Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, il-14 ta’ Frar 2014

Il-laħam taż-żwiemel: sena wara l-azzjonijiet ġew imħabbra u mwettqa!

Madwar sena ilu, l-iskandlu tal-laħam taż-żwiemel ingħata prominenza fl-aħbarijiet fl-Ewropa u lil hinn minnha. L-istorja li l-laħam taż-żwiemel kien qed jinbiegħ bħala ċanga, wriet in-natura kumplessa tal-katina globalizzata tal-provvista tal-ikel tagħna. L-evidenza li nġabret ma ndikatx li kien hemm kwistjoni relatata mas-sikurezza tal-ikel jew mas-saħħa pubblika, iżda kwistjoni ta’ tikkettar qarrieqi. Hija wriet li dawk li jwettqu l-frodi kienu qed jieħdu vantaġġ mid-dgħjufijiet tas-sistema kemm għad-detriment tan-negozji leġittimi kif ukoll għad-detriment tal-konsumaturi. L-industrija tal-ipproċessar tal-ikel fl-Ewropa iffaċċjat kriżi ta’ kunfidenza mill-konsumatur, u l-fiduċja fl-industrija laħqet l-aktar livell baxx fl-istorja. Il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-UE qed jaħdmu flimkien mill-qrib biex jistabbilixxu eżatt kif fi prodotti tal-ikel ittikkettati bħala li fihom biss 100% ċanga instab il-laħam taż-żwiemel.

1) Il-Kummissjoni kif irreaġixxiet rigward l-iskandlu?

Bħala risposta inizjali, fil-bidu ta’ Marzu 2013 il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa Tonio Borg ħabbar pjan ta’ azzjoni f'ħames stadji, li pprovda lista ta’ azzjonijiet li għandhom jitwettqu tul żmien qasir, medju u fit-tul (ara aktar 'il quddiem). L-għan kien li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet li ġew identifikati wara l-iskandlu li affettwa l-katina tal-provvista tal-ikel Ewropea, kemm dawk li jinsabu fis-sett ta’ regoli applikabbli għas-segmenti differenti tal-katina, kif ukoll dawk fis-sistema ta’ kontroll li permezz tagħha jiġu infurzati r-regoli.

2) Xi nkiseb wara sena?

Kwistjonijiet li ġew identifikati

Azzjonijiet previsti

Status

1. Frodi fil-qasam tal-ikel

L-immappjar tal-għodod u l-mekkaniżmi eżistenti sabiex tiġi miġġielda l-frodi fil-qasam tal-ikel, bil-ħsieb li jiġu żviluppati sinerġiji u kuntatti fost l-awtoritajiet kompetenti.

IMWETTQA

Il-promozzjoni tal-involviment tal-Europol f'investigazzjonijiet relatati mal-frodi fil-qasam tal-ikel, fejn u kif xieraq.

IMWETTQA

Li tiġi żgurata proċedura għall-iskambju rapidu ta’ informazzjoni u ta' twissijiet f’każijiet ta’ ksur li jistgħu jikkostitwixxu frodi (simili għal dak li jsir mill-RASFF rigward riskji serji).

QED TITWETTAQ BĦALISSA

2.Programm ta' ttestjar

L-evalwazzjoni u l-preżentazzjoni tar-riżultati tal-monitoraġġ tad-DNA li qed isir bħalissa u, jekk ikun meħtieġ, it-teħid ta' miżuri ta’ segwitu xierqa.

IMWETTQA

L-evalwazzjoni u l-preżentazzjoni tar-riżultati tal-monitoraġġ tal-laħam taż-żwiemel għal residwi ta' fenilbutażon u, jekk ikun meħtieġ, it-teħid ta' miżuri ta’ segwitu xierqa.

IMWETTQA

Li jiġu kkunsidrati miżuri ta’ segwitu xierqa wara l-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni konġunta mill-EFSA u l-EMA fil-15 ta’ April 2013 dwar ir-riskji relatati mal-preżenza tal-fenilbutażon fil-laħam

IMWETTQA

3. Passaporti taż-żwiemel

Ir-rappurtar mill-Istati Membri dwar il-miżuri li permezz tagħhom jinfurzaw ir-regoli tal-Unjoni dwar il-passaporti taż-żwiemel (ir-Regolament tal-Kummissjoni 504/2008), rigward:

