Navigation path

Left navigation

Additional tools

Mistoqsijiet frekwenti dwar il-lingwi fl-Ewropa

European Commission - MEMO/13/825   26/09/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, is-26 ta' Settembru 2013

Mistoqsijiet frekwenti dwar il-lingwi fl-Ewropa

IP/13/875

Xi tfisser il-kelma “multilingwiżmu”?

  • Sitwazzjoni li fiha jkun hemm diversi lingwi mitkellma f' ċerta żona ġeografika;

  • Il-ħila ta' persuna tkun taf bosta lingwi sew;

  • Politika li titlob li organizzazzjoni, kumpanija jew istituzzjoni jużaw aktar minn lingwa waħda fil-komunikazzjoni interna u/jew esterna tagħhom.

Il-multilingwiżmu huwa fattur ewlieni tal-Ewropa f’dawn is-sensi kollha.

It-tagħlim tal-lingwi u d-diversità lingwistika huma fost il-prijoritajiet tal-programm Erasmus+, il-programm ġdid tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-isport għall-perjodu 2014-20.

Liema huma l-ilsna uffiċjali tal-UE?

L-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma l-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol, it-Taljan, l-Ungeriż, u l-Iżvediż.

Min jiddeċiedi l-ilsna uffiċjali tal-UE?

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fejn ikunu rappreżentati l-Istati Membri kollha tal-UE, jiddeċiedu dwar dan b’mod unanimu. Qabel ma jissieħeb fl-UE, kull Stat Membru li jkun se jidħol jistipula liema lingwa jrid juża bħala l-lingwa uffiċjali tiegħu għall-għanijiet tal-UE. Kull bidla li tista’ tirriżulta wara dan — iż-żieda ta’ lingwa uffiċjali ġdida jew it-tneħħija ta’ waħda eżistenti — trid tiġi approvata unanimament mill-Istati Membri kollha.

Xi ngħidu dwar il-lingwi reġjonali mitkellma fl-Istati Membri?

Il-Kunsill tal-UE, jiġifieri l-Istati Membri kollha, ddeċieda li l-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu wkoll jużaw lingwi li huma rikonoxxuti fil-Kostituzzjoni ta’ Stat Membru, anke jekk ma jkunux lingwa uffiċjali tal-UE. L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom ftehim mal-gvern Spanjol dwar l-użu tal-Bask, il-Katalan u l-Galizjan fid-dokumenti. Hemm ftehim simili dwar l-użu tal-Gaeliku Welx u Skoċċiż mal-Gvern tar-Renju Unit. F'dawn il-każijiet, it-traduzzjonijiet huma pprovduti mill-gvern tal-Istat Membru konċernat, kif u meta meħtieġa, bi spejjeż tiegħu.

L-interpretazzjoni mill-Bask, il-Katalan/Valenzjan/Baleariku u l-Galizjan (iżda mhux għalihom) tiġi pprovduta meta tintalab għal ċerti formazzjonijiet tal-Kunsill mar-rappreżentanti reġjonali, kif ukoll fil-laqgħat plenarji tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. L-ebda lsien reġjonali Spanjol ma huwa previst għal-laqgħat tal-Kummissjoni. L-ispiża ta’ din l-interpretazzjoni taqa’ fuq l-Istat Membru inkwistjoni. L-awtoritajiet ta' Wales u tal-Iskozja għandhom arranġament simili.

Għaliex il-Kummissjoni Ewropea tippromwovi l-multilingwiżmu?

Minħabba li tixtieq 1) tippromwovi d-djalogu interkulturali u soċjetà aktar inklużiva; 2) tgħin liċ-ċittadini tat-28 Stat Membru jiżviluppaw sens ta' ċittadinanza tal-UE; 3) tagħti opportunitajiet liż-żgħażagħ biex jistudjaw u jaħdmu barra minn pajjiżhom u 4) tiftaħ swieq ġodda għan-negozji tal-UE biex dawn jikkompetu fuq livell globali.

Fil-qosor, x’inhu l-għan tal-politiki lingwistiċi tal-UE?

Il-politiki lingwistiċi tal-UE għandhom l-għan li jħarsu d-diversità lingwistika ujippromwovu l-għarfien tal-lingwi għal raġunijiet ta' identità kulturali u ta’ integrazzjoni soċjali, u anki għaliex iċ-ċittadini multilingwi huma f’qagħda aħjar li jisfruttaw l-opportunitajiet ta' edukazzjoni u ta’ impjieg fis-Suq Uniku.

L-għan politiku ewlieni huwa Ewropa li fiha kulħadd jitgħallem talanqas żewġ lingwi oħra barra lsien art twelidu, u dan minn età żgħira. L-għan ta’ "l-ilsien omm +2" ġie stabbilit mill-kapijiet tal-istat u tal-gvern tal-UE fis-Summit ta' Barċellona f’Marzu 2002.

