Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, il-5 ta’ Mejju 2014

Mistoqsija u Tweġiba dwar il-“Ftehimiet ta’ Sħubija” bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri tal-UE dwar l-investimenti tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment għall-2014-2020.

Fit-22 ta’ Diċembru 2013 daħal fis-seħħ sett ġdid ta' regoli u leġiżlazzjoni li jirregolaw iċ-ċiklu li jmiss ta' investimenti tal-UE għall-2014-2020. Għall-ewwel darba, dan il-pakkett leġiżlattiv stabbilixxa regoli komuni għall-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment (ESIF), b’tali mod li jiżgura użu aktar strateġiku u komplementari ta’ sorsi differenti ta’ finanzjament tal-UE, u biex jgħaqqad u jissimplifika l-użu tagħhom għal impatt aħjar fuq it-tkabbir u l-impjiegi.

1. X'inhuma l-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment?

  • Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali

  • Il-Fond Soċjali Ewropew

  • Il-Fond ta’ Koeżjoni

  • Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd

  • Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali

2. X’inhuma “Ftehimiet ta’ Sħubija”?

Skont ir-regoli l-ġodda, l-Istati Membri huma meħtieġa li jfasslu u jimplimentaw pjanijiet strateġiċi bi prijoritajiet ta’ investiment li jkopru dawn il-ħames Fondi tal-ESI. Dawn il-“Ftehimiet ta’ Sħubija” huma nnegozjati bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali, wara li kkonsultaw diversi livelli ta’ governanza, rappreżentanti minn gruppi ta’ interess, is-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti lokali u reġjonali. Il-punt tat-tluq għal dawn il-Ftehimiet ta’ Sħubija kienu d-dokumenti ta’ pożizzjoni prodotti mis-servizzi tal-Kummissjoni fl-2012 għal kull Stat Membru li jistabbilixxu kif l-investimenti tal-UE għandhom isostnu t-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv billi jiffukaw fuq il-vantaġġi ewlenin u fuq is-setturi importanti ta’ tkabbir fir-reġjuni u fl-Istati Membri.

Ir-regolamenti jistabbilixxu li kull Stat Membru jippreżenta l-Ftehim ta’ Sħubija tiegħu lill-Kummissjoni fi żmien 4 xhur mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament – jiġifieri sat-22 ta’ April 2014.

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha fi żmien 3 xhur mid-data ta’ sottomissjoni tal-Ftehim ta' Sħubija u tadotta l-Ftehim mhux aktar tard minn 4 xhur minn meta jitressaq, sakemm l-Istat Membru jkun ikkunsidra kif xieraq l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni. Sakemm jiġi adottat il-Ftehim ta’ Sħubija, il-Programmi Operattivi ma jistgħux jiġu approvati.

3. X’inhuma “Programmi Operattivi”?

Il-Kummissjoni taħdem ukoll mal-Istati Membri hekk kif ifasslu “Programmi Operattivi”billi tittraduċi l-prijoritajiet ta’ investiment u l-objettivi tal-Ftehimiet ta’ Sħubija f’azzjonijiet konkreti. Dawn il-Programmi Operattivi jistgħu jkopru Stati Membri u/jew reġjuni sħaħ, jew inkella jkunu programmi ta’ kooperazzjoni li jinvolvu aktar minn pajjiż wieħed. Il-Kummissjoni tinnegozja mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali dwar il-kontenut aħħari ta’ dawn il-pjanijiet ta’ investiment. Il-livelli kollha ta’ governanza, inkluża s-soċjetà ċivili għandhom jiġu kkonsultati u involuti fl-ipprogrammar u l-ġestjoni tal-Programmi Operattivi.

Skont ir-regoli l-ġodda, il-Programmi Operattivi għandhom jiġu ppreżentati mill-Istati Membri sa mhux aktar tard minn 3 xhur wara s-sottomissjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija.

Il-Kummissjoni tagħmel osservazzjonijiet fi żmien 3 xhur u tadotta l-Programm Operattiv mhux aktar tard minn 6 xhur mid-data tas-sottomissjoni tiegħu, sakemm l-Istat Membru jkun ikkunsidra kif xieraq l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.

Il-Programmi Operattivi jiġu mbagħad implimentati mill-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom. Dan ifisser l-għażla, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ proġetti individwali skont il-prijoritajiet u l-miri miftiehma għall-programmi mal-Kummissjoni. Dan ix-xogħol jiġi organizzat mill-“awtoritajiet ta’ ġestjoni” f’kull pajjiż u/jew reġjun skont il-prinċipju ta’ ġestjoni kondiviża u s-sussidjarjetà. Ir-regoli l-ġodda jeħtieġu li ssir enfasi aktar b’saħħitha fuq ir-riżultati u l-għanijiet li jridu jitkejjlu, jiġu ssorveljati u ppubblikati matul il-perjodu.

4. X’inhi s-sitwazzjoni attwali rigward il-Ftehimiet ta' Sħubija u l-Programmi Operattivi tal-Istati Membri?

Il-Kummissjoni Ewropea issa qed tanalizza l-Ftehimiet ta' Sħubija uffiċjali u l-abbozzi tal-Programmi Operazzjonali li waslu mit- 28 Stat Membru li jiddeskrivu fil-qosor il-pjanijiet ta’ investiment tagħhom fir-rigward tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020.

L-ewwel Ftehim ta’ Sħubija li ġie adottat kien mid-Danimarka fil-5 ta' Mejju 2014. Jekk jogħġbok ara l-links t'hawn taħt għal lista aġġornata regolarment dwar il-Ftehimiet ta’ Sħubija u l-Programmi Operattivi:

www.ec.europa.eu/esif

Il-Kummissjoni saħqet li approċċ strateġiku għall-użu tal-Fondi huwa kritiku u l-kwalità hija aktar importanti mill-ħeffa.

Il-Kummissjoni se tkompli tanalizza bir-reqqa l-Ftehimiet ta’ Sħubija u tibgħat il-kummenti tagħha lill-Istati Membri.

5. Lil min għandek tikkuntattja f’pajjiżek biex tikseb aktar informazzjoni dwar il-finanzjament ta’ proġetti individwali?

- L-Awtoritajiet Maniġerjali

- Europe Direct

- Ir-rappreżentanzi tal-Istati Membri — Il-Kummissjoni Ewropea

Għal aktar tagħrif:

Il-Politika Reġjonali tal-UE:

http://ec.europa.eu/regional_policy/what/future/index_mt.cfm

Il-Fond Soċjali Ewropew:

http://ec.europa.eu/esf/

L-Iżvilupp Rurali Ewropew :

http://ec.europa.eu/agriculture/rural-development-2014-2020/index_mt.htm

Sajd u Affarijiet Marittimi tal-UE:

http://ec.europa.eu/fisheries/reform/emff/index_mt.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website