Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, l-09 ta’ Marzu 2015

Updated version of first memo published on 15/04/2014

Unjoni bankarja: ksib mill-ġdid tal-istabbiltà finanzjarja fiż-Żona tal-Euro

1. L-unjoni bankarja fi ftit kliem

Minn meta bdiet il-kriżi fl-2008, il-Kummissjoni Ewropea ħadmet bis-sħiħ biex tieħu t-tagħlimiet kollha mill-esperjenza tal-kriżi u toħloq settur finanzjarju aktar sikur u sod. Il-Kummissjoni pproponiet 28 regola ġdida biex tirregola, tissorvelja, u tikkontrolla aħjar is-settur finanzjarju sabiex fil-ġejjieni l-kontribwenti ma jkollhomx iħallsu meta l-banek jagħmlu żbalji. Il-parti l-kbira ta’ dawn ir-regoli issa daħlu fis-seħħ jew qed jiġu ffinalizzati.

Grafika 1: Il-partijiet ewlenin tal-istampa kollha tar-riforma finanzjarja madwar l-UE

Minħabba li l-kriżi finanzjarja kompliet tikber u saret il-kriżi tad-dejn taż-Żona tal-Euro fl-2010/11, deher biċ-ċar li kien hemm aktar xi jsir, għal dawk il-pajjiżi li kellhom munita waħda u kienu saħansitra aktar interdipendenti, b’mod partikolari sabiex jitkisser iċ-ċirku vizzjuż bejn il-banek u l-finanzi nazzjonali. (Ara l-kaxxa 1)

Huwa għalhekk li, f’Ġunju tal-2012, il-Kapijiet ta’ Stat u tal-Gvern qablu li joħolqu unjoni bankarja, li tikkompleta l-unjoni ekonomika u monetarja, u tippermetti l-applikazzjoni ċentralizzata tar-regoli madwar l-UE kollha għall-banek fiż-Żona tal-Euro (u kull Stat Membru li mhuwiex fiż-Żona tal-Euro li jixtieq jissieħeb fiha).

Il-qafas regolatorju l-ġdid b’regoli komuni għall-banek fit-28 Stati Membri kollha, stabbilit f'ġabra unika tar-regoli, huwa l-bażi tal-unjoni bankarja. Ir-regoli komuni se jgħinu biex l-ewwel nett jiġu evitati kriżijiet bankarji (b’mod partikolari id-Direttiva u r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital – ara MEMO/13/690 ) u, jekk il-banek fil-fatt ikollhom diffikultà, jistabbilixxu qafas komuni għall-ġestjoni tal-proċess, inkluż mezz biex jiġu stralċjati b’mod ordnat (id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (BRRD) – ara IP/14/2862 u MEMO/14/297). Ir-regoli komuni se jiżguraw ukoll li dawk kollha fl-UE li jfaddlu jkollhom garanzija li d-depożiti tagħhom sa EUR 100 000 (għal kull depożitatur/għal kull bank) jkunu protetti f’kull ħin u kullimkien fl-UE (id-Direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti - ara MEMO/14/296).

L-unjoni bankarja tiżgura l-implimentazzjoni komuni ta’ dawn ir-regoli fiż-Żona tal-Euro. L-ewwel nett, f'Novembru 2014, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) sar is-superviżur tas-5,500 bank fiż-Żona tal-Euro fil-qafas tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MEMO/13/780). Sabiex jiġi żgurat li l-BĊE jkollu stampa ċara tas-sitwazzjoni tal-banek li huwa jissorvelja mill-bidu nett, fl-2014 saret valutazzjoni komprensiva tas-saħħa finanzjarja tal-banek.

It-tieni, fil-każijiet rari meta l-banek ikunu f'diffikultà minkejja sorveljanza msaħħa, il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (MUR) (ara MEMO/14/295), jippermetti li r-riżoluzzjoni bankarja tkun immaniġġjata b’mod aktar effettiv permezz ta’ Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni (MUŻ) mibni madwar Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (BUR) u Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (FUR) (ara MEMO/14/2764). Jekk bank ifalli, il-MUR b’regoli ċari għat-teħid ta’ deċiżjonijiet għall-banek transfruntieri u persunal b’esperjenza kbira se jkun ħafna aktar effettiv fit-twettiq tar-riżoluzzjonijiet mis-sistema inkonsistenti eżistenti tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni.

