Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, it-13 ta' Frar 2013

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti jniedu negozjati għal Sħubija Transatlantika għall-Kummerċ u l-Investiment

L-UE u l-Istati Uniti iddeċidew li jsaħħu r-relazzjoni ekonomika tagħhom billi jiftiehmu li jniedu negozjati dwar ftehim komprensiv għall-kummerċ u l-investiment. Meta jitlestew in-negozjati, dan il-ftehim UE-Stati Uniti għandu jkun l-ikbar ftehim kummerċjali bilaterali nnegozjat – u jista' jżid 0.5 % mal-output ekonomiku annwali tal-UE.

F'MEMO/13/94. il-President tal-Istati Uniti Barack Obama, Il-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso, u l-President tal-Kunsill Ewropew Hermann Van Rompuy enfasizzaw li f'dawn in-negozjati, l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea se jkollhom l-opportunità mhux biss li jespandu l-kummerċ u l-investiment bejn iż-żewġ xtut tal-Atlantiku iżda wkoll li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' regoli globali li jistgħu jsaħħu s-sistema kummerċjali multilaterali.

Is-Sħubija Transatlantika għall-Kummerċ u l-Investiment se jkollha l-għan li tmur lil hinn mill-approċċ klassiku tat-tneħħija ta' tariffi u tal-ftuħ tas-swieq tal-investiment, is-servizzi u l-akkwist pubbliku. Barra minn hekk se tiffoka fuq l-allinjament tar-regoli u l-istandards tekniċi ta' prodotti li bħalissa huma l-iktar ostaklu importanti għall-kummerċ transatlantiku. Studji juru li l-piż tal-ispejjeż addizzjonali minħabba tali differenzi regolatorji huwa ekwivalenti għal tariffa ta' iktar minn 10 % u saħansitra anke 20 % għal xi setturi, filwaqt li tariffi klassiċi huma madwar 4 %.

Id-deċiżjoni ssegwi d-diskussjonijiet tal-ġimgħa l-oħra bejn il-Kummissarju Ewropew għall-Kummerċ Karel De Gucht u r-rappreżentant tal-Istati Uniti għall-Kummerċ Ron Kirk li saru f'Washington DC. Bħala presidenti tal-"Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli dwar l-Impjiegi u t-Tkabbir", imwaqqaf f'Novembru 2011, huma ffinalizzaw http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2013/february/tradoc_150519.pdf li jirrakkomanda li jiġu mnidija negozjati dwar ftehim komprensiv għall-kummerċ u l-investiment bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika.

Benefiċċji ekonomiċi ġenerali

Ir-relazzjoni kummerċjali transatlantika hija s-sisien tal-ekonomija dinjija. Flimkien, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti jirrappreżentaw madwar nofs il-PDG tad-dinja (47 %) u terz tal-flussi kummerċjali dinjija. Kuljum, oġġetti u servizzi li jammontaw għal kważi EUR 2 biljuni huma kkummerċjati fuq livell bilaterali, fattur li jikkontribwixxi għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir tal-ekonomiji tagħna. Ir-rabtiet ekonomiċi bejn l-ekonomiji tagħna huma fondi u diversi, bi stokks ta' investiment aggregati ta' iktar minn EUR 2 triljun.

L-aħħar stimi juru li ftehim komprensiv u ambizzjuż bejn l-UE u l-Istati Uniti jista' jirriżulta f'benefiċċji annwali kumplessivi ta' 0.5 % żieda fil-PDG għall-UE u 0.4 % żieda fil-PDG għall-Istati Uniti sal-2027. Dan ikun ekwivalenti għal EUR 86 biljun ta' introjtu annwali addizzjonali għall-ekonomija tal-UE u EUR 65 biljun ta' introjtu annwali addizzjonali għall-ekonomija tal-Istati Uniti.

F'hix se jikkonsisti l-ftehim?

In-negozjati se jkollhom l-għan li jiksbu eżiti ambizzjużi fi tliet oqsma wesgħin: a) l-aċċess għas-swieq; b) kwistjonijiet regolatorji u ostakli mhux tariffarji; u c) regoli, prinċipji u modi ġodda ta' kooperazzjoni li jindirizzaw sfidi u opportunitajiet kummerċjali globali kondiviżi.

