Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, il-25 ta’ Marzu 2014

Ir-RAPEX fl-2013

1. X'inhi r-RAPEX?

Ir-RAPEX hija s-sistema Ewropea ta' twissija bikrija dwar prodotti perikolużi. Din is-sistema tiżgura iċ-ċirkolazzjoni rapida bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea tat-tagħrif dwar prodotti perikolużi li jkunu ġew irtirati mis-suq u/jew intalbu lura lill-konsumaturi fil-pajjiżi Ewropej, sabiex tkun tista' tittieħed azzjoni xierqa fl-UE. Bħalissa qed jipparteċipaw wieħed u tletin pajjiż f'din is-sistema. Il-Kroazja ssieħbet fis-sistema RAPEX fl-1 ta' Lulju 2013. Il-pajjiżi li jipparteċipaw fiha huma l-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE (l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja).

X'tip ta' miżuri jistgħu jittieħdu?

L-aktar miżuri komuni huma: il-projbizzjoni/it-twaqqif tal-bejgħ; l-irtirar mis-suq ta' prodott perikoluż jew li jintalab lura lill-konsumaturi; u l-projbizzjoni tal-importazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet tad-dwana.

Xi tkopri s-sistema RAPEX?

Il-kamp tal-applikazzjoni tas-sistema RAPEX ikopri prodotti mhux tal-ikel li huma perikolużi u li kienu maħsuba għall-konsumaturi (eż: ġugarelli, prodotti kożmetiċi, ħwejjeġ) u għall-professjonisti (eż: trapan tal-elettriku, magni, prodotti tal-kostruzzjoni) li joħolqu riskju serju għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi (riskji ta' korriment, riskji kimiċi, eċċ.) kif ukoll għal diversi interessi pubbliċi, bħall-"ambjent" (riskju għas-siġar, l-ilma, l-arja, l-ħamrija eċċ. minn kimiki perikolużi li jkunu jinsabu f'xi prodott) is-"saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol" u s-"sigurtà pubblika".

Is-sistema RAPEX tkopri l-biċċa l-kbira tal-prodotti mhux tal-ikel. Prodotti oħra li mhumiex prodotti tal-ikel, bħall-farmaċewtiċi u l-apparat mediku, huma koperti b'sistemi ta' twissija speċifiċi oħrajn.

X'inhuma l-obbligi tal-awtoritajiet nazzjonali?

L-awtoritajiet nazzjonali jiżguraw li n-negozji jirrispettaw l-obbligu tagħhom li fis-suq iqiegħdu prodotti sikuri biss. Huma għandhom jaħtru awtoritajiet li jistgħu jieħdu miżuri biex jevitaw jew jirrestrinġu l-kummerċjalizzazzjoni jew l-użu ta' prodotti perikolużi. Kull pajjiż għandu jaħtar Punt ta' Kuntatt għar-RAPEX li jikkoordina s-sistema fil-livell nazzjonali u jissottometti t-tagħrif lill-Kummissjoni dwar prodotti perikolużi li jkunu jinsabu fis-suq ta' dak il-pajjiż. It-tagħrif, li jasal bħala "notifika" u li jiġi vvalidat mill-Kummissjoni, jiġi ċċirkolat malajr lill-Punti ta' Kuntatt nazzjonali għal azzjoni xierqa. Ir-riżultati ta' dawn l-azzjonijiet ta' segwitu jiġu rrapurtati lura fis-sistema permezz tal-hekk imsejħa "reazzjonijiet".

X'inhuma l-obbligi tal-produtturi?

Il-produtturi (jiġifieri dawk li jimmanifatturaw jew jimpurtaw) huma responsabbli għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti sikuri biss. Hekk kif ikunu mgħarrfa li prodott huwa perikoluż, il-produttur irid jieħu miżuri b'mod immedjat għall-prevenzjoni ta' riskju akbar għall-konsumaturi. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti iridu jiġu mgħarrfa wkoll dwar il-problema tas-sikurezza, filwaqt li jiġu identifikati b'mod ċar il-prodott inkwistjoni, ir-riskji li joħloq u t-tagħrif neċessarju biex jiġi ttraċċat. Dan it-tagħrif jitwassal permezz tas-sistema RAPEX lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi l-oħra li jipparteċipaw fis-sistema RAPEX jekk il-prodott joħloq riskju serju.

2. RAPEX fl-2013

X'kienu l-iktar żviluppi sinifikanti fl-2013?