X’inhuma l-ispejjeż marbuta mat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni fl-istituzzjonijiet tal-UE?

L-ispiża totali ta' traduzzjoni u l-interpretazzjoni fl-istituzzjonijiet tal-UE (inkluża l-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni) hija madwar EUR 1 biljun fis-sena. Dan ifisser inqas minn 1 % tal-baġit tal-UE jew ftit aktar minn EUR 2 għal kull ċittadin. Il-Kummissjoni Ewropea timpjega madwar 3000 traduttur u interpretu.

Il-liġi tal-UE tipproteġih l-użu tal-lingwi?

L-obbligi u d-drittijiet tal-UE fir-rigward tal-lingwi huma mħarsa mil-liġi Ewropea. Pereżempju, it-Trattat UE (Artikolu 3) u l-Istatut tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropa (Artikoli 21 & 22) jipprojbixxu d-diskriminazzjoni minħabba l-lingwa u jistqarru li l-Unjoni għandha tirrispetta d-diversità lingwistika.

L-ewwel Regolament tal-Komunità, li għadda fl-1958, jeżiġi li l-istituzzjonijiet tal-Komunità jittraduċu l-leġiżlazzjoni fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE (Artikolu 4), kif ukoll li jwieġbu l-mistoqsijiet miċ-ċittadini fl-istess lingwa tal-mistoqsija (Artikolu 2, u l-Artikoli 20 & 24 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea).

L-UE qed tippjana li tnaqqas in-numru ta’ lingwi uffiċjali?

Le, għaliex is-sistema attwali qiegħda fis-seħħ fl-interess tad-demokrazija, it-trasparenza u r-responsabbiltà. L-ebda Stat Membru mhu lest iċedi l-lingwa tiegħu u l-pajjiżi kandidati jridu jaraw il-lingwa tagħhom miżjuda fil-lista tal-lingwi uffiċjali.

Ma tkunx soluzzjoni li jkun hemm lingwa waħda għal kulħadd?

Il-Latin jew l-Esperanto xi kultant jiġu proposti bħala lingwa waħda, pan-Ewropea, li l-UE jmissha tadotta. Madankollu, peress li kważi kulħadd ikollu jitgħallem waħda minn dawn il-lingwi mill-bidu nett, din is-soluzzjoni tkun daqstant ieħor diffiċli u mhux daqshekk utli fejn jidħlu r-relazzjonijiet mal-bqija tad-dinja. Biex tħarreġ għalliema f’lingwa ġdida u biex tgħallimha lil 500 miljun Ewropew jinvolvi ħafna żmien u riżorsi. L-idea li jkun hemm lingwa waħda bħala soluzzjoni għall-ħtiġijiet lingwistiċi kollha hija wisq simplistika. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni Ewropea timpenja ruħha għal multilingwiżmu li jippromwovi d-diversità minflok l-uniformità.

Xi rwol għandhom it-traduzzjoni u l-interpretazzjoni?

Ir-rwol tas-servizzi tat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni tal-Unjoni Ewropea huwa li jsostnu u jsaħħu l-multilingwiżmu fl-Unjoni Ewropea u biex iwasslu l-politiki tal-Unjoni eqreb taċ-ċittadini tagħha. It-twassil tal-informazzjoni liċ-ċittadini, partikolarment dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom skont il-liġi tal-UE, u l-komunikazzjoni magħhom fil-lingwi uffiċjali kollha huwa essenzjali għal-leġittimità, it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-effiċjenza tal-UE.

Kull dokument tal-UE jiġi tradott għal-lingwi uffiċjali kollha?

Le. Id-dokumenti jiġu tradotti skont prijoritajiet stabbiliti: dawn jiddependu mill-udjenza fil-mira u mill-iskop. Il-leġiżlazzjoni u d-dokumenti ta’ importanza kbira jew interess kbir għall-pubbliku jiġu tradotti fl-24 lingwa uffiċjali. Dokumenti oħra (pereżempju, korrispondenza mal-awtoritajiet nazzjonali u deċiżjonijiet indirizzati lil individwi jew entitajiet partikulari) jiġu tradotti biss fil-lingwi meħtieġa.

Il-Kummissjoni Ewropea tamministra x-xogħol intern tagħha fi tliet lingwi 'proċedurali': l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż.

U l-websajts?

Qed isir dejjem iktar importanti l-użu tal-internet biex il-pubbliku jinżamm infurmat dwar x'qed tagħmel l-UE u dwar kif jistgħu jibbenefikaw minnha. Fir-rigward tal-websajts tal-Kummissjoni, ma hemm ebda obbligu legali li taqleb kull paġna għal-lingwi uffiċjali kollha. Xorta waħda l-Kummissjoni tagħmel kull sforz biex tipprovdi kemm jista' jkun informazzjoni fuq il-websajts tagħha, fil-lingwi kollha possibbli.

Liema lingwa hi l-aktar waħda importanti?

