Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, is-26 ta’ Frar 2014

Mistoqsijiet u Tweġibiet: Regoli ġodda dwar il-prodotti tat-tabakk

Illum il-Parlament Ewropew approva Direttiva riveduta tal-UE dwar il-prodotti tat-tabakk. Din il-liġi l-ġdida ssaħħaħ ir-regoli dwar kif jiġu manifatturati, prodotti u ppreżentati l-prodotti tat-tabakk fl-UE, u tintroduċi regoli rigward ċerti prodotti relatati mat-tabakk. Dan il-Memo għandu l-għan li jwieġeb il-mistoqsijiet dwar x’se jinbidel eżattament ladarba tidħol fis-seħħ id-Direttiva riveduta.

Il-Kummissjoni għaliex iddeċidiet li tirrevedi r-regoli?

Id-Direttiva l-ġdida għandha l-għan li ttejjeb il-funzjonament tas-suq intern tal-UE fir-rigward tal-prodotti tat-tabakk, filwaqt li tiżgura livell għoli ta’ saħħa pubblika. Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew kemm-il darba talbu li ssir reviżjoni tad-Direttiva tal-2001, minħabba l-iżviluppi konsiderevoli li seħħew fi tliet oqsma prinċipali.

L-ewwel nett, ġiet skoperta evidenza xjentifika ġdida, pereżempju dwar is-sustanzi aromatizzanti tat-tabakk, u dwar l-effikaċja tat-twissijiet tas-saħħa.

It-tieni nett, tqiegħdu fis-suq prodotti ġodda bħal sigaretti elettroniċi u prodotti tat-tabakk imħawra b'aromatizzanti qawwija.

It-tielet nett, kien hemm żviluppi fil-livell internazzjonali tul l-aħħar għaxar snin, li għalihom l-Istati Membri tal-UE rreaġixxew b’approċċi regolatorji differenti. L-UE u l-Istati Membri kollha huma partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk (FCTC), li hija legalment vinkolanti u li daħlet fis-seħħ fi Frar 2005.

Waħda mill-aktar raġunijiet konvinċenti biex jiġu msaħħa r-regoli dwar il-prodotti tat-tabakk huwa l-impatt negattiv tal-konsum tat-tabakk fuq is-saħħa tan-nies. Kull sena fl-UE, l-użu tat-tabakk iwassal għal 700 000 każ ta' mwiet li jistgħu jiġu evitati. Il-maġġoranza kbira ta’ dawk li jpejpu jibdew meta jkunu ta' età żgħira ħafna - 70% qabel jagħlqu t-18-il sena u 94% qabel l-età ta’ 25 sena. Id-Direttiva l-ġdida għandha l-għan li tagħmel il-prodotti tat-tabakk u l-konsum tat-tabakk inqas attraenti fl-UE, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ.

X'dehra se jkollhom il-pakketti tas-sigaretti fil-ġejjieni?

Kif turi l-istampa, fil-ġejjieni l-pakketti se jkollhom fuqhom twissijiet obbligatorji f'forma ta' stampi u testi relatati mas-saħħa. Dawn se jokkupaw 65% tas-superfiċje ta’ quddiem u ta’ wara tal-pakketti tas-sigaretti, u se jidhru fuq it-tarf ta’ fuq tal-pakkett. 50% tal-ġnub tal-pakketti se jkun fihom ukoll twissijiet dwar is-saħħa (eż. "It-tipjip joqtol – ieqaf issa"; "id-duħħan tat-tabakk fih aktar minn 70 sustanza karċinoġenika"), minflok

it-tagħrif dwar il-livelli tal-qatran, tan-nikotina u tal-monossidu tal-karbonju (TNCO) li qed jidher fuq il-pakketti bħalissa.

Id-daqsijiet minimi għat-twissijiet tas-saħħa se jiżguraw li jkun hemm viżibilità, u l-pakketti tas-sigaretti rqaq, li s-soltu huma mmirati lejn iż-żgħażagħ nisa, mhumiex se jkunu permessi aktar.

