Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, is-17 ta' Ottubru 2013

Politika tal-infrastruttura tat-trasport ġdida tal-UE - sfond

X’inhi l-politika tal-infrastruttura tal-UE?

It-trasport huwa essenzjali għall-ekonomija Ewropea: mingħajr konnessjonijiet tajbin, l-Ewropa la tista' tikber u lanqas tistagħna. Il-politika tal-infrastruttura ġdida tal-UE se tistabbilixxi netwerk ta’ trasport Ewropew b’saħħtu madwar 28 Stat Membru biex jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività. Dan se jgħaqqad il-Lvant mal-Punent u se jibdel is-sistema frammentata tat-trasport li għandna llum il-ġurnata b’netwerk li huwa ġenwinament Ewropew.

Il-politika tal-infrastruttura ġdida tal-UE tittriplika l-finanzjament tal-UE għal 26 biljun għat-trasport għall-perjodu 2014-2020. Fl-istess waqt, tiffoka mill-ġdid il-finanzjament tat-trasport fuq netwerk ewlieni ġdid iddefinit b’mod strett. In-netwerk ewlieni se jifforma s-sinsla għat-trasport fis-suq uniku Ewropew. Dan se jneħħi l-konġestjonijiet, jaġġorna l-infrastruttura u jissemplifika l-operazzjonijiet tat-trasport transfruntiera għall-passiġġieri u għan-negozji madwar l-UE. L-implimentazzjoni tiegħu se titmexxa 'l quddiem bit-twaqqif ta’ disa' passaġġi ewlenin tat-trasport, li ser jgħaqqdu flimkien l-Istati Membri u l-partijiet interessati u se jippermettu l-konċentrazzjoni tar-riżorsi u l-kisba tar-riżultati.

In-netwerk ewlieni l-ġdid tat-TEN-T se jissejjes fuq netwerk komprensiv ta’ rotot reġjonali u nazzjonali, kollha mqabbdin man-netwerk ewlieni. L-għan huwa li jiġi żgurat li, b’mod progressiv u sal-2050, il-biċċa l-kbira taċ-ċittadini u tan-negozji Ewropej ikunu jinsabu inqas minn nofs siegħa ’l bogħod minn dan in-netwerk komprensiv.

Meta jitqies kollu kemm hu, in-netwerk il-ġdid tat-trasport se jwassal:

  1. għal ivvjaġġar iktar sikur u b’inqas konġestjoni tat-traffiku

  2. għal vjaġġi li jieħdu inqas ħin u li jsiru b’inqas intoppi.

Għaliex neħtieġu politika tal-infrastruttura ġdida għall-Ewropa?

  1. It-trasport huwa fundamentali għal ekonomija Ewropea effiċjenti.

  2. It-trasport tal-merkanzija mistenni li jikber bi 80 % sal-2050 u t-trasport tal-passiġġieri b'aktar minn 50 %.

  3. It-tkabbir jeħtieġ il-kummerċ, u l-kummerċ jeħtieġ it-trasport. Iż-żoni tal-Ewropa mingħajr konnessjonijiet tajbin se jbatu biex jistagħnew.

Fil-prattika, hemm ħames oqsma problematiċi ewlenin li jridu jiġu indirizzati fil-livell tal-UE:

  1. Il-konnessjonijiet nieqsa, b’mod partikolari f’sezzjonijiet transfruntiera, huma ostakolu ewlieni għall-moviment ħieles tal-merkanzija u l-passiġġieri fi u bejn l-Istati Membri u mal-ġirien tagħhom.

  2. Hemm dispartità konsiderevoli fil-kwalità u d-disponibbiltà tal-infrastruttura bejn u fl-Istati Membri (konġestjonijiet). B’mod partikolari l-konnessjonijiet bejn il-Lvant u l-Punent jirrikjedu titjib, permezz tal-ħolqien ta’ infrastruttura tat-trasport ġdida u/jew tal-manutenzjoni, ir-riabilitazzjoni jew it-titjib tal-infrastruttura eżistenti.

