prijorità tal-Kummissjoni f'dan il-kuntest.

Il-Viċi President għas-Suq Diġitali Uniku se jkollu l-kompitu b'mod partikolari li jippreżenta passi leġiżlattivi ambizzjużi lejn suq uniku diġitali konness. Huwa se jidderieġi u jikkoordina l-ħidma, b'mod partikolari, tal-Kummissarji għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali; is-Suq Intern, l-Industrija, l-Imprenditorija u l-SMEs; l-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema; il-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi; l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana; il-Politika Reġjonali; kif ukoll l-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali.

Tim ta' Proġett: Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar it-Tibdil fil-Klima li tħares 'il quddiem

Jean-Claude Juncker: "Għalhekk irrid nirriforma u nirriorganizza l-politika tal-enerġija tal-Ewropa f'Unjoni Ewropea tal-Enerġija ġdida. Jeħtieġ li niġbru flimkien ir-riżorsi tagħna, nikkombinaw l-infrastrutturi tagħna u ngħaqqdu flimkien il-poter tan-negozjar tagħna fir-rigward ta' pajjiżi terzi. Jeħtieġ li niddiversifikaw is-sorsi tal-enerġija tagħna, u nnaqqsu d-dipendenza enerġetika għolja ta' bosta mill-Istati Membri tagħna."

Il-kap tat-tim hija Alenka Bratušek, Viċi President għall-Unjoni tal-Enerġija.

L-Unjoni Ewropa għandha bżonn ta' Unjoni tal-Enerġija reżiljenti. Id-diversifikazzjoni tas-sorsi tagħna tal-enerġija, u t-tnaqqis tad-dipendenza għolja fuq l-enerġija ta' diversi mill-Istati Membri tagħna se jagħmlu lill-Unjoni Ewropea aktar indipendenti filwaqt li t-tisħiħ tas-sehem tal-enerġiji rinnovabbli u ż-żieda fl-effiċjenza tal-enerġija tal-Ewropa jkun ifisser il-ħolqien ta' impjiegi u tnaqqis fil-kosti. B'mod partikolari dan se jinkludi objettiv vinkolanti ta' 30 % għall-effiċjenza tal-enerġija sal-2030, skont l-appell tal-President-elett Juncker fid-diskors tiegħu quddiem il-Parlament Ewropew fil-15 ta' Lulju. Il-Viċi President għall-Unjoni tal-Enerġija se jkollu l-kompitu b'mod partikolari li jirriforma u jirriorganizza l-politika tal-enerġija tal-Ewropa f'Unjoni tal-Enerġija Ewropea ġdida. Il-Viċi President għall-Unjoni tal-Enerġija se jidderieġi u jikkoordina b'mod partikolari l-ħidma tal-Kummissarji għall-Azzjoni Klimatika u l-Enerġija; it-Trasport u l-Ispazju; is-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs; l-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd; il-Politika Reġjonali; l-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali; kif ukoll ir-Riċerka, ix-Xjenza u l-Innovazzjoni.

Tim ta' Proġett: Unjoni Ekonomika u Monetarja aktar profonda u aktar ġusta

Jean-Claude Juncker: Il-kriżi tinsab biss f'pawża. Jeħtieġ li nagħmlu użu minn din il-pawża sabiex nikkonsolidaw u nikkumplimentaw il-miżuri bla preċedent li ħadna matul il-kriżi, nissimplifikawhom u nagħmluhom aktar soċjalment leġittimi. Mhuwiex kompatibbli mal-ekonomija soċjali tas-suq li matul kriżi, is-sidien tal-bastimenti u l-ispekulaturi jkomplu jistgħanew, filwaqt li l-pensjonanti ma jkunux jistgħu jmantnu lilhom infushom aktar."

Il-kap tat-tim se jkun Valdis Dombrovskis, il-Viċi President għall-Euro u d-Djalogu Soċjali.