Fid-19 ta’ Diċembru 2015 il-Membri tal-BUR (il-President, il-Viċi President u l-erba’ membri oħra permanenti) inħatru mill-Kunsill u bdew l-inkarigi tagħhom f'Marzu 2015 (ara IP/14/2784).

Flimkien mal-qafas regolatorju madwar l-UE kollha għas-settur finanzjarju, l-unjoni bankarja kompleta hija pass importanti fl-integrazzjoni ekonomika u monetarja tal-UE (MEMO/14/244). Din se ttemm l-era ta’ salvataġġi enormi mħallsa mill-kontribwenti u se tgħin biex issaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja. Dan, min-naħa l-oħra, joħloq il-kundizzjonijiet adatti għas-settur finanzjarju biex isir self lill-ekonomija reali, u jitħeġġeġ l-irkupru ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi (ara l-kaxxa 2).

Il-kaxxa 1: Iċ-ċirku vizzjuż bejn il-banek u l-finanzi nazzjonali

Il-kriżi tad-dejn sovran fiż-Żona tal-Euro wriet iċ-ċirku vizzjuż potenzjali bejn il-banek u d-dejn sovran.

Iċ-ċirku vizzjuż kif jaħdem?

L-Unjoni Bankarja se tgħin biex titneħħa r-rabta bejn il-banek u s-sovrani:

  • Il-banek se jkunu aktar b’saħħithom u immuni għal skossi ekonomiċi: Is-superviżjoni komuni se tiżgura l-infurzar effettiv ta’ rekwiżiti prudenzjali msaħħa għall-banek, li titlob minnhom li jżommu biżżejjed riservi kapitali u likwidità. Dan se jagħmel lill-banek tal-UE aktar sodi, isaħħaħ il-kapaċità tagħhom biex jimmaniġġjaw b'mod adegwat ir-riskji marbuta mal-attivitajiet tagħhom, u jassorbi t-telf li jista’ jkollhom.

  • Ir-riżoluzzjoni tal-banek f’diffikultà se ssir mingħajr il-flus tal-kontribwenti, billi jiġu llimitati l-effetti negattivi fuq il-pożizzjonijiet fiskali tal-gvernijiet: ir-riżoluzzjoni tal-bank se tiġi ffinanzjata mill-azzjonisti u l-kredituri tal-banek u permezz ta’ fond ta’ riżoluzzjoni ffinazjat mill-industrija. Il-banek ma għandhomx jiġu salvati u l-pożizzjoni fiskali tal-gvern ma tiddgħajjifx aktar.

  • Il-banek ma jibqgħux "Europej fil-ħajja iżda nazzjonali fil-mewt", minħabba li se jkunu ssorveljati permezz ta’ mekkaniżmu verament Ewropew, u kull falliment ikun immaniġġjat ukoll minn mekkaniżmu verament Ewropew.

Il-kaxxa 2:

Issir aktar faċli għall-banek li jsellfu lin-negozji u lill-unitajiet domestiċi

Reazzjonijiet nazzjonali mhux koordinati għall-fallimenti bankarji, xi kultant għal delimitazzjoni rikorrenti ta’ finanzjament fil-fruntieri nazzjonali, u interdipendenzi għoljin bejn il-banek u l-Istati Membri fejn ikunu bbażati wasslu għal frammentazzjoni serja tas-Suq Uniku fis-self u l-finanzjament. Din il-frammentazzjoni għamlet il-ħsara fiż-Żona tal-Euro partikolarment fejn fixklet self effiċjenti lill-ekonomija reali u għalhekk anki t-tkabbir.

Iċ-ċifri juru li 75 % tal-SMEs Ġermaniżi li jitolbu għal self jirnexxilhom jiksbu l-kreditu kollu mitlub. Dan il-perċentwal jinżel għal 50 % fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa u għal 25 % fil-Greċja.

L-Unjoni Bankarja tiżgura li l-banek kollha jkunu soġġetti għall-istess superviżur u għall-istess mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni, sabiex il-fiduċja fil-banek kollha tiżdied. Il-kredibbiltà tas-suq tal-banek se tiddependi fuq il-profil tar-riskju speċifiku tagħhom u inqas u inqas fuq is-saħħa finanzjarja tal-Istati Membri fejn huma bbażati. Dan għandu jagħmilha aktar faċli għall-banek fl-Istati Membri kollha biex ikollhom aċċess għal finanzjament fuq termini ugwali li min-naħa l-oħra jsir aktar faċli għalihom biex isellfu għal darba oħra lill-unitajiet domestiċi u lin-negozji madwar l-UE.

