Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-governanza ekonomika tal-UE: kif taħdem

European Commission - MEMO/13/979   12/11/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, it-12 ta’ Novembru 2013

Il-governanza ekonomika tal-UE: kif taħdem

It-tagħlimiet miksuba mill-kriżi ekonomika, finanzjarja u tad-dejn sovran reċenti wasslu għal riformi suċċessivi tar-regoli tal-UE, li jintroduċu, fost affarijiet oħra, sistemi ta’ sorveljanza ġodda għall-politiki baġitarji u ekonomiċi u kronoliġija baġitarja ġdida.

Ir-regoli l-ġodda (introdotti permezz tas-Six Pack, it-Two Pack u t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Kordinazzjoni u l-Governanza) huma msejsa fuq is-Semestru Ewropew, il-kalendarju tat-tfassil tal-politika tal-UE. Din is-sistema integrata tiżgura regoli aktar ċari, koordinazzjoni aħjar tal-politiki nazzjonali matul is-sena, segwitu regolari u sanzjonijiet aktar immedjati għall-ksur tar-regoli. Dan jgħin lill-Istati Membri jagħmlu sforz biex jilħqu l-impenji baġitarji u ta’ riforma tagħhom filwaqt li jagħmlu l-Unjoni Ekonomika u Monetarja aktar robusta bħala entità sħiħa.

Dawn li ġejjin huma l-karatteristiċi essenzjali tas-sistema l-ġdida.

KOORDINAZZJONI MATUL IS-SENA KOLLHA: IS-SEMESTRU EWROPEW

Qabel il-kriżi, l-ippjanar tal-politika baġitarja u ekonomika għall-UE kien isir bi proċessi differenti. Ma kien hemm l-ebda opinjoni komprensiva tal-isforzi li jsiru fuq livell nazzjonali, u l-ebda opportunità għall-Istati Membri sabiex jiddiskutu strateġija kollettiva għall-ekonomija tal-UE.

Koordinazzjoni u gwida

Is-Semestru Ewropew, li ġie introdott fl-2010, jiżgura li l-Istati Membri jiddiskutu l-pjanijiet baġitarji u ekonomiċi tagħhom mal-imsieħba tagħhom mill-UE f’ċertu ħinijiet matul is-sena. Dan jippermetti li huma jkunu jistgħu jikkummentaw fuq il-pjani ta' xulxin u jippermetti lill-Kummissjoni li tagħti gwida dwar il-politika fi żmien adegwat, qabel ma jiġu ffinalizzati deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali. Il-Kummissjoni żomm ukoll għajnejha fuq jekk l-Istati Membri humiex qed jaħdmu biex jilħqu l-miri fejn jidħlu l-impjiegi, l-edukazjzoni, l-innovazzjoni, il-klima u t-tnaqqis tal-faqar fl-istrateġija tat-tkabbir għat-tul tal-UE, Ewropa 2020.

Skeda ta’ żmien ċara

Iċ-ċiklu jibda f'Novembru kull sena bl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-Kummissjoni (il-prijoritajiet ekonomiċi ġenerali għall-UE), li jipprovdi gwida ta' politika lill-Istati Membri għas-sena ta' wara.

Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż ippubblikati fir-rebbiegħa joffru lill-Istati Membri pariri mfassla apposta dwar riformi strutturali aktar approfondati, li ħafna drabi jieħdu aktar minn sena waħda biex jitlestew.

Il-monitoraġġ baġitaraju taż-żona tal-ewro tintensifika lejn tmiem is-sena, meta l-Istati Membri jippreżentaw l-abbozzi tal-pjani baġitarji, li jiġu eżaminati mill-Kummissjoni u diskussi mill-ministri tal-finanzi taż-żona tal-ewro. Il-Kummissjoni tagħmel ukoll analiżi tal-pożizzjoni fiskali fiż-żona tal-ewro bħala tali.

Il-Kummissjoni żżomm għajnejha fuq l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet u tar-riformi diversi drabi fis-sena, b’attenzjoni fuq iż-żona tal-ewro u l-Istati Membri bi problemi fiskali jew finanzjarji.

