Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, it-28 ta’ Mejju 2014

Il-governanza ekonomika tal-UE: kif taħdem

It-tagħlimiet miksuba mill-kriżi ekonomika, finanzjarja u tad-dejn sovran reċenti wasslu għal riformi suċċessivi tar-regoli tal-UE, li jintroduċu, fost affarijiet oħra, sistemi ta’ sorveljanza ġodda għall-politiki baġitarji u ekonomiċi u skeda ta' żmien baġitarja ġdida għaż-Żona tal-Ewro.

Ir-regoli l-ġodda (introdotti permezz tas-Six Pack, it-Two Pack u t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza) huma msejsa fuq is-Semestru Ewropew, il-kalendarju tat-tfassil tal-politika tal-UE. Din is-sistema integrata tiżgura regoli aktar ċari, koordinazzjoni aħjar tal-politiki nazzjonali matul is-sena, segwitu regolari u sanzjonijiet aktar immedjati għall-ksur tar-regoli. Dan jgħin lill-Istati Membri jagħmlu sforz biex jilħqu l-impenji baġitarji u ta’ riforma tagħhom filwaqt li jagħmlu l-Unjoni Ekonomika u Monetarja aktar robusta bħala entità sħiħa.

Dawn li ġejjin huma l-karatteristiċi essenzjali tas-sistema l-ġdida.

KOORDINAZZJONI MATUL IS-SENA KOLLHA: IS-SEMESTRU EWROPEW

Qabel il-kriżi, l-ippjanar tal-politika baġitarja u ekonomika għall-UE kien isir bi proċessi differenti. Ma kien hemm l-ebda opinjoni komprensiva tal-isforzi li jsiru fuq livell nazzjonali, u l-ebda opportunità għall-Istati Membri biex jiddiskutu strateġija kollettiva għall-ekonomija tal-UE.

Koordinazzjoni u gwida

Is-Semestru Ewropew, li ġie introdott fl-2010, jiżgura li l-Istati Membri jiddiskutu l-pjanijiet baġitarji u ekonomiċi tagħhom mal-imsieħba tagħhom mill-UE f’ċerti ħinijiet matul is-sena. Dan jippermetti li huma jkunu jistgħu jikkummentaw fuq il-pjani ta' xulxin u jippermetti lill-Kummissjoni tagħti gwida dwar il-politika fi żmien adegwat, qabel ma jsiru deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali. Il-Kummissjoni żżomm ukoll għajnejha fuq jekk l-Istati Membri humiex qed jaħdmu biex jilħqu l-miri fejn jidħlu l-impjiegi, l-edukazzjoni, l-innovazzjoni, il-klima u t-tnaqqis tal-faqar fl-istrateġija tat-tkabbir fit-tul tal-UE, Ewropa 2020.

Skeda ta’ żmien ċara

Iċ-ċiklu jibda f'Novembru kull sena bl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-Kummissjoni (il-prijoritajiet ekonomiċi ġenerali għall-UE), li jipprovdi gwida ta' politika lill-Istati Membri għas-sena ta' wara.

Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż ippubblikati fir-rebbiegħa joffru lill-Istati Membri pariri mfassla apposta dwar riformi strutturali aktar profondi, li ħafna drabi jieħdu aktar minn sena biex jitlestew.

Il-monitoraġġ baġitarju taż-Żona tal-Ewro jintensifika lejn tmiem is-sena, meta l-Istati Membri jippreżentaw l-abbozzi tal-pjani baġitarji, li jiġu eżaminati mill-Kummissjoni u diskussi mill-ministri tal-finanzi taż-Żona tal-Ewro. Il-Kummissjoni teżamina wkoll il-pożizzjoni fiskali fiż-Żona tal-Ewro b'mod ġenerali.

Il-Kummissjoni żżomm għajnejha fuq l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet u tar-riformi diversi drabi fis-sena, b’attenzjoni fuq iż-Żona tal-Ewro u l-Istati Membri bi problemi fiskali jew finanzjarji.

