Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Ir-riforma tal-PAK – spjega tal-elementi ewlenin

Commission Européenne - MEMO/13/937   25/10/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, is-25 ta’ Ottubru2013

Ir-riforma tal-PAK – spjega tal-elementi ewlenin

Il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew (PE) illum laħqu abbozz ta’ ftehim politiku dwar ir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni — suġġett għall-approvazzjoni formali mill-Kunsill u l-PE bħala Ftehim tal-ewwel qari. Il-biċċa l-kbira tal-elementi ġew miftiehma fit-trilogu tas-26 ta' Ġunju, u l-aħħar kwistjonijiet li kien għad fadal (marbuta mal-pakkett tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali) ġew finalizzati fl-24 ta' Settembru. Il-ftehim, ibbażat fuq il-proposti tal-Kummissjoni minn Ottubru 2011 (ara IP/11/1181 u MEMO/11/685) jikkonċerna erba' regolamenti bażiċi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-Politika Agrikola Komuni - i) dwar il-Pagamenti Diretti, ii) l-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq Unika (OKS), iii) l-Iżvilupp Rurali u, iv) Regolament Orizzontali għall-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-PAK. Il-Kummissjoni issa qiegħda tħejji l-atti Delegati u ta’ Implimentazzjoni kollha rilevanti sabiex ir-regoli l-ġodda jkunu jistgħu jidħlu fis-seħħ is-sena d-dieħla, jew minn Jannar 2015 għal ħafna mill-arranġamenti ġodda għall-Pagamenti Diretti. Regoli separati ta’ “tranżizzjoni” għall-2014 qed jiġu diskussi u għandhom jiġi approvat mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew qabel tmiem is-sena,

L-elementi ewlenin tal-ftehim politiku huma dawn:

1. Pagamenti diretti

Sabiex nimxu lejn distribuzzjoni aktar ġusta tal-appoġġ, is-sistema tal-PAK tal-Pagamenti Diretti se titbiegħed minn waħda fejn l-allokazzjonijiet għall-Istat Membru — u għall-bidwi fl-Istat Membru — ikunu bbażati fuq referenzi storiċi. Dan se jfisser konverġenza ċara u ġenwina tal-pagamenti mhux biss bejn l-Istati membri, imma anki fi ħdan l-Istati Membri. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ "Pagament Ekoloġiku" — fejn 30 % mill-pakkett nazzjonali disponibbli huwa marbut ma' ċerti prattiki ta’ biedja sostenibbli — tfisser li sehem sinifikanti mis-sussidju se jintrabat fil-ġejjieni mal-ippremjar tal-bdiewa talli jipprovdu prodotti pubbliċi ambjentali. Il-pagamenti kollha se jibqgħu soġġetti għall-osservanza ta' ċerti regoli ambjentali, fost oħrajn oħra [ara "kundizzjonalità" punt 4 taħt regolamentazzjoni orizzontali].

L-Iskema ta’ Pagament Bażiku (SPB): L-Istati Membri se jiddedikaw sa 70 % tal-pakkett nazzjonali tagħhom tal-Pagamenti Diretti lill-Iskema l-ġdida ta’ Pagament Bażiku — nieqes kwalunkwe ammont impenjat għal pagamenti addizzjonali (żidiet għall-iskema tal-Bdiewa Żgħażagħ, u għażliet oħra bħaż-żidiet għaż-Żoni Anqas Vantaġġati, il-Pagament Ridistributtiv) u pagamenti “akkoppjati”. Għall-UE-12 ikkonċernati, l-iskadenza għall-Iskema ta’ Pagament Uniku skont l-Erja (SPUE), li hija aktar sempliċi u b'rata waħda fissa, se tiġi estiża sal-2020.

Konverġenza Esterna: Il-pakketti nazzjonali għall-pagamenti diretti għal kull Stat Membru se jiġu aġġustati progressivament b’tali mod li ma jkunx hemm differenza kbira bejn l-Istati Membri fil-pagament medju għal kull ettaru. Il-pakketti nazzjonali għall-pagamenti diretti f'kull Stat Membru se jiġu aġġustati progressivament biex f'dawk l-Istati Membri fejn il-pagament medju (f'EUR għal kull ettaru) fil-preżent huwa inqas minn 90% tal-medja tal-UE, ikun hemm żieda gradwali (b'terz tad-differenza bejn ir-rata kurrenti tagħhom u 90% tal-medja tal-UE). Barra minn hekk, hemm il-garanzija li sal-2019 kull Stat Membru jkun wasal għal livell minimu. L-ammonti disponibbli għall-Istati Membri l-oħra li jirċievu ammonti li jaqbżju l-medja, se jiġu aġġustati skont dan.