2. L-unjoni bankarja kif toħloq settur bankarju aktar sikur fiż-Żona tal-Euro?

Qed nieħdu t-tagħlimiet kollha mill-esperjenza tal-kriżi u issa għandna għadd ta’ miżuri biex nindirizzaw il-banek b’mod komprensiv. Aħna:

- l-ewwel nett qed nagħmlu l-banek kollha aktar sikuri (prevenzjoni tal-kriżi);

- qed niżguraw li jekk ma jaffaċċjawx problemi, is-superviżuri jkunu jistgħu jintervjenu kmieni biex jimmaniġġjawhom (intervent bikri);

- u jekk l-agħar xorta jiġri, niżguraw li għandna l-għodda biex nimmaniġġjaw il-kriżi b’mod effettiv (riżoluzzjoni bankarja).

2.1 Stadju 1: Prevenzjoni tal-kriżi

Il-Kummissjoni Ewropea ħarġet 28 proposta legali li jkopru l-atturi finanzjarji kollha u l-prodotti biex wieħed jirregola, jissorvelja u jamministra aħjar is-settur finanzjarju. Dawn jiffurmaw il-ġabra unika ta’ regoli. Il-banek iridu jikkonformaw magħha fis-Suq Uniku kollu. Dan huwa kruċjali biex ikun żgurat li jkun hemm regolamentazzjoni b’saħħitha kullimkien, mingħajr lakuni, sabiex inkunu nistgħu niggarantixxu kundizzjonijiet ekwi għall-banek u Suq Uniku reali għas-servizzi finanzjarji. Dan ikun ta' benefiċċju għall-banek, għas-settur finanzjarju usa’ kif ukoll għaċ-ċittadini, il-konsumaturi u l-kontribwenti.

2.1.1 Superviżur indipendenti aktar b'saħħtu biex jiżgura li l-banek japplikaw ir-regoli

Il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) jagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ir-responsabbiltà għas-superviżjoni fuq il-banek fiż-Żona tal-Euro (u Stati Membri parteċipanti oħrajn tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku).

Il-BĊE jiżgura li l-mekkaniżmu ta’ superviżjoni jkun verament indipendenti u ma jkollux tendenza għall-protezzjoni tal-interessi nazzjonali. Il-MSU jiżgura superviżjoni ta’ kwalità għolja mmirata lejn l-iżgurar tas-sodezza tas-sistema bankarja Ewropea. F’Novembru 2014 il-BĊE se jieħu r-rwol il-ġdid tiegħu bħala superviżur uniku. Jiżgura wkoll li l-ġabra unika tar-regoli tiġi applikata b’mod konsistenti u koerenti fiż-żona tal-euro. Il-BĊE wettaq valutazzjoni komprensiva ta’ banek sinifikanti u l-karti bilanċjali tagħhom u f’Ottubru 2014 ippubblika r-riżultati finali tiegħu1. F'Diċembru 2013 Danièle Nouy inħatar bħala l-ewwel President tal-bord tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (ara MEMO/13/1155).

2.1.2 Rekwiżiti prudenzjali msaħħa għall-banek aktar reżiljenti

Il-pakkett dwar ir-rekwiżiti kapitali għall-banek, l-hekk imsejjaħ "pakkett CRD IV" (li jikkonsisti fid-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital IV u r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital) (ara MEMO/13/690) jimplimenta l-istandards globali l-ġodda dwar il-kapital bankarju (magħrufin komunement bħala l-qafas ta’ Basel III) fil-qafas ġuridiku tal-UE.

Ir-regoli l-ġodda fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2014, issa jiżguraw li l-banek ikollhom livell suffiċjenti ta’ kapital, kemm fil-kwantità kif ukoll fil-kwalità. Permezz ta' dawn ir-regoli, l-UE issodisfat l-impenn tagħha tal-G20 biex timplimenta l-qafas ta’ Basel III f’waqtu.

2.1.3 Ippjanar f'waqtu għall-banek li jinsabu f'kundizzjoni kritika

Is-settur finanzjarju fl-Unjoni Ewropea kollha issa jista' jiddependi fuq qafas b’saħħtu meta l-banek jsibu ruħhom f’diffikultà. Din il-kriżi bankarja u l-qafas ta' riżoluzzjoni (MEMO/14/297) jeħtieġu li l-banek ifasslu pjanijiet ta’ rkupru li jiddeskrivu l-miżuri li se jittieħdu biex jibqgħu vijabbli jekk is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom tmur għall-agħar u pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għar-riżoluzzjoni ordnata tagħhom jekk ma jibqħux vijabbli.