Abbażi tar-"Rapport tal-Erba' Presidenti" u tal-Pjan ta’ Azzjoni għal Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina, u fil-kunsiderazzjoni tad-dimensjoni soċjali tal-Ewropa, il-Kummissjoni trid tkompli tirriforma l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa biex tiġi preżervata l-istabilità tal-euro. Il-Viċi President għall-Euro u d-Djalogu Soċjali se jkollu b'mod partikolari l-kompitu li jżomm għajnejh fuq is-Semestru Ewropew (iċ-ċiklu tal-governanza ekonomika Ewropea) u l-koordinament, il-preżentazzjoni u l-implimentazzjoni ta' inizjattivi għat-titjib tal-konverġenza tal-politika ekonomika, dik fiskali u tax-xogħol bejn l-Istati Membri li jużaw il-euro.

Ir-riformi soċjali u l-programmi ta' aġġustament jeħtieġ li jkunu akkumpanjati minn miżuri soċjali li jwiżnuhom. Dan jista' jinkiseb biss permezz ta' djalogu kostanti mas-sħab soċjali Ewropej, mar-rappreżentanti tan-negozju u mal-għaqdiet tal-ħaddiema. L-ekonomija tas-suq soċjali tista' taħdem biss jekk ikun hemm djalogu soċjali, b'mod speċjali meta niġu għal kwistjonijiet sensittivi bħal ma huma ż-żamma tal-pagi u l-indiċizzazzjoni tal-pagi. Huwa għal dan il-għan li Viċi President speċifiku, il-Viċi President għall-Euro u d-Djalogu Soċjali, ingħata r-responsabilità għall-promozzjoni u s-sostenn tad-djalogu soċjali Ewropew.

Huwa se jidderieġi u jikkoordina b'mod partikolari l-ħidma tal-Kummissarji għall-Affarijiet Ekonnomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana; l-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema; l-Istabilità Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali; is-Suq Intern, l-Industrija, l-Imprenditorija u l-SMEs; l-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u ċ-Ċittadinanza; il-Politika Reġjonali; kif ukoll il-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi.

Il-Viċi President Ewlieni, inkarigat mir-Regolamentazzjoni Aħjar, ir-Relazzjonijiet Interistituzzjonali, l-Istat tad-Dritt u l-Karta tad-Drittijiet Fundmentali

Il-ħolqien ta' Viċi President Ewlieni, li se jkun inkarigat mir-Regolamentazzjoni Aħjar, ir-Relazzjonijiet Interistituzzjonali, l-Istat tad-Dritt, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (Frans Timmermans) isegwi l-impenn magħmul mill-President-elett Juncker lill-Parlament Ewropew. Il-Viċi President Ewlieni se jaġixxi bħala l-id il-leminija tal-President. Bħala Viċi President inkarigat mir-Regolamentazzjoni Aħjar, huwa se jara b'mod partikolari li kull proposta tal-Kummissjoni tkun tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, li huma fil-qalba tal-ħidma tal-Kummissjoni. Il-Viċi President Ewlieni se jaġixxi wkoll ta' għassies, li jħares il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Istat tad-Dritt fl-attivitajiet kollha tal-Kummissjoni. Dan huwa simbolu qawwi tal-impenn tal-Kummissjoni lejn ir-rispett tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali.

Huwa għalhekk se jkun qed jaħdem mal-Kummissarji kollha, u b'mod partikolarment mill-qrib mal-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u mal-Kummissarju għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni minħabba r-rabta mill-qrib tagħhom mad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt.

Bħala d-deputat tal-President, huwa se jkollu l-kompitu li jżomm għajnejh fuq ir-relazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea mal-Parlamenti nazzjonali u ma' istituzzjonijiet Ewropej oħrajn.

Il-Viċi President għall-Baġit u r-Riżorsi Umani

Fi żminijiet ta' sfidi ekonomiċi huwa aktar importanti minn qatt qabel li r-riżorsi umani u baġitarji jintużaw bl-aħjar effett.