Konverġenza Interna: Dawk l-Istati Membri li bħalissa jżommu l-allokazzjonijiet bbażati fuq referenzi storiċi jridu jimxu lejn allokazzjonijiet aktar simili tal-pagament bażiku għal kull ettaru. Jistgħu jagħżlu minn alternattivi differenti: approċċ nazzjonali, jew approċċ reġjonali (ibbażat fuq kriterji amministrattivi jew agronomiċi); li jiksbu rata reġjonali/nazzjonali sal-2019, jew li jiżguraw li dawk l-azjendi agrikoli li qed ikollhom inqas minn 90% tar-rata medja reġjonali/nazzjonali jaraw żieda gradwali (b'terz tad-differenza bejn ir-rata kurrenti u 90% tal-medja nazzjonali/reġjonali) - bil-garanzija addizzjonali li kull intitolament għall-ħlas jilħaq valur minimu ta' 60% tal-medja nazzjonali/reġjonali sal-2019 (sakemm l-Istati Membri ma jiddeċidux jillimtaw it-tnaqqis fil-valuri tal-intitolamenti. L-ammonti disponibbli lill-bdiewa li jiriċevu iżjed mill-medja reġjonali/nazzjonali se jiġiu aġġustati proporzjonalment, bl-għażla għall-Istati Membri li jillimtaw "it-telf" għal 30%.

L-Istati Membri għandhom ukoll id-dritt jużaw pagament ridistributtiv għall-ewwel ettari li bih jistgħu jieħdu sa 30% tal-pakkett nazzjonali u jqassmuh lill-bdiewa għall-ewwel 30 ettaru tagħhom (jew sad-daqs medju nazzjonali tal-azjenda agrikola fi Stat Membru jekk ikun iktar minn 30 ettaru). Dan se jkollu effett ta’ ridistribuzzjoni sinifikanti.

Tnaqqis fil-pagament għal azjendi agrikoli kbar: Ftehim intlaħaq fuq tnaqqis obbligatorju tal-ħlasijiet għall-azjendi individwali 'il fuq minn 150 000 EUR (“digressività”). Fil-prattika dan ifisser li l-ammont ta’ għajnuna li azjenda individwali tirċievi bħala pagament bażiku se jitnaqqas b’talanqas 5 % għal ammonti ta’ aktar minn EUR 150 000. Biex jitqiesu l-ispejjeż tal-impjiegi, dawn jistgħu jitnaqqsu qabel ma jsir il-kalkolu. Dan it-tnaqqis ma għandux għalfejn japplika għall-Istati Membri li japplikaw “pagament ridistributtiv” li taħtu mill-inqas 5 % tal-pakkett nazzjonali tagħhom jinżamm għat-tqassim mill-ġdid fl-ewwel ettari tal-ażjendi agrikoli kollha. NB il-fondi “ffrankati” taħt dan il-mekkaniżmu jibqgħu fl-Istat Membru/reġjun in kwistjoni, u jiġu ttrasferiti lill-pakkett tal-Iżvilupp Rurali rispettiv, u jista’ jintuża mingħajr rekwiżiti ta' kofinanzjament. L-Istati Membri għandhom ukoll l-għażla li jillimitaw l-ammonti sa 300 000 EUR li kwalunkwe bidwi individwali jista' jirċievi, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-ispejjeż tas-salarji.

Bdiewa Żgħażagħ: Sabiex jitħeġġeġ tiġdid ġenerazzjonali, il-Pagament Bażiku għal Bdiewa Żgħażagħ parteċipanti ġodda (ta' mhux aktar minn 40 sena) għandu jiżdied b'pagament addizzjonali għal perjodu ta' 5 snin massimu (marbut mal-ewwel installazzjoni). Dan għandu jiġi ffinanzjat sa 2% tal-pakkett nazzjonali u għandu jkun obbligatorju għall-Istati Membri kollha. Dan minbarra miżuri oħra għal bdiewa żgħażagħ taħt programmi għall-Iżvilupp Rurali.

Skema għall-Bdiewa Żgħar: Fakultattivament għall-Istati Membri, kull bidwi li jikklejmja l-appoġġ jista' jiddeċiedi li jipparteċipa fl-Iskema għall-Bdiewa Żgħar u b'hekk jiriċevi pagament annwali ffissat mill-Istat Membru normalment ta' bejn 500 € and 1 250 €, ikun xi jkun id-daqs tal-azjenda agrikola. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu minn metodi differenti għall-kalkolu tal-pagament annwali, inkluż għażla fejn il-bdiewa jirċievu sempliċiment l-ammont li kieku normalment jiriċievu. Dan se jikkostitwixxi simplifikazzjoni enormi għall-bdiewa kkonċernati u għall-amministrazzjonijiet nazzjonali. Il-parteċipanti mhumiex se ikunu soġġetti għal kontrolli tal-kundizzjonalità u sanzjonijiet, u se jkunu eżenti mill-aspetti ekoloġiċi. (Il-valutazzjoni tal-impatt uriet li bejn wieħed u ieħor, terz tal-azjendi agrikoli li japplikaw għall-finanzjament tal-PAK għandhom erja ta' 3 ettari jew anqas – iżda dan jammonta għal 3 % biss tal-erja agrikola kumplessiva fl-UE-27.) L-ispiża totali għall-Iskema tal-Bdiewa Żgħar ma tistax tkun aktar minn 10% tal-pakkett nazzjonali, ħlief meta Stat Membru jagħżel li jiżgura li l-bdiewa żgħar ikunu rċevew dak li kieku jkun dovut għalihom mingħajr l-iskema. Se jkun hemm ukoll fondi għall-Iżvilupp Rurali għal pariri lil bdiewa żgħar dwar għotjiet għall-iżvilupp ekonomiku u r-ristrutturar fir-reġjuni b'ħafna azjendi agrikoli żgħar bħal dawn.