  • Novembru: L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (AGS) jistabbilixxi l-prijoritajiet ekonomiċi globali għall-UE għas-sena ta’ wara. Ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija (AMR) jistħarreġ l-Istati Membri għal fejn jidħlu l-iżbilanċi ekonomiċi. Il-Kummissjoni tippubblika l-opinjonijiet tagħha dwar l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji (għall-pajjiżi kollha taż-żona tal-ewro) u dwar il-Programmi ta’ Sħubija Ekonomika (għall-pajjiżi taż-żona tal-ewro bi żbilanċi baħitarji eċċessivi). Il-pjanijiet baġitarji huma diskussi wkoll mill-ministri tal-finanzi taż-żona tal-ewro.

  • Diċembru: L-Istati Membri taż-żona tal-ewro jadottaw il-baġits annwali finali, f'kunsiderazzjoni tal-pariri tal-Kummissjoni u tal-opinjonijiet tal-ministri tal-finanzi.

  • Frar/Marzu: Il-Parlament Ewropew u l-ministri tal-UE rilevanti (tal-impjiegi, l-ekonomija u l-finanzi, u l-kompetittività) li jiltaqgħu fil-Kunsill jiddiskutu l-AGS. Il-Kummissjoni tippubblika t-tbassir ekonomiku tagħha għax-xitwa. Il-Kunsill Ewropew jadotta l-prijoritajiet ekonomiċi għall-UE, abbażi tal-AGS. Ikun madwar dan iż-żmien li l-Kummissjoni tippubblika analiżi approfondita dwar l-Istati Membri bi żbilanċi potenzjali (dawk li jkunu ġew identifikati fl-AMR).

  • April: L-Istati Membri jissottomettu l-Programmi ta’ Stabbiltà/Konverġenza tagħhom (il-pjani baġitarji fuq żmien medju) u l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom (il-pjani ekonomiċi), li għandhom ikunu konformi mar-rakkomandazzjonijiet kollha preċedenti tal-UE. Dawn huma dovuti preferibbilment sal-15 ta’ April, iżda mhux aktar tard mit-30 ta’ April kull sena. Il-Eurostat jippubblika d-dejta vverifikata dwar id-dejn u d-defiċit mis-sena ta’ qabel, u dan huwa importanti biex jiġi vverifikat jekk l-Istati Membri jkunux qegħdin jissodisfaw il-miri fiskali tagħhom.

  • Mejju: Il-Kummissjoni tipproponi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSR), li huma pariri ta' politika mfassla apposta għall-Istati Membri, imsejsa fuq il-prijoritajiet identifikati fl-AGS kif ukoll fuq informazzjoni mill-pjani li jkunu daħlu f’April. F'Mejju, il-Kummissjoni tippubblika wkoll it-tbassir ekonomiku tagħha għar-rebbiegħa.

  • Ġunju/Lulju: Il-Kunsill Ewropew japprova s-CSRs, u l-ministri tal-UE, imlaqqgħin fil-Kunsill, jiddiskutuhom. Il-ministri tal-finanzi tal-UE eventwalment jadottahom f’Lulju.

  • Ottubru: L-Istati Membri taż-żona tal-ewro jippreżentaw l-abbozzi tal-baġits tagħhom għas-sena sussegwenti lill-Kummissjoni (sal-15 ta’ Ottubru). Jekk xi pjan ma jkunx konformi mal-miri għal terminu medju ta’ xi Stat Membru, il-Kummissjoni tista' titlob li dan jiġi abbozzat mill-ġdid.

IBBAĠITJAR AKTAR RESPONSABBLI

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir kien stabbilit fl-istess żmien tal-munita unika sabiex jiżgura finanzi pubbliċi sodi. Madankollu, il-mod kif kien infurzat qabel il-kriżi ma żammx żbilanċi fiskali serji milli jitfaċċaw f’xi Stati Membri.

Sarulu riformi permezz tas-Six Pack (li sar liġi f’Diċembru 2011) u tat-Two Pack (li daħal fis-seħħ f’Mejju 2013), u ssaħħaħ permezz tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza (li daħal fis-seħħ f’Jannar 2013 fil-25 pajjiż firmatarju tiegħu).

Regoli aħjar

  1. Il-limiti tad-defiċit u tad-dejn: Limiti ta’ 3 % tal-PDG għad-defiċits u 60 % tal-PDG għad-dejn huma stabbiliti fil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u mnaqqxa fit-Trattat. Dawn jibqgħu validi.

