Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-politiki tal-UE dwar il-kultivazzjoni u l-importazzjonijiet ta' OĠM

Commission Européenne - MEMO/13/952   06/11/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, is-6 ta' Novembru 2013

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-politiki tal-UE dwar il-kultivazzjoni u l-importazzjonijiet ta' OĠM

X'inhi l-proċedura attwali għall-awtorizzazzjoni tal-kultivazzjoni tal-OĠM?

L-organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM) huma awtorizzati fil-livell tal-UE fuq bażi ta’ każ b’każ wara applikazzjoni minn kumpanija. L-applikazzjonijiet għall-kultivazzjoni ta' OĠM jistgħu jiġu ppreżentati skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament jew skont id-Direttiva dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi ġenetikament modifikati (id-Direttiva 2001/18/KE). Fiż-żewġ każijiet, l-Istati Membri għandhom rwol sinifikanti, fit-twettiq tal-valutazzjoni tar-riskju inizjali tal-OĠM għall-kultivazzjoni.

Għal aktar tagħrif dwar il-proċeduri tal-awtorizzazzjoni żur is-sit elettroniku:

http://ec.europa.eu/food/plant/gmo/authorisation/index_en.htm

Diġà qed jiġu kkultivati OĠM fl-UE?

Iva. Hemm tip wieħed ta' qamħirrun ġenetikament modifikat li huwa kkultivat kummerċjalment fl-UE: –MON810–. Il-modifikazzjoni ġenetika ta' dan il-prodott għandha l-għan li tħares il-prodott tar-raba' minn organiżmu ta' ħsara: – il-kamla tal-qamħ Ewropea. Dan ġie awtorizzat fl-1998.

Fl-2012, il-MON810 ġie kkultivat l-aktar fi Spanja (116,306 ettari), fil-Portugall (9,278 ettaru), fir-Repubblika Ċeka (3,052 ettaru), fir-Rumanija (217-il ettaru) u fis-Slovakkja (189 ettaru).1. Dan jirrappreżenta 1,35 % mid-9,5 miljun ettaru ta’ qamħirrum li ġie kkultivat fl-UE, u 0,23 % mill-55,1 miljun ettaru ta’ qamħirrum ġenetikament modifikat ikkultivat madwar id-dinja2.

Fl-2010, il-patata tal-lamtu ġenetikament modifikata, magħrufa bħala l-patata "Amflora", ġiet awtorizzata għall-kultivazzjoni u l-ipproċessar industrijali. Mill-2011 ma baqgħetx tiġi kkultitvata fl-UE.

L-Istati Membri diġà pprojbixxew il-kultivazzjoni ta' OĠM?

Iva. Tmien Stati Membri (l-Awstrija, il-Bulgarija, il-Greċja, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Lussemburgu u l-Polonja) adottaw miżuri ta' salvagwardja u pprojbixxew il-kultivazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat MON810 fit-territorji tagħhom. Franza wkoll kellha projbizzjoni tal-kultivazzjoni fis-seħħ sa Awwissu 2013, meta tneħħiet mill-Conseil d’Etat Franċiż. Barra minn hekk, l-Awstrija, il-Greċja, l-Ungerija, il-Lussemburgu u l-Polonja nnotifikaw lill-Kummissjoni bil-projbizzjoni tal-kultivazzjoni tal-patata "Amflora". Il-klawżoli ta’ salvagwardja kollha mressqa lill-EFSA ġew iddikjarati xjentifikament bla bażi.

Għaliex il-Kummissjoni llum qed tibgħat abbozz ta’ deċiżjoni tal-awtorizzazzjoni għall-qamħirrum Pioneer 1507 lill-Kunsill?