Appoġġ akkoppjat volontarju: Sabiex jinżammu l-livelli attwali ta’ produzzjoni f’setturi jew reġjuni fejn tipi speċifiċi ta’ biedja jew setturi jgħaddu minn diffikultajiet u jkunu importanti għal raġunijiet ekonomiċi u/jew soċjali u/jew raġunijiet ambjentali, l-Istati Membri se jkollhom l-għażla li jipprovdu ammonti limitati ta’ pagamenti “akkoppjati”, jiġifieri pagament marbut ma’ prodott speċifiku. Dan se jkun limitat għal 8% tal-pakkett nazzjonali, jew sa 13% jekk il-livell kurrenti ta’ appoġġ akkoppjat fi Stat Membru ikun ogħla minn 5 %.. Il-Kummissjoni għandha l-flessibbiltà tapprova rata ogħla fejn ikun ġustifikat. Hemm possibbiltà li tipprovdi ammont addizzjonali (sa 2 %) ta’ appoġġ “akkoppjai” għall-għelejjel tal-proteina.

Żoni b'Limitazzjonijiet Naturali (ANC)/ Żoni Inqas Vantaġġati (LFA): L-Istati Membri (jew ir-reġjuni) jistgħu jagħtu pagament addizzjonali għal żoni li għandhom limitazzjonijiet naturali (kif definit skont ir-regoli tal-Iżvilupp Rurali) sa 5% tal-pakkett nazzjonali. Dan huwa fakultattiv u ma jaffettwax l-għażliet ANC/LFA disponibbli taħt l-Iżvilupp Rurali.

Ekoloġizzazzjoni: Minbarra l-Iskema ta' Pagament Bażiku?SAPS, kull azjenda se tirċievi pagament għal kull ettaru ddikjarat għall-għanijiet ta' pagament bażiku sabiex tosserva ċerti prattiki agrikoli li huma ta' benefiċċju għall-klima u l-ambjent. Għal dan il-pagament l-Istati Membri se jużaw 30 % mill-pakkett nazzjonali. Dan hu obbligatorju u n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti tal-ekoloġizzazzjoni se jirriżultaw fi tnaqqis u penali li jistgħu f’xi każijiet jmorru lil hinn mill-ħlas tal-Ekoloġizzazzjoni. Fis-snin 1 & 2 il-penali għall-ekoloġizzazzjoni ma tistax taqbeż 0 %, 20 % fit-tielet sena u mir-raba’ il-penali massima applikata se tkun ta’ 25 %. Naturalment, il-pagament ekoloġiku ser jingħata biss għal dawk l-oqsma li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet (jiġifieri huma eliġibbli għal punti bażi jew l-spue, l-osservanza tal-obbligi ekoloġiċi).

Żoni taħt produzzjoni organika, li hija sistema ta’ produzzjoni b'benefiċċji ambjentali rikonoxxuti, għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jissodisfaw il-kondizzjonijiet meħtieġa biex jibbenefikaw mill-ħlas tal-ekoloġizzazzjoni, mingħajr l-ebda rekwiżit addizzjonali.

It-3 miżuri bażiċi previsti huma:

  1. iż-żamma tal-mergħa permanenti;

  2. id-diversifikazzjoni tal-għelejjel (bidwi jrid jikkultiva mill-inqas żewġ għelejjel meta l-art tiegħu taqbeż l-10 ettari u mill-inqas tliet għelejjel meta taqbeż 30 ettaru) L-għalla ewlenija tista' tkopri sa mhux aktar minn 75% tal-art, u ż-żewġ għelejjel ewlenin sa 95% l-aktar tal-art maħduma.

  3. l-iżgurar taż-żamma ta' “erja ta' interess ekoloġiku” ta’ mill-inqas 5 % tal-art li tindħadem tal-azjenda għall-biċċa l-kbira tal-azjendi b'aktar minn 15-il ettaru ta' erja tinħadem – jiġifieri marġni tal-għelieqi, arbuxxelli, siġar, artijiet mserrħa, karatteristiċi tal-pajżaġġ, bijotopi, strixxi marġinali, żoni msaġġra. Iċ-ċifra tista' titla' għal 7% wara rapport tal-Kummissjoni fl-2017 u soġġett għal proposta leġiżlattiva.

Ekwivalenza tal-ekoloġizzazzjoni: Sabiex ikun evitat li jkunu penalizzati dawk li diġà jindirizzaw kwistjonijiet ambjentali u ta' sostenibbiltà, il-ftehim jipprevedi sistema ta’ "ekwivalenza tal-Ekoloġizzazzjoni” l-applikazzjoni ta' prattiki tajbin għall-ambjent li diġà jeżistujistgħu jitqiesu bħala li jissostitwixxudawn ir-rekwiżiti bażiċi. Pereżempju, skemi agro-ambjentali jistgħu jinkorporaw miżuri li huma meqjusa bħala ekwivalenti. Ir-regolament il-ġdid fih lista ta’ dawn il-prattiki ekwivalenti. Biex jiġi evitat “finanzjament doppju” ta’ miżuri bħal dawn (u kwalunkwe skema agro-ambjentali in ġeneralI), il-pagamenti permezz ta' programmi tal-Iżvilupp Rurali għandhom jikkunsidraw rekwiżiti ekoloġiċi bażiċi [ara t-Taqsima dwar l-Iżvilupp Rurali taħt].