  • ir-regoli dwar l-identifikazzjoni taż-żwiemel u l-miżuri meħuda sabiex jiġi evitat li laħam minn żwiemel mhux identifikati jidħol fil-katina tal-ikel, b’mod partikolari billi jiġi vverifikat il-mod kif jitlesta l-passaport ta' żwiemel li jkunu ngħataw il-mediċini wara li dawn jingħataw il-fenilbutażon;

  • l-obbligu li jsiru kontrolli uffiċjali b’mod regolari, u li jiżdied il-livell tal-kontrolli f'każijiet fejn ikun hemm indikazzjonijiet ta’ nuqqas possibbli ta’ konformità (bħal f’dan il-każ);

IMWETTQA

Il-preżentazzjoni ta' abbozz lill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali (SCoFCAH) sabiex ir-Regolament tal-Kummissjoni 504/2008 jiġi emendat bl-għan li r-reġistrazzjoni ta’ passaporti taż-żwiemel f’bażi ta' dejta nazzjonali ċentrali ssir obbligatorja, fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa tal-annimali u l-leġiżlazzjoni Żooteknika.

IMWETTQA

It-trasferiment b'mod sħiħ tal-proċess tal-ħruġ ta’ passaporti taż-żwiemel lill-awtoritajiet kompetenti bħala parti mill-proposta li jmiss dwar iż-Żooteknika, biex b’hekk jitnaqqas l-għadd ta’ entitajiet awtorizzati biex joħorġu l-passaporti.

DIN L-AZZJONI ĠIET KKUNSIDRATA FIL-LIĠIJIET DWAR IS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI U FIR-REVIŻJONI TAL-LEĠIŻLAZZJONI ŻOOTEKNIKA

4. Kontrolli Uffiċjali, implimentazzjoni u penali

Li fir-reviżjoni li jmiss tar-Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali (ir-Regolament 882/2004) jiġu proposti rekwiżiti bl-għan li:

a. kull meta jintużaw penali finanzjarji b’rabta ma' każijiet ta' ksur intenzjonat tal-liġijiet dwar il-katina tal-ikel, dawn ikunu ta' livell dissważiv biżżejjed u ikbar fl-ammont tagħhom mill-qligħ ekonomiku li jkun qed jistenna li jaqla' min iwettaq l-azzjoni ta' frodi;

b. fil-pjanijiet ta’ kontroll tagħhom, l-Istati Membri jinkludu u jwettqu b'mod regolari kontrolli uffiċjali mhux imħabbra (inklużi spezzjonijiet u ttestjar), bl-għan li tiġi miġġielda l-frodi fil-qasam tal-ikel;

c. il-Kummissjoni tista’ timponi (u mhux biss tirrakkomanda) programmi ta’ ttestjar ikkoordinati f’każijiet speċifiċi, b’mod partikolari f’każijiet ta’ frodi.

IMWETTQA

It-tħejjija ta' rapport dwar is-sitwazzjoni ġenerali rigward l-iġjene tal-laħam taż-żwiemel mill-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju tal-Kummissjoni (FVO).

IMWETTQA

5. Tikketti tal-oriġini

L-adozzjoni ta' rapport tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà li jiġi estiż it-tikkettar obbligatorju tal-oriġini tat-tipi kollha ta’ laħam użati bħala ingredjenti fl-ikel.

Li tittieħed kwalunkwe azzjoni ta’ segwitu meħtieġa, fuq il-bażi ta’ dan ir-rapport.

IMWETTQA

L-adozzjoni ta' regoli ta’ implimentazzjoni dwar it-tikkettar obbligatorju tal-oriġini ta’ laħam mhux ipproċessat tan-nagħaġ, tal-mogħoż, tal-ħnieżer u tat-tjur, fuq il-bażi tar-Regolament dwar informazzjoni dwar l-ikel għall-konsumaturi.

IMWETTQA

L-adozzjoni ta' regoli ta’ implimentazzjoni biex jipprevjenu l-użu qarrieqi tat-tikkettar tal-oriġini tal-ikel fuq bażi volontarja, fuq il-bażi tar-Regolament dwar informazzjoni dwar l-ikel għall-konsumaturi.