L-2013 kienet l-10 anniversarju tas-sistema RAPEX. Filwaqt li fil-bidu s-sistema kienet tirċievi mijiet żgħar ta' notifiki fis-sena, issa qed jaslulha 2000 notifika aktar milli tiflaħ.

B'mod ġenerali, matul dawn l-10 snin, is-sistema RAPEX kellha suċċess fil-kontribut tagħha għall-protezzjoni tal-konsumaturi Ewropej, b'total ta' aktar minn 16 600 notifika mibgħuta dwar prodotti perikolużi fl-Istati Membri.

Il-kisbiet ewlenin fl-2013 kienu:

  • Aktar notifiki dwar prodotti perikolużi;

  • Sejbien aktar kmieni;

  • Sorveljanza aħjar tas-suq u infurzar aħjar tas-sikurezza tal-prodotti mill-awtoritajiet nazzjonali, inkluż permezz ta’ proġetti speċifiċi;

  • Tkabbir fl-għadd ta' azzjonijiet ta' segwitu għan-notifiki tar-RAPEX;

  • Stima tar-riskju aħjar mill-awtoritajiet;

  • Titjib fit-traċċabbiltà (anqas prodotti b'oriġini mhux magħrufa);

  • Aktar attenzjoni fuq il-kwalità u l-utilità tan-notifiki;

  • Kooperazzjoni li dejjem tiżdied mal-awtoritajiet tad-dwana;

  • Aktar bini ta’ netwerk u taħriġ ikkoordinat mill-Kummissjoni Ewropea.

Fl-2013, permezz ta' appoġġ finanzjarju mill-Kummissjoni, l-awtoritajiet tas-sorvelajnza tas-suq madwar l-UE ssokktaw l-isforzi konġunti tagħhom biex itejbu l-kooperazzjoni fl-infurzar tar-regoli dwar is-sikurezza tal-prodotti u l-azzjonijiet effettivi kontra prodotti perikolużi jew li ma jkunux konformi. Il-proġetti li jaqgħu taħt il-Forum tal-Ewropa dwar l-Infurzar tas-Sikurezza tal-Prodotti (Prosafe) u li jiffukaw fuq oġġetti għall-kura tat-tfal, logħob tan-nar, magni li jaqtgħu il-ħaxix baxx u ċarġers tal-batteriji ġew implimentati u twettqu. Xi proġetti oħra (bħal dawk b'rabta mas-siġġijiet għolja għat-tfal, fili u qfieli fil-ħwejjeġ) għadhom għaddejjin. Fil-bidu tal-2014, ġew inawgurati azzjonijiet konġunti ġodda dwar ġugarelli, oġġetti tal-kura tat-tfal (sodod għat-trabi u kottijiet li jinġarru), skuters, sustanzi kimiċi fit-tessuti u tagħmir ta' rilevament ta' duħħan.

L-awtoritajiet tad-dwana huma involuti dejjem aktar fis-sorveljanza tas-sikurezza tal-prodotti u l-għadd ta' miżuri mibdija mill-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera u notifikati lis-sistema RAPEX kompla jikber b'mod konsistenti matul dawn l-aħħar ftit snin. Fl-2012, id-dwana ħadet 11 % tal-miżuri obbligatorji. Dawn żdiedu għal 13 % sal-2013.

X'kienu s-sejbiet ewlenin fl-2013?

Fl-2013, permezz tas-sistema RAPEX, kien sottomess total ta' 2 364 notifika dwar prodotti perikolużi lill-Istati Membri. Dan ifisser 3.8 % aktar notifiki mill-2012. Fost l-2 364 notifika, 1 981 minnhom kienu jikkonċernaw prodotti li joħolqu riskju serju għall-konsumaturi. In-notifiki l-oħra jirreferu għal riskji moderati/baxxi jew ġew trażmessi għat-tagħrif biss (b' possibbiltà ta' segwitu, iżda mhux b'obbligu ta' segwitu).

Għaliex l-għadd ta' notifiki dwar prodotti perikolużi żdied fl-2013?

Ħlief għall-2011, l-għadd ta' notifiki RAPEX baqa' jiżdied b'mod stabbli, b'żieda ta' madwar 2000 notifika kull sena.

Din iż-żieda tixhed id-determinazzjoni tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni biex jibqgħu attenti u proattivi fil-protezzjoni tas-sikurezza tal-konsumaturi. Iż-żieda fl-għadd ta' notifiki tfisser ukoll li l-konsumaturi huma iktar sikuri billi aktar prodotti perikolużi tneħħew mis-suq tal-UE.

