Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-pakkett ta’ proċeduri ta’ ksur għax-xahar ta’ Lulju: id-deċiżjonijiet prinċipali

European Commission - MEMO/14/470   10/07/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, l-10 ta’ Lulju 2014

Il-pakkett ta’ proċeduri ta’ ksur għax-xahar ta’ Lulju: id-deċiżjonijiet prinċipali

Bil-pakkett tagħha ta’ kull xahar dwar deċiżjonijiet ta’ ksur, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tieħu azzjoni legali kontra xi Stati Membri minħabba li naqsu milli jikkonformaw b’mod xieraq mal-obbligi tagħhom skont il-liġi tal-UE. Dawn id-deċiżjonijiet li jkopru diversi setturi għandhom l-għan li jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tal-liġi għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji.

Illum il-Kummissjoni ħadet 419 deċiżjoni, li jinkludu 63 opinjoni motivata u 14-il rinviju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Hawn taħt hawn sommarju tad-deċiżjonijiet prinċipali. Għal aktar tagħrif dwar il-proċedura ta’ ksur, ara l-MEMO/12/12.

Każijiet ewlenin li jinvolvu lil xi Stati Membri

Ajru Uniku Ewropew: Il-Kummissjoni tħeġġeġ lil tmintax-il Stat Membru sabiex jieħdu pass deċiżiv lejn il-ġestjoni ta’ spazju tal-ajru komuni

Illum il-Kummissjoni talbet formalment lill-Awstrija, lill-Bulgarija, lill-Kroazja, lil Ċipru, lir-Repubblika Ċeka, lill-Greċja, lill-Ungerija, lill-Irlanda, lill-Italja, lil-Litwanja, lil Malta, lill-Polonja, lill-Portugall, lir-Rumanija, lis-Slovakja, lis-Slovenja, lil Spanja u lir-Renju Unit, membri ta’ sitt Blokki ta’ Spazju tal-Ajru Funzjonali (FABs) differenti sabiex itejbu l-FABs tagħhom, spazju tal-ajru komuni rranġat skont il-flussi tat-traffiku pjuttost milli skont il-fruntieri statali. L-FABs huma pass kruċjali lejn sistema tal-avjazzjoni Ewropea aktar effiċjenti, inqas għalja u li tagħmel inqas ħsara lill-ambjent.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Siim Kallas, responsabbli għat-trasport, qal: "Hemm bżonn li finalment ngħelbu l-fruntieri nazzjonali fl-ispazju tal-ajru Ewropew. L-FABs huma komponent meħtieġ u vitali għall-Ajru Uniku Ewropew. Bħalissa dawn l-ispazji tal-ajru komuni jeżistu biss fuq il-karta; huma stabbiliti b’mod formali iżda għadhom ma bdewx jaħdmu. Inħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex ikabbru l-ambizzjonijiet tagħhom u jirsistu għall-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku"

(Għal aktar tagħrif: IP/14/818 - H. Kearns - Tel. +32 229 87638 - Mowbajl +32 498 98 7638)

Rinviji quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Effiċjenza fl-enerġija fil-bini: Il-Kummissjoni tressaq lill-AWSTRIJA u lill-POLONJA quddiem il-Qorti; titlob ħlasijiet ta' penali ta' kuljum

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Awstrija u lill-Polonja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE minħabba li naqsu li jimplimentaw b’mod sħiħ id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija u pproponiet li l-Qorti timponi penali ta' kuljum ta' €39,592.80 fuq l-Awstrija u ta' €96,720 fuq il-Polonja, li għandhom jitħallsu mid-data tad-deċiżjoni tal-Qorti sa meta tiġi implimentata kompletament id-Direttiva. Il-livell tal-penali propost iqis ukoll it-tul ta' żmien u l-gravità tal-infrazzjoni. L-ammont finali tal-penali ta' kuljum jiġi deċiż mill-Qorti. Id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu u japplikaw rekwiżiti minimi ta’ rendiment tal-enerġija għall-bini kollu, jiżguraw li r-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija jiġi ċċertifikat u jiżguraw li s-sistemi ta’ tisħin u tal-arja kkundizzjonata jiġu spezzjonati b’mod regolari. Barra minn hekk, id-Direttiva titlob lill-Istati Membri jiżguraw li sal-2021 kull bini ġdid ikun dak li jissejjaħ bini li ma juża kważi ebda enerġija. L-Istati Membri kienu dovuti jimplimentaw id-Direttiva fil-liġi nazzjonali sad-9 ta’ Lulju 2012.

(Għal aktar tagħrif: IP/14/813 - S. Berger - Tel. +32 229 92792 - Mowbajl +32 460 792 792)

Il-moviment liberu tal-oġġetti: Il-Kummissjoni tressaq lir-REPUBBLIKA ĊEKA quddiem il-Qorti minħabba regoli dwar l-imbollar tal-ġojjellerija

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lir-Repubblika Ċeka quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE minħabba r-regoli tagħha dwar l-imbollar tal-ġojjellerija. L-uffiċċju tal-Analiżi Ċek jeħtieġ li ċerti oġġetti ta’ ġojjellerija importati minn pajjiż ieħor tal-UE jiġu ttimbrati b’boll ieħor nazzjonali, minkejja l-fatt li l-oġġetti inkwistjoni jkunu diġà ġew imbollati b’mod legali u mqiegħda fuq is-suq fl-UE. Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan ir-rekwiżit jikser Ir-regoli tat-Trattat tal-UE dwar il-moviment liberu tal-oġġetti fl-UE u għalhekk talbet lill-Qorti tiddeċiedi dwar dan il-każ.

(għal aktar tagħrif: IP/14/785 - C. Corazza - Tel. +32 229 51752 - Mowbajl +32 498 99 2862)

Prodotti tat-tabakk: Il-Kummissjoni tressaq lid-DANIMARKA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE minħabba li ma pprojbixxietx il-bejgħ ta’ kull forma ta’ snus

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lid-Danimarka quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (QĠUE) talli naqset milli temenda l-liġi nazzjonali tagħha sabiex tipprojbixxi kwalunkwe forma ta’ snus.

Peress li d-Danimarka ma pprojbixxietx għal kollox il-bejgħ ta’ kwalunkwe forma ta’ snus, fil-25 ta’ Ottubru 2012 il-Kummissjoni Ewropea talbet lid-Danimarka sabiex tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tikkonforma mad-Direttiva 2001/37/KE u sabiex tinforma lill-Kummissjoni dwar il-miżuri ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali adottati fi żmien xahrejn (ara l-Kummissjoni Ewropea - MEMO/12/794 - 24/10/2012).

S’issa, id-Danimarka għadha ma nnotifikat l-ebda miżura lill-Kummissjoni u għadha qiegħda tikser il-liġi tal-UE. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq il-każ quddiem il-QĠUE.

(Għal aktar tagħrif: IP/14/812 - F. Vincent - Tel. +32 229 87166 - Mowbajl +32 498 98 7166)

Akkwist pubbliku: Il-Kummissjoni tressaq lill-GREĊJA quddiem il-Qorti minħabba nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-UE fis-settur tal-kostruzzjoni

Illum il-Kummissjoni Ewropea ħadet id-deċiżjoni li tressaq lill-Greċja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE minħabba nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-UE dwar l-akkwisti pubbliċi fis-settur tal-kostruzzjoni.

Il-leġiżlazzjoni Griega tistabbilixxi sistema ta’ reġistrazzjoni obbligatorja għal kull kumpanija ta’ kostruzzjoni nazzjonali approvata, billi taqsamhom fi klassijiet, b’kull klassi tikkorrispondi għal medda speċifika ta’ baġit minimu u massimu. F’dak li jirrigwarda l-proċeduri tal-offerti, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jaċċettaw biss lil dawk il-kumpaniji li huma rreġistrati f’xi wħud minn dawn il-klassijiet, skont il-medda ta’ baġit previst għall-kuntratt maħsub. B’dan il-mod, il-leġiżlazzjoni Griega tistabbilixxi sistema li tiddetermina minn qabel liema operaturi ekonomiċi jistgħu jieħdu sehem f’kull proċedura tal-offerti. Din is-sistema ta’ reġistrazzjoni obbligatorja twassal għall-esklużjoni ta’ kumpaniji li għandhom il-kapaċità ekonomika, finanzjarja, professjonali u teknika sabiex iwettqu kuntratt partikolari mill-offerta, sempliċement għaliex il-kapaċità finanzjarja tagħhom hija differenti – normalment akbar – mill-klassi ta’ baġit speċifiku li huwa permess għal proċedura partikolari. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet nazzjonali jillimitaw l-opportunitajiet tas-suq għall-impriżi u jfixklu l-kompetizzjoni fost l-operaturi ekonomiċi. Il-Kummissjoni tikkunsidra li din l-iskema legali restrittiva tikser id-Direttiva 2004/18/KE u l-prinċipji fundamentali tat-trattament ugwali u tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni, li fuqhom huma bbażati r-regoli tal-UE dwar l-akkwisti pubbliċi.