Sabiex jiġi żgurat li r-riżorsi jiġu allokati skont il-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni, u sabiex jiġi żgurat li kull azzjoni twassal għall-aħjar prestazzjoni, il-Viċi President għall-Baġit u r-Riżorsi Umani (Kristalina Georgieva) se tanalizza kull inizjattiva tal-Kummissjoni fir-rigward tal-implikazzjonijiet tagħhom baġitarji u għall-persunal. Hija se tiġi mitluba wkoll li tkompli timmodernizza l-amministrazzjoni pubblika Ewropea, inkluż b'użu aktar qawwi tat-teknoloġiji diġitali. Hija se tingħata l-kompitu li tkabbar ir-rappreżentanza femminili fil-livell għoli u medju tal-amministrazzjoni tal-Kummissjoni sa 40 % sa tmiem il-mandat tagħha. Hija se tkun qed taħdem mal-Kummissarji kollha.

Ir-Rappreżentanta Għolja tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Jean-Claude Juncker: Neħtieġu li jkollna mekkaniżmi aħjar sabiex nantiċipaw b'mod bikri dak li jkun se jiġri u nidentifikaw malajr risposti komuni. Jeħtieġ li nkunu aktar effettivi f'li nġibu flimkien l-għodod tal-azzjoni esterna tal-Ewropa. Il-politika tal-kummerċ, l-għajnuna għall-iżvilupp, il-parteċipazzjoni tagħna fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u l-politika tal-viċinat tagħna jridu jiġu kkombinati u attivati skont loġika waħda."

Ir-Rappreżentanta Għolja tal-Unjoni għall-Affarijiet Esterni u l-Politika ta' Sigurtà (Federica Mogherini) hija l-"Ministru tal-Affarijiet Barranin" tal-Ewropa, li tmexxi l-politika barranija u r-rappreżentanza tal-Unjoni Ewropea fil-pajjiżi terzi u f'organizzazzjonijiet internazzjonali. Hija għandha status uniku skont it-Trattati, fl-istess ħin hija tirrappreżenta l-Istati Membri bħala r-Rappreżentanta Għolja tal-Unjoni għall-Affarijiet Esterni u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll fl-istess ħin hija tirrappreżenta l-Kummissjoni bħala waħda mill-Viċi Presidenti tagħha.

Fil-Kummissjoni, ir-Rappreżentanta Għolja tal-Unjoni għall-Affarijiet Esterni u l-Politika ta' Sigurtà/il-Viċi President se tkun responsabbli għall-proġett ta' "Attur Globali aktar qawwi", u tgħin biex tidderieġi l-attivitajiet kollha tal-Kummissjoni fejn jidħlu r-relazzjonijiet esterni.

Sabiex tikkombina l-istrumenti disponibbli fil-Kummissjoni b'mod aktar effettiv, ir-Rappreżentanta Għolja se tidderieġi u tikkoordina l-ħidma, b'mod partikolari tal-Kummissarji dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati tat-Tkabbir; il-Kummerċ; il-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali; kif ukoll l-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet. Ir-Rappreżentanta Għolja, bħala l-Viċi President fil-Kummissjoni Ewropea, trid teżerċita r-rwol sħiħ tagħha fi ħdan il-Kulleġġ tal-Kummissarji. Sabiex dan ikun possibbli, kull fejn tara li jkun meħtieġ, hija se titlob lill-Kummissarju għall-Viċinat Ewropew u n-Negozjati tat-Tkabbir u lil Kummissarji oħra biex jirrappreżentawha f'oqsma marbuta mal-kompetenza tal-Kummissjoni. B'hekk ir-Rappreżentanta Għolja tkun tista' wkoll tiffoka l-isforzi tagħha biex tikkonfronta l-isfidi ġeopolitiċi reali.

X'inhi l-bażi tat-tibdil propost fl-organizzazzjoni tal-Kummissjoni?

Skont l-Artikolu 17(6) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-organizzazzjoni tal-ħidma tal-Kummissjoni hija bi dritt prerogattiva tal-President tagħha.

L-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

(…)

6. Il-President tal-Kummissjoni għandu:

a) jistabbilixxi l-linji gwida li fuqhom għandha taħdem il-Kummissjoni;

b) jiddeċiedi dwar l-organizzazzjoni interna tal-Kummissjoni, sabiex jassigura l-koerenza, l-effiċjenza u l-kolleġġjalità tal-azzjoni tagħha;

c) jaħtar Viċi-Presidenti, barra r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, minn fost il-membri tal-Kummissjoni.