Dixxiplina Finanzjarja: minkejja deċiżjoni separata għall-baġit tas-sena 2014, intlaħaq ftehim li kwalunkwe tnaqqis tad-Dixxiplina Finanzjarja fil-ġejjieni f'pagamenti diretti annwali (jiġfieri, meta li l-istimi tal-pagament huma ogħla mill-baġit disponibbli għall-ewwel Pilastru) għandhom japplikaw limitu ta’ €2 000. Fi kliem ieħor, it-tnaqqis MA japplikax għall-ewwel €2 000 ta' Pagamenti Dirett ta' kull bidwi. Dan se jservi biex jitma' lir-Riżerva għall-Kriżijiet fejn meħtieġ [ara r-regolament orizzontali].

Trasferiment ta' fondi bejn il-Pilastri: L-Istati Membri se jkollhom il-possibilità jittrasferixxu sa 15 % tal-pakkett nazzjonali tagħhom għal Pagamenti Diretti (l-ewwel Pilastru) lill-pakkett tagħhom tal-Iżvilupp Rurali. Dawn l-ammonti ma jerġgħux jeħtieġu jiġu kofinanzjati. L-Istati Membri se jkollhom ukoll l-għażla li jittrasferixxu sa 15% tal-pakkett nazzjonali tagħhom għall-Iżvilupp Rurali lill-pakkett tagħhom tal-Pagamenti Diretti, jew sa 25% għal dawk it-12-il Stat Membru li ħadu inqas minn 90% tal-medja tal-UE għall-pagamenti diretti

“Bdiewa attivi”: Sabiex issolvi għadd ta’ lakuni legali li ppermettew lil għadd limitat ta’ kumpaniji jitolbu Pagmaenti Diretti, minkejja li l-attività kummerċjali primarja tagħhom mhijiex agrikola, ir-riforma tissikka r-regola dwar il-bdiewa attivi. Lista negattiva ġdida ta' attivitajiet kummerċjali professjonali li għandhom jiġu esklużi mill-Pagamenti Diretti (li jkopru ajruporti, servizzi ferrovjarji, servizzi pubbliċi tal-ilma, servizzi immobiljari u żoni permanenti għall-isport u r-rikreazzjoni) se tkun obbligatorja għall-Istati Membri, sakemm in-negozji individwali kkonċernati ma jurux li għandhom attività ġenwina ta' biedja. L-Istati Membri se jkollhom il-possibbiltà jestendu l-lista negattiva biex jinkludu aktar attivitajiet kummerċjali.

Ettari eliġibbli – Ir-regoli jipprevedu l-istabbiliment tal-2015 bħala sena ta' referenza ġdida għad-dritt tal-għoti tal-erja għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament, iżda se jkun hemm rabta mal-benefiċjarji tas-sistema tal-pagamenti diretti fl-2013 sabiex tiġi evitata l-ispekulazzjoni. L-Istati Membri li għandhom mnejn jaraw żieda kbira fl-erja eliġibbli ddikjaratahuma permessi jillimitaw l-għadd ta’ drittijiet għal pagament li ser jiġu allokati fl-2015.

2. Mekkaniżmi tal-ġestjoni tas-suq

Bil-kwoti tal-ħalib li se jiskadu fl-2015, ir-riforma tipprevedi t-tmiem tar-reġim tal-kwoti taz-zokkor fit-30 ta' Settembru 2017, li jikkonferma l-indikazzjoni tar-riforma taz-zokkor tal-2005 li tagħti data għat-tmiem tar-reġim tal-kwoti filwaqt li tippermetti għal ħin addizzjonali biex is-settur jaġġusta. Dan se jiżgura kompetittività mtejba għall-produtturi tal-UE fuq is-suq domestiku u fis-suq dinji bl-istess mod (billil-esportazzjonijiet tal-UE huma limitati mir-regoli tad-WTO taħt il-kwoti). Dan se jipprovdi wkoll lis-settur b'perspettiva fit-tul. Provvista wiesgħa bi prezzijiet raġonevoli fis-swieq tal-UE tal-provvista jgawdu minnha wkoll l-utenti finali u intermedji taz-zokkor. Sabiex jipprovdu aktar sigurtà, se jinżammu d-dispożizzjonijiet standard għal ftehimiet bejn il-fabbriki taz-zokkor u il-kultivaturi. Għall-perjodu wara l-kwoti, iz-zokkor abjad se jkun eliġibbli għal għajnuna għall-ħżin privat. bosta mill-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw se jkomplu jgawdu minn aċċess illimitat bla dazju għas-suq tal-UE.