(Għal aktar tagħrif: IP/14/807 - C. Hughes - Tel. +32 229 64450 - Mowbajl +32 498 96 4450)

Ambjent: Il-Kummissjoni tressaq lil Spanja quddiem il-Qorti fir-rigward ta' landfills mhux konformi u konnessjoni ferrovjarja ta' veloċità għolja

Il-Kummissjoni Ewropea qed tressaq lil Spanja quddiem il-Qorti għal żewġ infrazzjonijiet (mhux relatati) tal-leġiżlazzjoni ambjentali. L-ewwel każ jikkonċerna mmaniġġjar tal-iskart fjakk: minkejja twissijiet preċedenti mill-Kummissjoni, għadd ta' landfills Spanjoli għadhom qed jitħaddmu bi ksur tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-landfills. It-tieni każ jirrigwardja l-konnessjoni ferrovjarja ppjanata bejn Sevilla u Almerija, li għaliha ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt adegwata. Fi sforz biex Spanja titħeġġeġ tirrettifika dawn il-kwistjonijiet, il-Kummissjoni se tressaq lil Spanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjarju inkarigat mill-Ambjent Janez Potočnik.

(Għal aktar tagħrif: IP/14/814 - J. Hennon - Tel. +32 229 53593 - Mowbajl +32 498 95 3593)

Il-Kummissjoni tressaq lill-FINLANDJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minħabba li ma għandhiex korp ta’ ugwaljanza razzjali għall-kwistjonijiet tax-xogħol

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Finlandja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE bħala minħabba li l-korp tal-ugwaljanza tagħha ma jistax iwettaq il-kompiti meħtieġa relatati mal-ugwaljanza razzjali fil-qasam tax-xogħol.

L-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali (2000/43/KE) jitlob li l-Istati Membri jistabbilixxu korp nazzjonali għall-ugwaljanza u jagħtuh b’mod formali kompiti speċifiċi li jinkludu: l-għoti ta’ għajnuna lill-vittmi, it-twettiq ta’ stħarriġ indipendenti, l-ippubblikar ta’ rapporti indipendenti u l-ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet fil-qasam tad-diskriminazzjoni. Il-Kummissjoni tissorvelja b’mod strett l-implimentazzjoni korretta tad-Direttiva fir-rigward tal-korpi ta’ ugwaljanza, peress li dawn il-korpi huma l-għassiesa tal-ugwaljanza fil-post u għalhekk għandhom rwol essenzjali x’jaqdu sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali.

Minkejja diskussjonijiet twal mal-Finlandja wara Avviż ta’ Intimazzjoni u Opinjoni Motivata, ma kien hemm l-ebda progress konkret.

(Għal aktar tagħrif: IP/14/811 - J. Salsby Tel. +32 2 297 24 59)

Tassazzjoni: FRANZA titressaq quddiem il-Qorti minħabba għotjiet lil organizzazzjonijiet ta’ interess ġenerali barranin

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tirreferi għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea minħabba s-sistema fiskali Franċiża ta’ għotjiet li jsiru lil organizzazzjonijiet li għandhom għanijiet ta’ interess ġenerali u li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor tal-UE jew taż-ŻEE.

Franza teżenta mill-miżati ta’ reġistrazzjoni (miżati ta’ ċessjoni b’xejn) id-donazzjonijiet u l-legati li jsiru favur organizzazzjonijiet pubbliċi jew ta’ servizz pubbliku, fosthom dawk tal-kartità, stabbiliti fi Franza. Dawn huma istituzzjonijiet pubbliċi jew ta’ servizz pubbliku li r-riżorsi tagħhom huma ddedikati esklussivament għal xogħlijiet xjentifiċi, kulturali, artistiċi, lil assoċjazzjonijiet reliġjużi eċċ., li jwettqu l-attivitajiet tagħhom fit-territorju Franċiż.

(Għal aktar tagħrif: IP/14/808 - E. Traynor - Tel. +32 229 21548 - Mowbajl +32 498 98 3871)

Tassazzjoni: Il-Kummissjoni tressaq lill-PORTUGALL quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minħabba regoli dwar id-dazju tas-sisa għas-sigaretti

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Portugall quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talli naqas milli jibdel ir-regoli tiegħu dwar id-dazji tas-sisa marbuta mal-kummerċjalizzazzjoni tas-sigaretti. Fil-Portugall, hemm stabbilit limitu ta’ żmien għall-bejgħ tas-sigaretti, relatat mat-timbru fiskali fuq il-pakkett. Id-disinn tal-marki tat-taxxa fil-Portugall jinbidel b’mod regolari u spiss ma’ din il-marka ġdida tapplika wkoll rata tat-taxxa ġdida. Is-sigaretti ma jistgħux jinbiegħu aktar minn tliet xhur wara li tintemm is-sena li fiha jkunu nħarġu għall-konsum.

Taħt il-liġi tal-UE (Id-Direttiva 2008/118/KE), id-dazju tas-sisa fuq il-prodotti tat-tabakk għandhom jitħallsu bir-rata applikabbli fid-data li fiha jiġu rilaxxati għall-konsum. Ma hemm l-ebda dispożizzjoni taħt il-leġiżlazzjoni tal-UE li tippermetti lill-Istati Membri jżidu dazju supplementari għal din ir-rata ta’ taxxa tad-data tar-rilaxx, jew li jillimitaw id-distribuzzjoni ta’ prodotti tat-tabakk għal raġunijiet fiskali.

(Għal aktar tagħrif: IP/14/809 - E. Traynor - Tel. +32 229 21548 - Mowbajl +32 498 98 3871)

Il-Kummissjoni tressaq lill-PORTUGALL quddiem il-Qorti minħabba t-trattament tad-drenaġġ

Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tressaq lill-Portugall quddiem il-Qorti minħabba li naqas li jiżgura li d-drenaġġ mill-agglomerazzjonijiet iż-żgħar jiġi ttrattat kif xieraq. In-nuqqas ta’ sistemi adegwati ta’ ġbir u trattament, meħtieġa mil-Leġiżlazzjoni tal-UE għall-agglomerazzjonijiet iż-żgħar mill-2005, joħloq riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall- ilmijiet interni u għall-ambjent tal-baħar. Minkejja progress tajjeb minn meta l-Kummissjoni bagħtet ‘opinjoni motivata’ lill-Portugall dwar din il-kwistjoni fl-2009, in-nuqqasijiet konsiderevoli attwali wasslu lill-Kummissjoni, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik, sabiex tirreferi l-każ lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(Għal aktar tagħrif: IP/14/815 - J. Hennon - Tel. +32 229 53593 - Mowbajl +32 498 95 3593)

Tassazzjoni: Il-Kummissjoni tressaq lir-Renju Unit quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minħabba li naqas li jikkonforma mar-regoli tal-UE dwar il-karburant immarkat

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lir-Renju Unit quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea minħabba li ma applikax kif xieraq ir-regoli dwar l-immarkar fiskali fuq il-karburant.

Taħt ir-regoli tal-UE, il-karburant li jista’ jibbenefika minn rata ta’ taxxa mnaqqsa għandu jkun immarkat b’żebgħa kkulurita. Id-dgħajjes tas-sajd, pereżempju, għandhom permess li jibbenefikaw minn karburant intaxxat inqas iżda d-dgħajjes ta’ rikreazzjoni privati għandhom jużaw karburant soġġett għal rata standard.

Attwalment, il-liġi tar-Renju Unit ma titlobx li d-distributuri tal-karburant ikollhom żewġ tankijiet separati tal-karburant sabiex jiddistingwu bejn il-karburant immarkat intaxxat inqas u l-karburant soġġett għar-rata standard. Minħabba f’hekk is-sidien tad-dgħajjes ta’ rikreazzjoni privati spiss ikunu f’sitwazzjoni fejn ikunu jistgħu jixtru biss karburant immarkat. Għalhekk, id-dgħajjes ta’ rikreazzjoni privati jistgħu ma jħallsux l-ammont ġust ta’ taxxa, peress li jixtru karburant li normalment huwa maħsub għad-dgħajjes tas-sajd. Dan mhux biss imur kontra r-regoli tal-UE dwar is-sisa, iżda jpoġġi wkoll lis-sidien tad-dgħajjes privati f’riskju ta’ penali kbar jekk jiġu kkontrollati mill-awtoritajiet lokali meta jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor.

(Għal aktar tagħrif: IP/14/810 - E. Traynor - Tel. +32 229 21548 - Mowbajl +32 498 98 3871)

Opinjonijiet motivati

Id-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali: il-Kummissjoni tħeġġeġ lil 12-il Stat Membru jinnotifikaw l-implimentazzjoni sħiħa tar-regoli dwar il-kura tas-saħħa transkonfinali

Illum, il-Kummissjoni Ewropea bagħtet talba formali lill-Awstrija, lill-Belġju, lill-Bulgarija, lill-Ġermanja, lill-Estonja, lill-Greċja, lill-Finlandja, lil Franza, lill-Irlanda, lil-Lussemburgu, lill-Polonja u lir-Renju Unit sabiex jinnotifikaw l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar il-kura tas-saħħa transkonfinali (2011/24/UE). Din id-Direttiva tiċċara d-drittijiet tal-pazjenti li jagħżlu li jirċievu kura tas-saħħa fi Stat Membru ieħor, u jitolbu r-rimborż għaliha lura f’pajjiżhom. Titlob ukoll li s-sistemi tas-saħħa u l-fornituri tas-saħħa jiżguraw li l-pazjenti jingħataw l-informazzjoni li jeħtieġu sabiex jagħmlu għażla informata dwar il-kura tagħhom fi Stat Membru ieħor. Id-Direttiva ġiet implimentata b’mod parzjali mill-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Franza, l-Awstrija, il-Polonja, il-Finlandja u r-Renju Unit, iżda ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva jidhru li għadhom neqsin. Dawn ivarjaw minn implimentazzjoni ċara tar-regoli stipulati fid-Diretttiva għar-rimborż tal-kura tas-saħħa li wieħed jingħata barra l-pajjiż, għal obbligu tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali li jgħinu lil xulxin jifhmu l-fatturi. L-Irlanda u l-Lussemburgu ma nnotifikaw l-ebda miżura biex jittrasponu d-Direttiva.