  • Novembru: L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT) jistabbilixxi l-prijoritajiet ekonomiċi globali għall-UE għas-sena ta’ wara. Ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija (RMT) jistħarreġ l-Istati Membri għall-iżbilanċi ekonomiċi. Il-Kummissjoni tippubblika l-opinjonijiet tagħha dwar l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji (għall-pajjiżi kollha taż-Żona tal-Euro) u dwar il-Programmi ta’ Sħubija Ekonomika (għall-pajjiżi taż-Żona tal-Ewro bi żbilanċi baġitarji eċċessivi). Il-pjanijiet baġitarji huma diskussi wkoll mill-ministri tal-finanzi taż-Żona tal-Ewro.

  • Diċembru: L-Istati Membri taż-Żona tal-Ewro jadottaw il-baġits annwali finali, f'kunsiderazzjoni tal-pariri tal-Kummissjoni u tal-opinjonijiet tal-ministri tal-finanzi.

  • Frar/Marzu: Il-Parlament Ewropew u l-ministri tal-UE rilevanti (tal-impjiegi, l-ekonomija u l-finanzi, u l-kompetittività) li jiltaqgħu fil-Kunsill jiddiskutu s-SAT. Il-Kummissjoni tippubblika t-tbassir ekonomiku tagħha għax-xitwa. Il-Kunsill Ewropew jadotta l-prijoritajiet ekonomiċi għall-UE, abbażi tas-SAT. Ikun madwar dan iż-żmien li l-Kummissjoni tippubblika analiżi approfondita dwar l-Istati Membri bi żbilanċi potenzjali (dawk li jkunu ġew identifikati fl-RMT).

  • April: L-Istati Membri jissottomettu l-Programmi ta’ Stabbiltà/Konverġenza tagħhom (il-pjani baġitarji fuq żmien medju) u l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom (il-pjani ekonomiċi), li għandhom ikunu konformi mar-rakkomandazzjonijiet kollha preċedenti tal-UE. Dawn huma dovuti preferibbilment sal-15 ta’ April, iżda mhux aktar tard mit-30 ta’ April kull sena. Il-Eurostat jippubblika d-dejta vverifikata dwar id-dejn u d-defiċit mis-sena ta’ qabel, u dan huwa importanti biex jiġi vverifikat jekk l-Istati Membri jkunux qegħdin jissodisfaw il-miri fiskali tagħhom.

  • Mejju: Il-Kummissjoni tipproponi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSR), li huma pariri ta' politika mfassla apposta għall-Istati Membri, imsejsa fuq il-prijoritajiet identifikati fis-SAT kif ukoll fuq informazzjoni mill-pjani li jkunu daħlu f’April. F'Mejju, il-Kummissjoni tippubblika wkoll it-tbassir ekonomiku tagħha għar-rebbiegħa.

  • Ġunju/Lulju: Il-Kunsill Ewropew japprova s-CSRs, u l-ministri tal-UE, imlaqqgħin fil-Kunsill jiddiskutuhom. Il-ministri tal-finanzi tal-UE eventwalment jadottawhom f’Lulju.

  • Ottubru: L-Istati Membri taż-Żona tal-Ewro jippreżentaw l-abbozzi tal-baġits tagħhom għas-sena sussegwenti lill-Kummissjoni (sal-15 ta’ Ottubru). Jekk xi pjan ma jkunx konformi mal-miri għal terminu medju ta’ xi Stat Membru, il-Kummissjoni tista' titlob li dan jiġi abbozzat mill-ġdid.

IBBAĠITJAR AKTAR RESPONSABBLI

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir kien stabbilit fl-istess żmien tal-munita unika sabiex jiżgura finanzi pubbliċi sodi. Madankollu, il-mod kif kien infurzat qabel il-kriżi ma żammx żbilanċi fiskali serji milli jitfaċċaw f’xi Stati Membri.

Sarulu riformi permezz tas-Six Pack (li sar liġi f’Diċembru 2011) u tat-Two Pack (li daħal fis-seħħ f’Mejju 2013), u ssaħħaħ permezz tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza (li daħal fis-seħħ f’Jannar 2013 fil-25 pajjiż firmatarju tiegħu).