Is-sistema RAPEX issa laħqet livell ta' stabbiltà u ta' maturità u l-użu aktar attiv tal-linji gwida tal-valutazzjoni tar-riskju wassal għal titjib fil-kwalità u l-kompletezza tan-notifiki. Barra minn hekk, it-titjib kontinwu fis-sistema tal-IT wassal għal effettività u effiċjenza ogħla fl-użu tas-sistema kemm mill-Istati Membri u kemm mill-Kummissjoni Ewropea.

L-Istati Membri qed jużaw is-sistema b'mod aktar effettiv anki għaliex issa huwa aktar ċar biex wieħed jinduna fejn u meta jkun l-aktar rilevanti li jaġixxi. Tingħata attenzjoni partikolari sabiex jitwassal tagħrif aktar dettaljat fis-sistema bħal dettalji dwar l-operaturi ekonomiċi, it-traċċabbiltà li permezz tagħha l-awtoritajiet ikunu jistgħu jirrintraċċaw il-prodotti.

X'inhu l-effett taż-żieda fl-għadd ta' azzjonijiet ta' segwitu ("reazzjonijiet") fl-2013 meta mqabbel mal-2012?

L-azzjonijiet ta' segwitu jindikaw li l-Istati Membri tal-UE ħadu azzjoni wara t-tixrid ta' notifika fin-netwerk tas-sistema RAPEX. Prinċipalment, dawn l-azzjonijiet jimplikaw li l-prodott kien imfittex u nstab fis-suq nazzjonali u li ttieħdu azzjonijiet skont dan. Fl-2013, it-total ta' azzjonijiet ta' segwitu ("reazzjonijiet" fis-sistema RAPEX) kien ta' 2,147, li jirrappreżenta żieda sostanzjali meta mqabbel mal-2012 fejn it-total ta' reazzjonijiet kien ta' 1,700. Dan juri żieda fl-użu u fl-effettività tas-sistema RAPEX.

Notifika tar-RAPEX li tirċievi diversi reazzjonijiet minn Stati Membri oħra li jiddikjaraw li sabu l-prodott u li jkunu ħadu l-miżuri hija sinjal li s-sistema RAPEX qed taħdem u hija effettiva.

Liema pajjiżi tal-UE nnotifikaw l-aktar każijiet?

Il-ħames Stati Membri li ġejjin jirrappreżentaw 48 % tan-notifiki tar-RAPEX kollha dwar prodotti perikolużi fl-2013:

  • L-Ungerija (278 notifika, 12 %)

  • Il-Ġermanja (259 notifika, 11 %)

  • Spanja (254 notifika, 11 %)

  • Il-Bulgarija (191 notifika, 8 %)

  • Ir-Renju Unit (142 notifika, 6 %)

Fl-2013, madwar terz tal-pajjiżi li jipparteċipaw fin-netwerk innotifikaw iktar prodotti perikolużi mill-2012. Jekk l-azzjonijiet ta' segwitu (reazzjonijiet) jiġu inklużi mat-twissijiet inġenerali, Spanja hija l-aktar pajjiż attiv (458 twissija) u mbagħad l-Ungerija (377 twissija) u l-Ġermanja (361 twissija).

Liema huma l-prodotti u r-riskji ewlenin li jinstabu permezz tas-sistema RAPEX?

Il-kategoriji ta' prodotti li jiġu nnotifikati l-aktar spiss, u li jgħoddu għal 70 % tan-notifiki kollha kienu:

  • Il-ħwejjeġ, it-tessuti, u affarijiet tal-moda (583 notifika, 25 %)

  • Il-ġugarelli (580 notifika, 25 %)

  • Apparat u tagħmir elettriku (207 notifika, 9 %)

  • Il-vetturi bil-mutur (160 notifika, 7 %)

  • Prodotti kożmetiċi (106 notifiki, 4 %)

L-aktar ħames kategoriji ta' riskju li ġew innotifikati l-aktar spiss kienu:

  • Il-korrimenti (656 notifika, 23 %)

  • Is-sustanzi kimiċi (580 notifika, 20 %)

  • Il-fgar (398 notifika, 14 %)

  • Ix-xokkijiet tal-elettriku (329 notifika, 12 %)

  • It-tgħalliq (266 notifika, 9 %)