Sabiex tiġi żgurata l-viżibilità tat-twissijiet tas-saħħa, il-pakketti tas-sigaretti għandhom ikunu f'forma ta' kubojde u kull pakkett għandu jkun fih minimu ta’ 20 sigarett.

Fuq il-pakketti mhuma se jkunu permessi ebda karatteristiki jew elementi promozzjonali jew qarrieqa. Dawn jinkludu, pereżempju, referenzi għal benefiċċji ta' stil ta’ ħajja, għat-togħma jew għal aromatizzanti, jew inkella għan-nuqqas tagħhom (eż. “mingħajr addittivi”), offerti speċjali jew suġġerimenti li jindikaw li prodott partikolari huwa inqas ta’ ħsara minn ieħor.

Regoli simili se japplikaw ukoll għal pakketti tat-tabakk tal-brim (RYO), li fuqhom ukoll se jkun hemm twissijiet tas-saħħa mifruxa fuq total ta' 65% tas-superfiċje ta' quddiem u ta' wara tal-pakketti, kif ukoll testi addizzjonali ta' twissija. Prodotti tat-tabakk tal-brim jistgħu jkunu f'forma ta' ċilindru, f'forma ta' kubojde jew f’forma ta’ borża, u kull pakkett għandu jkun fih minimu ta’ 30g ta' tabakk.

U x'se jsir dwar it-tikkettar ta’ prodotti tat-tabakk inqas komuni?

Avolja d-Direttiva tal-UE tkopri l-prodotti kollha tat-tabakk, l-Istati Membri għandhom ċerta diskrezzjoni fir-rigward tar-regoli tat-tikkettar għal prodotti li bħalissa ma jintużawx fi kwantitajiet sinifikanti, bħal pereżempju t-tabakk tal-pipa, is-sigarri, is-sigarri żgħar u prodotti li ma joħolqux duħħan.

Filwaqt li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jeżentaw dawn il-prodotti minn regoli stretti tat-tikkettar eż. stampi u testi ta' twissija tas-saħħa flimkien, dawn se jkunu obbligati li jiżguraw li dawn il-prodotti jkollhom fuqhom twissija ġenerali u test ta’ twissija addizzjonali. Fuq il-pakketti tal-prodotti tat-tabakk li ma joħolqux duħħan se jitqiegħdu twissijiet dwar is-saħħa fuq l-akbar żewġ superfiċji esterni tal-pakkett. Bħal fil-każ tad-Direttiva ta' qabel, japplikaw regoli speċifiċi

għat-tqegħid u d-daqs tat-twissijiet kollha.

L-Istati Membri jistgħu jintroduċu imballaġġ sempliċi?

Filwaqt li r-regoli l-ġodda jfissru li t-twissijiet tas-saħħa se jokkupaw parti sostanzjali tas-superfiċje totali tal-pakketti tas-sigaretti, se jitħalla ċertu spazju għall-immarkar korporattiv. Għalhekk id-Direttiva l-ġdida tippermetti b'mod speċifiku li l-Istati Membri jintroduċu aktar miżuri dwar l-istandardizzazzjoni tal-imballaġġ – jew tal-imballaġġ sempliċi – meta dawn ikunu ġustifikati minħabba raġunijiet ta’ saħħa pubblika, meta jkunu proporzjonati u meta ma jwasslux għal ostakli moħbija għall-kummerċ bejn l-Istati Membri.

Is-sustanzi aromatizzanti se jiġu pprojbiti? U l-addittivi, eċċ.?

L-aromatizzanti fis-sigaretti u fit-tabakk tal-brim m’għandhomx jintużaw fi kwantitajiet li jagħtu lill-prodott togħma differenti li tingħaraf b'mod ċar ('li tikkaratterizza l-prodott'), għajr dik tat-tabakk. Id-Direttiva tipprojbixxi sigaretti u tabakk tal-brim li fihom togħmiet karatterizzanti ta' dan it-tip. L-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jikkonsultaw bord konsultattiv Ewropew indipendenti qabel ma jieħdu deċiżjonijiet f’dan ir-rigward.Il-Mentol huwa meqjus bħala togħma karatterizzanti, u se jiġi pprojbit wara perjodu ta’ rtirar gradwali ta' erba’ snin, li huwa perjodu li japplika għall-prodotti kollha b’sehem fis-suq ta' aktar minn 3% fl-UE.

