Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

“Niftħu l-Edukazzjoni” — Mistoqsijiet frekwenti

Commission Européenne - MEMO/13/813   25/09/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, il-25 ta' Settembru 2013

“Niftħu l-Edukazzjoni” — Mistoqsijiet frekwenti

Xi rridu ngħidu biha "Niftħu l-edukazzjoni?

Niftħu l-edukazzjoni tfisser li ndaħħlu r-rivoluzzjoni diġitali fl-edukazzjoni. It-teknoloġiji diġitali jippermettu lill-individwi kollha jitgħallmu, kullimkien u f’kull ħin, permezz ta’ kwalunkwe mezz, bl-appoġġ ta' jkun min ikun.

X’inhuma l-għanijiet ewlenin ta' din l-inizjattiva?

  1. Ħolqien ta' opportunitajiet għall-organizzazzjonijiet, għall-għalliema, għall-istudenti u għat-tfal tal-iskola sabiex ikunu aktar innovattivi fil-mod ta' kif jgħallmu u jitgħallmu permezz ta' żieda fl-użu tat-teknoloġiji u l-kontenut diġitali. Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-organizzazzjonijiet biex jeżaminaw mill-ġdid l-istrateġiji tagħhom, jippromwovu riformi għat-titjib tat-taħriġ tal-għalliema, iwaqqfu "komunitajiet ta' prattika" fost l-għalliema, u jinkoraġġixxu kurrikulu innovattiv.

  2. L-użu tar-Riżorsi Edukattivi Miftuħa (OER) jingħata spinta 'l quddiem billi jiġi żgurat li l-materjal edukattiv prodott permezz tal-finanzjament pubbliku, bħall-Erasmus+, il-programm il-ġdid tal-UE għall-edukazzjoni, ikunu disponibbli liberament għal kulħadd. Il-portal il-ġdid "Open Education Europa", li tnieda llum, se jipprovdi aċċess għal OER ta' kwalità tajba prodotti fl-Ewropa, fil-lingwa oriġinali tagħhom. L-OER huma kontenut ta' tagħlim, ġeneralment f'forma diġitali, li jista' jintuża u jiġi kondiviż, mingħajr ħlas għall-utenti.

  3. Żieda fit-trasparenza għall-utenti tar-riżorsi edukattivi fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur.

  4. Ta' spiss l-infrastruttura u l-konnettività tal-ICT fl-iskejjel ikunu dgħajfa. Niftħu l-Edukazzjoni se tgħin lill-iskejjel u lill-klassijiet jiksbu aċċess għall-broadband u appoġġ għall-infrastruttura tal-ICT għall-edukazzjoni u t-taħriġ. Se tistimola wkoll lis-suq biex jipproduċi kontenut u għodda għat-tagħlim interattivi ġodda billi jippromwovi l-iżvilupp ta' oqfsa miftuħa u standards għall-interoperabbiltà u l-portabbiltà ta' kontenut, applikazzjonijiet u servizzi edukattivi diġitali.

  5. Tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet u partijiet interessati internazzjonali sabiex ikun hemm fehim aħjar tal-impatt tat-teknoloġija fuq l-edukazzjoni u jiġu esplorati metodi ġodda ta' tagħlim.

Liema azzjonijiet konkreti huma speċifikati?

Din il-Komunikazzjoni tinkludi 24 azzjoni li se jtejbu bil-kbir l-użu tat-teknoloġiji diġitali fl-edukazzjoni u se jagħtu spinta 'l quddiem lill-ħiliet diġitali (ara l-anness għal-lista sħiħa).

Kif se jiġu ffinanzjati/implimentati dawn l-24 azzjoni?

L-azzjonijiet se jirċievu finanzjament mill-UE mill-Erasmus+, Orizzont 2020, il-programm il-ġdid għar-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll Il-Fondi Strutturali u tal-Investiment. Pereżempju, mill-2014 'il quddiem, Erasmus+ se joffri finanzjament lill-provdituri tal-edukazzjoni sabiex jiġi żgurat li jadattaw il-mudell kummerċjali tagħhom mal-bidla teknoloġika, jagħtu spinta 'l quddiem lill-evalwazzjoni tal-ħiliet diġitali u jappoġġaw l-iżvilupp tal-għalliema permezz ta' korsijiet online miftuħa. Il-materjal edukattiv kollu appoġġat mill-Erasmus+ se jkun disponibbli liberament għall-pubbliku taħt liċenzji miftuħa. L-implimentazzjoni se tkun appoġġata wkoll permezz ta' Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni fl-Edukazzjoni u fit-Taħriġ 2020.