Jekk jitqabblu mas-snin ta' qabel, dawn ta' hawn fuq baqgħu jidhru bħala l-iktar ħames kategoriji ta' prodotti u ta' riskji frekwenti fin-notifiki tar-RAPEX, għalkemm f'ordni differenti. Dan ix-xebh fil-mudell jista' jiġi spjegat l-aktar minħabba l-volum għoli ta' konsum/forniment tal-ħames kategoriji li jissemmew hawn fuq (eż: l-apparat elettriku jinkludi l-mowbaljs, il-laptops, il-wajers ta' estensjoni, iċ-ċarġers tal-batteriji), li jkabbar il-possibbiltà li jinstabu wkoll prodotti perikolużi. L-awtoritajiet tal-Istati Membri jwettqu wkoll azzjonijiet ibbażati fuq ir-riskju u azzjonijiet ta' sorveljanza tas-suq fil-mira u jikkonċentraw fuq l-aktar prodotti perikolużi u fuq l-aktar konsumaturi vulnerabbli, pereżempju t-tfal.

X'jidher meta pajjiż jagħmel ħafna notifiki - dan ifisser li hemm aktar prodotti perikolużi f'dak is-suq partikolari?

L-għadd ta' notifiki magħmula minn Stat Membru partikolari ma jistax jintrabat direttament mal-livell ta' sikurezza tal-prodotti fis-suq tiegħu. Jista' jkun hemm ħafna raġunijiet għala xi Stati Membri jista' jkollhom aktar notifiki minn oħrajn: suq kbir, volumi kbar ta' importazzjonijiet, spetturi esperjenzati, eċċ. Inġenerali, minn dan isegwi li l-pajjiżi Ewropej li għandhom l-akbar swieq u l-akbar għadd ta' oġġetti importati u li għandhom ukoll l-ogħla numru ta' spetturi, isibu iktar prodotti perikolużi u b'hekk jinnotifikaw aktar spiss permezz tar-RAPEX minn pajjiżi iżgħar.

X'miżuri ħadu l-awtoritajiet nazzjonali b'rispons għall-prodotti perikolużi li jkunu sabu?

L-iktar miżuri obbligatorji frekwenti li ttieħdu fir-rigward tal-prodotti perikolużi għall-konsumaturi fl-2013 kienu: l-irtirar mis-suq, il-projbizzjoni tal-bejgħ, it-talba lura mingħand il-konsumaturi, iċ-ċaħda tal-importazzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana, u l-azzjonijiet korrettivi.

Minn fejn ġie l-akbar ammont ta' prodotti perikolużi fl-2013?

Skont l-istatistika tas-sistema RAPEX, il-biċċa l-kbira tal-prodotti perikolużi nnotifikati permezz ta' RAPEX ġew minn barra l-UE - iċ-Ċina u t-Turkija fost l-oħrajn.

Iċ-Ċina (inkluż Ħong Kong) ġiet indikata bħala l-pajjiż mnejn oriġinaw 64 % (1,459 notifika) tal-prodotti notifikati.

Prodotti perikolużi ta' oriġini Ewropea ammontaw għal 284 notifika (15 %), inklużi 55 prodott ta' oriġini Ġermaniża (2 %), 42 prodott ta' oriġini Taljana (2 %) u 31 prodott ta' oriġini Bulgara (1 %).

Mill-2012 l-għadd ta' prodotti mhux sikuri magħmulin fl-UE naqas u dan it-tnaqqis isir aktar sostanzjali jekk id-dejta titqabbel ma' dik tal-bidu tas-sistema RAPEX: fl-2004 il-proporzjon ta' prodotti perikolużi ġejjin mill-UE kienet ta' 27 %. L-istess japplika għall-għadd ta' prodotti ta' oriġini mhux magħrufa. Dawn naqsu mill-2012 u f'dan il-każ ukoll it-tqabbil mal-ewwel snin ta' RAPEX huwa sinifikanti ħafna: fl-2004 u fl-2005 kien hemm madwar 20 % tal-prodotti b'oriġini mhux magħrufa. Żgur li dan tal-aħħar jista' jiġi kkunsidrat bħala indikatur tat-titjib fit-traċċabbiltà tal-katini tal-provvista tal-prodotti għall-konsumaturi.

Hemm xi żieda fl-għadd ta' notifiki dwar prodotti ta' oriġini Ċiniża?

Iva, meta kkomparat mal-2012, fl-2013 l-għadd ta' prodotti tal-konsumatur li jorġinaw miċ-Ċina u nnotifikat fir-RAPEX kompla jikber – minn 58% fl-2012 għal 64% fl-2013. B'kollox kien hemm 1,497 notifika marbuta mal-prodotti manifatturati fiċ-Ċina (inkluża Ħong Kong).