Prodotti oħrajn tat-tabakk, bħal sigarri, sigarri żgħar u prodotti li ma joħolqux duħħan huma eżentati mill-projbizzjoni fuq it-togħmiet karatterizzanti. Din l-eżenzjoni titneħħa jekk ikun hemm bidla sostanzjali fiċ-ċirkostanzi (f’termini ta' volumi ta’ bejgħ jew livelli ta' prevalenza fost iż-żgħażagħ). It-tabakk li jittieħed mill-ħalq (Snus) huwa eżentat minn din il-projbizzjoni, kif inhu eżentat ukoll minn ċertu dispożizzjonijiet oħra li jirregolaw l-ingredjenti.

Addittivi meħtieġa għall-manifattura ta’ prodotti tat-tabakk, inkluż iz-zokkor li jintilef waqt il-proċess tal-maturazzjoni, jistgħu jibqgħu jintużaw. Id-Direttiva ma għandhiex tiddiskrimina bejn il-varjetajiet tat-tabakk bħall-Virginia, il-Burley jew it-tabakk Orjentali.

X'informazzjoni se jkollhom jipprovdu l-produtturi tal-prodotti tat-tabakk?

Qed jiġi previst rappurtar obbligatorju dwar l-ingredjenti għall-prodotti kollha tat-tabakk permezz ta’ format elettroniku standardizzat. Se jkun hemm fis-seħħ obbligi mtejba ta' rappurtar għal ċertu sustanzi li jintużaw ta’ spiss fis-sigaretti u fit-tabakk tal-brim (lista ta’ prijorità). Dan se jippermetti lir-regolaturi jiksbu aktar tagħrif dwar l-ingredjenti li jinsabu fil-prodotti tat-tabakk, u dwar l-effetti tagħhom fuq is-saħħa u d-dipendenza fuq it-tabakk.

Bħal fil-każ tad-Direttiva ta' qabel, se jkun hemm rappurtar obbligatorju dwar l-emissjonijiet tal-qatran, tan-nikotina u tal-monossidu tal-karbonju għas-sigaretti, kif ukoll għal emissjonijiet oħra meta din l-informazzjoni tkun disponibbli. L-Istati Membri jistgħu wkoll jitolbu lill-produtturi biex iwettqu studji ulterjuri dwar l-effetti tal-addittivi fuq is-saħħa.

Is-sigaretti elettroniċi se jibqgħu jinbiegħu/jintużaw?

Iva Madankollu, se jiddaħħlu fis-seħħ regoli ġodda sabiex ikunu jistgħu jiġu żgurati s-sikurezza u l-kwalità tal-prodott. Ir-regoli l-ġodda ġew imfassla biex jiżguraw trattament ugwali fl-UE kollha fir-rigward tas-sigaretti elettroniċi li fihom in-nikotina (prodotti li ma fihomx nikotina mhumiex koperti mid-Direttiva).

Is-sigaretti elettroniċi jistgħu jkunu mit-tip li jintuża darba (jiġifieri ta' użu uniku), mit-tip li jista' jerġa' jiġi ċċarġjat (rechargeable - permezz ta' stoċċ ta' użu waħdieni) jew ta' tip li jista' jimtela' mill-ġdid (permezz ta’ kontenitur tal-mili mill-ġdid, jew refill container).

Għalfejn hemm bżonn ta' regoli ġodda dwar is-sigaretti elettroniċi?

Is-sigaretti elettroniċi huma kategorija ta' prodott relattivament ġdida, u s-sehem tas-suq tagħhom qed jikber. Filwaqt li jista’ jkollhom rwol fil-waqfien jew fit-tnaqqis tat-tipjip, l-effetti tagħhom fit-tul fuq is-saħħa pubblika għadhom mhumiex magħrufa. Minħabba li n-nikotina hija sustanza tossika u li toħloq dipendenza f'min jużaha, jeħtieġ li jkun hemm rekwiżiti ta’ sikurezza u kwalità fir-rigward ta' sigaretti elettroniċi li fihom in-nikotina.