Kif jittieħdu d-deċiżjonijiet - u x'ingħidu dwar il-kolleġjalità?

Il-Membri kollha tal-Kulleġġ (il-President, il-Viċi Presidenti u l-Kummissarji) għandhom vot wieħed. Peress li d-deċiżjonijiet huma kolleġġjali, il-Kummissarji kollha għandhom sehem f'kull deċiżjoni.

Se jkun hemm Deputat tar-Rappreżentanta Għolja tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u x'se jkun ir-rwol tiegħu?

Il-President-elett Juncker laħaq qbil mar-Rappreżentanta Għolja/il-Viċi President (Federica Mogherini) dwar approċċ ġdid prammatiku għal azzjoni esterna aktar effettiva mill-Unjoni. Abbażi ta' dan, il-Kummissarji għall-Politika Ewropea ta' Viċinat u għan-Negozjati tat-Tkabbir (Johannes Hahn) u Kummissarji oħrajn se jirrappreżentaw lil Federica Mogherini f'oqsma relatati mal-kompetenza tal-Kummissjoni kull fejn hi tara li dan ikun hemm bżonnu.

Il-President-elett Juncker qal fil-Linji Gwida Politiċi tiegħu: "Beħsiebni nafda Kummissarji oħra tar-relazzjonijiet esterni bir-rwol li jiddeputizzaw għar-Rappreżenant Għoli kemm fil-ħidma tal-Kulleġġ kif ukoll fix-xena internazzjonali"

Kif se titqassam il-ħidma bejn il-Viċi President għall-Euro u d-Djalogu Soċjali u l-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji?

Il-Viċi President għall-Euro u d-Djalogu Soċjali (Vladis Dombrovkis) u l-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana (Pierre Moscovici) se jaħdmu fi spirtu ta' kolleġjalità u ta' dependenza reċiproka (ara aktar 'il fuq taħt "Viċi Presidenti"). Il-Viċi President għall-Euro u d-Djalogu Soċjali se jkun responsabbli mis-Semestru Ewropew (iċ-ċiklu Ewropew ta' governanza ekonomika) u b'hekk jidderieġi u jikkoordina l-ħidma ta' għadd ta' Kummissarji li jikkontribwixxu għas-Semestru Ewropew (ara t-tabella ta' "Tim ta' Proġett: Unjoni Ekonomika u Monetarja aktar profonda u aktar ġusta", aktar 'il fuq). Il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana għalhekk se jikkontribwixxu għal-linji ekonomiċi u fiskali tas-Semestru Ewropew, flimkien mal-Kummissarju għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema (Marianne Thyssen) li se tikkontribwixxi għal-linji tagħha fejn jidħol is-suq tax-xogħol u l-linja soċjali, u inizjattivi dwar l-approfondiment tal-Unjoni Monetarja (u b'mod aktar ġenerali għat-"Tim ta' Proġett: Unjoni Ekonomika u Monetarja aktar profonda u aktar ġusta") iżda peress li l-portafoll tiegħu huwa ħafna usa' - li jinkludi t-Tassazzjoni u d-Dwana - huwa sejjer ukoll jaħdem mal-Viċi President għall-Baġit u r-Riżorsi Umani (Kristalina Georgieva) u mal-Viċi President għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività (Jyrkji Katainen).

Għalfejn tqiegħdu taħt l-istess portafoll l-Azzjoni Klimatika u l-Enerġija?