  3. L-infrastruttura tat-trasport bejn il-mezzi tat-trasport hija frammentata. Rigward il-fatt li għandhom jitwaqqfu konnessjonijiet multimodali, ħafna mit-terminals Ewropej għat-trasport tal-merkanzija, l-istazzjonijiet tal-passiġġieri, il-portijiet interni, il-portijiet marittimi, l-ajruporti u n-nodi urbani mhumiex ta’ livell li jippermetti li jwettqu l-kompitu tagħhom. Billi dawn in-nodi huma nieqsa minn kapaċità multimodali, il-potenzjal tat-trasport multimodali u l-ħila tiegħu li jneħħi l-konġestjonijiet tal-infrastruttura u li joħloq konnessjonijiet li fil-preżent huma nieqsa mhuwiex qed jiġi sfruttat biżżejjed.

  4. L-investimenti fl-infrastruttura tat-trasport għandhom jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-miri tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fit-trasport b’60 % sal-2050.

  5. L-Istati Membri għadhom iżommu regoli tal-operat u rekwiżiti differenti, b’mod partikolari fil-qasam tal-interoperabilità, li jżidu b'mod sinifikanti l-ostakli u l-konġestjonijiet fl-infrastruttura tat-trasport.

Il-politika tal-infrastruttura ġdida tal-UE fid-dettall

In-netwerk ewlieni l-ġdid – iċ-ċifri

In-netwerk ewlieni se jgħaqqad:

  1. 94 port ewlieni Ewropew ma' konnessjonijiet bil-ferrovija u bit-triq

  2. 38 ajruport ewlieni ma' konnessjonijiet bil-ferrovija għall-ibliet ewlenin

  3. 15 000 km ta' ferroviji mtejba għall-veloċità għolja

  4. 35 proġett transfruntiera biex titnaqqas il-konġestjoni

Dan kollu se jisqi l-ekonomija tas-suq uniku u se jippermetti tabilħaqq iċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-passiġġieri u tal-merkanzija fl-UE.

Id-disa’ passaġġi ġodda

L-innovazzjoni ewlenija fil-linji gwida l-ġodda tat-TEN-T hija l-introduzzjoni ta' disa' passaġġi ta' implimentazzjoni fuq in-netwerk ewlieni. L-għan tagħhom huwa li jgħinu fl-implimentazzjoni tal-iżvilupp tan-netwerk ewlieni. Kull passaġġ għandu jinkludi tliet mezzi tat-trasport, tliet Stati Membri, u żewġ taqsimiet transfruntiera.

Se jinħolqu "pjattaformi tal-passaġġi" biex jiġbru flimkien il-partijiet interessanti u l-Istati Membri kollha relevanti. Il-pjattaforma tal-passaġġ hija struttura ta' governanza li ser tfassal u timplimenta "pjanijiet ta' ħidma tal-passaġġ", bil-għan li jingħaqdu b'mod effettiv ix-xogħlijiet li jsiru tul il-passaġġ f'diversi Stati Membri u fi stadji differenti ta' progress. Għall-passaġġi ewlenin fuq in-netwerk ewlieni, il-pjattaformi tal-passaġġi se jkunu ppreseduti minn Koordinaturi Ewropej.

Il-passaġġi tan-netwerk ewlieni — deskrizzjoni fil-qosor:

  1. Il-Passaġġ bejn il-Baħar Baltiku u l-Baħar Adrijatiku huwa wieħed mill-aktar assi ferrovjarji u tat-toroq trans-Ewropej importanti. Dan jgħaqqad il-Baħar Baltiku mal-Baħar Adrijatiku, permezz ta' żoni industrijalizzati bejn in-Nofsinhar tal-Polonja (Is-Silesja ta' Fuq), Vjenna u Bratislava, ir-reġjun Alpin tal-Lvant u l-Italja ta’ Fuq. Dan jinkludi proġetti ferrovjarji importanti bħall-mina li tinfed il-bażi tal-muntanja Semmering u l-linja ferrovjarja Koralm fl-Awstrija, u t-taqsimiet transfruntiera bejn il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja.