Jeħtieġ li jkun hemm ukoll obbligi ta’ rappurtar, sabiex l-awtoritajiet pubbliċi jkunu jistgħu jimmonitorjaw dawn il-prodotti u jitgħallmu aktar dwarhom. Għadd ta’ deċiżjonijiet dwar is-sigaretti elettroniċi se jitħallew f’idejn l-Istati Membri, pereżempju dawk li jirrigwardaw ir-regolamentazzjoni tas-sustanzi aromatizzanti, ir-reklamar mingħajr effetti transkonfinali, u l-limiti tal-età.

Ir-regoli l-ġodda mhumiex se japplikaw għal sigaretti elettroniċi mediċinali (kif stabbilit fid-Direttiva 2001/83/KE) jew għal tagħmir mediku (id-Direttiva 93/42/KEE), iżda se jkopru s-sigaretti elettroniċi kollha għal użu mill-konsumaturi mqiegħda fis-suq fl-UE.

X’se jinbidel għall-konsumaturi u l-manifatturi tas-sigaretti elettroniċi?

Il-konsumaturi tas-sigaretti elettroniċi:

  • se jibbenefikaw minn rekwiżiti mtejba tas-sikurezza u l-kwalità għall-prodotti: meta jitqies li n-nikotina hija klassifikata bħala sustanza tossika, se jkun hemm konċentrazzjoni massima ta' nikotina għas-sigaretti elettroniċi, u volumi massimi għall-istoċċijiet, tankijiet u kontenituri ta' likwidi li fihom in-nikotina. Dawn għandhom ikunu mgħammra b'sistemi biex ma jintużawx bi żball mit-tfal, biex ma jiġux imbagħbsa, kif ukoll biex ma jnixxux, sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju tal-espożizzjoni tal-konsumaturi – u b'mod partikolari, tat-tfal – għar-riskji fl-immaniġġar jew għar-riskju li dawn jinbelgħu. Ingredjenti ta’ purità għolja biss jistgħu jintużaw fil-likwidi li fihom in-nikotina, u s-sigaretti elettroniċi se jkollhom iwasslu d-dożijiet tan-nikotina f’livelli konsistenti f’kundizzjonijiet normali ta’ użu. Dan ifisser li kull meta wieħed jieħu nifs għall-istess tul ta' żmien u bl-istess saħħa, is-sigarett elettroniku għandu dejjem iwassal livell simili ta’ nikotina.

  • se jkunu infurmati aħjar permezz ta' rekwiżiti ġodda dwar l-imballaġġ u t-tikkettar: it-twissijiet tas-saħħa fuq il-pakketti tas-sigaretti elettroniċi se jkunu obbligatorji, kif se jkunu obbligatorji wkoll l-istruzzjonijiet tagħhom għall-użu, informazzjoni dwar id-dipendenza u t-tossiċità, lista tas-sustanzi kollha li jinsabu fil-prodott u informazzjoni dwar kemm fih nikotina l-prodott. Fuq il-pakketti mhuma se jkunu permessi ebda elementi promozzjonali.

  • se jkunu mħarsa aħjar: L-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni se jkunu jistgħu jieħdu azzjoni f’każijiet ta’ tħassib ġustifikati b'rabta mas-sikurezza fir-rigward ta' dawn il-prodotti. L-awtoritajiet se jimmonitorjaw is-suq għal kwalunkwe evidenza li tista' twassal għall-konkużjoni li s-sigaretti elettroniċi jwasslu għal dipendenza fuq in-nikotina jew għal konsum tat-tabakk tradizzjonali, speċjalment fost iż-żgħażagħ u fost min ma jpejjipx, u l-Kummissjoni se tirrapporta rigward tħassib dwar is-sikurezza u żviluppi tas-suq.