Sal-lum, l-Istati Membri msemmija hawn fuq ma bidlux jew ma ttrasponewx għal kollox din id-Direttiva f’liġi nazzjonali, minkejja li kienu meħtieġa jagħmlu dan sal-25 ta’ Ottubru 2013. Dawn il-pajjiżi għandhom xahrejn sabiex jinformaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda sabiex jimplimentaw id-Direttiva 2011/24/UE. Jekk jonqsu li jinnotifikaw miżuri adegwati, il-Kummissjoni tista’ tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

(Għal aktar tagħrif: F. Vincent - Tel. +32 229 87166 - Mowbajl +32 498 98 7166)

Riċetti mediċi: Erba' Stati Membri mħeġġa jinnotifikaw l-implimentazzjoni tar-regoli dwar ir-rikonoxximent tar-riċetti maħruġa fi Stat Membru ieħor

Illum, il-Kummissjoni Ewropea bagħtet talba formali lill-Belġju, lill-Irlanda, lil-Lussemburgu u lill-Portugall sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva li tistabbilixxi l-miżuri li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent transkonfinali tar-riċetti mediċi (2012/52/UE). Din id-Direttiva għandha l-għan li żżid il-kapaċità tal-ispiżjara li jifhmu u jiddispensaw riċetti maħruġa fi Stat Membru ieħor lil pazjenti li jkunu qegħdin jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal kura tas-saħħa transkonfinali. Teżiġi li l-Istati Membri tal-UE jiżguraw li r-riċetti li għandhom jintużaw fi Stat Membru ieħor ikun fihom ċertu numru ta’ elementi, li huma stipulati fl-Anness għad-Direttiva.

Sal-lum, dawn l-Istati Membri msemmija hawn fuq ma ttrasponewx din id-Diretttiva f’liġi nazzjonali, minkejja li kienu meħtieġa jagħmlu dan sal-25 ta’ Ottubru 2013. Il-pajjiżi għandhom xahrejn sabiex jinformaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li jieħdu sabiex jittrasponu d-Direttiva 2012/52/UE. Jekk jonqsu li jimplimentaw miżuri adegwati, il-Kummissjoni tista’ tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(Għal aktar tagħrif: F. Vincent - Tel. +32 229 87166 - Mowbajl +32 498 98 7166)

Il-Kummissjoni titlob lill-BULGARIJA, lill-GREĊJA u lis-SLOVENJA jiżguraw l-iskambju elettroniku ta’ informazzjoni dwar is-sajd ma’ Stati Membri oħrajn

Il-Kummissjoni bagħtet talba formali lill-Bulgarija, lill-Greċja u lis-Slovenja sabiex jiżguraw il-konformità sħiħa mar-Regolamentt tal-UE dwar il-Kontroll tas-Sajd, b’mod partikolari l-obbligi li jiżguraw l-iskambju elettroniku dirett ta’ informazzjoni rilevanti dwar is-sajd ma’ Stati Membri oħrajn.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu s-sistemi meħtieġa li jippermettulhom jiskambjaw b’mod elettroniku dejta dwar is-sajd. In-nuqqas ta’ sistema bħal din tista’ tfixkel lill-bastimenti ta’ Stati Membri oħrajn milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jistadu f’dawn it-tliet pajjiżi u milli jinżlu l-art u jbiegħu l-ħut fit-territorju tagħhom. Bl-istess mod, il-bastimenti tas-sajd irreġistrati fil-Bulgarija, fil-Greċja jew fis-Slovenja jistgħu ma jitħallewx jistadu barra l-ilmijiet tagħhom stess u jinżlu jew ibiegħu ħut f’pajjiżi oħrajn tal-UE.

Is-sistema għandha tiskambja informazzjoni bħal dejta dwar is-sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti, informazzjoni dwar il-ġurnal tas-sajd ta’ abbord, l-iżbark u dikjarazzjonijiet oħrajn. Dawn ir-rekwiżiti huma obbligatorji mill-1 ta’ Jannar 2010 għall-Istati Membri kollha. L-applikazzjoni sħiħa u korretta tar-regoli tal-UE dwar is-Sajd hija prijorità għall-Kummissjoni u għandha l-għan li tiżgura prattiki tas-sajd sostenibbli.

Fin-nuqqas ta’ risposta sodisfaċenti fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista’ tressaq lil dawn l-Istati Membri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(għal aktar tagħrif: H. Banner – Tel. +32 229 52407 - Mowbajl: +32 460 75 2407)

Id-drittijiet tal-awtur: Il-Kummissjoni titlob lil FRANZA, lill-POLONJA u lir-RUMANIJA japplikaw ir-regoli tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea llum talbet li Franza, il-Polonja u r-Rumanija jimplimentaw b’mod sħiħ id-Direttiva 2011/77/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2011 li temenda d-Direttiva 2006/116/KE dwar il-perjodu ta' protezzjoni ta' drittijiet tal-awtur u ta' ċerti drittijiet relatati. Id-Direttiva testendi l-perjodu ta’ protezzjoni għall-artisti u r-reġistrazzjonijiet awdjo minn 50 għal 70 sena u tinkludi miżuri ta’ akkumpanjament, eż. il-klawżoli “użah jew itilfu” li issa għandhom ikunu inklużi fil-kuntratti bejn l-artisti u l-kumpaniji tad-diski tagħhom. L-iskadenza għall-implimentazzjoni tad-Direttiva fil-liġi nazzjonali kienet l-1 ta’ Novembru 2013. Madankollu, Franza, il-Polonja u r-Rumanija s’issa għadhom ma nnotifikawx miżuri ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. It-talba tal-Kummissjoni tieħu l-għamla ta’ opinjoni motivata, it-tieni stadju tal-proċeduri ta’ ksur tal-UE. Jekk ma tiġi nnotifikata l-ebda miżura fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tressaq lil Franza, lill-Polonja u lir-Rumanija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Aktar tagħrif dwar il-perjodu ta’ protezzjoni.

(Għal aktar tagħrif: C. Hughes - Tel. +32 2 296 44 50 - Mowbajl +32 498 964450)

It-trasport tat-triq: Il-Kummissjoni titlob lill-IRLANDA, lill-PORTUGALL, lis-SLOVENJA u lir-RENJU UNIT sabiex jimplimentaw ir-regoli tal-UE għan-noll tat-triq għat-trakkijiet

Il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Irlanda, lill-Portugall, lis-Slovenja u lir-Renju Unit sabiex jadottaw il-miżuri meħtieġa għall-applikazzjoni korretta tal-hekk imsejħa ‘Direttiva Eurovignette’ (Direttiva (UE) Nru 2011/76). Din id-Direttiva testendi l-ambitu tad-direttiva Ewropea dwar in-noll għall-użu tat-toroq li jagħmlu parti min-netwerk TEN-T għall-awtostradi kollha tal-Ewropa. Tagħti wkoll lill-Istati Membri l-għażla li jitolbu l-ħlas ta’ noll mit-trakkijiet talli jikkawżaw “spejjeż esterni” bħat-tniġġis u l-istorbju minbarra spejjeż ta’ infrastruttura (kostruzzjoni, manutenzjoni u l-operat tal-infrastruttura tat-toroq). In-nuqqas ta’ konsistenza fl-implimentazzjoni madwar l-UE jista’ jwassal għal inċertezza legali fost it-trasportaturi. Il-leġiżlazzjoni kellha tddaħħal sat-13 ta’ Ottubru 2013. Jekk l-Irlanda, il-Portugall, is-Slovenja u r-Renju Unit jonqsu milli jirreaġixxu b’mod sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista’ tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea. Il-Kummissjoni fetħet proċeduri ta’ ksur kontra l-Irlanda, il-Portugall, is-Slovenja u r-Renju Unit dwar il-kwistjoni f’Novembru 2013, u issa qiegħda tintbagħat opinjoni motivata (it-tieni stadju fil-proċeduri tal-ksur tal-UE). L-Irlanda, il-Portugall, is-Slovenja u r-Renju Unit għandhom xahrejn sabiex iwieġbu lill-Kummissjoni.