  2. Il-Passaġġ bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baħar Baltiku jgħaqqad il-portijiet tax-xatt tal-Lvant tal-Baħar Baltiku mal-portijiet tal-Baħar tat-Tramuntana. Il-passaġġ se jgħaqqad il-Finlandja mal-Estonja bid-dgħajsa, jipprovdi konnessjonijiet ta' trasport bit-triq u bil-ferrovija moderni bejn it-tliet Stati Baltiċi fuq naħa waħda u l-Polonja, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Belġju fuq in-naħa l-oħra. Bejn ix-Xmara Odra u l-portijiet Ġermaniżi, Olandiżi u Fjammingi, jinkludi wkoll passaġġi fuq l-ilma interni, bħall-“Mittelland-Kanal”. L-aktar proġett importanti huwa “Rail Baltic”, linja ferrovjarja Ewropea b'distanza standard bejn il-binarji (gauge standard) bejn Tallinn, Riga, Kaunas u l-Grigal tal-Polonja.

  3. Il-Passaġġ tal-Mediterran jgħaqqad il-Peniżola Iberika mal-fruntiera ta' bejn l-Ungerijau l-Ukraina. Dan isegwi l-kosti Mediterranji ta' Spanja u Franza, jaqsam l-Alpi lejn il-Lvant permezz tal-Italja ta’ Fuq, u jħalli l-kosta Adrijatika fis-Slovenja u l-Kroazja lejn l-Ungerija. Minbarra x-Xmara Po u xi kanali oħra fl-Italja ta' Fuq, dan jikkonsisti f'ferroviji u toroq. Proġetti ferrovjarji ewlenin tul dan il-passaġġ huma l-konnessjonijiet Lyon-Turin u t-taqsima Venezja-Ljubljana.

  4. Il-Passaġġ tal-Orjent/tal-Lvant tal-Mediterran jgħaqqad l-interfaċċji marittimi tal-Baħar tat-Tramuntana, il-Baħar Baltiku, il-Baħar l-Iswed u l-Baħar Mediterran, u jottimizza l-użu tal-portijiet ikkonċernati u l-Awtostradi tal-Baħar relatati. Bl-inklużjoni tal-Elbe bħala passaġġ fuq l-ilma intern, dan se jtejjeb il-konnessjonijiet multimodali bejn il-Ġermanja ta' Fuq, ir-Repubblika Ċeka, ir-reġjun Pannonjan u l-Ewropa tax-Xlokk. Dan jestendi, fuq il-baħar, mill-Greċja għal Ċipru.

  5. Il-Passaġġ Skandinavu-Mediterran huwa assi bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar kruċjali għall-ekonomija Ewropea. Dan jaqsam il-Baħar Baltiku bejn il-Finlandja u l-Isvezja u jgħaddi mill-Ġermanja, l-Alpi u l-Italja, iservi ta' konnessjoni għaċ-ċentri urbani l-kbar u l-portijiet tal-Iskandinavja u tal-Ġermanja ta' Fuq biex ikompli għaddej lejn iċ-ċentri industrijalizzati ta’ produzzjoni qawwija tal-Ġermanja tan-Nofsinhar, l-Awstrija u l-Italja ta’ Fuq lejn il-portijiet Taljani u l-Belt Valletta. L-aktar proġetti importanti f’dan il-passaġġ huma l-passaġġ fiss tal-Fehmarnbelt u l-mina li tinfed il-bażi tal-muntanja Brennero, inklużi r-rotot ta’ aċċess tagħhom. Dan jestendi, fuq il-baħar, min-Nofsinhar tal-Italja u Sqallija sa Malta.

  6. Il-Passaġġ Renu-Alpin jikkostitwixxi wieħed mill-iktar rotot bieżla tal-merkanzija tal-Ewropa, u jgħaqqad il-portijiet tal-Baħar tat-Tramuntana ta’ Rotterdam u Antwerp mal-baċir tal-Mediterran f’Ġenova, permezz tal-Isvizzera u wħud mill-akbar ċentri ekonomiċi fir-Renu-Ruhr, ir-reġjuni tar-Renu-Main-Neckar u l-agglomerazzjoni ta’ Milan fl-Italja ta' Fuq. Dan il-passaġġ multimodali jinkludi r-Renu bħala passaġġ fuq l-ilma intern. Il-proġetti ewlenin huma l-mini li jinfdu l-bażi tal-muntanji fl-Isvizzera, li diġà tlestew parzjalment, u r-rotot ta’ aċċess tagħhom fil-Ġermanja u l-Italja.