Fl-2001, il-kumpanija Pioneer issottomettiet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-qamħirrum 1507 (biex jirreżisti larvi tal-kwamel dannużi speċifiċi għall-qamħirrum bħalma hi l-kamla tal-qamħ Ewropea) għall-kultivazzjoni skont id-Direttiva 2001/18/KE dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' OĠM. Fl-2007, Pioneer tat bidu għall-ewwel azzjoni kontra l-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea minħabba nuqqas ta' azzjoni talli ma ppreżentatx deċiżjoni tal-awtorizzazzjoni ta' dak il-qamħirrum biex ikun jista' jittieħed vot dwaru fil-Kumitat Regolatorju. Din l-azzjoni ngħalqet mill-Qorti wara l-proposta mingħand il-Kummissjoni, fi Frar 2009, ta’ abbozz ta’ deċiżjoni tal-awtorizzazzjoni lill-Kumitat Regolatorju, li madanakollu naqas milli jagħti opinjoni. Fl-2010, Pioneer tat bidu għat-tieni azzjoni kontra l-Kummissjoni għal nuqqas ta' azzjoni (il-każ T-164/10) talli meta l-Kumitat Regolatorju ma tax opinjoni, hija ma għaddietx proposta lill-Kunsill għal deċiżjoni tal-awtorizzazzjoni, kif teżiġi l-proċedura tal-komitoloġija li kienet tapplika dak iż-żmien (Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE).

Fis-26 ta' Settembru 2013, il-Qorti Ġenerali tat is-sentenza għall-kawża T-164/10 li biha ddikjarat li l-Kummissjoni naqset milli taġixxi skont id-Direttiva 2001/18/KE billi lill-Kunsill ma ressqitlux proposta skont l-Artikolu 5(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE.

Għalhekk skont l-Artikolu 266 tat-TFUE, il-Kummissjoni qed tieħu l-miżuri meħtieġa biex tkun konformi mad-deċiżjoni u ttemm in-nuqqas tal-Parti l-oħra li tieħu azzjoni, u qed tippreżenta mingħajr dewmien abbozz ta’ deċiżjoni tal-awtorizzazzjoni għal qamħirrum 1507 lill-Kunsill. Sabiex ikun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent, l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-awtorizzazzjoni ġie emendat daqsxejn ħalli jkun fih ir-rakkomandazzjonijiet li għamlet l-EFSA fl-2011 u l-2012.

Dan ifisser li l-Kummissjoni Ewropea hija favur il-kultivazzjoni tal-Pioneer 1507?

Il-Kummissjoni ma tesprimix opinjoni favur jew kontra OĠM partikolari. Il-Kummissjoni, bħala gwardjana tat-Trattati, hija obbligata li tapplika l-leġiżlazzjoni eżistenti. Infakkru li d-Direttiva 2001/18/KE , li hija l-att bażiku għal din l-awtorizzazzjoni, ġiet adottata mill-Kunsill u l-Parlament fl-2001 biex issaħħaħ il-qafas għall-awtorizzazzjoni ta’ OĠM għall-kultivazzjoni. Għandu wkoll jitfakkar li fuq talba ta’ għadd ta’ Stati Membri, f’Lulju 2010 il-Kummissjoni pproponiet emenda għal-leġiżlazzjoni msemmija li tagħti lill-Istati Membri l-libertà li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OĠM fit-territorju tagħhom.

Fejn ninsabu fuq il-proposta leġiżlattiva mressqa mill-Kummissjoni f’Lulju tal-2010 biex temenda l-leġiżlazzjoni dwar il-kultivazzjoni tal-OĠM? (ara MEMO/10/325 tat-13 ta' Lulju 2010)

Biex twieġeb it-talba tant pendenti ta' bosta Stati Membri, f'Lulju tal-2010 il-Kummissjoni ppubblikat proposta għal Regolament li jirrevedi d-Direttiva 2001/18/KE biex jipprovdi bażi legali għall-Istati Membri ħalli jiddeċiedu dwar il-kultivazzjoni tal-OĠM għal raġunijiet minbarra dawk ibbażati fuq valutazzjoni xjentifika tar-riskji għas-saħħa u għall-ambjent li ssir fuq livell Ewropew. B'din l-emenda, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jillimitaw jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OĠM fit-territorju kollu tagħhom jew f'parti minnu, mingħajr rikors għal klawżoli ta' salvagwardja, li sa issa għad ma għandhomx l-appoġġ tal-EFSA.