Regoli aħjar

  1. Il-limiti tad-defiċit u tad-dejn: Limiti ta’ 3% tal-PDG għad-defiċits u 60% tal-PDG għad-dejn huma stabbiliti fil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u mnaqqxa fit-Trattat. Dawn jibqgħu validi.

  2. Konċentrazzjoni akbar fuq id-dejn: Ir-regoli l-ġodda jistipulaw li l-limitu ta' 60% tal-PDG huwa limitu operattiv. Dan ifisser li l-Istati Membri jistgħu jitqiegħdu fi Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv jekk ikollhom proporzjon ta' dejn li tkun jeċċedi s-60% tal-PDG li ma jkunx qiegħed jitnaqqas b'mod suffiċjenti (fejn l-ammont li jeċċedi s-60% ma jkunx qiegħed jitniżżel bir-rata medja ta' mill-anqas 5% fis-sena fuq tliet snin)

  3. Nefqa referenzjarja ġdida: Skont ir-regoli l-ġodda, in-nefqa pubblika ma għandhiex tiżdied b’rata aktar mgħaġġla mit-tkabbir potenzjali tal-PDG fuq perjodu medju ta’ żmien, sakemm ma tkunx appoġġata b'miżuri adegwati ta’ dħul.

  4. L-importanza tal-pożizzjoni baġitarja sottostanti: Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jiffoka l-aktar fuq it-titjib tal-finanzi pubbliċi f’termini strutturali (b'kunsiderazzjoni tal-effetti ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku jew miżuri ta’ darba fuq id-defiċit). L-Istati Membri jistabbilixxu l-objettivi baġitarji tagħhom stess għal perjodu medju ta’ żmien, li jiġu aġġornati mill-inqas kull tliet snin, bil-għan li jtejbu l-bilanċ strutturali tagħhom b’0.5% tal-PDG kull sena. Dan jipprovdi marġini ta' sikurezza kontra li jinqabeż il-limitu ewlieni ta' 3%, u l-Istati Membri, b'mod partikolari dwar li jkollhom dejn li jeċċedi s-60% tal-PDG, jiġu mħeġġa jagħmlu sforzi akbar fi żminijiet ekonomikament tajba u anqas fi żminijiet ekonomikament ħżiena.

  5. Patt Fiskali għal 25 Stat Membru: Skont it-Trattat dwar l-istabbiltà, il-koordinazzjoni u l-governanza (TSKG), minn Jannar 2014 l-objettivi baġitarji fuq it-terminu medju ta’ żmien iridu jiġu inkorporati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u jrid ikun hemm limitu ta’ 0.5% tal-PDG fuq defiċit strutturali (li jiżdied għal 1% f’każ li l-proporzjon ta' dejn mal-PDG ikun sewwa taħt is-60%). Dan jissejjaħ il-Patt Fiskali. It-trattat jistabbilixxi wkoll li l-mekkaniżmi ta’ korrezzjoni awtomatika għandhom jiġu attivati jekk il-limitu strutturali tad-defiċit (jew l-aġġustament biex jintlaħaq) jinqabeż, li jkun jeħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu fil-liġi nazzjonali kif u meta dawn ikunu se jirrettifikaw il-ksur matul il-baġits futuri.

  6. Il-flessibbiltà matul kriżi: Billi jiffoka fuq il-pożizzjoni baġitarja sottostanti fil-medda medja ta' żmien, il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir jista' jkun flessibbli matul kriżi. Jekk it-tkabbir imur għall-agħar b’mod mhux mistenni, l-Istati Membri b’defiċits tal-baġit 'il fuq minn 3% tal-PDG jistgħu jingħataw aktar żmien biex jikkoreġuhom, sakemm huma jkunu għamlu l-isforz strutturali meħtieġ. Dan kien il-każ fl-2012 fi Spanja, il-Portugall u l-Greċja, u fl-2013 fi Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja u s-Slovenja.