Fl-Unjoni bankarja, dik l-awtorità tkun il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni; fil-pajjiżi l-oħra tal-UE, qed jitwaqqfu awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni indipendenti. Il-pjanijiet tar-riżoluzzjonijiet għandhom jistabbilixxu l-għażliet fl-applikazzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni (pereżempju t-trasferiment tal-assi għal bank tranżitorju, tniżżil fil-valur ta' strumenti kapitali jew obbligazzjonijiet oħra f'rikapitalizzazzjoni interna) u modi biex jiżguraw li l-funzjonijiet kritiċi jistgħu jkomplu.

2.2 Stadju 2: Azzjoni korrettiva f'waqtha meta jinqalgħu l-problemi - intervent bikri

Issa għandna regoli li jippermettu intervent bikri meta l-banek ikunu qed jaffaċċjaw problemi. Is-superviżuri bankarji jingħataw għadd ta’ setgħat estiżi biex ikunu jistgħu jintervjenu jekk istituzzjoni tkun qed taffaċċja diffikultà finanzjarja (pereż. meta bank jikser, jew ikun se jikser, ir-rekwiżiti regolatorji ta’ kapital) però qabel ma l-problemi jkunu saru kritiċi u s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha tmur għall-agħar b’mod irreparabbli. Dawn huma stipulati fil-pjanijiet ta’ rkupru tal-banek u jinkludu l-possibilità li jkeċċu l-maniġment u jaħtru amministratur temporanju, isejjħu laqgħa għall-azzjonisti biex jadottaw riformi urġenti u jipprojbixxu d-distribuzzjoni ta’ dividendi jew bonusijiet. Miżuri oħra li s-superviżur rilevanti jista’ jieħu huma: li jitlob lill-bank biex inaqqas l-iskoperturi tiegħu għal ċerti riskji, iżid il-kapital tiegħu, jew jimplimenta bidliet fl-istrutturi ġuridiċi jew korporattivi tiegħu.

Fl-Unjoni bankarja, jekk il-vijabbiltà ta’ bank titqies fir-riskju, il-BĊE bħala superviżur uniku jissorvelja l-intervent bikri b’koordinazzjoni mal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni rilevanti.

2.3 Stadju 3: Meta s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ bank tiddeterjora b'mod irreparabbli: il-ġestjoni tal-kriżijiet li tipproteġi lid-depożitanti u lill-kontribwenti

2.3.1 Protezzjoni tal-kontribwenti

Is-salvataġġi ripetuti tal-banek żiedu d-dejn pubbliku u imponew piż sinifikanti ħafna fuq il-kontribwenti. Bejn Ottubru 2008 u Diċembru 2012 il-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat approvati f’forma ta’ rikapitalizzazzjoni u miżuri ta’ salvataġġ tal-assi ammontaw għal EUR 591,9 biljun jew 4,6 % tal-PDG tal-UE tal-2012 (il-Kummissjoni). Jekk ninkludu l-garanziji, dan jammonta għal EUR 1,6 triljun jew 13 % tal-PDG tal-UE (il-Kummissjoni) għall-perjodu 2008-2010 biss. Ara IP/13/1301.

Jekk il-qagħda finanzjarja ta’ bank tmur għall-agħar b'mod irreparabbli, il-BRRD jiżgura li l-azzjonisti u l-kredituri tal-banek ikollhom iħallsu s-sehem tagħhom tal-kostijiet permezz ta’ mekkaniżmu ta' "rikapitalizzazzjoni interna" (ara l-kaxxa 3).

Il-Mekkaniżmu ta’ Riżoluzzjoni Uniku jiżgura li dawn ir-regoli jitwasslu b'mod ċentralizzat u effettiv fl-unjoni bankarja. Dan jiżgura li d-deċiżjonijiet ikkumplikati li jridu jittieħdu meta jkun hemm riżoluzzjoni, b’mod partikolari riżoluzzjoni transfruntiera, jkunu jistgħu jsiru malajr b’effett vinkolanti għall-Istati Membri kollha fl-unjoni bankarja.