  2. Konċentrazzjoni akbar fuq id-dejn: Ir-regoli l-ġodda jistipulaw li l-limitu ta' 60 % tal-PDG huwa limitu operattiv. Dan ifisser li l-Istati Membri jistgħu jitqiegħdu fi Proċedura ta' Deċifiċi Eċċessiv jekk ilkollhom proporzjon ta' dejn li tkun teċċedi s-60% tal-PDG li ma jkunx qiegħed jitnaqqas b'mod suffiċjenti (fejn l-ammont li jeċċedi s-60% ma jkunx qiegħed jitniżżel bir-rata medja ta' mill-anqas 5% fuq tliet snin)

  3. Livell ta' referenzjarja ġdid għan-nefqa: Skont ir-regoli l-ġodda, in-nefqa pubblika m’għandhiex tiżdied b’rata aktar mgħaġġla mit-tkabbir potenzjali tal-PDG fuq perjodu medju ta’ żmien, sakemm ma tkunx appoġġata b'miżuri adegwati ta’ dħul.

  4. L-importanza tal-pożizzjoni baġitajra sottostanti: Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jiffoka l-aktar fuq it-titjib tal-finanzi pubbliċi f’termini strutturali (b'kunsiderazzjoni tal-effetti ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku jew miżuri ta’ darba fuq id-defiċit). L-Istati Membri jistabbilixxu l-objettivi baġitarji tagħhom stess għal perjodu medju ta’ żmien, li jiġu aġġornati mill-inqas kull tliet snin, bil-għan li jtejbu l-bilanċ strutturali tagħhom b’0.5 % tal-PDG kull sena. Dan jipprovdi marġini ta' sikurezza kontra li jinqabeż il-limitu ewlieni ta' 3%, u l-Istati Membri, b'mod partikolari dwar li jkollhom dejn li jeċċedi s-60% tal-PDG, jiġu mħeġġa jagħmlu sforzi akbar fi żminijiet ekonomikament tajba u anqas fi żminijiet ekonomikament ħżiena.

  5. Patt Fiskali għal 25 Stat Membru: Skont it-Trattat dwar l-istabbiltà, il-koordinazzjoni u l-governanza (TSKG), minn Jannar 2014 l-objettivi baġitarji fuq it-terminu medju ta’ żmien iridu jiġu inkorporati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u jrid ikun hemm limitu ta’ 0,5 % tal-PDG fuq defiċit strutturali (li jiżdied għal 1 % f’każ li l-proporzjon ta' dejn mal-PDG ikun sewwa taħt is-60%). Dan jissejjaħ il-Patt Fiskali. It-trattat jistabbilixxi wkoll li l-mekkaniżmi ta’ korrezzjoni awtomatika għandhom jiġu attivati jekk il-limitu strutturali tad-defiċit (jew l-aġġustament biex jintlaħaq) jinqabeż, li jkun jeħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu fil-liġi nazzjonali kif u meta dawn ikunu ser jirrettifikaw il-ksur matul il-baġits futuri.

  6. Il-flessibbiltà matul kriżi: Billi jiffoka fuq il-pożizzjoni baġitarja sottostanti fil-medda medja ta' żmien, il-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir jista' jkun flessibbli matul kriżi. Jekk it-tkabbir jiddeterjora b’mod mhux mistenni, l-Istati Membri b’defiċits tal-baġit 'l fuq minn 3 % tal-PDG jistgħu jingħataw aktar żmien biex jikkoreġuhom, sakemm huma jkunu għamlu l-isforz strutturali meħtieġ. Dan kien il-każ fl-2012 fi Spanja, il-Portugall u l-Greċja, u fl-2013 fi Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja u s-Slovenja.

Infurzar aħjar tar-regoli

  1. Prevenzjoni aħjar: L-Istati Membri huma ġġudikati fuq jekk ikunux laħqu l-miri fil-medda medja ta’ żmien jew le. Il-progress jiġi vvalutat kull April meta l-Istati Membri jippreżentaw il-Programmi ta’ Stabbiltà/Konverġenza (pjani baġitarji ta' tliet snin, tal-ewwel fil-każ tal-pajjiżi taż-żona tal-ewro, tal-aħħar fil-każ tal-UE). Dawn huma ppubblikati u eżaminati mill-Kummissjoni u l-Kunsill sa mhux aktar minn tliet xhur wara. Il-Kunsill jista’ jadotta opinjoni jew jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu aġġustamenti għall-pjani.