Il-lingwi kollha huma meqjusa importanti, u b’mod indaqs. Il-lingwa tal-UE bl-akbar numru ta’ kelliema nattivi fl-UE hi l-Ġermaniż. Iżda ma tintużax ħafna barra l-Ġermanja u l-Awstrija. Il-lingwi tal-UE l-aktar użati fid-dinja huma l-Ingliż u l-Ispanjol — iżda l-biċċa l-kbira tal-kelliema ma jinsabux fl-Ewropa. Il-Franċiż hu l-lingwa uffiċjali, jew waħda mil-lingwi uffiċjali, ta’ tliet Stati Membri (il-Belġju, Franza u l-Lussemburgu). Hu lingwa mitkellma f’ħafna partijiet fid-dinja u jiġi mgħallem f’ħafna skejjel fl-UE – iżda huwa ħafna iktar magħruf fl-Ewropa t’Isfel u tal-Punent milli fl-Ewropa ta’ Fuq jew tal-Lvant. L-Ingliż huwa t-tieni lingwa l-aktar magħrufa fl-UE. Madankollu, minn stħarriġ riċenti ħareġ li, anki llum, aftit nqas minn nofs il-popolazzjoni tal-UE tafu biżżejjed b’mod li tista’ tikkomunika bih.

Kif se nibbenefika jekk nitgħallem il-lingwi?

Fi żminijiet ta’ żieda fil-qgħad, il-kapaċità li dak li jkun juża u jifhem lingwa barranija huwa vantaġġ għall-iżvilupp personali, l-impjegabbiltà u l-kompetittività fin-negozju. Meta nifhmu lingwa barranija, nifhmu aktar lil xulxin u ninfteħu għal kulturi differenti.

Għaliex l-lingwi huma importanti għan-negozju?

Għax huwa utli li tkun taf il-lingwa tal-klijent tiegħek. Fl-2006 sar studju għal Kummissjoni Ewropea biex jiġi kkalkulat kemm tiswilhom lin-negozji li ma jkollhomx ħiliet fl-ilsna barranin. Is-sejbiet jissuġġerixxu li eluf ta’ kumpaniji Ewropej kull sena jitilfu xogħol u kuntratti minħabba n-nuqqas ta’ ħiliet lingwistiċi. L-istudju stima li 11 % tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju Ewropej (945 000 kumpanija) jistgħu jkunu qed jitilfu n-negozju minħabba ostakli ta’ komunikazzjoni.

X'jaħsbu l-Ewropej dwar it-tagħlim tal-lingwi?

Skont stħarriġ tal-Ewrobarometru fl-2012, kważi disgħa minn kull 10 ċittadin tal-UE jaħsbu li l-kapaċità li titkellem lingwa barranija hija utli ferm, u 98% jgħidu li ħakma tajba tal-lingwi tkun ta’ benefiċċju għall-futur ta' uliedhom. L-Ewropej jafuhom sew il-benefiċċji tal-multilingwiżmu: 72% jaqblu mal-objettiv tat-tagħlim tal-lingwi u 77 % jemmnu li għandu jkun prijorità; 53% jużaw il-lingwi f’xogħolhom u 45% jaħsbu li sabu impjieg aħjar f'pajjiżhom bis-saħħa ħiliet tagħhom fil-lingwi barranin.

Kif huma l-Ewropej meta jiġu biex jużaw il-lingwi?

L-iktar pajjiż multilingwi tal-UE huwa l-Lussemburgu, fejn 99% taċ-ċittadini għandhom ħakma talanqas ta’ lingwa barranija waħda. Madankollu, l-għadd ta’ Ewropej li jgħidu li jistgħu jikkomunikaw b'lingwa barranija naqas ftit, minn 56% għal 54 %. Testijiet imwettqa fost studenti adoloxxenti f'14-il pajjiż Ewropew juru li 42% biss huma kompetenti fl-ewwel lingwa barranija tagħhom u 25% biss fit-tieni waħda. Numru sinifikanti, 14% fil-każ tal-ewwel lingwa barranija u 20% fit-tieni, lanqas biss jirnexxilhom jilħqu l-livell ta’ “utent bażiku”.

Il-proporzjon ta’ studenti li huma kompetenti fl-ewwel lingwa barranija tagħhom ivarja bejn 82% f'Malta u l-Iżvezja (fejn l-Ingliż huwa l-ewwel lingwa barranija) sa 14% fi Franza (li jitgħallmu Ingliż) u 9% fir-Renju Unit (li jitgħallmu l-Franċiż). L-internet ħeġġeġ lin-nies iwessgħu l-ħiliet tal-qari u s-smigħ 'passiv' tagħhom f'lingwi barranin. L-għadd ta’ Ewropej li regolarment jużaw il-lingwi barranin fuq l-internet, ngħidu aħna permezz tal-midja soċjali, żdied b’10 punti perċentwali, minn 26% għal 36%.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website