QED TITWETTAQ BĦALISSA

L-adozzjoni ta' rapporti tal-Kummissjoni, fuq il-bażi tar-Regolament dwar informazzjoni dwar l-ikel għall-konsumaturi, rigward il-possibbiltà li t-tikkettar obbligatorju tal-oriġini jiġi estiż għal:

  • tipi oħra ta' laħam mhux ipproċessat li mhumiex diġà koperti minn regoli obbligatorji ta' tikkettar tal-oriġini, bħalma huma l-laħam taż-żwiemel, il-laħam tal-fniek, il-laħam tat-tjur tal-kaċċa, eċċ.;

  • ħalib;

  • ħalib bħala ingredjent fil-prodotti tal-ħalib;

  • ikel magħmul minn ingredjent wieħed;

  • ikel mhux ipproċessat;

  • ingredjenti li jirrappreżentaw aktar minn 50% tal-ikel.

QED TITWETTAQ BĦALISSA

(Rapport finali sa Diċembru 2014, skont il-leġiżlazzjoni)

3) X’kienu l-lezzjonijiet ewlenin li tgħallimna?

Tgħallimna bosta lezzjonijiet minn dan il-każ ta' frodi tal-laħam taż-żwiemel. L-aktar waħda importanti x'aktarx li hija li skemi frodulenti transfruntieri li jieħdu vantaġġ mid-dgħjufijiet ta’ provvista tal-ikel dejjem aktar globalizzata jista’ jkollhom impatt enormi fuq il-konsumaturi u l-operaturi u, għalhekk, anki fuq l-ekonomija. Għaldaqstant jeħtieġ li l-operaturi u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jżommu għajnejhom miftuħa għal attentati ta' frodi li huma ekonomikament motivati, li jistgħu jitwettqu f’kull stadju tal-katina tal-provvista tal-ikel.

Il-kriżi tal-laħam taż-żwiemel ikkonfermat ukoll il-ħtieġa li tittejjeb il-kooperazzjoni transfruntieri fost l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar, li hija essenzjali biex attivitajiet frodulenti jiġu indirizzati b’mod effikaċi. Il-kriżi kkonfermat ukoll li hemm bżonn li fl-attivitajiet kontra l-frodi fl-ikel jiġu mobilizzati mhux biss servizzi ta’ spezzjoni tal-ikel, iżda wkoll aġenziji oħra tal-infurzar tal-liġi (eż. il-pulizija, id-dwana) u l-awtoritajiet ġudizzjarji.

Fl-aħħar nett, is-sitwazzjoni tas-sena l-oħra pprovdiet aktar evidenza dwar il-ħtieġa li tiġi msaħħa l-kapaċità tas-sistema ta’ kontroll kollha sabiex il-vulnerabbiltà potenzjali ta' partijiet differenti tal-katina tal-provvista tal-ikel għall-frodi tiġi vvalutata sa minn kmieni (fuq il-bażi tal-karatteristiċi tal-ikel, il-proċessi tal-produzzjoni, il-modalitajiet tad-diversi passi li jseħħu tul il-katina tal-provvista tal-ikel, il-prezzijiet, u l-varjazzjonijiet tagħhom maż-żmien), u li tiġi msaħħa l-kapaċità ta’ nfurzaturi nazzjonali li jidentifikaw - u jipprevjenu każijiet possibbli ta' frodi. Naturalment, f’dan il-kuntest huma ta' importanza kruċjali d-disponibbiltà ta' metodi affidabbli għall-iskoperta ta’ prodotti adulterati u l-kapaċità li 'opportunitajiet' għall-frodi fil-katina jiġu antiċipati kemm jista’ jkun minn qabel (eż. id-disponibbiltà ta', u l-aċċess għal, ingredjenti adulteranti li jistgħu jiġu mistura fi prodotti oħra faċilment u li ma jistgħux jiġu identifikati permezz ta' metodi ta’ ttestjar li huma aċċettati bħalissa).

4) Issa li ġie indirizzat il-każ tal-laħam taż-żwiemel: x'għamlet aktar il-Kummisjoni?

  • Ittieħdu diversi inizjattivi biex jiġu indirizzati b'mod speċifiku l-kwistjonijiet li nkixfu minħabba l-iskandlu tal-laħam taż-żwiemel, u sabiex tittejjeb is-sistema ta’ kontroll tal-UE kollha kemm għas-sejba ta' u għall-ġlieda kontra każijiet ta' ksur tar-regoli motivati minn prospett ta’ benefiċċju finanzjarju jew ekonomiku għal dawk li jkunu wettqu r-reat.