Infurzar aħjar tar-regoli

  1. Prevenzjoni aħjar: L-Istati Membri huma ġġudikati fuq jekk jilħqux il-miri fil-medda medja ta’ żmien jew le, kif stabbilit fil-programmi ta’ Stabbiltà/Konverġenza tagħhom (il-pjanijiet ta’ baġit ta’ tliet snin, l-ewwel waħda għall-pajjiżi taż-Żona tal-Ewro, l-aħħar waħda għall-UE) ppreżentati kull April. Dawn huma ppubblikati u eżaminati mill-Kummissjoni u l-Kunsill, u jikkontribwixxu għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni speċifiċi għall-pajjiż kull rebbiegħa.

  2. Twissija bikrija: Jekk ikun hemm “devjazzjoni sinifikanti” mill-mira fuq medda medja ta' żmien, jew mill-aġġustament li jkun irid isir biex din tintlaħaq, il-Kummissjoni tibgħat twissija lill-Istat Membru, li għandha tiġi approvata mill-Kunsill u li tista’ ssir pubblika. Is-sitwazzjoni hija mbagħad monitorata matul is-sena, u jekk ma tkunx tranġat, il-Kummissjoni tista’ tipproponi depożitu b'imgħax ta’ 0.2% tal-PDG (iż-Żona tal-Ewro biss), li trid tkun approvata mill-Kunsill. Dan jista’ jingħata lura lill-Istat Membru jekk dan jikkorreġi d-devjazzjoni.

  3. Il-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv (PDE): Jekk l-Istati Membri jiksru l-kriterji tad-dejn jew tad-defiċit, dawn jitqiegħdu fi Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv, fejn ikunu soġġetti għal monitoraġġ addizzjonali (normalment kull tlieta jew sitt xhur) u jingħataw skadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit tagħhom. Il-Kummissjoni tivverifika l-konformità matul is-sena, abbażi ta' previżjonijiet ekonomiċi regolari u ta' dejta mill-Eurostat. Il-Kummissjoni tista' titlob aktar informazzjoni jew tirrakkomanda azzjoni ulterjuri minn dawk f'riskju li ma jlaħħqux mal-iskadenzi tagħhom tad-defiċit.

  4. Sanzjonijiet aktar imħaffa: Għall-Istati Membri taż-Żona tal-Ewro fil-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv, il-penali finanzjarji jibdew aktar kmieni u jistgħu jiġu intensifikati gradwalment. Jekk id-defiċit ma jitnaqqasx jistgħu jingħataw multa ta’ 0.2% tal-PDG. Il-multi jistgħu jogħlew sa massimu ta' 0.5% jekk jinstab li jkun hemm frodi statistika. Il-pieni jistgħu jinkludu twaqqif tal-finanzjament reġjonali tal-UE (anki għal pajjiżi barra ż-Żona tal-Ewro). B’mod parallel, il-25 Stat Membru li ffirmaw it-TSKG jistgħu jiġu mmultati 0.1% tal-PDG għaliex ikunu naqsu milli jintegraw il-Patt Fiskali fil-liġi nazzjonali kif suppost.

  5. Sistema ta’ votazzjoni ġdida: Deċiżjonijiet dwar il-biċċa l-kbira tas-sanzjonijiet bil-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv jittieħdu b’votazzjoni b’maġġoranza bil-maqlub (Reverse Qualified Majority Voting, RQMV), li jfisser li l-multi jitqiesu bħala approvati mill-Kunsill sakemm ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata ta’ Stati Membri li jegħlbuhom. Dan ma kienx possibbli qabel ma s-Six Pack daħal fis-seħħ. Barra minn hekk, il-25 Stat Membru li ffirmaw it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza qablu li jirrepplikaw il-mekkaniżmu tar-Reverse QMV anki aktar kmieni fil-proċess, pereżempju, meta jiġu biex jiddeċiedu jekk Stat Membru jitpoġġiex fi Proċedura ta’ Żbilanċ Eċċessiv.

SORVELJANZA MSAĦĦA FIŻ-ŻONA TAL-EWRO

Il-kriżi wriet li d-diffikultajiet fi Stat Membru wieħed fiż-Żona tal-Ewro jistgħu jħallu effetti ta’ kontaġju fil-pajjiżi ġirien. Għalhekk, huwa ġustifikat li jkun hemm aktar sorveljanza sabiex il-problemi jinqabdu qabel ma jsiru sistemiċi.

