Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, il-22 ta' Ottubru 2013

D&R: Id-Drittijiet tal-Pazjenti fil-Kura tas-Saħħa Transfruntiera

Raġel Ġermaniż, avvanzat fiż-żmien u bid-dijabete, sejjer l-Italja u miegħu se jieħu ftit riċetti tat-tabib żejda. Imma l-ispiżjar kemm se jaċċettahomlu? Mara Pollakka għandha bżonn tagħmel operazzjoni fl-għadma ta' ġenbha u tixtieq tagħmilha fil-pajjiż fejn jgħixu u jaħdmu n-neputijiet tagħha, iżda kif se torganizza dan mill-Polonja? Raġel Portugiż jixtieq jagħmel operazzjoni tal-katarretti għand speċjalista Spanjol, iżda se jiġi rimborżat? Il-liġi tal-UE llum il-ġurnata qed toffri ċarezza dwar id-drittijiet u r-regoli għall-kura tas-saħħa transfruntiera.

Il-liġi tiċċara d-drittijiet tal-pazjenti dwar l-aċċess għal kura sikura u ta’ kwalità tajba madwar l-UE kollha, u dwar ir-rimborż tagħha. Il-pazjenti li jivvjaġġaw lejn pajjiż ieħor tal-UE għall-kura medika se jibbenefikaw minn trattament ugwali għal dak taċ-ċittadini tal-pajjiż fejn ikunu qed jieħdu l-kura. Jekk huma intitolati għal dik il-kura tas-saħħa f’pajjiżhom, allura għandhom jiġu rimborżati minn pajjiżhom. Ir-rimborż tal-kura li jirċievu fil-pajjiż barrani jista' jasal sal-ammont li jintefaq għall-istess kura f'pajjiżhom. F’xi każijiet, jista' jkun li jkollhom bżonn jitolbu awtorizzazzjoni qabel ma jivvjaġġaw għall-kura, b’mod partikolari jekk il-kura tkun tirrikjedi waqfa tul il-lejl fi sptar jew kura tas-saħħa speċjalizzata ħafna u kostintensiva.

Din il-liġi l-ġdida se tibbenefika l-pazjenti tal-UE b'diversi modi oħra. Se jkun aktar faċli għall-pazjenti biex ikollhom aċċess għal informazzjoni dwar il-kura tas-saħħa f’pajjiż ieħor tal-UE, u b’hekk jiżdiedu l-għażliet tal-kura tagħhom. Se jkun ukoll aktar faċli għall-awtoritajiet nazzjonali tas-saħħa biex jaħdmu aktar mill-qrib u jiskambjaw informazzjoni dwar standards ta' kwalità u ta' sikurezza fil-kura tas-saħħa. Il-liġi se tappoġġja l-iżvilupp ta' "Netwerks Ewropej ta' Referenza" li, fuq bażi volontarja, iqarrbu lejn xuxin iċ-ċentri ta' tagħrif espert speċjalizzat li diġà huma rikonoxxuti fl-Ewropa. Se tippromwovi wkoll kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE biex iwasslu l-għadd konsiderevoli ta' benefiċċji potenzjali mill-Valutazzjonijiet tat-Teknoloġija tas-Saħħa u mis-servizzi ta’ Saħħa Elettronika.

Fuq liema skala ta' kura tas-saħħa transfruntiera qed nitkellmu?

Il-pazjenti jippreferu jirċievu l-kura f'pajjiżhom. Huwa għalhekk li d-domanda għall-kura tas-saħħa transfruntiera tirrappreżenta biss madwar 1% tan-nefqa pubblika fuq il-kura tas-saħħa, li bħalissa hija ta’ madwar 10 biljun Ewro. Din l-istima tinkludi l-kura tas-saħħa transfruntiera li ma tkunx ġiet ippjanata minn qabel mill-pazjenti (pereżempju kura ta' emerġenza fil-każ tat-turisti). Dan ifisser li, fil-preżent, għadd konsiderevolment anqas minn dak il-1% tan-nefqa u tal-moviment tal-pazjenti imur għall-kura tas-saħħa transkonfinali ppjanata, bħal operazzjonijiet fl-għadma tal-ġenb jew fl-irkoppa jew inkella dik tal-katarretti.