A) Aċċess għas-swieq;

Tariffi: L-għan iddikjarat tal-ftehim huwa li noqorbu kemm jista' jkun possibbli lejn it-tneħħija tad-dazji kollha fuq il-kummerċ transatlantiku ta' prodotti industrijali u agrikoli, bi trattament speċjali tal-iktar prodotti sensittivi. B'mod ġenerali, l-ostakli tariffarji transatlantiċi bħalissa huma komparattivament baxxi, b'medja ta' 5.2 % għall-UE u 3.5 % għall-Istati Uniti (stimi tad-WTO). Madankollu, minħabba l-kobor tal-kummerċ bejn l-UE u l-istati Uniti, it-tariffi għadhom jimponu spejjeż konsiderevoli.

Servizzi: Iż-żewġ naħat iridu jiftħu s-setturi tas-servizzi tagħhom tal-anqas bl-istess mod kif għamlu sal-lum fi ftehimiet kummerċjali oħra. Fl-istess ħin, iż-żewġ naħat se jfittxu li jiftħu s-swieq tas-servizzi tagħhom f'setturi ġodda, bħal fis-settur tat-trasport. Il-kapitlu dwar is-servizzi kif ukoll dak dwar l-investiment se jindirizza wkoll il-livell subfederali tal-gvern.

Investiment: L-għan huwa li jintlaħqu l-ogħla livelli ta' liberalizzazzjoni u protezzjoni tal-investiment li ż-żewġ naħat innegozjaw sal-lum fi ftehimiet kummerċjali oħra.

Akkwist: Il-kumpaniji Ewropej li n-negozju tagħhom jiddependi fuq l-akkwist pubbliku jirrappreżentaw 25 % tal-PDG u 31 miljun impjieg. Għaldaqstant, jistgħu jinħolqu opportunitajiet ġodda ta' negozju billi jinfetaħ l-aċċess għas-swieq tal-akkwist tal-gvern fil-livelli kollha ta' gvern mingħajr diskriminazzjoni għall-kumpaniji Ewropej.

B) Kwistjonijiet regolatorji u ostakli mhux tariffarji; lejn suq transatlantiku iktar integrat

Fir-relazzjoni kummerċjali transatlantika tal-lum, l-iktar ostaklu kummerċjali sinifikanti mhux it-tariffa mħallsa lid-dwana, iżda l-hekk imsejħa ostakli għall-kummerċ "wara l-fruntiera", bħal pereżempju, standards tas-sikurezza jew ambjentali differenti għall-karozzi. Bħalissa, il-produtturi li jridu jbigħu l-prodotti tagħhom fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, ħafna drabi jeħtieġ li jħallsu u jikkonformaw mal-proċeduri darbtejn sabiex il-prodotti tagħhom jiġu approvati. L-għan ta' dan in-negozju kummerċjali huwa li jnaqqas l-ispejjeż bla bżonn u d-dewmien għall-kumpaniji, filwaqt li jinżammu livell għoljin ta' saħħa, sikurezza u protezzjoni tal-konsumatur u tal-ambjent.

F'dak l-ispirtu, iż-żewġ naħat għandhom l-intenzjoni li jallinjaw kemm jista' jkun possibbli jew jaċċettaw reċiprokament l-istandards u l-proċeduri tagħhom, billi jinnegozjaw ftehim ambizzjuż dwar is-sanità u l-fitosanità (standards tas-saħħa u l-iġene, pereżempju għall-prodotti tal-ikel) kif ukoll ostakli tekniċi għall-kummerċ. Barra minn hekk, se jaħdmu fuq kompatibbiltà regolatorja f'setturi speċifiċi, bħas-setturi tal-kimika, tal-karozzi, tal-prodotti farmaċewtiċi, u setturi oħra tas-saħħa bħall-apparat mediku. Il-komunitajiet tan-negozju fuq iż-żewġ naħat ipprovdew gwida dwar fejn jinsabu l-iktar ostakli sinifikanti.

Peress li mhux id-diverġenzi regolatorji kollha jistgħu jkunu eliminati f'daqqa, iż-żewġ naħat jipprevedu "ftehim ħaj" li jippermetti li progressivament, biż-żmien ikun hemm konverġenza regolatorja ikbar kontra miri u skadenzi definiti.

Il-qasam regolatorju huwa fejn hemm l-ogħla benefiċċju potenzjali f'dawn in-negozjati kummerċjali.