Għalfejn hemm bżonn ta' azzjoni mill-Kummissjoni issa?

Għax aħna nużaw it-teknoloġija diġitali f'kull aspett tal-ħajja tagħna, iżda bosta skejjel u universitajiet mhux jirnexxielhom ilaħħqu mar-ritmu ta' din ir-revoluzzjoni.

Pereżempju, studju juri li

  1. hemm 63 % ta' tfal ta' 9 snin li jattendu skejjel li ma għandhomx tagħmir diġitali adegwat, broadband b'saħħtu u konnettività tajba;

  2. Bejn 50 % u 80 % tal-istudenti fil-pajjiżi tal-UE qatt ma jużaw kotba diġitali, software għall-eżerċizzji, xandiriet/podcasts, simulazzjonijiet jew logħob ta' tagħlim.

  3. 70 % tal-għalliema jixtiequ jitħarrġu sabiex itejbu l-ħiliet tal-ICT tagħhom.

Lill-UE jonqosha massa kritika ta' kontenut edukattiv ta' kwalità tajba u applikazzjonijiet f’suġġetti speċifiċi u lingwi differenti. Din il-frammentazzjoni tal-approċċi u tas-swieq tista' twassal għal qasma diġitali ġdida bejn dawk li għandhom aċċess għall-edukazzjoni innovattiva bbażata fuq it-teknoloġija u dawk li ma għandhomx.

Grafika 1: % tal-istudenti bejn id-9 u l-10 snin li jattendu klassijiet fejn l-għalliema jużaw l-ICT f'aktar minn 25 tal-lezzjonijiet

Grafika 2: % tal-istudenti għandhom bejn it-13 u l-14-il sena li jattendu klassijiet fejn l-għalliema jużaw l-ICT f'aktar minn 25 tal-lezzjonijiet

Sors: European Schoolnet u Université de Liège (2013)

X’għamlet s'issa l-Kummissjoni biex tindirizza din il-problema?

S'issa ġew żviluppati diversi proġetti u prattiki tajba, ukoll bl-appoġġ tal-finanzjament tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni. Ħafna minnhom irnexxew sew, pereżempju ITEC: designing the future classroom, jew Open Discovery Space. Madankollu, l-integrazzjoni tat-Teknoloġiji tal-Informatika u tal-Komunikazzjoni (ICTs) fl-edukazzjoni u fit-taħriġ s’issa għadha ma laħqitx il-potenzjal sħiħ tagħha.

Niftħu l-Edukazzjoni tindirizza dan billi tgħin lill-amministratturi nazzjonali, lill-istituzzjonijiet edukattivi, lill-għalliema, lil min jitgħallem u lill-partijiet interessati jikkoordinaw aħjar l-azzjoni tagħhom u jiskopru metodi ġodda ta' ħidma u tagħlim.

X’se jkun l-impatt ta' Niftħu l-Edukazzjoni?

  1. L-ambjenti ta' tagħlim miftuħ (OLEs) se jiżdiedu u se jittejbu - dan ifisser aktar użu mifrux tal-ICTs fil-klassijiet.

  2. L-iffrankar tal-ispejjeż u riżultati aħjar fil-qasam tal-edukazzjoni permezz ta' żieda fl-użu ta' Riżorsi Edukattivi Miftuħa (OERs) bħall-kotba tal-iskola li jistgħu jintużaw liberament, vidjos, testijiet, u software li jistgħu jiġu adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi ta' tagħlim. Billi l-OERs huma disponibbli bla ħlas għall-utenti, huma jistgħu jagħmlu l-edukazzjoni u t-taħriġ orħos, għall-amministrazzjonijiet, għall-istituzzjonijiet u għall-utenti.

  3. Tibdil organizzativ fl-iskejjel, fl-universitajiet u fl-istituzzjonijiet ta' taħriġ biex tiġi appoġġata l-integrazzjoni ta' teknoloġiji ġodda u ta' OER ta' kwalità tajba.

  4. Infrastruttura tal-ICT u konnettività aħjar fl-iskejjel

  5. Domanda akbar għal kontenut interattiv u għodda ta’ tagħlim ġodda, li tgħin biex ikun hemm negozji ġodda fl-Ewropa li jieħdu ħsieb dawn il-ħtiġijiet edukattivi.