It-Two-Pack, li daħal fis-seħħ fit-30 ta' Mejju 2013, introduċa ċiklu ġdid ta' monitoraġġ għaż-Żona tal-Ewro, b'mod li kull Ottubru l-Istati Membri jippreżentaw l-abbozzi tal-pjani baġitarji (ħlief għal dawk li jkunu għaddejjin minn programmi ta' aġġustament makroekonomiku). Il-Kummissjoni mbagħad toħroġ opinjoni dwarhom.

B'hekk ikun jista' jsir aktar monitoraġġ profond tal-pajjiżi taż-Żona tal-Ewro li jkollhom defiċit eċċessiv, u sorveljanza aktar stretta ta' dawk li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet aktar serji.

  • L-Istati Membri tal-Proċedura rigward id-Defiċit Eċċessiv ma għandhom jissottomettu biss pjanijiet baġitarji, iżda wkoll programmi ta’ sħubija ekonomika li jkun fihom riformi strutturali fiskali dettaljati (pereżepmju, dwar is-sistemi tal-pensjoni, it-tassazzjoni jew il-kura tas-saħħa) li jikkoreġu d-defiċits tagħhom fit-tul.

  • L-Istati Membri li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet finanzjarji jew minn programmi ta' assistenza prekawzjonarja tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà jitqiegħdu taħt “sorveljanza msaħħa”, li tfisser li jiġu soġġetti għal missjonijiet regolari ta’ eżaminazzjoni mill-Kummissjoni u jkunu jridu jipprovdu dejta addizzjonali, pereżempju, dwar is-setturi finanzjarji tagħhom.

  • Programmi ta’ għajnuna finanzjarja: L-Istati Membri li d-diffikultajiet tagħhom jista' jkollhom “effetti negattivi sinifikanti” fuq il-bqija taż-Żona tal-Ewro jistgħu jintalbu jippreparaw programmi sħaħ ta’ aġġustament makroekonomiku. Din id-deċiżjoni tittieħed mill-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni. Dawn il-programmi huma soġġetti għal missjonijiet trimestrali ta' reviżjoni u kundizzjonijiet stretti bi skambju għal kull assistenza finanzjarja.

  • Sorveljanza wara l-programm: L-Istati Membri jgħaddu minn sorveljanza ta’ wara l-programm sakemm 75% ta’ kull assistenza finanzjarja prelevata tkun għadha pendenti.

IL-MONITORAĠĠ ESTIŻ GĦALL-IŻBILANĊI MAKROEKONOMIĊI

Abbażi tal-esperjenza tal-kriżi, ir-riformi tas-Six Pack introduċew sistema ta’ monitoraġġ għall-politiki ekonomiċi aktar ġenerali, biex jagħrfu problemi bħall-bżieżaq tal-proprjetà immobbli, kriżijiet bankarji jew tnaqqis fil-kompetittività ħafna aktar kmieni. Din tissejjaħ il-Proċedura tal-Iżbilanċi Makroekonomiċi, u tinkludi diversi passi sekwenzjali.

  • Prevenzjoni aħjar: L-Istati Membri kollha jkomplu jippreżentaw il-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma – dan issa qed isir f’April ta' kull sena. Dawn huma ppubblikati mill-Kummissjoni u eżaminati biex jiġi żgurat li kull riforma ppjanata tkun skont il-prijoritajiet tal-UE għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, inkluż l-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir fit-tul.

  • Twissija bikrija: L-Istati Membri jiġu skrutinati għal żbilanċi potenzjali permezz ta' tabella ta’ valutazzjoni bi 11-il indikatur, kif ukoll permezz ta' indikaturi awżiljari u informazzjoni oħra, li bihom jitkejlu l-iżviluppi ekonomiċi fuq perjodu ta' żmien. Kull Novembru, il-Kummissjoni tippubblika r-riżultati fir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija (ara MEMO/12/912). Ir-rapport jidentifika l-Istati Membri li jkunu jirrikjedu analiżi ulterjuri (analiżi approfondita), iżda ma jislet l-ebda konklużjoni.