Il-Parlament Ewropew adotta opinjoni tiegħu fl-ewwel qari dwar il-proposta ta' Lulju 2011. U l-Kunsill, minkejja l-isforzi li għamlu Presidenzi konsekuttivi, u b'mod partikolari l-Presidenza Daniża fl-2012, għadu ma laħaqx ftehim dwar dan minħabba l-pożizzjoni ta' mblukkar li ħadu għadd żgħir ta' Stati Membri. Il-Kummissjoni ssoktat l-isforzi tagħha biex tindirizza t-tħassib ta' dawn l-Istati Membri li ħadu pożizzjoni ta' mblukkar filwaqt li kisbet l-appoġġ tal-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri favur il-proposta.

Għaliex il-Kummissjoni tistenna li l-Istati Membri jimxu lejn din il-proposta leġiżlattiva dwar il-kultivazzjoni?

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-problemi li wasslu għall-proposta leġiżlattiva dwar il-kultivazzjoni fl-2010 jibqgħu pendenti u insistenti, kif jidher illum bis-sottomissjoni lill-Kunsill ta’ abbozz ta’ deċiżjoni tal-awtorizzazzjoni għal qamħirrum 1507 wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea dwar il-kawża T-164/10.

Wara li żżomm ukoll quddiem għajnejha l-elementi kostruttivi li jirriżultaw mill-opinjoni tal-ewwel qari tal-Parlament Ewropew, u s-sejħiet persistenti mill-maġġoranza tal-Istati Membri ta' appoġġ biex dawn ikollhom il-jedd li jipprojbixxu jew jillimitaw il-kultivazzjoni tal-OĠM fit-territorju tagħhom flimkien mal-approċċ ippreżentat fil-proposta dwar il-Kultivazzjoni, il-Kummissjoni temmen li huwa kritiku u prevedibbli li tagħti spinta politika ġdida sabiex il-progress sinifikanti rigward il-fajl mal-Kunsill u l-Parlament jintlaħaq fix-xhur li ġejjin.

Liema huma l-pjanti ġenetikament modifikati li huma awtorizzati fl-UE biex jintużaw fl-ikel u/jew fl-għalf?

Apparti l-kultivazzjoni, it-tqegħid fis-suq tal-UE ta’ OĠM u l-użu tal-prodotti derivati minnhom fil-katina tal-ikel u l-għalf huwa suġġett għal awtorizzazzjoni tal-UE, bil-kundizzjoni li jintwera li m'hemmx riskju għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u għall-ambjent, u wara valutazzjoni fil-fond mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel.

Mil-lum, il-lista ta’ 49 OĠM awtorizzati għall-użu fl-ikel u l-għalf tinkludi 27 qamħirrum, 8 qoton, 7 sojja, 3 żrieragħ tal-pitravi, pitrava taz-zokkor waħda, patata waħda, u 2 mikroorganiżmi.

Il-lista ta' pjanti ġenetikament modifikati awtorizzati u l-ambitu preċiż tal-awtorizzazzjoni tagħhom jinsabu fir-reġistru tal-UE tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati, li wieħed jista' jikkonsulta fis-sit elettroniku:

http://ec.europa.eu/food/dyna/gm_register/index_en.cfm

Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok żur is-sit elettroniku:

IP/13/1038

http://ec.europa.eu/food/plant/index_en.htm

1 :

Sors: Rapport annwali ta’ sorveljanza dwar il-kultivazzjoni ta’ MON810 fl-2012 fl-UE sottomess minn Monsanto. http://ec.europa.eu/food/plant/gmo/reports_studies/report_2012_mon_810_en.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site