Fir-rigward tal-produzzjoni tal-inbid, il-ftehim jirrispetta d-deċiżjoni tar-riforma tal-2006 biex tintemm is-sistema tad-drittijiet għat-tħawwil tad-dwieli sa tmiem l-2015, bl-introduzzjoni ta' sistema ta' awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil ta' dwieli ġodda mill-2016 – kif rakkomandat mill-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Inbid Diċembru li għadda (ara IP/13/1378) – bit-tkabbir limitat għal 1% fis-sena.

Emendi oħra għalr-regoli tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq Unika (OKS) għandhom l-għan li jtejbu l-orjentazzjoni tas-suq tal-agrikoltura tal-UE fid-dawl tal-kompetizzjoni akbar fis-swieq dinjin, filwaqt li jipprovdu xibka ta' sigurtà effettiva għall-bdiewa fil-kuntest tal-inċertezzi esterni (flimkien mal-pagamenti diretti u l-alternattivi għall-ġestjoni tar-riskju taħt l-iżvilupp rurali). L-iskemi eżistenti tal-intervent pubbliku u tal-għajnuna għall-ħżin privat huma riveduti biex ikunu aktar risponsivi u effiċjenti, perżempju b'aġġustamenti tekniċi għaċ-ċanġa u l-prodotti tal-ħalib. Għall-prodotti tal-ħalib, dawn il-bidliet - il-perjodu tax-xiri estiż b'xahar, offerti awtomatiċi għall-butir u t-trab tal-ħalib xkumat, żieda fil-limitu tal-butir għal 50,000 tunnellata, u ħżin privat possibbli għat-trab tal-ħalib xkumat u ċertu ġobon DPO/IĠP - jiġi flimien mal-"Pakkett tal-Ħalib" li ġie inkorporat fir-Regolament u li jsaħħaħ is-setgħa tan-negozjar tal-bdiewa.

Barra minn hekk, iddaħħlu klawżoli ta' salvagwardja ġodda għas-setturi kollha li jippermetti lill-Kummissjoni tieħu miżuri ta' emerġenza b'reazzjoni għal disturbi ġenerali tas-suq – bħall-miżuri li ttieħdu matul il-kriżi tal-e-coli f’Mejju-Lulju 2011. Dawn il-miżuri se jiġu ffinanzjati minn Riżerva ta' Kriżi ffinanzjata billi kull sena jitnaqqsu l-pagamenti diretti. Fondi mhux użati għal miżuri ta' kriżi jingħataw lura lill-bdiewa fis-sena ta’ wara. F’każ ta’ żbilanċ serju fis-suq, il-Kummissjoni tista’ wkoll tawtorizza organizzazzjonijiet tal-produtturi jew organizzazzjonijiet interprofessjonali, fl-osservanza ta' salvagwardji speċifiċi, biex kollettivament jieħdu ċerti miżuri temporanji (pereżempju l-irtirar mis-suq jew mill-ħżin min-naħa tal-operaturi privati) biex jistabbilizzaw is-settur konċernat.

L-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel u l-Iskema tal-Ħalib għall-Iskejjel għandhom jiġu estiżi, u l-baġit annwali għall-iskema tal-frott għall-iskejjel se jiżdied minn EUR 90 għal EUR 150 fis-sena.

Sabiex ittejjeb il-pożizzjoni tan-negozjar tal-bdiewa fil-katina alimentari, il-Kummissjoni qed tfittex organizzazzjoni aħjar tas-setturi b'xi derogi limitati għal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE. Ir-regoli relatati mar-rikonoxximent tal-Organizzazzjonijiet tal-Produtturi (POs) u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali issa jkopru s-setturi kollha – b'iktar għażliet għall-istabbiliment ta' tali organizzazzjonijiet li issa ġew ittrasferiti għall-fondi għall-Iżvilupp Rurali (ara taħt). Barra minn hekk, il-possibbiltà li l-bdiewa kollettivament jinnegozjaw kuntratti għall-provvista taż-żejt taż-żebbuġa, iċ-ċangaiċ-ċereali u ċerti uċuħ oħra li jinħadmuhuwa previst taħt ċerti kundizzjonijiet u salvagwardji. Il-Kummissjoni se tipprovdi linji gwida dwar kwistjonijiet potenzjali marbutin mal-liġi tal-kompetizzjoni. Il-produtturi ta’ prieżet koperti minn indikazzjoni ġeografika protetta jew denominazzjoni ta’ oriġini jistgħu taħt ċerti kundizzjonijiet jikkontrollaw il-forniment tal-prodott lis-suq.

Fl-interess tas-simplifikazzjoni u l-orjentazzjoni tas-suq, għadd ta’ skemi minuri jew mhux użati huma aboliti (għajnuna għall-użu tal-ħalib xkumat u t-trab tal-ħalib xkumat fl-għalf tal-annimali u l-kaseina, l-għajnuna akkoppjata għad-dud tal-ħarir!)