Għalkemm ogħla mill-2012, dan xorta waħda jibqa' fil-medda tal-medja osservata tul l-aħħar snin. Barra minn dan, in-numru akbar ta' prodotti li jorġinaw miċ-Ċina seta' kien kawża ta' traċċabbiltà akbar: filwaqt li fis-snin ta' qabel f'xi każijiet kien jiġi indikat bħala "Mhux magħruf", issa kapaċi beda jiġi notifikat (flimkien ma' aktar dettalji dwar il-katina tal-provvista) bħala li ġej miċ-Ċina. Barra minn dan, in-numru għoli hu dovut għall-penetrazzjoni sinifikanti fis-suq ta' prodotti tal-konsuamtur immanifatturati fiċ-Ċina fis-swieq Ewropej. Il-prodotti jiġu ċċekkjati skont l-istess rekwiżiti stretti b'rabta mas-sikurezza irrispettivament mill-oriġini tagħhom, normalment abbażi tar-riskji tipiċi assoċjati mal-kategorija tal-prodott. L-intensifikazzjoni stabbli tal-kuntatti mal-amministrazzjoni u n-negozji taċ-Ċina qed tħalli l-frott fejn tidħol l-identifikazzjoni u t-traċċabbiltà aqwa tal-prodott, xi ħaġa li qed twassal għal aktar miżuri korrettivi effiċjenti. Din il-kooperazzjoni se tibqa' għaddejja.

It-traċċabiltà tal-prodott - Il-Kummissjoni x'tista' tagħmel aktar biex tidentifika aħjar il-prodotti b'mod li n-notifiki tar-RAPEX jiġu segwiti aħjar?

Fl-2011 twaqqaf grupp ta' esperti dwar it-traċċabbiltà tal-prodotti. L-għan tal-grupp kien li jindirizza l-mistoqsijiet li ġejjin:

  • x'inhi s-sitwazzjoni preżenti fejn tidħol it-traċċabbiltà tal-prodotti?

  • x'inhi s-sitwazzjoni għal xi prodotti ewlenin tal-konsumaturi mhux alimentari?

  • hemm oqsma potenzjali fejn jista' jsir titjib f'dan ir-rigward?

Dan il-grupp ta' esperti kien jikkonsisti minn 15-il espert mill-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-swieq, mill-industriji tal-manifattura u l-konsum, u mill-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi. Fil-qosor, ir-rapport finali mressaq f'Settembru tal-2013 fih dawn ir-rakkomandazzjonijiet:

  • lill-operaturi ekonomiċi biex jimplimentaw sistema ta' traċċabbiltà effettiva;

  • lill-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-swieq biex jitħarrġu dwar kif jistgħu jieħdu l-aħjar informazzjoni ta' traċċabbiltà mil-barcodes u mill-kodiċijiet tal-prodotti;

  • għandu jkun hemm kooperazzjoni akbar bejn is-settur pubbliku u dak privat;

  • lill-konsumaturi biex joqogħdu attenti meta jixtru prodott, u jiċċekkjaw li fih informazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-produttur, eċċ.

Informazzjoni dwar il-ħidma tal-grupp tinsab fis-sit EUROPA:

http://ec.europa.eu/consumers/safety/projects/ongoing-projects_en.htm

3. Kooperazzjoni maċ-Ċina

L-UE u ċ-Ċina huma l-ikbar imsieħba kummerċjali fid-dinja; Iċ-Ċina hi l-ewwel fornitur tal-UE u t-tieni konsumatur tagħha wara l-Istati Uniti. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri stabbilixxew koperazzjoni regolari mal-awtoritajiet Ċiniżi dwar kwistjonijiet marbuta mas-sikurezzatal-prodotti.

Il-Kummissjoni tirċievi rispons dwar kif l-awtoritajiet Ċiniżi jsegwu l-informazzjoni mibgħua mill-applikazzjoni "RAPEX-CHINA"?

Il-koperazzjoni fil-qafas tas-sistema RAPEX-China hija stabbilita sew anki għaliex l-awtoritajiet kompetenti Ċiniżi (l-AQSIQ) kull tliet xhur jibagħtu rapporti lill-Kummissjoni bil-konklużjoijiet tal-zzjonijiet ta' segwiment li jkunu ħadu fil-konfront tad-dejta litaslilhom mis-sistema "RAPEX-CHINA".