  7. Il-Passaġġ Atlantiku jgħaqqad il-Punent tal-Peniżola Iberika u l-portijiet ta’ Le Havre u Rouen lejn Pariġi u Mannheim/Strasburgu, b’linji ferrovjarji ta’ veloċità għolja u dawk paralleli konvenzjonali, inkluża wkoll is-Seine bħala passaġġ fuq l-ilma intern. Id-dimensjoni marittima għandha rwol kruċjali f’dan il-passaġġ.

  8. Il-Passaġġ bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Mediterran jestendi mill-Irlanda u t-Tramuntana tar-Renju Unit permezz tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Belġju u l-Lussemburgu, sal-Baħar Mediterran fin-Nofsinhar ta’ Franza. Dan il-passaġġ multimodali, li jinkludu passaġġi fuq l-ilma interni fil-Benelux u Franza, għandu l-għan li mhux biss joffri servizzi multimodali aħjar bejn il-portijiet tal-Baħar tat-Tramuntana, il-baċini tax-xmajjar Maas, Renu, Scheldt, Seine, Saone u Rhone u l-portijiet ta' Fos-sur-Mer u Marsilja, iżda wkoll joħloq interkonnessjonijiet aħjar bejn il-Gżejjer Brittanniċi mal-Ewropa Kontinentali.

  9. Il-Passaġġ Renu-Danubju, bil-passaġġ fuq l-ilma bejn ix-Xmajjar Main u d-Danubju bħala s-sinsla tiegħu, jgħaqqad ir-reġjuni ċentrali madwar Strasburgu u Frankfurt permezz tal-Ġermanja tan-Nofsinhar sa Vjenna, Bratislava, Budapest u finalment l-Baħar l-Iswed, b’fergħa importanti minn Munich lejn Praga, Zilina, Kosice u l-Fruntiera tal-Ukraina.

Id-disa’ passaġġi huma żvilupp kbir fl-ippjanar tal-infrastruttura tat-trasport. L-esperjenza mgħoddija wriet li huwa diffiċli ħafna li jiġu implimentati proġetti tat-trasport transfruntiera u proġetti tat-trasport oħrajn, f'diversi Stati Membri, b'mod koordinat. Filfatt, huwa faċli ħafna li jinħolqu sistemi u konnessjonijiet diverġenti, u li b'hekk tinħoloq aktar konġestjoni. Il-proġetti jridu wkoll jiġu sinkronizzati fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera sabiex jiżdiedu l-benefiċċji mill-investimenti kollha. Il-pjanijiet tal-passaġġi l-ġodda u l-istrutturi ta’ governanza se jiffaċilitaw bil-kbir l-implimentazzjoni tan-netwerk ewlieni l-ġdid.

In-netwerk komprensiv

Fuq il-livell reġjonali kif ukoll dak nazzjonali, l-hekk imsejjaħ "netwerk komprensiv" se jkun imqabbad man-netwerk ewlieni. Dan in-netwerk komprensiv huwa parti integrali mill-politika tat-TEN-T. Fil-biċċa l-kbira se jitmexxa mill-Istati Membri nfushom, b'sehem iżgħar ta' finanzjament imqiegħed għad-dispożizzjoni skont is-CEF, kif ukoll, ma għandniex xi ngħidu, skont il-politika reġjonali. Din hija s-sussidjarjetà fl-azzjoni. L-intenzjoni tagħna hija li, b'mod progressiv u sal-2050, il-maġġoranza l-kbira taċ-ċittadini u tan-negozji tal-Ewropa jkunu inqas minn 30 minuta 'l bogħod minn fergħa jew oħra tan-netwerk.

Il-linji gwida l-ġodda tat-TEN-T imorru ħafna iktar lil hinn minn qabel fl-ispeċifikazzjoni tar-rekwiżiti, inkluż f'dak li jirrigwarda n-netwerk komprensiv; b'hekk, biż-żmien, u sal-2050, partijiet kbar min-netwerk komprensiv ikunu ssieħbu fin-netwerk, fis-sens illi jkunu laħqu standards ta' interoperabbiltà u ta' effiċjenza għall-ferroviji, għall-karozzi elettriċi, eċċ.