X'se jsir mil-leġiżlazzjoni eżistenti f'dan il-qasam (Ir-Regolamenti dwar is-sigurtà soċjali)?

Iċ-ċittadini li jeħtieġu l-kura (inkluża kura f'każ ta' emerġenza) meta jkunu msefrin għal żmien qasir, se jkomplu jibbenefikaw mill-iskema ta' Regolamenti u mill-Karta tal-Assikurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea eżistenti, u se jibqgħu jingħataw il-kura li jeħtieġu.

Għall-kura ppjanata, skont ir-Regolament, pazjent jista' japplika għal awtorizzazzjoni minn qabel. Din l-awtorizzazzjoni ma tistax tiġi rrifjutata jekk huwa ma jkunx jista jiġi ttrattat fil-pajjiż ta' oriġini f'perjodu ta' żmien li jkun medikament ġustifikabbli.

Huwa importanti li wieħed jinnota li r-Regolamenti ma jkoprux il-fornituri tal-kura tas-saħħa kollha. Pereżempju, xi fornituri privati huma esklużi. Barra minn hekk, skont dawn ir-Regolamenti, il-pazjenti normalment huma obbligati japplikaw għal awtorizzazzjoni għat-trattamenti kollha, filwaqt li skont id-Direttiva, l-awtorizzazzjoni għandha tkun l-eċċezzjoni aktar milli r-regola.

X’inhu l-benefiċċju miżjud ta’ din il-leġiżlazzjoni?

Din id-Direttiva mhijiex se taffettwa l-benefiċċji diġà offruti liċ-ċittadini permezz tar-regolamenti dwar is-sigurtà soċjali eżistenti, li għandhom il-bażi tagħhom fl-Artikolu tat-Trattat tal-UE dwar il-moviment ħieles tal-persuni. Madankollu, hija tiċċara dawk id-drittijiet tal-pazjenti li għandhom il-bażi tagħhom fil-moviment ħieles tas-servizzi, u li ġew stabbiliti b’diversi deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Fil-każ ta' kura fi sptar, waħda mill-kisbiet prinċipali ta' din id-Direttiva l-ġdida hija li l-pazjenti se jkunu jistgħu jagħżlu huma stess il-fornitur tal-kura tas-saħħa.

Vantaġġi oħra tal-leġiżlazzjoni l-ġdida huma:

Aktar għażla: id-Direttiva tkopri l-fornituri tal-kura tas-saħħa kollha fl-UE.

  • Anqas burokrazija għall-pazjenti: skont id-Direttiva, li wieħed jitlob awtorizzazzjoni minn qabel għandha tkun l-eċċezzjoni aktar milli r-regola.

  • Informazzjoni lill-pazjenti: il-pazjenti se jirċievu l-informazzjoni kollha li għandhom bżonn biex jagħmlu għażla infurmata, pereżempju dwar il-kwalità u s-sikurezza tal-kura tas-saħħa, permezz ta' Punti ta' Kuntatt Nazzjonali, li se jitwaqqfu fl-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, id-Direttiva tintroduċi miżuri ġodda biex jgħinu lill-pazjenti kollha jagħmlu l-aqwa użu mid-drittijiet tagħhom taħt iż-żewġ leġiżlazzjonijiet.

  • Garanziji proċedurali: il-pazjenti kollha huma intitolati għal deċiżjonijiet irraġunati b'mod xieraq u li jappellaw jekk iħossu li drittijiethom ma ġewx irrispettati. Il-pazjenti kollha għandhom id-dritt li jilmentaw u li jfittxu rimedju (u kull tip ta’ trattament irid ikun kopert minn assigurazzjoni tar-responsabbiltà jew garanzija simili). U l-pazjenti għandhom id-dritt għal kopja tar-rekord mediku tagħhom.