Il-manifatturi tas-sigaretti elettroniċi (apparti li għandhom jimmanifatturaw il-prodotti tagħhom skont ir-regoli ta’ hawn fuq dwar is-sikurezza, il-kwalità u l-ippakkjar) se jkollhom ukoll l-obbligu li:

  • jinnotifikaw lill-Istati Membri qabel ma jqiegħdu prodotti ġodda fis-suq: in-notifika għandha tinkludi informazzjoni dwar il-manifattur, dwar l-ingredjenti użati u dwar l-emissjonijiet, dwar id-doża u l-assorbiment tan-nikotina, informazzjoni dwar il-proċess tal-prodott u tal-produzzjoni kif ukoll dikjarazzjoni li fiha jiġi stabbilit li l-manifattur ikun qed jieħu responsabbiltà sħiħa għall-kwalità u s-sikurezza tal-prodott f'kundizzjonijiet ta' użu normali.

  • jirrappurtaw lill-Istati Membri fuq bażi annwali: rigward il-volumi ta' bejgħ tal-prodotti, kif ukoll rigward min jużahom u l-preferenzi u x-xejriet tagħhom.

  • jiġu konformi ma' regoli speċifiċi dwar ir-reklamar: ir-regoli eżistenti dwar ir-reklamar u l-promozzjoni transkonfinali ta' prodotti tat-tabakk se japplikaw anki għas-sigaretti elettroniċi.

Ir-regoli dwar is-sigaretti elettroniċi jistgħu jiġu riveduti aktar tard?

Il-monitoraġġ u r-rappurtar dwar l-iżviluppi kollha relatati mas-sigaretti elettroniċi – inkluż l-iżviluppi relatati mas-suq u mas-saħħa – ġew inkorporati fid-Direttiva l-ġdida. L-informazzjoni miġbura se tipprovdi ħarsa ġenerali tajba dwar liema azzjoni leġiżlattiva addizzjonali hi meħtieġa, jekk ikun hemm, u l-Kummissjoni se teżamina l-kwistjoni mill-ġdid jekk ikun meħtieġ.

Il-projbizzjoni tas-snus (tabakk li jittieħed mill-ħalq) se tibqa' fis-seħħ?

Iva Fl-UE, it-tabakk li jittieħed mill-ħalq (bħas-snus), u li wieħed ma jogħmodux, ilu pprojbit mill-1992. Bħala parti mit-Trattat tagħha tal-Adeżjoni, l-Isvezja għandha eżenzjoni f'dan ir-rigward, sakemm hija tiżgura li l-prodott ma jinbiegħx barra t-territorju tagħha. Is-snus jagħmlek dipendenti u għandu effetti negattivi fuq is-saħħa. Diġà qabel l-1992, għadd ta’ Stati Membri kienu ddikjarawh bħala prodott ipprojbit, meta kkunsidraw il-potenzjal sinifikanti tiegħu ta’ tkabbir u l-element attraenti tiegħu għaż-żgħażagħ.

X’qed isir kontra l-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk?

Id-Direttiva l-ġdida fiha miżuri qawwija kontra l-bejgħ illegali tal-prodotti tat-tabakk, sabiex jiġi żgurat li jkunu biss prodotti li huma konformi mad-Direttiva li jinbiegħu fl-UE. Din tintroduċi sistema ta’ provenjenza u traċċar fil-katina legali tal-provvista, flimkien ma' karatteristiċi ta' sigurtà kemm viżibbli kif ukoll inviżibbli (eż. ologrammi) li għandhom jiffaċilitaw l-infurzar tal-liġi u jgħinu lill-awtoritajiet u lill-konsumaturi jindunaw bi prodotti illegali. Il-miżuri previsti fid-Direttiva l-ġdida se jgħinu biex il-kummerċ tat-tabakk jerga' jiġi dirett lejn mezzi legali, u jistgħu wkoll jgħinu lill-Istati Membri biex jirkupraw dħul mitluf. Il-monitoraġġ u t-traċċar ta’ prodotti tat-tabakk se jiddaħħlu b’mod gradwali. L-ewwel prodotti li għandhom jiġu konformi huma s-sigaretti u t-tabakk tal-brim, u warajhom il-prodotti l-oħra tat-tabakk.

Il-bejgħ transkonfinali mill-bogħod se jiġi pprojbit?