L-Ewropa teħtieġ vuċi waħda u qawwija biex titkellem f'isem l-Unjoni Ewropea, qabel ma ssir il-laqgħa tan-Nazzjonijiet Uniti f'Pariġi fl-2015, u lil hinn minn hekk. Il-Kummissarju inkarigat mill-Azzjoni Klimatika u l-Enerġija (Miguel Arias Cañete) se jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-istrumenti kollha biex jagħmel dan, taħt id-diriġenza u l-gwida tal-Viċi President għall-Unjoni tal-Enerġija (Alenka Bratušek). L-azzjoni klimatika u l-enerġija jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku: it-tisħiħ tad-distribuzzjoni tal-enerġiji rinnovabbli mhix biss kwistjoni ta' politika responsabbli dwar it-tibdil fil-klima. Fl-istess waqt hija ħaġa imperattiva għall-politika industrijali jekk l-Ewropa għadhiex trid, fuq perjodu ta' żmien medju, enerġija li tista' tħallas għaliha. It-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija min-naħa tiegħu mhux biss ikun ta' għajnuna fil-ħolqien tal-impjiegi f'setturi ċentrali u jiffranka l-ispejjeż għall-konsumaturi, iżda permezz tiegħu l-politika Ewropea dwar l-enerġija ssir aktar sostenibbli. Fil-qosor: l-azzjoni klimatika u l-politika tal-enerġija jimxu id f'id u issa jinsabu f'par idejn wieħed.

Id-Direttorati Ġenerali għall-Klima u l-Enerġija jibqgħu żewġ servizzi distinti. Madankollu huma se jkunu responsabbli lejn Kummissarju wieħed.

Għaliex hemm Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana?

Il-portafoll il-ġdid tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana (taħt Pierre Moscovici) se jiżgura li l-politika tat-tassazzjoni u l-għaqda doganali jibqgħu parti integrali mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina u jkunu ta' kontribut għall-funzjonament bla skossi tal-qafas ta' governanza ekonomika ġenerali tal-UE. It-tassazzjoni m'għandhiex titqies biss bħala qasam iżolat ta' politika mifrud mill-qafas ekonomiku aktar wiesa' li għalih hija responsabbli l-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, b'mod partikolari meta titqies il-kriżi finanzjarja, jidher ċar li t-tassazzjoni trid tkun parti integrali mill-isforzi tal-Kummissjoni fil-ħidma lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina u profonda.

Għaliex hemm Kummissarju ġdid għall-Istabilita Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali?

Fi ftit snin biss, l-UE pproponiet serje ambizzjuża u bla preċedent ta' riformi regolatorji u superviżorji biex tiggarantixxi l-istabilità finanzjarja u ttejjeb is-superviżjoni tas-swieq finanzjarji. Għalhekk wasal iż-żmien li l-kompetenza u r-responsabilità eżistenti jiġu ffukati f'post wieħed. Il-Kummissarju għall-Istabilità Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (Jonathan Hill) b'mod partikolari se jkun qiegħed jara li l-Kummissjoni tibqa' attiva u viġilanti fl-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda ta' superviżjoni u ta' riżoluzzjoni, biex il-banek Ewropej isiru aktar robusti sabiex ikun jistgħu jerġgħu jibdew isellfu lill-ekonomija reali.

L-impriżi ż-żgħar u medji huma s-sinsla tal-ekonomija Ewropea. L-eliminazzjoni tal-frammentazzjoni finanzjarja fis-swieq tas-self tkun ta' għajnuna għalihom biex jiffjorixxu u jtejbu l-prestazzjoni ekonomiika tagħhom. It-tragward li jmiss ikun ukoll li jiġu żviluppati u integrati swieq kapitali li huma sors aħjar tal-kreditu mill-kreditu tal-bank meta niġu għall-iffinanzjar ta' proġetti innovattivi u ta' investiment għat-tul.

Il-Kummissarju għall-Istabilità Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali se jkun ukoll responsabbli mir-relazzjonijiet mal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA); l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA); l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA); il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ESRB) u l-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRB, li għandu jkun qed jopera mill-2015).

Għaliex tqiegħdu f'portafoll wieħed l-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd?