Il-finanzjament tal-UE

Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tqiegħed għad-dispożizzjoni  26 biljun għall-infrastruttura tat-trasport għall-perjodu finanzjarju li jmiss, 2014-2020, jiġifieri t-triplu ta' dak disponibbli bħalissa. Bejn 80 u 85 % minn dawn il-flus se jintużaw biex isostnu:

  1. proġetti ta' prijorità tul id-disa' passaġġi ta' implimentazzjoni fin-netwerk ewlieni. Se jkun disponibbli wkoll finanzjament għal għadd limitat ta' proġetti f'taqsimiet oħra, ta' valur miżjud għoli għall-Ewropa lil hinn min-netwerk ewlieni.

  2. finanzjament għal proġetti orizzontali – dawn huma l-aktar proġetti marbutin mat-teknoloġija tal-informatika, bħall-finanzjament għas-SESAR (id-dimensjoni teknoloġika tas-Sistema tal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew) jew għas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS). Dan il-finanzjament għandu jintuża tul il-passaġġi ewlenin tat-trasport. Din hija prijorità partikolari: innovazzjoni oħra fin-netwerk ewlieni l-ġdid se tkun l-obbligi aktar stretti biex is-sistemi tat-trasport "jissieħbu u jadattaw ruħhom", jiġifieri li jinvestu biex, fuq kollox, jilħqu l-istandards diġà eżistenti tal-UE, ngħidu aħna fir-rigward ta' sistema komuni ta' sinjalazzjoni ferrovjarja, ERTMS. L-Awtostradi tal-Baħar - bħala d-dimensjoni marittima tat-TEN-T - se jkunu koperti wkoll minn din il-prijorità.

Il-bqija tal-finanzjament jista' jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta' proġetti ad hoc, inklużi proġetti fuq in-netwerk komprensiv.

Huwa stmat li l-livell ta’ investiment meħtieġ fuq in-netwerk ewlieni għall-2014-2020 jammonta għal 250 biljun. Il-Kummissjoni se tippubblika sejħiet regolari għal proposti biex jiġi żgurat li l-aħjar proġetti biss bl-ogħla valur miżjud tal-UE jirċievu l-fondi tal-UE. Is-CEF tittriplika l-finanzjament tal-UE għal 26 biljun għat-trasport għall-perjodu 2014-2020, filwaqt li fl-istess ħin, tiffoka l-finanzjament tat-trasport fuq in-netwerk ewlieni l-ġdid definit b’mod strett.

B’mod ġenerali, il-“Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa”, se tiffinanzja l-infrastruttura prijoritarja tal-UE fit-trasport, l-enerġija u l-broadband diġitali. Il-faċilità se tappoġġja infrastrutturi ewlenin biex jissaħħaħ is-suq uniku. Il-faċilità se jkollha fond uniku ta’ 33.242 biljun għall-perjodu 2014-2020, li minnhom 26.250 biljun se jiġu allokati għat-trasport, u minn dawn 11.305 biljun huma mwarrba għal investimenti relatati ma’ infrastrutturi tat-trasport fl-Istati Membri eliġibbli għall-Fond ta’ Koeżjoni.

Xi jfisser dan għall-konnessjonijiet bejn il-Lvant u l-Punent?

Sar ħafna progress f’dawn l-aħħar 20 sena biex jittejbu l-konnessjonijiet tal-ivvjaġġar bejn il-Punent u l-Lvant tal-Ewropa. Il-konnessjonijiet bejn il-Lvant u l-Punent li kienu kompletament jew parzjalment nieqsa, jew ristretti biss għal ċerti mezzi ta’ trasport, issa ġew integrati fin-netwerk il-ġdid tat-TEN-T.

Madankollu, fl-UE għad hemm disparità konsiderevoli fil-kwalità u d-disponibbiltà tal-infrastruttura bejn u fl-Istati Membri (konġestjonijiet). B’mod partikolari l-konnessjonijiet bejn il-Lvant u l-Punent jirrikjedu titjib, permezz tal-ħolqien ta’ infrastruttura ġdida tat-trasport u/jew tal-manutenzjoni, ir-riabilitazzjoni jew it-titjib tal-infrastruttura eżistenti.