  2. Twissija bikrija: Jekk ikun hemm “devjazzjoni sinifikanti” mill-mira fuq medda medja ta' żmien, jew mill-aġġustament li jkun irid isir biex din tintlaħaq, il-Kummissjoni tibgħat twissija lill-Istat Membru, li għandha tiġi approvata mill-Kunsill u li tista’ ssir pubblika. Is-sitwazzjoni hija mbagħad monitorjata matul is-sena, u jekk ma tkunx tranġat, il-Kummissjoni tista’ tipproponi depożitu b'imgħax ta’ 0.2 % tal-PDG (iż-żona tal-ewro biss), li trid tkun approvata mill-Kunsill. Dan jista’ jingħata lura lill-Istat Membru jekk dan jikkorreġi d-devjazzjoni.

  3. Il-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv (PDE): Jekk l-Istati Membri jiksru l-kriterji tad-dejn jew tad-defiċit, dawn jitqiegħdu fi Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv, fejn ikunu soġġetti għal monitoraġġ addizzjonali (normalment kull tlieta jew sitt xhur) u jingħataw skadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit tagħhom. Il-Kummissjoni tivverifika l-konformità matul is-sena, abbażi ta' previżjonijiet ekonomiċi regolari u ta' dejta mill-Eurostat dwar id-dejn u d-defiċit.

  4. Sanzjonijiet aktar imħaffa: Għall-Istati Membri taż-żona tal-ewro fil-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv, il-penali finanzjarji jibdew aktar kmieni u jistgħu jiġu intensifikati gradwalment. Jekk ma jnaqqsux id-defiċit jistgħu jingħataw multi ta’ 0.2 % tal-PDG. Il-multi jistgħu jilħqu massimu ta’ 0.5 % jekk jinstabu frodi tal-istatistika u l-penali jistgħu jinkludu s-sospensjoni tal-finanzjament tal-Koeżjoni (anki fil-każ ta' pajjiżi taż-żona tal-ewro). B’mod parallel, il-25 Stat Membru li ffirmaw it-TSKG jistgħu jiġu mmultati 0.1 % tal-PDG għaliex ikunu naqsu milli jintegraw il-Patt Fiskali fil-liġi nazzjonali kif suppost.

  5. Sistema ta’ votazzjoni ġdida: Deċiżjonijiet dwar il-biċċa l-kbira tas-sanzjonijiet bil-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv jittieħdu b’votazzjoni b’maġġoranza bil-maqlub (RQMV), li jfisser li l-multi jitqiesu bħala approvati mill-Kunsill sakemm ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata ta’ Stati Membri li jgħelbuhom. Dan ma kienx possibbli qabel ma s-Six Pack daħal fis-seħħ. Barra minn hekk, il-25 Stat Membru li ffirmaw it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza qablu li jirreppilkaw il-mekkaniżmu tar-Reverse QMV anki aktar kmieni fil-proċess, pereżempju, meta jiġu biex jiddeċiedu jekk Stat Membru jitpoġġiex fi Proċedura ta’ Żbilanċ Eċċessiv.

SORVELJANZA MSAĦĦA FIŻ-ŻONA TAL-EWRO

Il-kriżi wriet li d-diffikultajiet fi Stat Membru wieħed fiż-żona tal-ewro jistgħu jħallu effetti ta’ kontaġju importanti fil-pajjiżi ġirien. Għalhekk, huwa ġustifikat li jkun hemm aktar sorveljanza sabiex il-problemi jinqabdu qabel ma jsiru sistemiċi.

It-Two-Pack, li daħal fis-seħħ fit-30 ta' Mejju 2013, introduċa ċiklu ġdid ta' monitoraġġ għaż-żona tal-ewro, b'mod li kull Ottubru l-Istati Membri jippreżentaw l-abbozzi tal-pjani baġitarji (ħlief għal dawk li jkunu għaddejjin minn programmi ta' aġġustament makroekonomiku) Il-Kummissjoni mbagħad toħroġ opinjoni dwarhom.

B'hekk ikun jista' jsir aktar monitoraġġ approfondit tal-pajjiżi taż-żona tal-ewro li jkollhom defiċit eċċessiv, u sorveljanza aktar stretta ta' dawk li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet aktar serji.