Il-Mekkaniżmu ta’ Riżoluzzjoni Uniku huwa mibni madwar Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni b'saħħtu u se jinvolvi membri permanenti kif ukoll il-Kummissjoni, il-Kunsill, il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, meta bank fiż-Żona tal-Euro jew li jkun stabbilit fi Stat Membru li jkun qed jipparteċipa fl-unjoni bankarja jkun jeħtieġ li jiġi riżolt, il-BĊE jinnotifika l-każ lill-Bord, lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni nazzjonali rilevanti. Il-proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tqiesu bir-reqqa sabiex ikun possibbli li tittieħed deċiżjoni dwar każ ta' riżoluzzjoni matul tmiem il-ġimgħa (ara l-grafika 2).

Grafika 2

Biex jiġi evitat li jissejħu l-kontribwenti, il-banek kollha fl-UE se jkollhom iħallsu f'fond biex jgħinu li ssir riżoluzzjoni bla xkiel. Fl-unjoni bankarja, dawn il-fondi jinġabru flimkien b’mod gradwali. Dan ifisser li jekk ikunu meħtieġa riżorsi addizzjonali biex il-finanzjament fuq perjodu medju jkun disponibbli għall-bank biex ikun jista’ jkompli jopera filwaqt li jkun qed jiġi ristrutturat, dawn jittieħdu minn Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni. Il-banek kollha fil-pajjiżi tal-unjoni bankarja se jikkontribwixxu għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni sa mill-2016 u dan se jammonta għal EUR 55 biljun sal-2024.

Il-kaxxa 3: Il-mekkaniżmu tarrikapitalizzazzjoni interna kif se jaħdem fil-prattika?

Rikapitalizzazzjoni interna: Ir-rikapitalizzazzjoni permezz tat-tniżżil fil-valur tal-obbligazzjonijiet u/jew il-konverżjoni tagħhom f’ekwità tippermetti lill-istituzzjoni tkompli bħala negozju avvjat. Dan jevita t-tfixkil għas-sistema finanzjarja li jkun ġie kkawżat minħabba waqfien jew interruzzjoni tas-servizzi kritiċi tagħha, u tagħti żmien lill-awtoritajiet sabiex jorganizzawha mill-ġdid jew jistralċjaw partijiet min-negozju tagħha, b’mod ordnat.

Fil-qosor: jekk bank jeħtieġ li jirrikorri għal tniżżil fil-valur tad-dejn, l-awtoritajiet l-ewwel inaqqsu l-azzjonisti kollha u wara jsegwu l-ordni stabbilit minn qabel billi issir rikapitalizzazzjoni interna f’obbligazzjonijiet oħrajn. L-azzjonisti u detenturi oħra ta’ strumenti bħal bonds konvertibbli u bonds subordinati l-ewwel li jġarrbu telf.

Depożiti taħt EUR 100 000 ma jintmissux: dawn huma protetti b’mod sħiħ f’kull ħin.

Ir-responsabbiltà biex jiġu koperti t-telfiet bankarji titqiegħed kemm jista' jkun possibbli fuq l-investituri privati f’banek u s-settur bankarju kollu kemm hu, u mhux fuq il-kontribwenti.

2.3.2 Protezzjoni tad-depożitanti

Depożiti bankarji fl-Istati Membri kollha se jkomplu jkunu ggarantiti sa EUR 100 000 għal kull depożitur għal kull bank anki jekk il-bank ikun f'diffikultà. Din il-garanzija tagħti sens ta’ stabbiltà finanzjarja u mezzi lil min ifaddal biex ma jgħaġġlux biex jagħmlu rtirar eċċessiv mill-banek tagħhom, u b’hekk jiġu evitati konsegwenzi ekonomiċi serji.

Barra minn hekk, id-depożitanti se jkollhom il-flus tagħhom imħallsa aktar malajr, fi żmien sebat ijiem tax-xogħol (tnaqqis minn 20), u l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti nazzjonali se jkunu ffinanzjati ħafna aħjar biex jappoġġjaw il-garanziji tagħhom, b’mod partikolari permezz ta’ livell sinifikanti ta’ finanzjament ex ante: 0,8 % tad-depożiti koperti se jinġabru mill-banek fuq perjodu ta’ 10 snin. Jekk il-fondi ex-ante ma jkunux biżżejjed, l-Iskema ta’ Garanzija tad-Depożiti tiġbor kontribuzzjonijiet ex-post immedjati mis-settur bankarju, u, bħala l-aħħar rimedju, l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti se jkollha aċċess għal arranġamenti ta' finanzjament alternattiv bħal self minn partijiet terzi pubbliċi jew privati. Se jkun hemm ukoll mekkaniżmu volontarju ta’ self reċiproku bejn l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti minn pajjiżi differenti tal-UE (ara MEMO/13/1176).