(Għal aktar tagħrif: H. Kearns - Tel. +32 229 87638 - Mowbajl +32 498 98 7638)

  • L-ambjent: Il-Kummissjoni titlob lill-BULGARIJA u lil-LATVJA sabiex jaġixxu dwar it-tniġġis tal-arja

Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda titlob lill-Bulgarija u lil-Latvja sabiex itejbu l-protezzjoni għaċ-ċittadini mit-tniġġis tat-trab fin (PM10). Dawn il-partiċelli żgħar ħafna jistgħu jikkawżaw l-ażżma, problemi kardjovaskolari, il-kanċer tal-pulmun u l-mewt qabel iż-żmien. Il-partiċelli ġejjin mill-emissjonijiet tal-industrija, tat-traffiku u mit-tisħin tad-djar. Taħt il-liġi tal-UE, l-Istati Membri għandhom jillimitaw l-espożizzjoni taċ-ċittadini għal dawn il-partiċelli. Iċ-ċittadini fis-sitt żoni u l-agglomerazzjonijiet kollha fil-Bulgarija (AG Sofia, AG Plovdiv, AG Varna, it-Tramuntana, il-Lbiċ u x-Xlokk) ġew esposti għal livelli eċċessivi ta’ PM10 minn mill-inqas l-2007. Fil-Latvja, żona waħda biss hija kkonċernata: Riga, bi ksur li jmur lura sal-2007. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li ż-żewġ Stati Membri naqsu milli jieħdu l-miżuri meħtieġa li kellhom ikunu stabbiliti sa mill-2007 sabiex iħarsu s-saħħa taċ-ċittadini, u qiegħda titlobhom li jieħdu azzjoni progressiva, rapida u effettiva sabiex jikkonformaw mill-aktar fis possibbli. L-azzjoni tal-lum, opinjoni motivata, issegwi ittri addizzjonali ta’ avviżi ta’ intimazzjoni mibgħuta kemm lill-Bulgarija kif ukoll lil-Latvja f’Jannar 2013 (ara IP/13/47). Jekk il-Bulgarija u l-Latvja jonqsu milli jaġixxu, il-Kummissjoni tista’ tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(għal aktar tagħrif: J. Hennon - Tel. +32 229 53593 - Mowbajl +32 498 95 3593)

Il-Kummisjoni tħeġġeġ lil SPANJA u lis-SLOVENJA sabiex jimplimentaw ir-regoli dwar id-dritt għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni fi proċeduri kriminali

Il-Kummissjoni Ewropea hija mħassba li Spanja u s-Slovenja ma ħadux azzjoni suffiċjenti biex jimplimentaw id-Direttiva 2010/64/UE dwar id-dritt għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni fi proċeduri kriminali. Iż-żewġ pajjiżi ġew ikkuntattjati f'Mejju ta' din is-sena biex jivverifikaw l-istatus tat-testi fi tħejjija. Din id-Direttiva kellha tiġi implimentata sas-27 ta’ Ottubru 2013.

Minkejja li l-proċess tal-adozzjoni jinsab għaddej, l-abbozz tal-liġi fir-rigward tad-dritt għal traduzzjoni għadu qed jiġi diskuss fiż-żewġ pajjiżi.

(Għal aktar tagħrif: J. Salsby - Tel. +32 2 297 24 59)

Il-Kummissjoni titlob lill-ITALJA u lil SPANJA sabiex jadottaw pjanijiet validi ta’ ġestjoni tas-sajd fil-Baħar Mediterran

Il-Kummissjoni bagħtet talba formali lill-Italja u lil Spanja sabiex jiżguraw il-konformità mar-regoli tal-UE dwar is-sajd fil-Mediterran. Taħt ir-'Regolament dwar il-Mediterran', l-Istati Membri għandhom jadottaw pjanijiet ta’ ġestjoni tas-sajd li jsir bix-xbieki tat-tkarkir, bit-tartaruni, bit-tartaruni tax-xatt, bix-xbieki tat-tidwir u gangmi fl-ibħra territorjali tagħhom.

Dawn il-pjanijiet ta’ ġestjoni kellhom ikunu adottati sal-31 ta’ Diċembru 2007. Għall-kuntrarju tar-rekwiżiti tar-Regolament, l-Italja u Spanja għadhom ma adottawx pjanijiet ta’ ġestjoni validi għas-sajd li jsir bil-gangmi. Il-pjanijiet ta’ ġestjoni meħtieġa huma għodod importanti ħafna biex ikun żgurat sfruttar sostenibbli tar-riżorsi tal-ħut fil-Mediterran, fejn tradizzjonalment ma tapplikax il-ġestjoni tas-sajd ibbażata fuq il-kwoti.

Fin-nuqqas ta’ risposta sodisfaċenti fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista’ tressaq lill-Italja u lil Spanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(għal aktar tagħrif: H. Banner – Tel. +32 229 52407 - Mowbajl: +32 460 75 2407)

Id-drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bix-xarabank u bil-kowċ: il-Kummissjoni titlob lill-ITALJA u lill-POLONJA jiżguraw li r-regoli jkunu infurzati

Il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Italja u lill-Polonja jadottaw il-miżuri meħtieġa għall-applikazzjoni korretta tad-drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bix-xarabank u bil-kowċ (ir-Regolament (UE) Nru 181/2011). L-awtoritajiet nazzjonali maħtura miż-żewġ pajjiżi sabiex jissorveljaw l-applikazzjoni effettiva tar-regoli, kif inhuma issa, ma jistgħux jinfurzawhom. Iż-żewġ SM ma stabbilixxewx sistema ta’ pieni sabiex jiżguraw li r-Regolament ikun irrispettat b’mod sħiħ. Barra minn hekk, ma bagħtux il-lista ta’ vendi tax-xarabank fejn il-passiġġieri b’diżabilità u mobilità mnaqqsa jistgħu jingħataw għajnuna adegwata. Ir-Regolament jistipula d-drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bix-xarabank u bil-kowċ fl-UE u beda japplika mill-1 ta’ Marzu 2013. L-Istati Membri kienu marbuta legalment biex jissodisfaw il-kompiti msemmija hawn fuq. It-talbiet intbagħtu fil-forma ta’ ‘opinjoni motivata’ taħt il-proċeduri ta’ ksur tal-UE. L-Italja u l-Polonja għandhom xahrejn sabiex jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda sabiex japplikaw ir-regolament b’mod korrett, inkella l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tressaq lill-Italja u lill-Polonja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

(Għal aktar tagħrif: H. Kearns - Tel. +32 229 87638 - Mowbajl +32 498 98 7638)

It-trasport bil-ferrovija: Il-Kummissjoni titlob lil-LUSSEMBURGU u lil-LITWANJA sabiex jimplimentaw b’mod sħiħ il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sigurtà ferrovjarja

Il-Kummissjoni Ewropea talbet lil-Litwanja u lil-Lussemburgu sabiex iġibu r-regoli nazzjonali kollha tagħhom konformi mad-Direttiva 2004/49/KE li tiżgura livelli għolja u konsistenti ta’ sigurtà fuq in-netwerks ferrovjarji kollha tal-UE. Kemm fil-Litwanja kif ukoll fil-Lussemburgu dan jirrigwarda b’mod partikolari l-indipendenza tal-korp investigattiv. Barra minn hekk, fil-Lussemburgu jirrigwarda wkoll is-sistemi ta’ ġestjoni tas-sigurtà, il-validità taċ-ċertifikati tas-sigurtà, l-indipendenza, il-kompiti u t-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-awtorità tas-sigurtà. Il-leġiżlazzjoni tal-UE għandha l-għan li tiżviluppa approċċ komuni għas-sigurtà ferrovjarja, b’mod partikolari billi tistabbilixxi rekwiżiti ta’ sigurtà fuq is-sistema ferrovjarja, li jinkludu: il-ġestjoni sigura tal-infrastruttura u tat-tħaddim tat-traffiku, ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-impriżi ferrovjarji u tal-maniġers tal-infrastrutturua u l-interazzjoni tagħhom, qafas regolatorju komuni għas-sigurtà, regolamenti, ġestjoni, sorveljanza tas-sigurtà u investigazzjoni indipendenti tal-inċidenti. Il-leġiżlazzjoni kellha tkun fis-seħħ mit-30 ta’ April 2006. Jekk il-Litwanja u l-Lussemburgu jonqsu milli jirreaġixxu b’mod sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista’ tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Il-Kummissjoni fetħet proċeduri ta’ ksur kontra l-Litwanja u l-Lussemburgu dwar il-każ f’Settembru 2013, u issa qiegħda tintbagħat opinjoni motivata (it-tieni stadju tal-proċeduri ta’ ksur tal-UE). Iż-żewġ pajjiżi għandhom xahrejn sabiex iwieġbu lill-Kummissjoni.