Il-politiki dwar l-ambjent, l-affarijiet marittimi u s-sajd għandhom komuni bejniethom l-ewwel nett il-ħtieġa li jiġu kkonservati r-riżorsi naturali u t-tieni li huma kollha vetturi kruċjali għall-kompetittività tagħna. Il-portafolli tal-Ambjent u l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd ġew magħquda (taħt Karmenu Vella) biex jirriflettu l-loġika doppja ta' Tkabbir "Ikħal" u dak "Aħdar" - il-politiki tal-konservazzjoni ambjentali u maritima jista' jkollhom rwol ċentrali fil-ħolqien tal-impjiegi, it-tħaris tar-riżorsi, l-istimolu għat-tkabbir u t-tħajjir tal-investiment. Il-protezzjoni tal-ambjent u ż-żamma tal-kompetittività tagħha jridu jmorru id f'id: it-tnejn jikkonċernaw futur sostenibbli.

Għaliex ma hemmx Kummissarju responsabbli biss mit-Tkabbir?

Il-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati tat-Tkabbir (Johannes Hahn) se jkun responsabbli għal politika ta' viċinat imsaħħa, iżda wkoll għan-negozjati tat-tkabbir li għaddejjin.

Fil-Linji Gwida Politiċi tiegħu, il-President-elett Juncker qal: "L-UE teħtieġ li tieħu pawża mit-tkabbir sabiex inkunu nistgħu nikkonsolidaw dak li nkiseb fost it-28. Huwa għalhekk li, waqt il-Presidenza tiegħi tal-Kummissjoni, in-negozjati li jinsabu għaddejjin se jkomplu, u b'mod partikolari l-Balkani tal-Punent se jkunu jeħtieġu li jżommu perspettiva Ewropea, iżda mhuwiex se jsir aktar tkabbir matul il-ħames snin li ġejjin."

X'inhuma l-passi li jmiss qabel ma l-Kummissjoni Juncker tidħol fil-kariga?

Il-President-elett Jean-Claude Juncker ikkomunika l-lista tal-Kummissarji maħtura lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-5 ta' Settembru 2014.

Dan wara sensiela ta' intervisti li saru ma' kull wieħed mill-kandidati, personalment mal-President-elett kif ukoll il-ħatra, fit-30 ta' Awwissu, bi qbil mal-President-elett, tar-Rappreżentanta Għolja tal-Unjoni għall-Affarijiet Esteri u l-Politika ta' Sigurtà, li se tkun ukoll Viċi President fil-Kummissjoni.

Il-lista finali tal-Kummissarji maħtura ġiet adottata fi qbil komuni mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 17(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fil-5 ta' Settembru 2014.

Fil-pass li jmiss, il-Parlament Ewropew irid jagħti l-kunsens tiegħu lill-Kulleġġ kollu tal-Kummissarji, inkluż il-President u r-Rappreżentanta Għolja tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurta/il-Viċi President tal-Kummissjoni Eworpea. Qabel dan ikun hemm is-seduti mal-Kummissarji maħtura fil-kumitat relevanti tal-parlament, skont ir-Regola 118 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament. Darba li l-Parlament Ewropew ikun ta l-kunsens tiegħu, il-Kunsill Ewropew jaħtar formalment il-Kummissjoni Ewropea, skont l-Artikolu 17(7) TUE.

Għal aktar tagħrif

Ara IP/14/984

Wara kampanja madwar l-UE kollha, Jean-Claude Juncker ġie propost bħala kandidat għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea mill-Kunsill Ewropew fis-27 ta' Ġunju 2014. Abbażi tal-Linji Gwida Politiċi li huwa ppreżenta lill-Parlament Ewropew, Jean-Claude Juncker ġie elett biex isir il-President li jmiss tal-Kummissjoni Ewropea b'maġġoranza qawwija ta' 422 vot fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fil-15 ta' Lulju 2014.

Il-websajt tal-President-elett Jean-Claude Juncker:

http://ec.europa.eu/about/juncker-commission

Il-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss: "Bidu Ġdid għall-Ewropa: L-Aġenda tiegħi għall-Impjiegi, it-Tkabbir, il-Ġustizzja u t-Tibdil Demokratiku":

http://ec.europa.eu/news/eu_explained/140715_mt.htm

Segwi lill-President fuq Twitter: @JunckerEU #TeamJunckerEU

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefon 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bil-posta elettronika


Side Bar