Skont id-Direttiva għall-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (BRRD), individwi u intrapriżi żgħar b’depożiti ta’ aktar minn EUR 100 000 se jibbenefikaw minn trattament preferenzjali ("preferenza tad-depożitant"). Dawn huma tal-aħħar fil-ġerarkija tar-rikapitalizzazzjoni interna: mhux se jġarrbu l-ebda telf qabel ma kredituri ordinarji oħrajn ikunu għamlu dan.L-Istati Membri jistgħu jagħżlu wkoll li jużaw ċerta flessibiltà biex jeskluduhom b'mod sħiħ.

2.3.4 Garanziji ta' kontinġenza

Ladarba dawn ta' hawn fuq huma fis-seħħ, fil-maġġoranza tal-każijiet, mhux se jkun meħtieġ appoġġ finanzjarju ta' fondi pubbliċi mir-riżorsi tal-kontribwenti. Iżda f’ċirkostanzi eċċezzjonali jistgħu jkunu meħtieġa riżorsi addizzjonali, u għal dawn il-każijiet iridu jsiru arranġamenti ċari u xierqa għall-garanziji ta' kontinġenza. Kull garanzija ta’ kontinġenza trid tkun newtrali fiskalment fuq il-perjodu medju u mħallsa lura matul iż-żmien mis-settur bankarju mill-imposti fuq l-industrija.

Ir-regolament tal-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni jipprovdi li l-Bord, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandu jikkuntratta linja ta’ kreditu biex tittejjeb il-kapaċità ta’ self tal-Fond bid-dħul fis-seħħ tar-regolament. Ir-regolament tal-MUR għadu ma jistabbilixxix garanzija ta' kontinġenza komuni għall-fond, li se tiġi analizzata matul is-snin li ġejjin kif imsemmi f’dikjarazzjoni tal-Kunsill f’Diċembru 2013.2

3. X’jiġri jekk jinqalgħu problemi qabel ma s-sistema kollha tkun operattiva?

Bħala regola ġenerali, il-banek għandhom jiġbru l-kapital fuq is-swieq jew permezz ta’ sorsi oħrajn privati. Jekk dan ma jkunx suffiċjenti, jistgħu jintużaw fondi pubbliċi fuq livell nazzjonali, b'kundizzjonijiet stretti u b'konformità mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat (ara l-kaxxa 4). It-tieni nett, jekk il-garanziji ta' kontinġenza nazzjonali ma jkunux suffiċjenti, jistgħu jintużaw strumenti fuq il-livell Ewropew, inkluż il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà3. Jekk il-banek ma jkunux għadhom vijabbli, jistgħu jitpoġġew f'riżoluzzjoni skont ir-reġimi nazzjonali.

Il-kaxxa 4: Regoli dwar l-għajnuna mill-Istat

Il-Kummissjoni Ewropea adattat ir-regoli temporanji tagħha dwar l-għajnunua mill-Istat fir-rigward tal-appoġġ pubbliku għall-istituzzjonijiet finanzjarji matul il-kriżi. Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet ir-regoli tal-UE ta' kriżi aġġornati għall-għajnuna mill-Istat għall-banek matul il-kriżi mill-1 ta' Awwissu 2013.

L-isfida ewlenija kienet it-tisħiħ tal-“kondiviżjoni tal-piżijiet”: Il-banek huma mitluba biex ifasslu pjan sod għar-ristrutturar tagħhom jew stralċ ordnat qabel ma jkunu jistgħu jirċievu r-rikapitalizzazzjonijiet jew miżuri ta' protezzjoni tal-assi. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti tal-kondiviżjoni tal-piżijiet issaħħu: jekk il-banek ikollhom nuqqasijiet kapitali, l-azzjonisti tagħhom u l-kredituri subordinati issa huma mitluba biex ikunu tal-ewwel li jikkontribwixxu, qabel ma jingħata l-fond pubbliku.

Ara IP/13/672 u MEMO/13/886

1 :

https://www.bankingsupervision.europa.eu/banking/comprehensive/html/index.en.html


Side Bar