(Għal aktar tagħrif: H. Kearns - Tel. +32 229 87638 - Mowbajl +32 498 98 7638)

Il-moviment liberu: il-Kummissjoni titlob lill-AWSTRIJA tirrispetta r-regoli tal-UE għall-iskejjel tal-iskijjar

Il-Kummissjoni Ewropea llum talbet lill-Awstrija tirrispetta r-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi taħt l-Artikoli 45, 49 u 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Għall-kuntrarju tal-liġi tal-UE, l-iskejjel tal-iskijjar fil-provinċja Awstrijaka tat-Tirol jistgħu legalment jipprojbixxu għalliema tal-iskijjar minn Stati Membri oħra milli jgħallmu lill-istudenti mit-Tirol jew li diġà qegħdin hemmhekk. Jistgħu jgħallmu biss studenti li jkunu ġejjin minn Stati Membri oħrajn biex jitgħallmu jiskijjaw. Bi ksur tal-liġi tal-UE u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, il-leġiżlazzjoni reġjonali dwar l-iskejjel tal-iski fil-provinċja ta’ Styria dejjem teħtieġ kwalifiki komprensivi għall-għalliema tal-iskijjar alpin u ma tagħtix lil dawk li jkollhom kwalifiki ta’ speċjalitajiet separati bħall-“għalliema tal-iskijjar Telemark”, “għalliema tal-iskijjar adattiv” jew “għalliema tal-iskijjar Nordiku” minn Stati Membri oħrajn tal-UE xi rikonoxximent separat tal-kwalifiki tagħhom u b’hekk kwalunkwe aċċess parzjali għall-professjoni fil-provinċja kkonċernata. Billi l-Awstrija għadha ma rrevokatx dawn ir-restrizzjonijiet fiż-żewġ provinċji kkonċernati, il-Kummissjoni qiegħda titlob lill-Awstrija, fil-forma ta’ opinjoni motivata, biex tieħu azzjoni sabiex tikkonforma b’mod sħiħ mar-regoli tal-UE. Jekk l-awtoritajiet Awstrijaċi ma jwieġbux b’mod sodisfaċenti fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista’ tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Aktar tagħrif: http://ec.europa.eu/internal_market/qualifications/index_en.htm

(Għal aktar tagħrif: C. Hughes - Tel. +32 2 296 44 50 - Mowbajl +32 498 964450)

L-akkwisti pubbliċi: Il-Kummissjoni titlob lill-AWSTRIJA tapplika r-regoli tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea llum talbet li l-Awstrija tirrispetta r-regoli tal-UE dwar l-akkwisti pubbliċi fir-rigward tal-istampar ta’ għadd ta’ dokumenti uffiċjali. Hija talbet lill-Awstrija wkoll biex temenda, fejn applikabbli, id-dispożizzjonijiet legali tagħha li jobbligaw lill-awtoritajiet federali jagħtu direttament lill-Uffiċċju Awstrijakk tal-Istampar xogħol ta’ stampar sigur ta’ ċerti dokumenti. Sa mis-sena 2000, l-awtoritajiet kontraenti Awstrijaċi taw direttament xogħol ta’ stampar ta’ diversi dokumenti uffiċjali, inklużi passaporti u liċenzji tas-sewqan, lill-Österreichische Staatsdruckerei, kumpanija privata. Ma fetħux dawn is-servizzi għall-kompetizzjoni Ewropea permezz ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku. L-Awstrija naqset milli tagħti raġunijiet suffiċjenti sabiex tiġġustifika għaliex l-istampar ta’ dawn id-dokumenti mgħandux isegwi r-regoli tal-kompetizzjoni Ewropea – kompetizzjoni li għandha l-għan li tiżgura li s-servizzi jkunu pprovduti liċ-ċittadini Awstrijaċi bl-aħjar valur għal flushom. Il-Kummissjoni Ewropea, għaldaqstant, tikkunsidra li l-Awstrija naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt ir-regoli Ewropej dwar l-akkwisti pubbliċi, b’mod speċjali d-Direttiva 2004/18/KE. It-talba tal-Kummissjoni tieħu l-forma ta’ opinjoni motivata, it-tieni stadju tal-proċeduri ta’ ksur. Jekk ma tkun innotifikata l-ebda miżura li ttemm il-ksur tal-liġi tal-UE fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tressaq lill-Awstrija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Aktar tagħrif dwar l-akkwist pubbliku.

(Għal aktar tagħrif: C. Hughes - Tel. +32 2 296 44 50 - Mowbajl +32 498 964450)

Il-Kummissjoni titlob lill-BELĠJU aktar trasparenza fil-finanzjament ferrovjarju

Il-Kummissjoni Ewropea talbet formalment lill-Belġju biex ikun għal kollox trasparenti fl-użu tal-fondi pubbliċi għas-servizzi tat-trasport ferrovjarju, kif meħtieġ mid-Direttiva 2012/34/UE. Iż-żamma ta’ kontijiet trasparenti hija l-uniku mod kif jiġi identifikat l-infiq tal-flus pubbliċi u jekk humiex qegħdin jintużaw għal skopijiet oħrajn apparti dawk maħsuba. Bin-nuqqas ta’ trasparenza attwali, mhux eskluż li l-fondi pubbliċi mħallsa bħala obbligi ta’ servizz pubbliku għas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri qegħdin jintużaw biex jissussidjaw fl-istess waqt servizzi ta’ trasport oħrajn. Dan ma jaqbilx mar-regoli eżistenti tal-UE, li għandhom l-għan li jistabbilixxu suq ferrovjarju intern tal-UE kompetittiv u bla distorsjoni, b’kundizzjonijiet indaqs għall-fornituri kollha tas-servizz tat-trasport. Fin-nuqqas ta’ tweġiba sodisfaċenti fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tressaq lill-Belġju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(Għal aktar tagħrif: H. Kearns - Tel. +32 229 87638 - Mowbajl +32 498 98 7638)

It-tisħiħ tad-Drittijiet tal-Konsumatur: Il-Kummissjoni tappella lill-BULGARIJA sabiex timplimenta d-Direttiva l-ġdida tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea hija mħassba dwar il-fatt li l-Bulgarija għadha ma implimentatx id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konumatur (MEMO/13/1144) fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha. Iż-żmien għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva skada fit-13 ta’ Diċembru 2013 u l-liġijiet nazzjonali kellhom jibdew japplikaw mit-13 ta’ Ġunju 2014. Id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur tinkludi sett ta’ drittijiet ewlenin li taw spinta lill-protezzjoni tal-konsumatur madwar l-UE. Dawn jinkludu aktar trasparenza fil-prezzijiet, projbizzjoni ta’ sovrataxxi għall-użu tal-karti ta’ kreditu u hotlines u fuq il-kaxxi mmarkati minn qabel fuq l-internet (pereżempju meta tixtri biljett tal-ajru), kif ukoll estensjoni tal-perjodu (minn sebgħa għal 14-il jum) li fih konsumatur jista’ jerġa’ jibdielu mix-xiri (ara l-fuljett dwar id-drittijiet tal-konsumatur). Dawn id-drittijiet madankollu jibqgħu ma jfissru xejn għall-konsumaturi sakemm ma jkunux implimentati mill-Istati Membri fil-liġijiet nazzjonali tagħhom biex jieħdu effett. Dan huwa tabilħaqq aktar importanti fil-pajjiżi fejn – skont l-aħħar Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Konsumatur – l-għarfien tad-drittijiet tal-konsumatur huwa baxx. Il-Bulgarija hija fost tmien pajjiżi tal-UE fejn dan huwa l-każ u huwa minħabba f’hekk li l-Kummissjoni qiegħda fil-preżent tagħmel Kampanja dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur biex iżżid l-għarfien tal-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom (MEMO/14/191).

(Għal aktar tagħrif: J. Salsby - Tel. +32 2 297 24 59)

Tassazzjoni: Il-Kummissjoni titlob lil ĊIPRU jadatta regoli tat-taxxa li jirriflettu l-adeżjoni tal-Kroazja mal-UE

Il-Kummissjoni talbet formalment lil Ċipru jimplimenta l-adattamenti ta’ ċerti regoli tal-UE dwar it-taxxa sabiex jieħdu inkonsiderazzjoni l-adeżjoni tal-Kroazja mal-UE. Id-Direttiva 2013/13/UE tadatta ċerti Direttivi dwar it-taxxa sabiex jirriflettu l-adeżjoni tal-Kroazja. Il-leġiżlazzjoni adattata tinkludi d-Direttiva dwar il-Kumpaniji Prinċipali u s-Sussidjarji, id-Direttiva dwar il-Fużjonijiet u d-Direttiva dwar l-Imgħaxijiet u d-Drittijiet – li kollha huma maħsuba sabiex jipprevjenu t-tassazzjoni doppja fis-Suq Uniku. L-Istati Membri kienu meħtieġa jimplimentaw dawn il-bidliet sad-data tad-dħul tal-Kroazja fl-UE fl-1 ta’ Lulju, 2013. Madankollu, Ċipru ma nnotifikat l-ebda miżura li ħadet għal dan il-għan lill-Kummissjoni. It-talba hija f’forma ta’ Opinjoni Motivata. Fin-nuqqas ta’ risposta sodisfaċenti fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista’ tressaq lil Ċipru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. (Ref: 2013/0346)

(Għal aktar tagħrif: E. Traynor - Tel. +32 229 21548 - Mowbajl +32 498 98 3871)

L-ambjent: Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-ĠERMANJA tieħu azzjoni ulterjuri kontra t-tniġġis min-nitrati fl-ilma

Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tħeġġeġ lill-Ġermanja tieħu miżuri aktar b’saħħithom biex teqred it-tniġġis tal-ilma kkawżat min-nitrati. L-aħħar ċifri sottomessi mill-Ġermanja fl-2012 urew li l-problemi ta’ tniġġis min-nitrati fl-ilma ta’ taħt l-art u tal-wiċċ, inkluża l-ewtrofikazzjoni tal-ilmijiet kostali u marittimi marru għall-agħar, b’mod speċjali fil-Baħar Baltiku. Minkejja t-tendenzi negattivi, il-Ġermanja ma ħadet l-ebda miżura addizzjonali suffiċjenti sabiex tnaqqas jew tipprevjeni t-tniġġis min-nitrati kif meħtieġ mil-liġi tal-UE. In-nitrati huma essenzjali għat-tkabbir tal-pjanti, u jintużaw ħafna bħala fertilizzanti, iżda l-livelli eċċessivi ta’ nitrati jistgħu jagħmlu ħsara lill-ilma ħelu u lill-ambjent marittimu billi jippromwovu l-iżvilupp tal-alka li tifga ħajja oħra, proċess magħruf bħala ewtrofikazzjoni. Il-purifikazzjoni ta’ nitrati żejda mill-ilma tax-xorb huwa wkoll proċess għali. Fuq ir- rakkomandazzjoni tal-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat opinjoni motivata li fiha titlob lill-Ġermanja tikkonforma mal-liġi tal-UE f’dan il-qasam. Jekk tonqos milli tagħmel dan fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista’ tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