3. Żvilupp Rurali

Il-politika tal-iżvilupp rurali se żżomm il-kunċett attwali u ta' suċess li bih twaqqfet: L-Istati Membri jew ir-reġjuni ser ikomplu jfasslu l-programmi multiannwali tagħhom stess fuq il-bażi tal-menu ta’ miżuri disponibbli fil-livell tal-UE — bi tweġiba għall-ħtiġijiet taż-żoni rurali tagħhom. Dawn il-programmi se jkunu kofinanzjati mill-pakketti nazzjonali - fejn l-ammonti u r-rati tal-kofinanzjament se jiġu ttrattati fil-kuntest tal-QFP. Ir-regoli l-ġodda għat-Tieni Pilastru jipprovdu approċċ aktar flessibbli milli fil-preżent. Il-miżuri mhux se jibqgħu jiġu kklassifikati fil-livell tal-UE f’ “assi” flimkien ma’ rekwiżiti minimi ta’ nfiq għal kull assi. Minflok, se jkun f’idejn l-Istati Membri/ir-reġjuni jiddeċiedu liema miżuri jużaw (u kif) sabiex jintlaħqu miri stabbiliti fid-dawl ta' sitt “prijoritajiet” wiesgħa u “l-oqsma ta' fokus” aktar dettaljati tagħhom (subprijoritajiet), abbażi ta’ analiżi soda. Is-sitt prijoritajiet se jkopru: It-trawwim tat-trasferiment tal-għarfien u l-innovazzjoni; It-titjib tal-kompetittività tat-tipi kollha ta' agrikoltura u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti; Il-promozzjoni tal-organizzazzjoni tal-katina alimentari, inklużi, l-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq, u l-ġestjoni tar-riskju; Ir-restawr, il-preżervazzjoni u t-titjib tal-ekosistemi; Il-promozzjoni tal-effiċjenza tar-riżorsi u t-tranżizzjoni għal ekonomija b'użu baxx tal-karbonju; u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, it-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp ekonimiku taż-żoni rurali. L-Istati Membri għandhom jonfqu talanqas 30 % tal-fondi tagħhom għall-iżvilupp rurali mill-baġit tal-UE fuq ċerti miżuri relatati mal-ġestjoni tal-art u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u mill-inqas 5% fuq l-approċċ LEADER. [Għat-30%, il-miżuri kkonċernati se jkunu: Investimenti f'assi fiżiċi (biss investimenti marbuta mal-ambjnet/il-klima); kull miżura speċifuika għall-foresti; Klima agri-ambjnetali; Biedja organika; Pagamenti Natura 2000 (mhux pagamenti tad-Direttiva Kwadru dwar l-Ilma); u Pagamenti lil żoni li jiffaċċjaw limitazzjonijiet natrali jew oħrajn.]

Il-politika tal-iżvilupp rurali se topera wkoll f’kordinazzjoni eqreb ma’ politiki oħra permezz ta’ Qafas Strateġiku Komuni fil-livell tal-UE u permezz ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija fil-livell nazzjonali li jkopru s-sostenn kollu mill-fondi Strutturali u tal-Investiment Ewropej (ESI) (il-FAEŻR, il-FEŻR, il-FSE, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-FEMS) fl-Istat Membru kkonċernat.

Allokazzjonijiet nazzjonali: L-allokazzjonijiet għall-Iżvilupp Rurali għal kull Stat Membru huma inklużi fir-Regolament Bażiku, iżda bil-possibbiltà li dawn l-ammonti jiġu aġġustati permezz ta’ att Delegat jekk teknikament meħtieġ jew previst minn att leġiżlattiv.

Rati ta' kofinanzjament: Il-massimu tar-rati ta’ kofinanzjament tal-UE għandhom ikunu sa 85 % fir-reġjuni inqas żviluppati, ir-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer minuri tal-Eġew, 75 % fir-reġjuni ta' tranżizzjoni, 63 % għal reġjuni oħra ta' tranżizzjoni u 53 % f’reġjuni oħra għall-biċċa l-kbira tal-pagamenti, iżda jistgħu jkunu ogħla għal miżuri li jappoġġaw it-trasferiment tal-għarfien, il-kooperazzjoni, it-twaqqif ta’ gruppi u organizzazzjonijiet ta’ produtturi u bdiewa żgħażagħ għall-għotjiet ta' installazzjoni, kif ukoll għal proġetti Leader u għall-infiq relatat mal-ambjent u t-tibdil fil-klima taħt il-miżuri varji.

Fil-perjodu l-ġdid, l-Istati Membri/ir-reġjuni wkoll ser ikollhom il-possibbiltà jfasslu sottoprogrammi tematiċi li jagħtu attenzjoni speċjalment dettaljata lill-kwistjonijiet bħall-bdiewa żgħażagħ, l-azjendi agrikoli żgħar, iż-żoni muntanjużi, in-nisa f’żoni rurali, il-mitigazzjoni/adattament tat-tibdil fil-klima u l-ktajjen qosra tal-provvista . Rati ogħla ta’ appoġġ se jkunu disponibbli fi ħdan is-sottoprogrammi f’xi każijiet.