  • L-azzjonijiet li ttieħdu s’issa jinkludu:

  • il-ħolqien ta’ Netwerk Kontra l-Frodi tal-Ikel tal-UE, li huwa magħmul minn rappreżentanti mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri (flimkien mal-Islanda, in-Norveġja u l-Isvizzera), li ddiskuta mezzi u modi biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni ta’ approċċ pan-Ewropew rigward kwistjonijiet ta’ frodi, u li huwa kapaċi jieħu ħsieb każijiet transfruntieri b’mod iktar effiċjenti;

  • l-iżvilupp (li għadu għaddej) ta’ għodda tal-IT dedikata, li hija simili għall-RASFF (Sistema ta’ Twissija Bikrija għall-Għalf u l-Ikel), li permezz tagħha l-membri tan-netwerk jistgħu jiskambjaw informazzjoni u dejta dwar każijiet potenzjali ta' frodi transfruntieri b’mod rapidu;

  • taħriġ speċjalizzat offrut mill-2014 'il quddiem lill-ispetturi tal-ikel, lill-pulizija, lill-uffiċjali tad-dwana u lill-awtoritajiet ġudizzjarji rigward tekniki ġodda ta' investigazzjoni/kontroll relatati mal-frodi fil-qasam tal-ikel, kif ukoll kooperazzjoni aktar effettiva bejn aġenziji differenti fil-livell nazzjonali;

  • l-għoti ta' attenzjoni speċjali lill-ħtieġa li jiġu żviluppati l-kapaċitajiet imtejba ta’ analiżi tal-laboratorji fil-livell tal-UE, permezz ta' ġbir flimkien tal-għarfien u tar-riżorsi disponibbli fl-Istati Membri u permezz tal-iżvilupp ta’ programmi ta’ riċerka speċjalizzati;

  • proposta leġiżlattiva biex jiġi rivedut il-qafas legali applikabbli għal kontrolli uffiċjali tul il-katina agroalimentari, u studju ppjanat għall-2014 dwar il-qafas legali li qed jintuża bħalissa biex titmexxa l-ġlieda kontra prattiki frodulenti u qarrieqa;

  • koordinazzjoni aħjar fil-livell tal-UE tas-servizzi kollha li jittrattaw kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-frodi fil-qasam tal-ikel, u t-twaqqif ta’ tim iddedikat fi ħdan il-Kummissjoni (id-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u l-Konsumaturi).

5) X’inhu n-'Netwerk Kontra l-Frodi tal-Ikel tal-UE', u x'inhu l-għan tiegħu?

In-Netwerk Kontra l-Frodi tal-Ikel tal-UE (FFN) inħoloq f’Lulju 2013, wara l-iskandlu tal-laħam taż-żwiemel. Dan jinkludi 28 punt ta’ kuntatt dwar il-frodi fil-qasam tal-ikel, flimkien mal-Istati Membri mhux parti mill-UE, jiġifieri l-Islanda, in-Norveġja u l-Isvizzera, u l-Europol u l-Kummissjoni (id-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u l-Konsumaturi). Il-punti ta’ kuntatt nazzjonali huma l-awtoritajiet maħturin minn kull Stat Membru tal-UE bl-għan li tiġi żgurata assistenza u kooperazzjoni amministrattiva transkfruntieri meta jkun jeħtieġ li tittieħed azzjoni f’aktar minn Stat Membru wieħed rigward kwistjonijiet li jirrigwardaw każijiet ta' ksur tar-rekwiżiti tal-liġijiet dwar l-ikel li huma motivati minn raġunijiet ekonomiċi.

L-FFN tippermetti li jkun hemm kooperazzjoni rapida u effiċjenti f’każijiet ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni f'livell transfruntieri. Din diġà bdiet tindirizza każijiet potenzjali ta’ frodi fil-qasam tal-ikel, u sservi wkoll bħala forum għal diskussjonijiet dwar il-koordinazzjoni u l-prijoritizzazzjoni ta’ azzjoni fil-livell tal-UE dwar kwistjonijiet relatati mal-frodi fil-qasam tal-ikel. L-FFN tiltaqa' fuq bażi regolari: fl-2013 iltaqgħet darbtejn, filwaqt li l-laqgħa li jmiss għandha ssir fit-tieni trimestru tal-2014.

Apparti dawn il-laqgħat formali, il-punti ta’ kuntatt nazzjonali tal-FFN u l-Kummissjoni jinsabu f'kuntatt b'mod permanenti. Huma jiskambjaw l-informazzjoni f’każijiet fejn ir-riżultati ta’ kontrolli uffiċċjali fi Stat Membru jindikaw li jista’ jkun li qed iseħħ ksur possibbli tar-rekwiżiti tal-liġi dwar l-ikel immotivati minn prospetti ta' qligħ ekonomiku jew finanzjarju. Bħalissa l-Kummissjoni qed taħdem fuq l-iżvilupp ta’ għodda tal-IT dedikata, li hija simili għall-RASFF, għal ġestjoni aktar faċli u aktar effiċjenti tas-sistema.