  • Reviżjonijiet fil-fond: Il-Kummissjoni twettaq analiżi profonda ta' dawk l-Istati Membri identifikati fl-RMT li jkun f'riskju potenzjali ta’ żbilanċi. L-analiżi approfondita tiġi ppubblikata fir-rebbiegħa u tikkonferma jew tiċħad l-eżistenza ta’ żbilanċi, u jekk ikunux eċċessivi jew le. L-Istati Membri jiġu mitluba li jikkunsidraw is-sejbiet tal-analiżi approfondita fil-pjanijiet tagħhom ta’ riforma għas-sena ta’ wara. Ir-riżultati li jkun hemm jiġu integrati fil-pariri li l-Kummissjoni tagħti lil kull Stat Membru fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fi tmiem Mejju.

  • Il-Proċedura ta' Żbilanċ Eċċessiv: Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li jeżistu żbilanċi eċċessivi fi Stat Membru, hija tista' tirrakkomanda li l-Istat Membru jfassal pjan ta’ azzjoni korrettiva, fosthom skadenzi għall-miżuri ġodda. Din ir-Rakkomandazzjoni tiġi adottata mill-Kunsill. Il-Kummissjoni tivverifika matul is-sena jekk il-politiki fil-pjan ikunux qed jiġu implimentati.

  • Multi għall-Istati Membri taż-Żona tal-Ewro: Il-multi jiġu applikati biss bħala l-aħħar alternattiva u jiġu imposti f'każ ta' nuqqas ripetut li tittieħed azzjoni, mhux fuq l-iżbilanċi nfushom. Pereżempju, f'każ li l-Kummissjoni darba wara l-oħra tikkonkludi li pjan ta' azzjoni korrettiva ta' xi Stat Membru taż-Żona tal-Ewro ma jkunx sodisfaċenti, hija tista' tipproponi li l-Kunsill jimponi multa ta’ 0.1% tal-PDG fis-sena. Il-penali japplikaw ukoll jekk l-Istati Membri ma jeħdux azzjoni abbażi tal-pjan (li jibda b’depożitu b'imgħax ta’ 0.1% tal-PDG, li jista’ jiġi kkonvertit f’multa jekk ikun hemm nuqqas ta’ konformità ripetut). Is-sanzjonijiet huma approvati sakemm ma jitħassrux permezz ta' maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri.

PJAN DETTALJAT GĦALL-FUTUR

Ir-riformi meħuda matul l-aħħar tliet snin huma mingħajr preċedent, iżda l-kriżi wriet kemm l-interdipendenza tal-ekonomiji tagħna żdiedet minn wara l-ħolqien tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Hemm ħtieġa partikolari li l-pajjiżi taż-Żona tal-Ewro jaħdmu aktar mill-qrib fit-teħid ta' deċiżjonijiet ta’ politika li jqisu l-interessi aktar wesgħin ta’ sħabhom membri taż-Żona tal-Ewro.

L-ideat tal-Kummissjoni Ewropea għall-futur huma stabbiliti fil-Pjan dwar Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina, ippubblikat fit-28 ta’ Novembru 2012 (ara IP/12/1272). Il-Pjan ta' azzjoni jistabbilixxi kif nistgħu nkomplu nibnu fuq ir-riformi li diġa' saru, tul ix-xhur u s-snin li ġejjin.

Mill-pjan ta' azzjoni, il-Kummissjoni żviluppat l-ideat tagħha dwar kif tinkoraġġixxi u tappoġġja l-Istati Membri li qed jimplimentaw riformi diffiċli (ara IP/13/248). Dawn il-proposti se jiġu żviluppati wara diskussjonijiet fil-Kunsill Ewropew.

AKTAR INFORMAZZJONI

Is-Semestru Ewropew:

http://ec.europa.eu/europe2020/making-it-happen/index_mt.htm

Dwar il-Proċedura ta’ Żbilanċ Eċċessiv (inklużi l-EDPs attwali skont il-pajjiż):

http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/corrective_arm/index_en.htm

Dwar il-Proċedura tal-Iżbilanċi Makroekonomiċi (inklużi analiżi fil-fond skont il-pajjiż)

http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/macroeconomic_imbalance_procedure/index_en.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site