  • L-Istati Membri li jkunu għaddejjin mill-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv jridu jippreżentaw rapporti regolari ta' progress dwar kif ikunu qed jikkoreġu d-defiċits tagħhom. Il-Kummissjoni tkun tista' f'dan l-istadju titlob aktar informazzjoni jew tirrakkomanda azzjoni ulterjuri minn dawk li jkunu qed jaffaċċaw ir-riskju li ma jlaħħqux mal-iskadenzi tad-defiċit. L-Istati Membri taż-żona tal-ewro li jkollhom defiċit eċċessiv jridu wkoll jippreżentaw Programmi ta' Sħubija Ekonomika, li jkunu fihom pjani ta' riformi strutturali fiskali dettaljati (pereżempju, fejn jidħlu s-sistemi tal-pensjonijiet, it-tassazzjoni jew is-saħħa pubblika) biex jikkoreġu d-defiċits tagħhom b'mod sostenibbli.

  • L-Istati Membri li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet finanzjarji jew minn programmi ta' assistenza prekawzjonarja tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà jitqiegħdu taħt “sorveljanza msaħħa”, li tfisser li jiġu soġġetti għal missjonijiet regolari ta’ eżaminazzjoni mill-Kummissjoni u jkunu jridu jipprovdu dejta addizzjonali dwar is-setturi finanzjarji tagħhom.

  • Programmi ta’ għajnuna finanzjarja: L-Istati Membri li d-diffikultajiet tagħhom jista' jkollhom “effetti negattivi sinifikanti” fuq il-bqija taż-żona tal-ewro jistgħu jintalbu jippreparaw programmi sħaħ ta’ aġġustament makroekonomiku. Din id-deċiżjoni tittieħed mill-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni. Dawn il-programmi huma soġġetti għal missjonijiet trimestrali ta' reviżjoni u kundizzjonijiet stretti bi skambju għal kull assistenza finanzjarja.

  • Sorveljanza ta' wara l-programm: L-Istati Membri se jgħaddu minn sorveljanza ta’ wara l-programm sakemm 75 % ta’ kwalunkwe assistenza finanzjarja prelevata tkun għadha pendenti.

IL-MONITORAĠĠ ESTIŻ GĦALL-IŻBILANĊI MAKROEKONOMIĊI

Mill-esperjenza miksuba mill-kriżi, ir-riformi tas-Six-Pack daħħlu sistema ta' monitoraġġ tal-politiki ekonomiċi, b'żieda mas-sorveljanza normali skont is-Semestru Ewropew. Din tissejjaħ il-Proċedura tal-Iżbilanċi Makroekonomiċi, u tinkludi diversi passi sekwenzjali.

  • Prevenzjoni aħjar: L-Istati Membri kollha jkomplu jippreżentaw il-programmi nazzjonali ta’ riforma — dan issa qed isir f’April ta' kull sena. Dawn huma ppubblikati mill-Kummissjoni u eżaminati biex jiġi żgurat li kwalunkwe riforma ppjanata tkun skont il-prijoritajiet tal-UE għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, inkluż l-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir fit-tul.

  • Twissija bikrija: L-Istati Membri jiġu skrutinati għal żbilanċi potenzjali permezz ta' tabella ta’ valutazzjoni bi 11-il indikatur, kif ukoll permezz ta' indikaturi awżiljari u informazzjoni oħra, li bihom jitkejlu l-iżviluppi ekonomiċi fuq perjodu ta' żmien. Kull Novembru, il-Kummissjoni tippubblika r-riżultati fir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija (ara MEMO/12/912). Ir-rapport jidentifika l-Istati Membri li jkunu jirrikjedu analiżi ulterjuri (analiżi approfondita), iżda ma jislet l-ebda konklużjoni.

  • Reviżjonijiet fil-fond: Il-Kummissjoni twettaq analiżi approfondita ta' dawk l-Istati Membri identifikati fl-AMR li jkun f'riskju potenzjali ta’ żbilanċi. L-analiżi approfondita tiġi ppubblikata fir-rebbiegħa u tikkonferma jew tiċħad l-eżistenza ta’ żbilanċi, u jekk ikunux eċċessivi jew le. L-Istati Membri jiġu mitluba li jikkunsidraw is-sejbiet tal-analiżi approfondita fil-pjanijiet tagħhom ta’ riforma għas-sena ta’ wara. Ir-riżultati li jkun hemm jiġu integrati fil-pariri li l-Kummissjoni tagħti lil kull Stat Membru fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fi tmiem Mejju.