(għal aktar tagħrif: J. Hennon - Tel. +32 229 53593 - Mowbajl +32 498 95 3593)

Il-Kummissjoni titlob lil SPANJA telimina t-trattament inugwali għall-fornituri tat-trasport għall-iskola f’Castile u León

Il-Kummissjoni Ewropea talbet formalment lil Spanja temenda l-leġiżlazzjoni ta’ Castile u León għall-forniment ta’ trasport bix-xarabank għall-iskola. Taħt il-leġiżlazzjoni eżistenti, l-operaturi li diġà jipprovdu servizzi ġenerali ta’ xarabanks għall-pubbliku jingħataw trattament preferenzjali meta jiġu organizzati sejħiet għall-offerti ta’ forniment ta’ trasport għall-iskola. Dan il-vantaġġ huwa ksur ovvju tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni u ta’ trattament ugwali tal-offerenti kollha li jieħdu sehem fil-proċeduri tas-sejħiet għall-offerti u jmur kontra d-Direttiva 2004/18/KE dwar l-akkwisti pubbliċi u r-Regolament (KE) Nru 1370/07 dwar l-obbligu ta’ servizz pubbliku fit-trasport fuq l-art. Il-kriterji għall-għoti tal-kuntratt għandhom jikkunsidraw jew l-offerta l-aktar ekonomikament vantaġġjuża jew l-irħas prezz, irrispettivament minn kuntratti ta’ servizz tat-trasport oħrajn li jkunu għaddejjin. Jekk il-leġiżlazzjoni ma tinbidilx fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista’ tressaq lil Spanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(Għal aktar tagħrif: H. Kearns - Tel. +32 229 87638 - Mowbajl +32 498 98 7638)

  • L-ambjent: Il-Kummissjoni titlob lill-FINLANDJA tapplika regoli dwar ir-restrizzjoni ta’ sustanzi perikolużi u dwar l-iskart mill-imballaġġ, u temenda r-regoli dwar l-ilma tal-għawm

Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tibgħat lill-Finlandja tliet opinjonijiet motivati dwar il-leġiżlazzjoni ambjentali. L-ewwel waħda tħeġġeġ lill-Finlandja tibgħat dettalji dwar kif il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi f’tagħmir elettriku u elettroniku (id-Direttiva RoHS) qiegħda tiġi implimentata fil-liġi nazzjonali tagħha. Wara li l-Finlandja qabżet l-iskadenza oriġinali tat-2 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni bagħtet ittri ta’ intimazzjoni fil-21 ta’ Marzu 2013. Peress li n-nuqqasijiet għadhom ma ġewx irranġati, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat opinjoni motivata. It-tieni opinjoni motivata tirrigwarda l-iskart mill-imballaġġ – l-Istati Membri kellhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar passi li qegħdin jieħdu sabiex jimplimentaw id-Direttiva riveduta dwar l-Imballaġġ fil-leġiżlazzjoni nazzjonali sat-13 ta’ Settembru 2013. Ir-reviżjoni twessa’ l-ambitu tad-direttiva oriġinali, billi tiċċara d-demarkazzjoni bejn x’inhu imballaġġ u x’mhux, bl-għan li tnaqqas l-iskart mill-imballaġġ madwar l-UE. It-tielet opinjoni motivata tirrigwarda l-leġiżlazzjoni dwar l-ilma għall-għawm. Il-leġiżlazzjoni Finlandiża tiddefinixxi primarjament il-bajjiet abbażi tan-numru ta’ għawwiema li jżuru post partikolari fi kwalunkwe ġurnata, minflok tuża kriterji oħrajn meħtieġa mil-liġi tal-UE bħal pereżempju l-infrastruttura disponibbli. Taħt il-liġi tal-UE, l-għadd ta’ għawwiema huwa kriterju wieħed biss, iżda dan għandu jkun ikkumplimentat minn oħrajn, fosthom, pereżempju, l-infrastruttura eżistenti. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-leġiżlazzjoni tal-Finlandja mhijiex konformi mal-ambitu tal-liġi tal-UE inkwistjoni, u tirriskja li ċċaħħad liċ-ċittadini minn livell adegwat ta’ protezzjoni. Għaldaqstant il-Kummissjoni qiegħda titlob lill-Finlandja ġġib il-leġiżlazzjoni tagħha dwar l-għawm konformi mal-istandards Ewropej. Jekk il-Finlandja tonqos milli taġixxi fi żmien xahrejn, il-każijiet jistgħu jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Pieni finanzjarji jistgħu jkunu imposti għad-Direttiva RoHS.

(għal aktar tagħrif: J. Hennon - Tel. +32 229 53593 - Mowbajl +32 498 95 3593)

Tassazzjoni: VAT fuq l-avvenimenti sportivi fi FRANZA

Il-Kummissjoni qiegħda titlob lil Franza biex iddaħħal il-VAT fuq il-biljetti tad-dħul għall-partiti tal-futbol u avvenimenti sportivi oħrajn mhux soġġetti għat-taxxa fuq id-divertiment.

Fil-fatt, b’applikazzjoni tad-Direttiva tal-VAT, id-drittijiet tad-dħul għall-avvenimenti sportivi normalment għandhom ikunu soġġetti għall-VAT. Madankollu, Franza teżenta għal kollox mill-VAT id-drittijiet tad-dħul għall-avvenimenti sportivi.

Għalkemm id-Direttiva tal-VAT għandha l-għan li tarmonizza din it-taxxa għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, hija tippermetti lill-Istati Membri jżommu, b’mod derogatorju u transitorju, ċerti eżenzjonijiet li kienu jeżistu fl-1 ta’ Jannar 1978, fil-kundizzjonijiet li kienu jeżistu f’din l-istess data. Dan huwa l-każ tal-eżenzjoni mill-VAT li Franza kienet tapplika għall-avvenimenti sportivi meta dawn kienu soġġetti għat-taxxa fuq id-divertiment. Sadanittant, Franza daħħlet il-possibbiltà għall-muniċipalitajiet li jeżentaw mit-taxxa fuq id-divertiment l-avvenimenti sportivi organizzati fit-territorju tagħhom, kif fil-fatt xi wħud minnhom għamlu. Il-Kummissjoni tqis li f’dan il-każ l-eżenzjoni mill-VAT m’għadx hemm lokha.

It-talba qiegħda ssir fil-forma ta’ opinjoni motivata. Jekk ma tasalx tweġiba sodisfaċenti fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. (Ref.: 2012/4194)

(Għal aktar tagħrif: E. Traynor - Tel. +32 229 21548 - Mowbajl +32 498 98 3871)

Servizzi: Il-Kummissjoni titlob lill-UNGERIJA tirrispetta r-regoli tal-UE fir-rgward tal-ħlasijiet mobbli

Il-Kummissjoni Ewropea llum talbet lill-Ungerija tirrispetta r-regoli tal-UE dwar il-libertà tal-istabbiliment u l-forniment liberu ta' servizzi (l-Artikoli 49 u 56 TFUE u l-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva 2006/123/KE) fir-rigward ta' ħlasijiet mobbli. Skont l-Att tal-2011 dwar l-organizzazzjoni nazzjonali tal-ħlasijiet mobbli, il-kumpanija b'sjieda statali National Mobile Payment Ltd. ingħatat id-dritt esklussiv li topera s-sistema nazzjonali tal-ħlasijeit mobbli, li hija pjattaforma li l-fornituri tas-servizzi se jkunu obbligati jużaw meta jipprovdu servizzi ta' intermedjazzjoni għall-ħlasijiet mobbli b'rabta ma' xi servizz pubbliku (eż. parkeġġ pubbliku). Dan id-dritt esklussiv ġdid jrażżan b'mod sinifikanti u bla ħtieġa l-aċċess għal suq li qabel kien miftuħ kollu kemm hu għall-kompetizzjoni, biex b'hekk iservi ta' dannu għall-investituri eżistenti u jiddiswadi lill-investituri futuri bla ġustifikazzjoni xierqa. Il-Kummissjoni titlob lill-Ungerija, fl-għamla ta' opinjoni raġunata – it-tieni stadju tal-proċedura ta' infrazzjoni, biex tieħu azzjoni ħalli tikkonforma bis-sħiħ mar-regoli tal-UE. Jekk l-awtoritajiet Ungeriżi ma jirrispondux b'mod sodisfaċenti fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni taf tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

(Għal aktar tagħrif: C. Hughes - Tel. +32 2 296 44 50 - Mowbajl +32 498 964450)

Sigurtà Soċjali: Il-Kummissjoni titlob lill-IRLANDA tħallas kumpens lill-persuni li jindukraw assigurati fl-Irlanda anki jekk jgħixu fi Stat Membru ieħor

Il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Irlanda tiżgura li l-persuni li jikkwalifikaw għall-kumpens ta’ min jindokra taħt il-liġi Irlandiża dwar is-sigurtà soċjali jistgħu jiksbuh anki jekk ikunu jgħixu fi Stat Membru ieħor.