Il-bejgħ transkonfinali mill-bogħod mhux se jiġi pprojbit fil-livell tal-UE, iżda l-Istati Membri individwali jistgħu jagħżlu li jipprojbixxu bejgħ ta' dan it-tip. Jekk jiddeċiedu li jagħmlu hekk, il-bejjiegħa bl-imnut ma jkunux jistgħu jfornu lil konsumaturi li jinsabu f’dak l-Istat Membru. Jekk ma jistgħux jagħżlu li jipprojbixxu bejgħ ta' dan it-tip, il-bejjiegħa bl-imnut li jixtiequ jwettqu bejgħ transkonfinali ta' prodotti tat-tabakk għandhom jinnotifikaw l-attività tagħhom qabel ma jsir l-ewwel bejgħ fl-Istat Membru li jkunu jinsabu fih, u f’dawk l-Istati Membri li jbiegħulhom prodotti tat-tabakk. Dawn għandhom idaħħlu fis-seħħ ukoll sistema għall-verifika tal-età sabiex jiġi żgurat li l-prodotti tat-tabakk ma jinbigħux lit-tfal u lill-adoloxxenti.

X'inhuma l-benefiċċji fuq is-saħħa u l-benefiċċji ekonomiċi li mistennija jwasslu dawn ir-regoli l-ġodda?

Ir-regoli stretti dwar il-pakketti u l-aromatizzanti attraenti għandhom jgħinu biex iż-żgħażagħ jiġu skoraġġuti milli jesperimentaw bit-tabakk u milli jaqbdu l-vizzju tat-tipjip. Ir-reviżjoni mistennija twassal għal tnaqqis ta' 2% fil-konsum tat-tabakk tul perjodu ta' 5 snin. Bejn wieħed u ieħor, dan huwa ekwivalenti għal 2.4 miljun inqas persuni li jpejpu fl-UE.

Il-gvernijiet u s-soċjetà kollha kemm hi se jibbenefikaw minn saħħa pubblika mtejba, jiġifieri minn persuni aktar f'saħħithom u li jgħixu aktar fit-tul. Is-saħħa hija valur fiha nnifisha, u popolazzjoni f’saħħitha hija fattur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku. Ġie kkalkulat li t-tnaqqis fil-konsum tat-tabakk li jirriżulta mill-miżuri l-ġodda se jwassal għal iffrankar annwali ta' EUR 506 miljun fil-kura tas-saħħa.

Informazzjoni aktar ċara u aktar preċiża dwar il-prodotti tat-tabakk se tagħti l-opportunità lin-nies jieħdu deċiżjonijiet infurmati. Barra minn hekk, il-manifatturi tal-prodotti tat-tabakk se jibbenefikaw minn regoli aktar ċari, tħaddim aħjar tas-suq intern u kundizzjonijiet ekwi. Ir-regoli l-ġodda jqisu wkoll il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju.

Meta jibdew japplikaw ir-regoli l-ġodda?

Id-Direttiva l-ġdida għandha tidħol fis-seħħ f’Mejju 2014. Perjodu ta’ traspożizzjoni ta’ sentejn sabiex l-Istati Membri jġibu l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom konformi mad-Direttiva riveduta jfisser li l-biċċa l-kbira tar-regoli l-ġodda se japplikaw fl-ewwel nofs tal-2016. Madankollu, id-Direttiva tipprevedi wkoll perjodu tranżitorju għall-kategoriji kollha ta' prodotti, sabiex il-manifatturi u l-bejjiegħa bl-imnut ikollhom ħin biex ibigħu l-istokk eżistenti tagħhom, sakemm dan ikun konformi mad-Direttiva l-antika jew ma' leġiżlazzjoni rilevanti oħra. Kif imsemmi hawn fuq, se japplika perjodu ta' eliminazzjoni gradwali ta’ erba’ snin għall-prodotti kollha b’sehem fis-suq ta' aktar minn 3% fl-UE, bħal pereżempju fil-każ tas-sigaretti tal-mentol.

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/health/tobacco/products/index_en.htm

Segwina fuq Twitter: @EU_Health


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website