Meta nkun neħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità nazzjonali tiegħi?

L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jintroduċu sistema ta’ "awtorizzazzjoni minn qabel" biex wieħed imur fi Stat Membru ieħor għall-kura fi 3 każijiet:

  • Għall-kura medika li tinvolvi mill-inqas lejl wieħed fi sptar

  • Għall-kura speċjalizzata ħafna u kostintensiva

  • F'każi serji speċifiċi marbutin mal-kwalità jew is-sikurezza tal-kura mogħtija mill-fornitur partikolari inkwistjoni

F'dawn it-tliet każijiet, jista' jkun li l-pazjenti jkollhom bżonn jitolbu permess minn qabel mill-awtorità nazzjonali tas-saħħa tagħhom inkarigata mir-rimborż. L-Istati Membri huma mitluba li jistabbilixxu pubblikament liema trattamenti huma soġġetti għal tali awtorizzazzjoni – il-lista tista' ssibha permezz tal-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali tiegħek.

Din l-awtorizzazzjoni tista' tiġi rrifjutata?

L-awtoritajiet tas-saħħa nazzjonali jistgħu jirrifjutaw li jagħtu l-awtorizzazzjoni jekk il-kura jew it-tabib inkwistjoni jistgħu jkunu ta' riskju għall-pazjent. Jekk il-kura tas-saħħa tista’ tingħata f'pajjiż il-pazjent sa data li hija medikament ġustifikabbli, l-awtorizzazzjoni tista’ tiġi miċħuda anki f'dan il-każ. Madankollu, l-Istati Membri se jkollhom jispjegaw għaliex tali deċiżjoni hija neċessarja, u se jkollhom jibbażaw il-valutazzjoni tagħhom ta’ x’inhu "medikament ġustifikabbli" dwar il-każ individwali tiegħek.

X'nagħmel jekk l-awtorizzazzjoni tiġi rrifjutata?

Il-pazjenti għandhom id-dritt jitolbu eżami mill-ġdid ta' kwalunkwe deċiżjoni amministrattiva dwar il-kura tas-saħħa transfruntiera għall-każ individwali tagħhom.

X'inhu l-ammont li se niġi rimborżat wara li nirċievi l-kura barra minn pajjiżi?

Il-pazjenti jiġu rimborżati l-istess ammont ta' flus li kieku kienu jirċievu f'pajjiżhom għall-istess tip ta' kura tas-saħħa. L-Istati Membri fejn il-kura tingħata b'xejn iridu jinfurmaw lill-pazjenti dwar it-tariffi ta' rimborż tagħhom. Jekk il-kura li jingħata barra mill-pajjiż tkun irħas milli fil-pajjiż tal-oriġini, ir-rimborż għandu jirrifletti l-prezz reali tal-kura.

Nista' ningħata l-kura tas-saħħa barra jekk din ma tkunx disponibbli f'pajjiżi?

Iva, iżda se tkun intitolat biss għal rimborż jekk din taqa’ fi ħdan il-"pakkett ta’ benefiċċji" li int intitolat għalih skont il-leġiżlazzjoni jew ir-regoli ta' pajjiżek.

Il-Punt Nazzjonali ta’ Kuntatt tiegħek se jkun jista' jagħtik parir dwar kif għandek tiċċekkja jekk trattament partikolari jaqax fi ħdan il-"pakkett ta’ benefiċċji" tiegħek.

Għal trattament transfruntier irrid inħallas direttament?

Iva, ġeneralment il-pazjent irid iħallas direttament, imbagħad jiġi rrimborżat mill-awtorità nazzjonali tiegħu kemm jista' jkun malajr. Il-Liġi tagħti wkoll lill-Istati Membri l-għażla li jikkonfermaw l-ammont ta’ rimborż bil-miktub minn qabel.

L-Istati Membri għandhom ukoll l-għażla li jħallsu l-kura tas-saħħa direttament, aktar milli jirrimborżaw lill-pazjenti.