C) Nindirizzaw l-Isfidi u l-Opportunitajiet Kummerċjali Globali Kondiviżi fis-seklu 21

Fid-dawl tad-daqs u l-impatt tas-sħubija transatlantika dwar il-flussi kummerċjali globali, in-negozjaturi se jindirizzaw oqsma li jmorru lil hinn mill-kummerċ bilaterali u jikkontribwixxu wkoll għat-tisħiħ tas-sistema multilaterali tal-kummerċ.

Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali: Kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti huma impenjati li jżommu u jippromwovu livell għoli ta' protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, inkluż l-infurzar. Minħabba l-effiċjenza tas-sistemi rispettivi tagħhom, l-intenzjoni mhix li jsir sforz lejn l-armonizzazzjoni, iżda li jkunu identifikati għadd ta' kwistjonijiet speċifiċi fejn se jkunu indirizzati d-diverġenzi.

Kummerċ u żvilupp sostenibbli: Iż-żewġ naħat għandhom l-intenzjoni li jaħdmu flimkien fuq aspetti soċjali u ambjentali tal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, abbażi ta' xi tkun żviluppat kull naħa fil-ftehimiet kummerċjali eżistenti.

Sfidi u Opportunitajiet Rilevanti Globali Oħra: Sabiex dan ikun ftehim verament "tas-seklu 21", b'kunsiderazzjoni għall-koinċidenzi tal-ekonomiji, iż-żewġ naħat huma ħerqana li jindirizzaw aspetti relatati mal-kummerċ fir-rigward tad-dwana, u l-iffaċilitar tal-kummerċ, il-kompetizzjoni u l-impriżi tal-istat, il-materji primi u l-enerġija, l-impriżi żgħar u ta' daqs medju u t-trasparenza.

Il-Grupp ta’ Ħidma ta’ Livell Għoli dwar l-Impjiegi u t-Tkabbir

Matul is-Summit bejn l-UE u l-Istati Uniti li sar fit-28 ta' Novembru 2011, il-Mexxejja waqqfu Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli dwar l-Impjiegi u t-Tkabbir, immexxi mir-Rappreżentant tal-Istati Uniti għall-Kummerċ Ron Kirk u l-Kummissarju Ewropew għall-Kummerċ Karel De Gucht. Il-Grupp ta' Ħidma ingħata l-kompitu li jidentifika politiki u miżuri li jżidu l-kummerċ u l-investiment bejn l-UE u l-Istati Uniti, li jappoġġjaw b'benefiċċju reċiproku l-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir tal-ekonomija u l-kompetittività internazzjonali. Il-Presidenti tal-Istati Uniti u tal-UE talbu lill-Grupp ta' Ħidma biex jaħdem mill-qrib mal-gruppi interessati kollha tas-settur pubbliku u privati.

Ir-rapport finali tal-lum huwa l-konklużjoni ta' dan ix-xogħol. Bħala segwitu għal interim report of 18 June 2012, ir-rapport finali jirrakkomanda t-tnidija ta' negozjati ta' ftehim komprensiv dwar il-kummerċ u l-investiment. Huwa jiddefinixxi l-approċċ konġunt taż-żewġ naħat dwar il-parametri ewlenin tat-tali negozjati u jiddeskrivi b'mod ċar x'għandhom komuni l-UE u l-Istati Uniti u kif għandhom l-intenzjoni li jindirizzaw il-firxa wiesgħa ta' oqsma li se jiffurmaw parti mill-ftehim.

Il-passi li jmiss

Iż-żewġ partijiet issa se jħejju biex jibdew proċeduri interni li jwasslu sabiex jitnidew verament in-negozjati malajr kemm jista' jkun. Min-naħa tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta lill-Kunsill abbozz ta' direttivi ta' negozjar, li dan tal-aħħar għandu jiddeċiedi dwarhom. Dan huwa previst li jsir matul it-tieni nofs ta' Marzu. L-amministrazzjoni tal-Istati Uniti tippjana li tibgħat avviż lill-Kungress li jiskatta perjodu ta' 90 ġurnata ta' stennija. Iż-żewġ naħat għandhom l-għan li ladarba jibdew in-negozjati, jagħmlu progress mgħaġġel.

Għal aktar tagħrif

MEMO/13/94

http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2013/february/tradoc_150519.pdf

http://ec.europa.eu/trade/creating-opportunities/bilateral-relations/countries/united-states/


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website