L-attenzjoni issa daret minn proġetti individwali lejn il-ħolqien ta' netwerk ewlieni ta’ passaġġi strateġiċi li se jgħaqqdu l-Lvant u l-Punent u l-kantunieri kollha ta’ żona ġeografika kbira - mill-Portugall sal-Finlandja, mill-kosta tal-Iskozja sax-xtut tal-Baħar l-Iswed.

Il-konnessjonijiet bejn il-Lvant u l-Punent huma prijorità ċentrali tal-politika tal-infrastruttura l-ġdida tal-UE.

F’termini ta’ finanzjament mill-inqas 11.3 biljun twarrbu għall-pajjiżi ta’ koeżjoni. Dan sar biex jagħti appoġġ addizzjonali għal investiment f’konnessjonijiet ewlenin bejn il-Lvant u l-Punent.

Disa' passaġġi se jintużaw biex jimplimentaw in-netwerk ewlieni. Kull passaġġ tan-netwerk ewlieni għandu jinkludi tliet mezzi tat-trasport, tliet Stati Membri, u żewġ taqsimiet transfruntiera.

Mid-disa' passaġġi tan-netwerk ewlieni, seba' għandhom dimensjoni reali bejn il-Lvant u l-Punent: Baltiku-Adrijatiku, Baħar tat-Tramuntana-Baltiku, il-Mediterran, Orjent/Lvant tal-Mediterran, l-Atlantiku, il-Baħar tat-Tramuntana-il-Mediterran, Renu-Danubju. Fil-prattika, issa nistgħu naraw li fil-futur, il-passaġġi b'konnessjonijiet multimodali se jestendu mil-Lvant għall-Punent u minn reġjuni ġeografikament periferiċi għaċ-ċentru tal-UE.

Ftit eżempji li juru din is-sitwazzjoni:

  1. Ma kien hemm l-ebda proġett prijoritarju li jgħaqqad il-Polonja u l-Ġermanja. Issa hemm tliet konnessjonijiet fin-netwerk ewlieni (Szczecin-Berlin, Varsavja-Berlin u Dresden-Wroclaw). Varsavja-Berlin hija wkoll parti mill-passaġġ bejn il-Baħar Baltiku u l-Baħar tat-Tramuntana, li jestendi minn Rotterdam sa Tallinn.

  2. Il-portijiet Ġermaniżi ma kinux konnessi permezz ta’ proġett prijoritarju mal-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali (l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, il-Bulgarija, ir-Rumanija). Issa din il-konnessjoni hija parti mill-passaġġ Orjent/Lvant tal-Mediterran.

  3. Is-Slovakkja u r-Repubblika Ċeka ma kinux effiċjentement konnessi man-Nofsinhar tal-Ġermanja. Issa ż-żewġ konnessjonijiet tan-netwerk ewlieni (Praga-Nürnberg-Frankfurt u Praga-München-Stuttgart) huma parti mill-passaġġ Renu-Danubju.

  4. Id-Danubju kien proġett prioritarju waħdu, iżda limitat għal passaġġi fuq l-ilma interni. Issa l-passaġġ Renu-Danubju se jkopri mhux biss id-Danubju, iżda jgħaqqdu aħjar mal-passaġġi tal-ilma interni l-oħrajn (Renu) u jinkludi ferroviji u toroq li jgħaqqdu l-Ewropa Ċentrali mal-Ġermanja u Franza.

Kif intgħażlu l-proġetti li se jkunu fuq in-netwerk ewlieni?

Il-prinċipju ewlieni huwa li kull pajjiż igawdi mill-aċċess għal netwerk tat-trasport Ewropew ewlieni u b'saħħtu, li jippermetti ċ-ċirkulazzjoni ħielsa tan-nies u tal-merkanzija. Il-pajjiżi Ewropej kollha se jkunu mqabbdin ma' dan in-netwerk.