Menu razzjonalizzat ta’ miżuri se jibni fuq il-punti sodi tal-miżuri disponibbli fil-perjodu kurrenti. Fost affarijiet oħra, ser ikopri:

  1. L-innovazzjoni: Din it-tema ewlenija (u aktar speċifikament is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar il-Produttività u s-Sostenibbiltà fl-Agrikoltura - l-"EIP") se tkun moqdija minn diversi miżuri tal-Iżvilupp Rurali bħat-"trasferiment tal-għarfien" il-"kooperazzjoni",u "l-investimentin fl-assi fiżiċi"; Is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni se tippromwovi l-effiċjenza tar-riżorsi, il-produttività b’emissjonijiet baxxi u dħulija għall-ambjnet/reżiljenti tal-agrikoltura u l-forestrija. Dan għandu jintlaħaq, fost l-oħrajn, permezz ta' kooperazzjoni akbar bejn l-agrikoltura u r-riċerka sabiex jitħaffef it-trasferiment teknoloġiku lejn il-bdiewa;

  2. L-għarfien –“agrikoltura bbażata fuq l-għarfien”: Miżuri msaħħa għas-Servizzi Konsultattivi tal-Biedja (marbuta wkoll mal-mitigazzjoni u l-adattament għat-Tibdil fil-klima, l-isfidi ambjentali u l-iżvilupp ekonomiku u t-taħriġ);

  3. Ristrutturar/Investiment/Modernizzazzjoni tal-azjendi agrikoli: Għotjiet li għadhom disponibbli — kultant b’rati ogħla ta’ appoġġ meta marbuta mal-EIP jew proġetti konġunti;

  4. Bdiewa żgħażagħ - Taħlita ta' miżuri tista' tinkludi għotjiet għall-bidutan-negozju (sa EUR 70 000), servizzi ta' taħriġ u konsulenza;

  5. Bdiewa żgħar: Għajnuna gћall-bidu lin-negozji [start-up] sa EUR 15 000 għal kull azjenda agrikola żgħira;

  6. L-Għodda għall-Ġestjoni tar-riskju: Assigurazzjoni u fondi mutwi – assigurazzjoni għall-għelejjel u għat-temp, għall-mard tal-annimali [bħalissa disponibbli skont l-Artikolu 68 tal-ewwel Pilastru] - estiżi biex jinkludu l-għażla tal-istabilizzazzjoni tal-introjtu (li tippermetti ħlas (sa 70 % tat-telf) minn fond mutwu jekk l-introjtu jonqos bi 30 %);

  7. Gruppi ta’ produtturi/organizzazzjonijiet: Appoġġ għat-twaqqif ta' gruppi organizzazzjonijiet fuq il-bażi ta’ pjan ta’ negozju u limitat għal gruppi definiti bħala SMEs;

  8. Il-pagamenti agroambjentali - tal-klima: Kuntratti konġunti, rabta ma' taħriġ/informazzjoni adegwati, aktar flessibilità meta jiġu estiżi l-kuntratti inizjali;

  9. Biedja organika: Miżura ġdida separata għal iktar viżibbiltà;

  10. Forestrija: Appoġġ imsaħħaħ / razzjonalizzat bis-saħħa ta' għotjiet u pagamenti

  11. Żoni muntanjużi: Għal żoni muntanjużi u art agrikola li jinsabu 'l fuq minn 62º N, l-ammonti ta' għajnuna jistgħu jkunu sa 450 EUR/ettaru (żieda minn 250 EUR/ettaru);

  12. Żoni li jiffaċċjaw limitazzjonijiet naturali u oħrajn speċifiċi: Delimitazzjoni ġdida għal Żoni b' Restrizzjonijiet Naturali - b'seħħ minn mhux aktartard mill-2018 - skont 8 kriterju bijofiżiku; l-Istati Membri jżommu l-flessibbiltà li jidefinixxu sa 10% tal-erja agrikola tagħhom għal restrizzjonijiet speċifiċi biex jippreservaw jew itejbu l-ambjent;

  13. Kooperazzjoni Possibbiltajiet estiżi b'appoġġ għall-kooperazzjoni teknoloġika, ambjentali u kummerċjali, (eż. proġetti pilota, skemi ambjentali konġunti, katini qosra tal-provvista, żvilupp ta' swieq lokali);

  14. Attivitajiet mhux agrikoli: Għotjiet għall-bidu u għall-iżvilupp ta' negozji mikro u żgħar

  15. Servizzi bażiċi u tiġdid tal-irħula: Investimenti f’infrastruttura broadband u fl-enerġija rinnovabbli jistgħu jmorru lil hinn minn livell ta' skala żgħira, rilokazzjoni ta' attivitajiet /konverżjoni ta' bini issa koperti

  16. LEADER: Enfażi akbar fuq taqjjim ta' kuxjenza u appoġġ ta' tħejjija ieħor għall-istrateġiji; il-promozzjoni tal-flessibbiltà għall-operazzjoni b'aktar foni f'żoni locali, i.e. kooperazzjoni rurali-urbana; N.B. LEADER issa se jintuża bħal l-approċċ komuni għal żviluppi immexxi mill-komunità mill-fondi ESI li ġejjin: the ERDF, ESF, EMFF and EAFRD.

4. Regolamentazzjoni Orizzontali

Kontrolli : Ir-rekwiżiti tal-kontroll jitnaqqsu fir-reġjuni fejn il-kontrolli preċedenti juru riżultati tajbin, jiġifieri r-regoli jkunu qed jiġu osservati kif xieraq. Madankollu, se jkun hemm bżonn li jiżdiedu l-kontrolli f'reġjuni fejn hemm il- problemi.