Il-kumpens għal min jindokra huwa ħlas lil persuni bi dħul baxx li qegħdin jieħdu ħsieb persuna li tkun teħtieġ għajnuna minħabba l-età, xi diżabilità jew mard (inkluż mard mentali). Wieħed mir-rekwiżiti għall-intitolament huwa li min jirċievi l-kumpens ikun residenti fl-Irlanda. Bir-rifjut li tipprovdi dan il-kumpens lil persuni li jgħixu fi Stati Membri oħrajn iżda li jħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tagħhom fl-Irlanda, l-Irlanda qiegħda tikser ir-regoli tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali.

It-talba tieħu l-forma ta’ ‘opinjoni motivata’ taħt il-proċeduri tal-ksur tal-UE. L-Irlanda issa għandha xahrejn sabiex tinnotifika lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda sabiex timplimenta r-regoli tal-UE b’mod sħiħ. Inkella, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tressaq lill-Irlanda quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

(Għal aktar tagħrif: J. Todd - Tel. +32 229 94107 - Mowbajl +32 498 99 4107)

Kwoti tal-ħalib: Il-Kummissjoni titlob lill-ITALJA tirkupra l-ħlasijiet dovuti mill-produtturi tal-ħalib Taljani

Il-Kummissjoni laħqet stadju ġdid fil-proċedura legali mibdija kontra l-Italja dwar in-nuqqas ta’ rkupru tal-ħlasijiet dovuti mill-produtturi tal-ħalib li kienu qabżu l-kwoti tagħhom ta’ produzzjoni waqt il-kampanji tal-1995 u tal-2009 (ara IP/13/577).

Mill-ammont totali ta’ EUR 2,265 biljun, EUR 1,395 biljun qatt ma ġew irkuprati. Il-kobor tal-ammonti mhux irkuprati juru li l-awtoritajiet Taljani ma ħadux jew ma implimentawx miżuri suffiċjenti sabiex jassiguraw il-ħlasijiet tal-ammonti dovuti mill-produtturi kkonċernati.

In-nuqqas ta’ kapaċità tal-Italja li tara li tirkupra b’mod effettiv dawn il-ħlasijiet jikkomprometti l-isforzi li jsiru fil-livell Ewropew biex ikun stabbilizzat is-suq tal-prodotti tal-ħalib u toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni mal-produtturi l-oħrajn Ewropej u Taljani li rrispettaw il-kwoti ta’ produzzjoni jew li ħallsu taxxi fuq l-eċċessi f’każ li qabżuhom. Barra minn hekk, dan l-ammont għandu jitħallas fil-baġit tal-Italja biex il-persuni taxxabbli ma joħorġux telliefa.

Wara li ntbagħat avviż ta’ intimazzjoni, fl-20 ta’ Ġunju 2013, it-tieni stadju tal-proċedura ta’ ksur jikkonsisti f’li tintbagħat opinjoni motivata. Fin-nuqqas ta’ tweġiba sodisfaċenti mill-Italja fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista’ tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biex tiddeċiedi dwar in-nuqqas tal-Italja li tissodisfa l-obbligi tagħha.

(Għal aktar tagħrif: R. Waite - Tel. +32 229 61404 - Mowbajl +32 498 96 1404)

Telecoms: Il-Kummissjoni tgħid lill-ITALJA sabiex tapplika ħlasijiet amministrattivi ġusti u trasparenti sabiex telimina l-ostakoli għad-dħul fis-suq għall-SMEs

Il-Kummissjoni llum talbet formalment lill-Italja timplimenta b’mod sħiħ fil-liġi nazzjonali id-Direttiva dwar l-Awstorizzazzjoni f’dak li jirrigwarda l-ħlasijiet amministrattivi imposti fuq l-operaturi tat-telecom. Dan jirrigwarda b’mod partikolari l-kriterji għall-applikazzjoni ta’ ħlasijiet amministrattivi li jistgħu joħolqu ostakoli għad-dħul fis-suq, peress li jaffettwaw b’mod sproporzjonat lill-operaturi ż-żgħar tan-netwerk. Barra minn hekk, ir-regoli Taljani ma jimplimentawx obbligu ta’ trasparenza biex kull sena tiġi ppubblikata ħarsa ġenerali tat-tariffi amministrattivi intaxxati u l-ispejjeż amministrattivi li jġorr il-Ministeru tal-Iżvilupp Ekonomiku. It-talba tal-Kummissjoni qiegħda tieħu l-forma ta’ opinjoni motivata, it-tieni stadju tal-proċedura ta’ ksur. Jekk l-Italja ma tagħtix tweġiba sodisfaċenti fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista’ tressaq lill-Italja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

(Għal aktar tagħrif: R. Heath – Tel. +32 229 61716 - Mowbajl +32 460 75 0221)

It-trasport ferrovjarju: il-Kummissjoni titlob lill-PORTUGALL jimplimenta b’mod sħiħ il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-interoperabbiltà ferrovjarja

Il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Portugall iġib ir-regoli nazzjonali tiegħu konformi mad-Direttiva 2008/57/KE dwar l-interoperabbiltà ferrovjarja, b’mod speċjali f’dak li jirrigwarda l-awtorizzazzjoni tal-vetturi. Il-leġiżlazzjoni għandha l-għan li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet biex tinkiseb l-interoperabbiltà fis-sistema Ewropea tat-trasport ferrovjarju u biex is-settur ferrovjarju jkun jista’ jikkompeti b’mod aktar effettiv ma’ modi oħrajn ta’ trasport. Dan jippermetti li ċ-ċittadini jivvjaġġaw faċilment madwar l-Ewropa u l-oġġetti jiġu ttrasportati fuq mod ta’ trasport aktar sigur u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent. Il-leġiżlazzjoni kellha tkun fis-seħħ sa mid-19 ta’ Lulju 2010. Jekk il-Portugall jonqos li jirreaġixxi b’mod sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista’ tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Il-Kummissjoni fetħet proċeduri ta’ ksur kontra l-Portugall dwar din il-kwistjoni f’Novembru 2013, u issa qiegħda tintbagħat opinjoni motivata (it-tieni stadju tal-proċeduri ta’ ksur tal-UE). Il-Portugall għandu xahrejn sabiex iwieġeb lill-Kummissjoni.

(Għal aktar tagħrif: H. Kearns - Tel. +32 229 87638 - Mowbajl +32 498 98 7638)

L-ambjent: Il-Kummissjoni titlob lir-RUMANIJA tippromulga r-regoli tal-UE dwar l-iskart mill-imballaġġ u l-vetturi li m’għadhomx jintużaw

Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tħeġġeġ lir-Rumanija tibgħat dettalji dwar kif il-leġiżlazzjoni tal-UE f’żewġ oqsma differenti tal-iskart – l-iskart mill-imballaġġ u l-vetturi li m’għadhomx jintużaw – qiegħda tiġi implimentata fil-liġi nazzjonali tagħha. Id-Direttiva aġġornata dwar l-imballaġġ, li twessa’ l-ambitu tad-Direttiva oriġinali, billi tiċċara d-demarkazzjoni bejn x’inhu imballaġġ u x’mhux bl-għan li jonqos l-iskart mill-imballaġġ, kellha tkun promulgata fil-leġiżlazzjoni nazzjonali sat-30 ta’ Settembru 2013. Ir-Rumanija ma laqħitx din l-iskadenza u rċeviet ittra ta’ intimazzjoni fid-29 ta’ Novembru 2013. Ir-Rumanija wieġbet f’Jannar li kien qed jiġi mfassal abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Gvern, iżda peress li l-Kummissjoni ma ġietx innotifikata dwar dawn il-miżuri, qiegħda tintbagħat Opinjoni Motivata. It-tieni opinjoni motivata tirrigwarda emenda għall-istandards tal-UE għall-vetturi li m’għadhomx jintużaw, li kellha tkun promulgata fil-leġiżlazzjoni nazzjonali sat-22 ta’ Awwissu 2013. Peress li ma waslet l-ebda notifika, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni f’Settembru. Ir-Rumanija wieġbet li kienet qiegħda taħdem sabiex tadotta l-leġiżlazzoni xierqa, iżda peress li ma waslet l-ebda notifika, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat opinjoni motivata. Ir-Rumanija għandha xahrejn sabiex twieġeb, inkella tista’ titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

(għal aktar tagħrif: J. Hennon - Tel. +32 229 53593 - Mowbajl +32 498 95 3593)

Il-moviment liberu tal-oġġetti: il-Kummissjoni titlob lir-RUMANIJA tneħħi l-ostakoli għall-esportazzjoni tal-gass naturali

Billi tobbliga lill-produtturi fir-Rumanija jagħtu prijorità lill-bejgħ fis-suq nazzjonali u bis-sottomissjoni ta’ tranżazzjonijiet tal-gass għall-kontroll u l-approvazzjoni minn qabel, il-Kummissjoni tqis li l-qafas legali attwali Rumen joħloq ostakoli mhux iġġustifikati għall-esportazzjoni tal-gass mir-Rumanija u talbet li dawn l-ostakoli jitneħħew.