6) Il-Kummissjoni beħsiebha tniedi aktar programmi ta’ ttestjar fl-UE kollha?

Wara l-pjan ta’ kontroll koordinat għal-laħam taż-żiemel li ġie mniedi fl-2013 (aktar minn 7000 test imwettqa mill-Istati Membri fi Frar-Marzu 2013 bl-għan li tiġi identifikata l-preżenza ta’ DNA u tal-fenilbutażon), il-Kummissjoni qed tikkunsidra l-possibbiltà li tiżviluppa pjanijiet addizzjonali kkoordinati fil-livell tal-UE.

Dawn il-pjanijiet jirrappreżentaw wieħed mill-oqsma differenti ta’ azzjoni maħsuba sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri li jiskopru każijiet ta' frodi potenzjali, u li jidentifikaw aħjar id-daqs tal-prattiki frodulenti. Dawn se jiġu żviluppati fuq il-bażi tat-tagħrif mibgħut mill-Istati Membri kif ukoll fuq il-bażi ta' sorsi oħra, u se jiġu diskussi min-Netwerk Kontra l-Frodi tal-Ikel tal-UE.

7) Għaliex il-Kummissjoni ma pproponietx li tirregola t-tikkettar obbligatorju tal-oriġini tal-laħam li jintuża bħala ingredjent?

Il-Kummissjoni xtaqet tiddikjara b'mod ċar li t-tikkettar obbligatorju tal-oriġini ma jistax jitqies bħala għodda biex jiġi evitat li jseħħu prattiki qarrieqa. Ir-rapport li l-Kummissjoni ppubblikat f’Diċembru 2013 jittratta l-kwistjoni ta’ jekk it-tikkettar obbligatorju tal-oriġini għandux jiġi estiż għat-tipi kollha ta’ laħam użati bħala ingredjenti. Ir-rapport ikkunsidra wkoll: il-ħtieġa li l-konsumaturi jiġu infurmati; il-fattibbiltà għal indikazzjoni obbligatorja tal-oriġini; analizza l-ispejjeż u l-benefiċċji; u vvaluta l-impatt tat-tikkettar tal-oriġini fuq is-suq uniku u fuq il-kummerċ internazzjonali. Ir-rapport bħalissa qed jiġi diskuss mal-Parlament Ewropew u mal-Istati Membri tal-UE. Ir-riżultat tad-diskussjonijiet se jiddetermina jekk il-Kummissjoni għandhiex tikkunsidra liema passi oħra għandha tieħu, jekk ikun il-każ.

8) Min hu inkarigat biex jivverifika li l-ikel li nieklu hu sikur u tajjeb għal saħħitna?

L-operaturi tan-negozji tal-ikel (proċessuri, distributuri u bejjiegħa bl-imnut) li għandhom kontroll fuq il-prodotti u l-proċessi fil-qasam għandhom ir-responsabbiltà primarja li jiżguraw li r-rekwiżiti stretti tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ikel jiġu ssodisfati.

L-Istati Membri tal-UE huma responsabbli għall-infurzar b'mod xieraq tar-regoli tal-UE u għandu jkollhom fis-seħħ sistemi ta’ kontroll, inklużi programmi ta’ spezzjoni ta' operaturi tan-negozji, sabiex jiġi verifikat li hemm konformità mar-regoli tal-katina agroalimentari tal-UE. Billi jwettaq verifiki nazzjonali, l-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju tal-Kummissjoni (FVO) li jinsab fi Grange, l-Irlanda, huwa responsabbli biex jiżgura li l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi li jesportaw lejn l-UE jissodisfaw l-obbligi legali tagħhom.

Fil-każ ta’ attivitajiet li jmorru kontra, jew li jidhru li jmorru kontra il-liġi dwar l-għalf u l-ikel u li għandhom, jew jista’ jkollhom, implikazzjonijiet f’diversi Stati Membri, jew meta ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni fil-livell tal-Istati Membri, ir-rwol tal-Kummissjoni huwa li tikkoordina l-azzjoni fil-livell tal-UE, pereżempju permezz ta’ pjan ta’ kontroll koordinat implimentat fl-UE kollha.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website