Servizz ta’ konsulenza għall-azjendi agrikoli: Il-lista ta’ kwistjonijiet li dwarhom l-Istati Membri se jkunu obbligati joffru pariri lill-bdiewa żdiedet biex ikopri, lil hinn mill-kundizzjonalità, il-pagamenti ekoloġiċi diretti, il-kundizzjonijiet għaż-żamma tal-art eliġibbli għall-pagamenti diretti, id-Direttiva Kwadru dwar l-Ilma u dwar L-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi , , kif ukoll ċerti miżuri għall-iżvilupp rurali.

Kundizzjonalità: Il-pagamenti diretti kollha, ċerti pagamenti tal-iżvilupp rurali u ċerti pagamenti għad-dwieli se jkomplu jkunu marbuta ma' għadd ta' rekwiżiti statutorji dwar l-ambjent, it-tibdil fil-klima, il-kundizzjoni agrikola tal-art u standards tas-saħħa tal-bndemin, tal-annimali u tal-pjanti u l-benessri tal-annimali. Il-lista ġiet issimplifikata biex teskludi regoli fejn m’hemmx obbligi ċari u kontrollabbli fuq il-bdiewa. Qed jiġi propost ukoll li d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi jiġu inkorporati fir-regoli tal-kundizzjonalità ladarba jkun stabbilit li ġew applikati kif jixraq fl-Istati Membri kollha u li l-obbligi għall-bdiewa jkunu ġew identifikati b'mod ċar.

Riżerva għall-kriżijiet: Riżerva għall-kriżijiet se tinħoloq kull sena għal ammont ta' EUR 400 miljun (fi prezzijiet tal-2011) bl-applikazzjoni tad-dixxiplina finanzjarja. jekk l-ammont ma jintużax għal kriżi, jingħata lura lill-bdiewa bħala pagamenti diretti s-sena ta' wara.

Trasparenza: L-Istati Membri se jkunu obbligati jipprovdu trasparenza sħiħa tal-benefiċjarji kollha — bl-eċċezzjoni ta’ dawk l-istabbilimenti li huma eliġibbli għall-Iskema għall-Bdiewa żgħar f’dak l-Istat Membru. Għal dawn il-farms, id-dejta għandha tiġi pprovduta iżda mingħajr l-isem jew l-indirizz. Dan jirrispetta bis-sħiħ id-deċiżjoni tal-Qorti ta’ Ottubru 2010 li stqarret li r-regoli eżistenti ma kinux jirrispettaw regoli dwar il-privatezza tad-dejta għal persuni fiżiċi.

Monitoraġġ u evalwazzjoni tal-PAK: Il-Kummissjoni se tippreżenta rapport qabel tmiem l-2018 – u wara, kull 4 snin – dwar l-impatt tal-PAK fuq it-3 prijoritajiet ewlenin – il-produzzjoni vijabbli tal-ikel, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, u l-iżvilupp bilanċjat tat-territorju.

5. Elementi ulterjuri

Allinjament: F'termini ta' implimentazzjoni futura, għadd ta' kwistjonijiet partikolarment relatati mar-regolament dwar l-OKS unika ġew nominati bħala soġġetti għall-approvazzjoni taħt l-Artikolu 43(3) u oħrajn taħt l-Artikolu 43(2).

Arranġamenti ta’ tranżizzjoni L-għan huwa li r-Regolamenti l-ġodda kollha jidħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2014 — u l-Kummissjoni issa tista’ tibda l-ħidma fuq ir-regoli implimentattivi għal dawn ir-Regolamenti tal-Kunsill. Madankollu, minħabba l-preparazzjoni meħtieġa, huwa diġà ċar li l-Aġenziji tal-Pagamenti tal-Istati Membri ma għandhomx biżżejjed żmien biex ikollhomfis-seħħ fil-bidu tas-sena d-dieħla l-amministrazzjoni u l-kontrolli neċessarji fuq is-sistema l-ġdida tal-pagamenti diretti (meta l-formoli IACS jintbagħtu lil bdiewa). B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni għamlet proposta separata li għandu jkun hemm sena ta' transizzjoni għall-pagamenti diretti fl-2014. Fi kliem ieħor, l-elementi ġodda bħall-Ekoloġizzazzjoni u l-Bdiewa Żgħażagħ se japplikaw biss mill-2015’il quddiem. Bl-istess mod, l-Istati Membri huma mħeġġa jaħdmu fuq il-programmi multi-annwali tal-iżvilupp rurali tagħhom, li għandhom jiġu approvat kmieni s-sena d-dieħla. Madankollu, għal ċerti elementi annwali, bħall-pagamenti agroambjentali, ir-regoli ta' transiazzjoni għandhom japplikaw sabiex ma jkunx hemm interruzzjoni f’dan it-tip ta’ skema.

Għal aktar tagħrif:

Dokumenti u informazzjoni dwar il-proposta tar-riforma tal-PAK huma disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/agriculture/cap-post-2013/index_en.htm

IP/13/613

MEMO/13/631


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site