Il-proġetti tan-netwerk ewlieni li ġew identifikati bħala prijorità għall-finanzjament tal-UE għall-perjodu finanzjarju li jmiss (2014-2020) huma stipulati hawnhekk (LINK tal-anness għar-Regolament Nikkollegaw l-Ewropa - ara l-Anness mehmuż ma' din il-MEMO).

Dawn il-proġetti huma eliġibbli għall-finanzjament mill-UE għat-trasport għall-perjodu 2014-2020, billi:

  1. jilħqu l-kriterji stipulati fil-metodoloġija biex isiru parti min-netwerk ewlieni (ara hawn isfel għal iktar tagħrif dwar il-metodoloġija u l-kriterji);

  2. joffru valur miżjud għoli għall-UE; u

  3. se jkunu lesti għall-implimentazzjoni bejn l-2014 u l-2020.

Se jkun f'idejn l-Istati Membri li jressqu proposti dettaljati lill-Kummissjoni, u l-finanzjament se jiġi allokat abbażi ta' dan. Dan għandu jseħħ minn kmieni fl-2014. Il-livell preċiż ta' fondi mill-UE disponibbli se jiddependi wkoll mid-dettalji mogħtija fil-proposti nazzjonali. Kollox ma' kollox, il-kontribut tal-UE għal kull żvilupp ewlieni ta' infrastruttura tat-trasport normalment se jkun ta' madwar 20 % tal-ispejjeż ta’ investiment għal kwalunkwe perjodu tal-baġit ta' seba' snin. L-għajnuna għall-istudji individwali tista' tammonta sa 50 %, u fil-każ ta' studji u xogħol ta' kostruzzjoni għal proġetti transfruntiera, tista' tammonta sa 40 %. Il-bqija tal-finanzjament għandu jiġi mill-Istati Membri, mill-awtoritajiet reġjonali, jew possibilment minn investituri privati. Fil-każ tal-ammont ta' mill-inqas € 11.3 biljun li twarrbu għall-Istati Membri eliġibbli għall-Fond ta’ Koeżjoni, il-kofinanzjament jista’ jitla’ sa massimu ta’ 85 %.

X'inhuma r-rekwiżiti aktar stretti għan-netwerk ewlieni?

Proġetti li jirċievu finanzjament fuq in-netwerk ewlieni se jkollhom jissodisfaw rekwiżiti tekniċi iebsa li jeħtieġ jiġu applikati.

Jaqbel li r-rekwiżiti tekniċi jkunu interoperabbli man-netwerk kollu, speċjalment għan-netwerk ewlieni. Dan ifissier, ngħidu aħna, li fl-ERTMS (is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju), is-sistemi bażiċi tal-STI (sistemi ta’ trasport intelliġenti) għall-kontroll tal-ferroviji għandhom japplikaw kullimkien. Bl-istess mod, l-istandards tas-sikurezza tat-toroq, f'dak li għandu x'jaqsam mar-rekwiżiti tas-sikurezza għall-mini u tas-sikurezza tat-toroq, għandhom japplikaw man-netwerk kollu, u t-teknoloġija għall-ITS għandha tingħaqad man-netwerk. Barra minn hekk, jekk ser jinbnew punti għall-iċċarġjar fl-infrastruttura futura tal-vetturi elettriċi, loġikament ikollhom jilħqu standards komuni, sabiex il-karozzi jkunu jistgħu jużawhom fin-netwerk kollu.

Mnejn se nġibu l-250 biljun meħtieġa għan-netwerk ewlieni?

Il- 31.7 biljun allokati għat-trasport taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali se jservu, effettivament, bħala "kapital tal-bidu" (seed capital) biex jixprunaw iktar investiment mill-Istati Membri, bil-għan li jitlestew il-konnessjonijiet transfruntiera diffiċli li għadhom, u li mingħajr dan il-finanzjament x'aktarx ma jsirux.

L-iffinanzjar tat-TEN-T għandu influwenza tassew qawwija. L-esperjenza miksuba fl-aħħar snin turi li kull  1 miljun li jintefaq fuq il-livell Ewropew jiġġenera  5 miljuni mill-gvernijiet tal-Istati Membri, u  20 miljun mis-settur privat.