Il-Kummissjoni tqis li bil-ħolqien tal-ostakoli għall-moviment liberu tal-oġġetti fis-Suq Uniku, ir-Rumanija naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 35 u 36 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u taħt l-Artikolu 40(c) tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali.

It-talba tal-Kummissjoni lir-Rumanija tieħu l-forma ta’ opinjoni motivata. Fin-nuqqas ta’ tweġiba sodisfaċenti fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista’ tressaq lir-Rumanija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

(għal aktar tagħrif: C. Corazza - Tel. +32 229 51752 - Mowbajl +32 498 99 2862)

Is-saħħa tal-annimali: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-ISVEZJA tabbanduna l-ittestjar tal-paratuberkulożi fuq il-bovini

Il-Kummissjoni Ewropea llum bagħtet talba formali (opinjoni motivata) lill-Isvezja, fejn talbitha tabbanduna l-kwarantina obbligatorja u l-ittestjar għall-paratuberkulożi fuq l-annimali bovini. Il-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali armonizzati għall-kummerċ tal-annimali bovini fid-Direttiva 64/432/KEE ma jipprovdux xi rekwiżiti tas-saħħa għall-paratuberkulożi. Barra minn hekk, dan l-ittestjar obbligatorju wara l-wasla jaqta’ qalb il-bdiewa Svediżi milli jdaħħlu annimali bovini minn Stati Membri oħrajn tal-UE, li għandu l-istess effett ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi. Għaldaqstant, ma jistax ikun iġġustifikat taħt l-Artikolu 36 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE), li jirregola r-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet. Il-paratuberkulożi hija infezzjoni li tittieħed fl-intestin iż-żgħir tal-bovini, u wkoll fin-nagħaġ. Is-sintomi, jekk ikun hemm, idumu ħafna ma jitfaċċaw u n-nuqqas ta’ testijiet dijanjostiċi eżatti għas-sejbien ta’ annimali infettati tispjega n-nuqqas ta’ garanziji tas-saħħa addizzjonali tal-UE għall-paratuberkulożi. Jekk l-Isvezja tonqos milli tinforma lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn minn din it-talba formali, li l-ittestjar waqaf, il-Kummissjoni tista’ tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

(Għal aktar tagħrif: F. Vincent - Tel. +32 229 87166 - Mowbajl +32 498 98 7166)

L-ambjent: il-Kummissjoni titlob lir-RENJU UNIT jaġixxi fuq l-impant tal-enerġija, it-trattament tad-drenaġġ urban, u l-aġġornament tar-regoli dwar l-ilma tal-għawm

Illum il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju Unit tliet opinjonijiet motivati dwar kwistjonijiet ambjentali. L-ewwel waħda tirrigwarda lill-impjant tal-enerġija ta’ Pembroke, l-akbar impjant tal-enerġija li jaħdem bil-gass fl-Ewropa, fejn is-sistema ta’ tkessiħ tal-impjant għandha impatt ħażin fuq l-ekosistema ta’ madwarha, li hija Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni Marittima (SAC) imħarsa taħt il-liġi tal-UE. Taħt id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali u d-Direttiva dwar il-Ħabitats, il-kunsens għall-iżvilupp għandu jingħata biss wara li l-impatti ambjentali potenzjali kollha jkunu ġew ivvalutati. Dan ma jidhirx li sar fil-każ tal-impjant ta’ Pembrokeshire, fejn il-kunsens għall-iżvilupp u l-bini kif ukoll il-liċenza għall-astrazzjoni tal-ilma u permess għat-tħammil tat-teħid u l-ħruġ tas-sistema ta’ tkessiħ ingħataw qabel ma tlestew il-valutazzjonijiet ambjentali kollha. Minħabba f’hekk, ilma sħun b’tagħbija bijoċida kbira attwalment qiegħed jintrema fil-kanal protett ta’ Milford Haven. Ħafna mill-ħut iż-żgħir, il-bajd tiegħu u organiżmi żgħar oħra huma affettwati mis-sistema ta’ tkessiħ, li tgħaddi kwantitajiet kbar ta’ ilma minn naħa waħda tal-SAC għal ġol-impjant u lura barra min-naħa l-oħra. L-ittra tal-Kummissjoni turi wkoll tħassib dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva IPPC dwar il-permessi finali maħruġa, b’mod partikolari għall-fatt li aċċettaw din is-sistema ta’ tkessiħ bħala l-Aqwa Teknoloġija Disponibbli f’dan il-post sensittiv u minħabba f’dan ippermettew li jinkiser Standard ta’ Kwalità Ambjentali.

It-tieni ittra tirrigwarda t-trattament tad-drenaġġ urban. Ir-rapporti mir-Renju Unit juru li għadd ta’ agglomerazzjonijiet għadhom qegħdin jiksru l-istandards tal-UE. L-opinjoni motivata tal-lum, li ssegwi ittri ta’ intimazzjoni mibgħuta f’Ġunju 2009 u Ġunju 2013, tkopri tixrid eċċessiv ta’ drenaġġ f’Llanelli u Gowerton, Wales, fl-ilmijiet sensittivi ta’ Burry Inlet, li qed isir anki f’kundizzjonijiet normali tat-temp (jiġifieri b’paragun ma’ meta tinżel xita qawwija); in-nuqqas ta’ provvista ta’ trattament sekondarju għad-drenaġġ f’disa’ agglomerazzjonijiet inkluża Ġibiltà; u n-nuqqas ta’ provvista ta’ trattament aktar strett għad-drenaġġ f’24 agglomerazzjoni kklassifikati bħala żoni sensittivi. Ir-Renju Unit għandu xahrejn biex iwieġeb.

It-tielet opinjoni motivata tirrigwarda l-leġiżlazzjoni dwar l-ilma għall-għawm. Il-Kummissjoni talbet għadd ta’ emendi għall-promulgazzjoni tar-Renju Unit tar-regoli tal-UE dwar l-ilma tal-għawm, u għalkemm ħafna minnhom issa saru, għad ma hemmx informazzjoni dwar xi emendi li fadal u li kienu mwiegħda għal Ġibiltà. Għaldaqstant qiegħda tintbagħat opinjoni motivata. Ir-Renju Unit għandu xahrejn biex iwieġeb.

(għal aktar tagħrif: J. Hennon - Tel. +32 229 53593 - Mowbajl +32 498 95 3593)

Is-servizzi finanzjarji: il-Kummissjoni titlob lir-RENJU UNIT japplika r-regoli tal-UE

Illum il-Kummissjoni Ewropea talbet lir-Renju Unit jimplimenta b’mod sħiħ l-hekk imsejħa Direttiva Omnibus I (id-Direttiva 2010/78/KE) li temenda ħdax-il direttiva dwar is-servizzi finanzjarji (id-Direttivi 98/26/KE, 2002/87/KE, 2003/6/KE, 2003/41/KE, 2003/71/KE, 2004/39/KE, 2004/109/KE, 2005/60/KE, 2006/48/KE, 2006/49/KE u 2009/65/KE) biex jiġu riflessi l-konsegwenzi tat-twaqqif tal-awtoritajiet superviżorji ġodda Ewropej għall-banek (l-Awtorità Bankarja Ewropea), it-titoli (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u l-assigurazzjoni u l-pensjonijiet okkupazzjonali (l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol). Id-Direttiva Omnibus I kellha tkun implimentata fl-Istati Membri kollha tal-UE sal-31 ta’ Diċembru 2011. Madankollu r-Renju Unit implimenta biss parti mid-dispożizzjonijiet meħtieġa. It-talba tal-Kummissjoni qiegħda tieħu l-forma ta’ opinjoni motivata, it-tieni stadju tal-proċedura ta’ ksur tal-UE. Jekk ma jkunux notifikati miżuri sħaħ ta’ implimentazzjoni fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tressaq lir-Renju Unit quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Għal aktar tagħrif: http://ec.europa.eu/internal_market/finances/infringements/index_en.htm

(Għal aktar tagħrif: C. Hughes - Tel. +32 2 296 44 50 - Mowbajl +32 498 964450)

Ittri ta’ Intimazzjoni

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-ITALJA tiżgura li l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem ikun tajjeb għas-saħħa u nadif

Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tiftaħ proċeduri ta’ ksur kontra l-Italja talli qiegħda tonqos milli tiżgura li l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem jilħaq l-istandards Ewropej. Il-problema tal-kontaminazzjoni tal-ilma mill-arseniku u mill-fluworidu ilha teżisti fl-Italja u b’mod partikolari fir-Reġjun ta’ Lazio.

Taħt id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, l-Istati Membri għandhom jissorveljaw u jittestjaw l-ilma użat għall-konsum mill-bniedem permezz ta’ 48 parametru mikrobijoloġiku, kimiku u indikatur. Jekk jinstabu livelli għolja ta’ arseniku jew inkwinanti oħrajn, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mil-limiti stabbiliti mid-Direttiva għal perjodu limitat ta’ żmien, diment li ma jkunx hemm periklu potenzjali għas-saħħa tal-bniedem, u diment li l-provvista għall-konsum mill-bniedem ma tkunx tista’ tinżamm b’xi mezz raġonevoli ieħor.

(għal aktar tagħrif: IP/14/816 - J. Hennon - Tel. +32 229 53593 - Mowbajl +32 498 95 3593)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website