Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, it-30 ta' Settembru 2013

Dikjarazzjoni mill-Kummissarju tal-UE għall-Kummerċ Karel De Gucht dwar is-Sħubija Tranżatlantika għall-Kummerċ u l-Investiment (TTIP) qabel it-tieni sessjoni ta’ negozjati

“Illum, iltqajt mar-Rappreżentant tal-Kummerċ tal-Istati Uniti, l-Ambaxxatur Michael Froman, biex niddiskutu t-tieni sessjoni ta’ negozjati dwar is-Sħubija Tranżatlantika għall-Kummerċ u l-Investiment (TTIP), li se sseħħ fi Brussell il-ġimgħa d-dieħla.

Kif diġi għidna qabel, iż-żewġ naħat jaqblu li t-TTIP hi aktar minn ftehim tradizzjonali dwar il-kummerċ. L-ambizzjoni ewlenija tagħna — lil hinn minn sempliċement it-tnaqqis tat-tariffi għal kulħadd — hija li nagħmlu s-sistemi regolatorji tal-UE u l-Istati Uniti aktar kompatibbli u ngħinu fl-iffurmar ta’ regoli globali tal-kummerċ billi dan huwa fejn jinsabu l-benefiċċji ekonomiċi u politiċi ta’ ftehim.

Matul dan il-proċess kollu, jien se nirsisti għal riżultat ambizzjuż dwar għadd ta’ kwistjonijiet ewlenin fl-interess tal-UE u fl-aħħar mill-aħħar dak taż-żewġ naħat.

Nixtieq nara sett ta’ regoli orizzontali biex jiggwidaw il-kooperazzjoni regolatorja — u b'dan infisser li fl-aħħar mill-aħħar għandna naħdmu għar-rikonoxximent reċiproku tar-regolamenti tagħna madwar firxa wiesgħa ta’ setturi. Fil-fehma tiegħi, dan huwa l-aktar mod effiċjenti biex ngħaqqdu ż-żewġ sistemi tagħna biex nippermettu lin-negozji tagħna joperaw b’mod aktar effettiv min-naħa għall-oħra tal-Atlantiku.

Naf li dan nistgħu niksbuh għaliex b’ħafna modi l-Ewropa dan diġà għamlitu fit-tħejjijiet bikrin tagħha għas-Suq Uniku matul is-snin tmenin. Naturalment, l-ebda naħa mhi qiegħda timmira li tasal daqshekk’ il bogħod iżda l-għan tagħna għandu jibqa’ li gradwalment nistabbilixxu suq tranżatlantiku aktar integrat.

Nittama wkoll li l-esperjenza u s-suċċess tal-passat tal-Ewropa fit-trattament ta' dawn il-kwistjonijiet bejn l-Istati Membri jserrħu wkoll moħħ il-kritiċi li jsostnu li t-TTIP se ddgħajjef is-sett ta’ regoli u regolamenti kurrenti li għandha l-Ewropa. Ir-realtà hija li tul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, l-Ewropa rat l-istandards tagħha jitilgħu għal livell ta’ eċċellenza u tmexxija globali. U huwa fuq din il-bażi li ż-żewġ naħat jaqblu li jużaw dan il-proċess trasformattiv biex jiksbu riżultati aħjar. Għalhekk, jekk qed inħarsu lejn is-sikurezza tal-ikel, is-servizzi finanzjarji bħar-regolamentazzjoni tad-derivattivi jew standards għal karozzi elettriċi, jeħtieġ li nistabbilixxu r-regoli u l-istituzzjonijiet li jiżguraw din il-kooperazzjoni regolatorja effettiva.

F’dan ir-rigward, li tiġi żgurata tmexxija tranżatlantika konġunta fl-iżvilupp ta’ normi u standards globali jmur id f’id ma’ li progressivament nibnu suq tranżatlantiku aktar integrat. Huwa ta' importanza kritika li dawn ir-regoli u l-istituzzjonijiet ma jkunux kredibbli jekk nonqsu milli nwettqu t-tnaqqis konkret u li jista’ jitkejjel fl-ispejjeż għan-negozji permezz ta’ rikonoxximent reċiproku jew b’mezzi oħra biex tiġi evitata d-duplikazzjoni mhux meħtieġa tal-ispejjeż regolatorji.

Jien għandi l-intenzjoni li nibqa’ impenjat b’mod attiv biex niggwida lin-negozjaturi lejn riżultat ambizzjuż. Is-sessjonijiet ta’ negozjati ta' Ottubru u Diċembru għandhom jistabbilixxu bażi komuni għal TTIP ambizzjuż u ġenwinament trasformattiv.

Flimkien mal-Ambaxxatur Froman, se ninkoraġġixxi lin-negozjaturi biex ikunu kreattivi bil-għan li jippreżentaw qafas li fuqu jkun hemm qbil komuni tal-komponent regolatorju u tar-regoli tat-TTIP, sabiex dan jiġi sottomess għal skrutinju politiku f'Jannar 2014. Fuq dik il-bażi, il-gwida politika tista’ tingħata bl-iskop li jsir progress massimu tul is-sena d-dieħla.”

Għal aktar tagħrif

Websajt dwar is-Sħubija Tranżatlantika għall-Kummerċ u l-Investiment (TTIP)

Dwar il-“PartiRegolatorja tan-negozjati għal Sħubija Tranżatlantika tal-Kummerċ u l-Investiment (TTIP) (PDF)

Dwar il-benefiċċji ekonomiċi mistennija mit-TTIP

Segwi @EU_TTIP_team fuq Twitter

Dwar ir-relazzjoni kummerċjali UE-US


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site