  • Proċedura ta' Żbilanċ Eċċessiv: Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li jeżistu żbilanċi eċċessivi fi Stat Membru, hija tista' tirrakkomanda lill-Kunsill li l-Istat Membru jfassal pjan ta’ azzjoni korrettiva, fosthom skadenzi għall-miżuri ġodda. Din ir-Rakkomandazzjoni tiġi adottata mill-Kunsill. Il-Kummissjoni u l-Kunsill jżommu għajnejhom fuq l-Istati Membru matul is-sena biex jaraw jekk il-politiki fil-pjan ta' azzjoni korrettiva jkunux qed jiġu implimentati.

  • Multi għall-Istati Membri taż-żona tal-ewro: Il-multi jiġu applikati biss bħala l-aħħar alternattiva u jiġu imposti f'każ li l-Istat Membru ma jeħux azzjoni (mhux fuq il-korrezzjoni tal-iżbilanċi nfushom). Pereżempju, f'każ li l-Kummissjoni darba wara l-oħra tikkonkludi li pjan ta' azzjoni korrettiva ta' xi Stat Membru taż-żona tal-ewro ma jkunx sodisfaċenti, hija tista' tipproponi li l-Kunsill jimponi multa ta’ 0.1 % tal-PDG fis-sena. Il-penali jistgħu wkoll jiġu imposti u intensifikati jekk l-Istati Membri ma jeħdux azzjoni abbażi tal-pjan (li jibda b’depożitu b'imgħax ta’ 0.1 % tal-PDG, li jista’ jiġi kkonvertit f’multa jekk ikun hemm nuqqas ta’ konformità ripetut). Is-sanzjonijiet huma approvati sakemm ma jitħassrux permezz ta' maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri.

PJAN DETTALJAT GĦALL-FUTUR

Ir-riformi meħuda matul l-aħħar tliet snin huma mingħajr preċedent, iżda l-kriżi wriet kemm l-interdipendenza tal-ekonomiji tagħna żdiedet minn wara l-ħolqien tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Hemm ħtieġa partikolari li l-pajjiżi taż-żona tal-ewro jaħdmu aktar mill-qrib fit-teħid ta' deċiżjonijiet ta’ politika li jqisu l-interessi aktar wesgħin ta’ sħabhom membri taż-żona tal-ewro.

L-ideat tal-Kummissjoni Ewropea għall-futur huma stabbiliti fil-Pjan dwar Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina, ippubblikat fit-28 ta’ Novembru 2012 (ara IP/12/1272). Il-Pjan jistabbilixxi kif nistgħu nkomplu nibnu fuq l-arkitettura li għandna, pass pass, tul ix-xhur u s-snin li ġejjin.

Il-Kummissjoni diġà żviluppat l-ideat tagħha dwar qafas għal koordinazzjoni ex-ante tar-riformi strutturali prinċipali u fuq l-istrument ta' konverġenza u kompetittività biex tinkoraġġixxi u tappoġġa lill-Istati Membri li qed jimplimentaw riformi diffiċli (ara IP/13/248). Dawn il-proposti se jiġu żviluppati wara diskussjonijiet fil-Kunsill Ewropew.

AKTAR INFORMAZZJONI

Is-Semestru Ewropew:

http://ec.europa.eu/europe2020/making-it-happen/index_mt.htm

Dwar il-Proċedura ta’ Żbilanċ Eċċessiv (inklużi l-EDPs attwali skont il-pajjiż):

http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/corrective_arm/index_en.htm

Dwar il-Proċedura tal-Iżbilanċi Makroekonomiċi (inklużi l-EDPs attwali skont il-pajjiż):

http://ec.europa.eu/ekonomija_finance/ekonomik_governance/makroekonomiku_imbalance_procedure/index_en.htm

Kuntatti:

Olivier Bailly (+32 2 296 87 17)

Sarah Collins (+32 2 296 80 76)

Simon O'Connor (+32 2 296 73 59)

Vandna Kalia (+32 2 299 58 24)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website