Ma' dawn il-fondi ta' appoġġ tiżdied il-possibbiltà ta' fondi ġodda mis-settur privat, li jaslu permezz ta' strumenti innovattivi ta' finanzjament, bħall-bonds għall-proġetti.

Kif jaħdem il-kofinanzjament? Kemm fondi jiġu mill-Istati Membri, u kemm mill-UE?

L-infrastruttura tat-trasport titlob investiment enormi, u l-parti l-kbira għandha tiġi dejjem mill-Istati Membri. Fejn jidħlu l-investiment u l-koordinazzjoni, ir-rwol tal-Ewropa huwa li tagħti valur miżjud, billi tneħħi l-konġestjonijiet diffiċli, tibni l-konnessjonijiet li għadhom neqsin, u ssostni l-ħolqien ta' netwerk tat-trasport Ewropew reali.

Ir-rati normali ta' kofinanzjament għall-proġetti tat-TEN-T fuq in-netwerk ewlieni se jkunu kif ġej:

  1. Sa 50 % kofinanzjament mill-UE għall-istudji

  2. Sa 20 % għax-xogħlijiet (eż. xogħlijiet ta' esplorazzjoni għal mina ewlenija)

  3. Teżisti l-possibbiltà li jiżdied il-kofinanzjament għall-proġetti transfruntiera ta' konnessjonijiet bil-ferrovija u fuq l-ilmijiet interni (sa 40 %)

  4. Għal ċerti proġetti tal-STI, bħall-ERMTS, jista' jitqiegħed għad-dispożizzjoni kofinanzjament ogħla, sa 50 %, biex jgħin lill-Istati Membri fit-tranżizzjoni.

It-TEN-T il-ġdid kif jilħaq l-għanijiet ekoloġiċi?

It-TEN-T huwa għodda essenzjali biex il-politika tat-trasport tilħaq il-mira globali tal-UE li l-emissjonijiet mit-trasport jitnaqqsu b'60 % sal-2050 (ara l-white paper "Trasport 2050", ippubblikata fl-2011). Fil-qofol tiegħu, it-TEN-T huwa netwerk ta' trasport multimodali (jiġiferi, li jkopri diversi mezzi ta' trasport), li jiffaċilita t-trasferiment tal-passiġġieri u tal-merkanzija mit-toroq għall-ferroviji u mezzi oħra. Il-proġetti kollha tat-TEN-T għandhom jgħaddu minn analiżi ħarxa tal-impatt tagħhom fuq l-ambjent qabel ma jkunu jistgħu jikkwalifikaw għall-fondi mill-UE. B'hekk, għandhom jilħqu r-rekwiżiti kollha f'dak li jirrigwarda l-ippjanar u s-sostenibbiltà, kif stipulati fil-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE.

L-isfond tal-politika tat-TEN-T

Il-politika tan-netwerks trans-Ewropej qiegħda hemm biex timplimenta l-infrastruttura tat-trasport u l-interkonnessjonijiet li jirfdu s-Suq Uniku, sabiex tiġi żgurata ċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-oġġetti u tan-nies u biex jiġi appoġġjat it-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività tal-UE. Fl-imgħoddi, is-sistemi tat-trasport fl-Ewropa ġew żviluppati l-aktar skont linji u kriterji nazzjonali. Dan wassal għal interkonnessjonijiet fqar jew neqsin għalkollox fil-fruntieri, jew tul il-passaġġi ewlenin. L-interkonnessjonijiet dgħajfin tat-trasport ifixklu t-tkabbir ekonomiku. Mid-disgħinijiet 'l hawn, il-politika tat-TEN-T iffukat il-finanzjament tal-UE fuq l-appoġġ għall-iżvilupp ta' proġetti ta' infrastruttura Ewropej ewlenin. Saru ħafna stejjer importanti ta' suċċess. Madankollu, partikolarment fid-dawl tal-perjodu finanzjaru diffiċli li għaddejjin minnu, jeħtieġ li norjentaw l-infiq fit-trasport tal-UE lejn fejn ikun joffri l-iktar valur miżjud possibbli - biex jinħoloq netwerk Ewropew ewlieni u b'saħħtu.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website