Din l-informazzjoni pprovduta fir-rapporti tipperemtti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmonitorjaw u janalizzaw l-attivatijiet ta' segwiment b'rabta mas-sorveljanza tas-swieq li jkunu twettqu mill-awtoritaiet Ċiniżi fit-territorju tagħhom, u bħalakonsegwenza tippermettilhom jidentifikaw u jindirizzaw kwlaunkwe kwistjoni li jista' jkun hemm fis-sistema ta' koperazzjoni. Sal-lum lill-Kummissjoni tressqulha 26 rapport ta' kull tliet xhur.

L-AQSIQ kemm-il notifika tar-RAPEX investigat minn mindu twaqqfet l-applikazzjoni "RAPEX-CHINA"?

Mill-2006 sal-2013 l-AQSIQ żgurat azzjoni ta' segwiment fil-konfront ta' 2,549 notifiki tar-RAPEX. L-analiżi ta' 26 rapport ta' kull tliet xhur turi li tul perjodu ta' tliet xhur l-AQSIQ tinvestiga madwar mitt każ tar-RAPEX. F'1,459 każ (57%) l-investigazzjonijiet wasslu għall-adozzjoni ta' miżuri preventivi jew restrittivi mill-AQSIQ jew inkella b'deċiżjoni tal-manifattur/esportatur Ċiniż (eż. tieqaf l-esportazzjoni jew jissaħħaħ il-monitoraġġ), filwaqt li f'1,090 każ (43%) ma ttieħdet ebda miżura primarjament minħabba li l-kumpanija Ċiniża responsabbli għall-prodotti manifatturati u/jew esportati lejn l-UE ma setgħetx tinstab.

4. Is-sorveljanza tas-swieq u l-bejgħ onlajn

Minħabba l-użu dejjem ikbar tal-internet biex jinxtraw il-prodotti tal-konsumatur, is-sorveljanza tal-prodotti mibjugħa onlajn hija prijorità għall-Kummissjoni Ewropea u għall-Istati Membri.

F'dan ir-rigward hu interessanti li l-Kummissjoni ppromwoviet il-ħidma ta' grupp espert dwar "Is-sikurezza tal-prodotti mibjugħa onlajn" bħala parti minn azzjoni tal-pjan ta' sorveljanza tas-swieq multiannwali, inkluż fil-Pakkett dwar Is-Sikurezza tal-Prodotti tal-Konsumatur u s-Sorveljanza tas-Swieq). Il-grupp ta' ħidma kellu l-ewwel laqgħa tiegħu dan l-aħħar u hu mistenni jifformula xi rakkomandazzjonijiet aktar tard.

Fir-RAPEX m'hemm l-ebda statistika li tista' tenfasizza d-dejta dwar il-prodotti perikolużi li jinbiegħu onlajn. Madankollu, abbażi tal-ananliżi kwalitattiva tal-aktar notifiki riċenti tar-RAPEX, jidher li fis-sistema l-prodotti mixtrija onlajn qegħdin dejjem jiżdiedu. Eżempju minnhom hija notifika riċenti mill-Ġermanja dwar sett tat-tatwaġġi. B'rabta ma' notifika mir-Renju Unit, filwaqt li l-prodotti kkonċernati nstabu fil-ħwienet regolari, l-awtoritajiet tar-Renju Unit xorta waħda fittxewhom ukoll fis-siti onlajn ewlenin tax-xiri elettroniku (l-Amazon u l-E-bay) u minħabba li l-prodott instab hemm ukoll, l-awtoritajiet tar-Renju Unit infurmaw liż-żewġ distrubuturi onlajn bil-miżuri u bl-importanza li jitneħħew il-prodotti perikolużi mill-"ixkafef" tagħhom.

Għal aktar tagħrif:

  1. IP/14/311

  2. Sikurezza tal-prodotti:

http://ec.europa.eu/consumers/safety/news/index_en.htm.

  1. Ħolqa għall-materjal ta' komunikazzjoni tas-sistema RAPEX: http://ec.europa.eu/consumers/safety/rapex/stats_reports_en.htm

  2. Rapporti jew dejta speċifika fil-ġimgħa dwar is-sistema RAPEX:
    www.ec.europa.eu/rapex.

  3. Il-punti ta' kuntatt nazzjonali tas-sistema RAPEX: http://ec.europa.eu/consumers/safety/rapex/contact_points.pdf

  4. Is-Sikurezza tal-Prodotti u l-Pakkett tas-Sorveljanza tas-Suq: http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-13-93_en.htm

  5. Traċċabbiltà tal-Prodotti:

http://ec.europa.eu/consumers/safety/projects/ongoing-projects_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website