Navigation path

Left navigation

Additional tools

Letter from President Barroso to the Members of the European Council

European Commission - MEMO/13/829   27/09/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

European Commission

MEMO

Brussell, 27.09.2013

Letter from President Barroso to the Members of the European Council

Għeżież Kollegi,

Il-laqgħa tagħna li jmiss fl-24 u l-25 ta’ Ottubru se ssir fl-isfond ta’ aktar aħbarijiet inkorraġġanti fuq l-ekonomija. Għalkemm il-problemi ekonomiċi tal-UE għadhom 'il bogħod milli jkunu solvuti, b'mod partikolari meta l-livelli tal-qgħad għadhom daqshekk għoljin b’mod inaċċettabbli, hemm sinjali ċari ta’ rkupru. Jiena nemmen li dawn huma fil-maġġor parti dovuti għall-isforzi magħmula mill-Istati Membri u l-fiduċja tas-swieq u s-sħab internazzjonali tagħna fil-kapaċità tagħna li nibqgħu għaddejjin fi triqitna u nlestu r-riformi strutturali li l-Ewropa teħtieġ. Aħna lkoll naqblu li għandna bżonn nappoġġaw it-tkabbir bħala parti mill-proċess ta’ rkupru u l-laqgħa tagħna se tiddedika xi żmien għall-kontribuzzjoni li l-innovazzjoni, is-suq uniku diġitali u s-servizzi jistgħu jipprovdu.

Is-servizzi diġitali u t-telekomunikazzjonijiet huma l-muturi kruċjali tat-tkabbir u l-produttività fis-setturi kollha tal-ekonomiji tagħna. Madankollu, għadna mhux qed nisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tas-suq uniku tagħna fit-telekomunikazzjonijiet u onlajn u f’dawn l-industriji l-UE qed taqa’ lura meta mqabbla mal-kompetituri internazzjonali tagħna.

Qed nehmeż rapport qasir mill-Kummissjoni dwar l-ekonomija diġitali u kif nistgħu niżviluppawha bħala input fid-diskussjonijiet tagħna f’Ottubru. Ir-rapport jipprovdi l-isfond għall-inizjattivi reċenti tal-Kummissjoni biex jindirizza l-ostakli ewlenin għas-suq uniku fit-telekomunikazzjonijiet u biex jagħti spinta lill-investimenti. Dawn jikkumplimentaw għadd ta’ proposti importanti riċenti dwar it-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali – bħall-miżuri proposti biex titnaqqas l-ispiża fit-tħaddim tan-netwerks tal-broadband b’veloċità għolja u dawk dwar il-fatturazzjoni elettronika fl-akkwist pubbliku, iżda wkoll il-proposta tal-2012 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern – li bħalissa qed jiġu eżaminati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill u li għalihom l-għan tagħna għandu jkun li tiġi assigurata l-adozzjoni sa tmiem il-leġiżlatura preżenti.

It-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ qafas għal servizzi onlajn se jeħtieġu wkoll l-adozzjoni rapida tal-proposti tal-Att dwar is-Suq Uniku inklużi dwar is-servizzi tal-ħlas u qafas tad-drittijiet tal-awtur immodernizzat għall-era diġitali, kif ukoll l-implimentazzjoni sħiħa tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-kummerċ elettroniku. U huwa essenzjali għall-kunfidenza u l-fiduċja taċ-ċittadini u n-negozji Ewropej fl-ekonomija onlajn li r-regoli l-ġodda għall-protezzjoni tad-dejta tagħna huma kollha parti minn dan il-pakkett. Huwa ta’ importanza deċiżiva li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jintensifikaw l-isforzi tagħhom u jiżguraw li din il-leġiżlazzjoni l-ġdida tiġi adottata qabel it-tmiem ta’ din il-leġiżlatura.

Investimenti kontinwi fir-riċerka u l-innovazzjoni huma kruċjali għat-tkabbir ekonomiku, il-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi. Hemm evidenza li l-investiment fir-R&Ż irawwem il-produttività u għalhekk it-tkabbir. L-Istati Membri li komplew jinvestu fir-riċerka u l-innovazzjoni kampaw aħjar fil-kriżi attwali minn dawk li ma komplux jinvestu. Sar progress tajjeb fit-twaqqif ta' qafas ta' politika għal Unjoni tal-Innovazzjoni iżda jeħtieġ li naċċelleraw ir-riformi kritiċi u strutturali tas-sistemi nazzjonali ta’ Riċerka u Innovazzjoni tagħna, biex nilħqu l-għanijiet tagħna għal Żona Ewropea tar-Riċerka. Analiżi tal-pożizzjoni tal-Ewropa fl-ekonomija globali tagħti stampa mħallta:

  • Minkejja l-bażi xjentifika ta’ klassi dinjija tagħha, l-Ewropa hija impenjata f’kompetizzjoni globali għall-għarfien, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u qed jiġu nnutati dejjem aktar differenzi fir-rendiment tar-riċerka u tal-innovazzjoni tal-Istati Membri, bil-pajjiżi l-inqas innovattivi bħala grupp li m’għadux ilaħħaq mal-pajjiżi l-aktar innovattivi.