Nista' nittrasferixxi d-dejta medika tiegħi fl-Istat Membru fejn se niġi kkurat?

Għandek id-dritt li tingħata kopja tad-dejta medika tiegħek minn pajjiżek qabel ma tirċievi kura fi Stat Membru ieħor, u li din tingħatalek anki mill-fornitur fil-pajjiż fejn inti ġejt ikkurat qabel ma terġa’ lura lejn pajjiżek.

X'għandi nagħmel jekk jinqalagħli xi ħaġa waqt li nkun qed niġi kkurat barra?

Il-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali ta’ dak il-pajjiż ikun jista’ jispjegalek drittijietek u jipprovdi informazzjoni dwar il-proċedura li tapplika fil-pajjiż tal-kura.

Pajjiżek huwa obbligat jipprovdilek l-istess kura ta’ segwitu li kien jipprovdi li kieku l-kura ngħatatlek fit-territorju tiegħu.

Kif nista' nkun ċert li l-kura li nkun irċivejt barra se tkun segwita kif suppost meta nerġa' lura lejn pajjiżi?

Pajjiżek għandu l-obbligu li jiżgura li l-follow-up mediku jkun tal-istess kwalità, irrispettivament minn fejn ikun ingħata t-trattament fl-UE.

Ir-riċetta li tani t-tabib tkun rikonoxxuta fi Stat Membru ieħor tal-UE?

Riċetta tat-tabib li tingħata f'pajjiż ieħor tal-UE għandha tiġi rikonoxxuta f'pajjiż il-pazjent u viċiversa. Dan jiżgura li l-kura tas-saħħa mogħtija f'pajjiż ieħor tal-UE tiġi segwita kif suppost malli l-pazjent jirritorna lejn pajjiżu. Il-pazjent huwa intitolat għall-mediċina preskritta sakemm il-mediċina inkwistjoni tkun awtorizzata għall-bejgħ u tkun disponibbli fil-pajjiż fejn il-pazjent jixtieq jixtriha.

Għalkemm dawn il-prinċipji mhumiex ġodda, fil-prattika ir-rikonoxximent ta' riċetta tat-tabib jista' jkun diffiċli. Għalkemm dan ma jsolvix il-problema mil-lum għal għada, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għandhom iżidu sew il-kapaċità ta’ spiżjara li jifhmu, jippreparaw u jagħtu r-riċetti tat-tabib maħruġa fi Stat Membru ieħor.

X'inhuma l-benefiċċji tan-netwerks tal-Valutazzjoni tat-Teknoloġija tas-Saħħa (HTA) jew is-Saħħa Elettronika?

Il-Valutazzjonijiet tat-Tekonoloġija tas-Saħħa jgħinu lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet biex jieħdu d-deċiżjonijiet it-tajba dwar l-investiment u l-infiq fil-qasam tas-saħħa. Huwa ċar li hemm benefiċċju b'potenzjal kbir f’kollaborazzjoni akbar bejn il-pajjiżi tal-UE f’dan il-qasam, fejn fil-preżent kull pajjiż jagħmel valutazzjonijiet bħal dawn waħdu.

Bl-istess mod, is-Saħħa Elettronika għandha l-potenzjal li tkun ta' benefiċċju kbir għas-sistemi tas-saħħa. Kooperazzjoni formali u permanenti bejn l-Istati Membri se tgħin lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-pajjiżi, u se titjieb l-interoperabilità bejniethom.

Dawn in-netwerks iwasslu benefiċċji diretti lis-sistemi nazzjonali tas-saħħa u benefiċċji indiretti lill-pazjenti.

Fejn inkun nista' nsib aktar tagħrif dwar id-drittijiet tiegħi għall-kura tas-saħħa barra minn pajjiżi?

Iċċekkja mal-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali tiegħek, jew fuq il-websajt l-Ewropa Tiegħek:

http://europa.eu/youreurope/citizens/health/index_en.htm

Għal aktar informazzjoni:

http://ec.europa.eu/health/cross_border_care/policy/index_mt.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website