  • In-nefqa fir-R&Ż fil-qasam tal-kummerċ fl-UE hija ħafna inqas minn dik tal-kompetituri ewlenin tagħna minkejja li l-UE għadha post attraenti għall-Investiment Dirett Barrani fir-R&Ż. Dan jirrifletti ferm id-daqs aktar limitat u x-xejriet ta' speċjalizzazzjoni aktar tradizzjonali tal-kumpaniji tagħna. Aħna nistgħu nagħmlu ħafna iktar biex nibbenefikaw mill-iskala li l-UE toffri. Il-kriżi laqtet ħażin ukoll bi tnaqqis fl-infiq pubbliku fir-R&Ż fl-2011.

  • Għalkemm l-Ewropa saħħet ir-rwol tagħha ta’ mexxejja f’setturi ta’ produzzjoni stabbiliti sew, hija waqgħet lura fis-swieq essenzjali tat-teknoloġija għolja u s-swieq li qed jikbru b’rata mgħaġġla, inklużi dawk marbuta mat-teknoloġiji li jindirizzaw l-isfidi tas-soċjetà. In-negozji ġodda Ewropej qed jikbru aktar bil-mod minn dawk tal-kompetituri ewlenin tagħna u dejjem inqas minnhom qed jirnexxielhom jidħlu fil-klassifiki tal-ikbar kumpaniji tad-dinja.

Hemm ħafna modi kif tista’ tiddefinixxi u tiddiskuti l-innovazzjoni, fiha ħafna dimensjonijiet u diversi indikaturi ewlenin lejn xiex tħares. Biex tgħin tibda d-diskussjoni, il-Kummissjoni ffinalizzat il-ħidma fuq indikatur ta' innovazzjoni . Dan jirrispondi għal rikjesta ppreżentata f’waħda mil-laqgħat tagħna u se jipprovdilna mod addizzjonali kif inkejlu r-rendiment fl-innovazzjoni.

Il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa urġenti għal riforma tas-sistemi nazzjonali ta’ riċerka sabiex tiġi aċċertata iktar effiċjenza filwaqt li jittieħed kont tas-saħħiet u l-ispeċifiċitajiet nazzjonali ta' kull Stat Membru. Dawn ir-riformi se jiġġeneraw ukoll aktar kompetizzjoni kif ukoll aktar kooperazzjoni madwar l-Ewropa, u huma essenzjali biex titlesta ż-Żona Ewropea tar-Riċerka sal-2014.

Approċċ komuni fil-livell tal-Unjoni Ewropea huwa essenzjali. Dan huwa għalfejn aħna rnexxielna nimmodernizzaw u nissimplifikaw l-istrument ta’ finanzjament tagħna bl-adozzjoni ta’ qafas strateġiku wiesa' għar-riċerka u l-innovazzjoni, Orizzont 2020: billi niffokaw fuq l-eċċellenza fir-riċerka, fuq it-tmexxija industrijali u l-kompetittività, kif ukoll billi nindirizzaw l-isfidi tas-soċjetà aħna nistennew li l-impatt tagħha se jiżdied b’mod sostanzjali. Bħala l-ewwel pass, sitt sħubijiet pubbliċi-privati u erba’ sħubijiet pubbliċi-pubbliċi oħra fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni ġew adottati mill-Kummissjoni f’Lulju, li jammontaw għal investiment ta' EUR 22 biljun b'appoġġ għall-istrateġija tagħna ta’ tkabbir u ta’ impjiegi. L-ewwel programm ta’ ħidma taħt Orizzont 2020 li se titnieda f’Diċembru, li jkopru l-2014-2015, se jirrappreżenta investiment ieħor għat-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività, li jiswa EUR 20 biljun.

Ninsab konvint li l-isforzi tagħna biex nagħmlu progress fl-innovazzjoni u fis-suq uniku għall-komunikazzjonijiet elettroniċi u s-servizzi onlajn, jekk ambizzjużi u kkoordinati biżżejjed, se jħallu l-frott. Nistenna bil-ħerqa d-diskussjoni tagħna dwar l-għadd ta’ passi ferm konkreti biex nieħdu l-politiki tagħna 'l quddiem.

Dejjem Tiegħek,

José Manuel BARROSO


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website