Meta se naraw impatt?

L-iskeda tal-24 azzjoni tvarja. Mil-lum jista' jsir aċċess għall-portal Open Education Europa, xi proġetti eżistenti se jinfirxu aktar, u oħrajn bħal EPALE, il-Pjattaforma Elettronika għat-Tagħlim tal-Adulti fl-Ewropa, se jitniedu fil-bidu tal-2015.

X'se jagħmel is-sit "OpenEducationEuropa?"

Open Education Europa huwa punt uniku għar-riżorsi edukattivi miftuħa fl-Ewropa. Post fejn tista' ssib materjal fil-lingwa tiegħek, li l-għalliema u l-istudenti jistgħu jużaw u jikkondividu bejniethom mingħajr ħlas.

Niftħu l-Edukazzjoni kif tirrelata mar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi li l-Kummissjoni tagħmel kull sena lill-Istati Membri?

Darba fis-sena l-Kummissjoni teżamina mill-ġdid il-prestazzjoni ekonomika u soċjali ta' kull Stat Membru tal-UE u tagħmel rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi sabiex tiggwida l-politiki nazzjonali fis-sena ta' wara. Niftħu l-Edukazzjoni hija parti mir-reazzjoni tal-Kummissjoni għal dan l-objettiv fuq livell tal-UE.

L-Istati Membri kollha rċevew rakkomandazzjonijiet relatati mal-edukazzjoni fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi li saru fis-Semestru Ewropew tal-2013. L-aktar rapport riċenti tar-Rakkomandazzjonijeit Speċifiċi għall-PajjiżiImmexxu l-Ewropa lil hinn mill-Kriżi, li ġie ppubblikat f'Mejju tal-2013, jispjega l-bżonn li jinħass fl-Istati Membri kollha għal aktar investiment fl-edukazzjoni, sabiex iż-żgħażagħ jiksbu l-ħiliet meħtieġa għall-ekonomija tas-seklu 21 u biex l-innovazzjoni u l-kompetittività jingħataw spinta 'l quddiem.

L-ISTUDENTI: X’se tfisser għall-istudenti Niftħu l-Edukazzjoni?

Aktar ħiliet diġitali li se jkunu jeħtieġu biex isibu impjieg tajjeb, wara li jlestu l-edukazzjoni tagħhom, speċjalment għall-istudenti li d-dar m'għandhomx aċċess tajjeb għall-internet u għat-teknoloġija.

L-GĦALLIEMA: X'se tfisser għall-għalliema?

Aktar taħriġ u ħiliet diġitali li huma jeħtieġu biex iħossuhom kunfidenti fil-klassi. Niftħu l-Edukazzjoni se tappoġġa l-iżvilupp professjonali tal-għalliema permezz ta' korsijiet online miftuħa, b'konformità ma' proġett ta' Koalizzjoni Kbira għall-Impjiegi Diġitali, u billi toħloq pjattaformi Ewropej ġodda (jew tkabbar dawk li diġà jeżistu) għall-komunitajiet ta' prattika tal-għalliema madwar l-UE bħal eTwinning u EPALE - il-Pjattaforma Elettronika għat-Tagħlim tal-Adulti fl-Ewropa.

IL-GVERNIJIET: X'se tfisser għall-awtoritajiet nazzjonali?

Bosta awtoritajiet nazzjonali investew bil-kbir fl-ICT għall-edukazzjoni u t-taħriġ, però dan l-investiment rarament iwassal għar-riżultati mistennija. Niftħu l-Eukazzjoni tirrappreżenta opportunità għall-Istati Membri biex jaħdmu flimkien u jitgħallmu mill-esperjenzi ta' xulxin, biex jevitaw li jidduplikaw ix-xogħol u b'hekk inaqqsu l-ispejjeż.

L-INDUSTRIJA: X’se tfisser għan-negozji diġitali u edukattivi?

Minbarra l-istituzzjonijiet edukattivi, l-edukazzjoni hija appoġġata wkoll minn industrija, li tipprovdi l-kotba tal-iskola, l-għodda u l-applikazzjonijiet ta' tagħlim elettroniku għall-matematika, għat-tagħlim tal-lingwa, għal-logħob ta' tagħlim u materjal edukattiv ieħor. L-użu tat-teknoloġija b'mod aktar estensiv jagħti lok għal sett ġdid ta' opportunitajiet għall-industrija, u l-koordinazzjoni fuq livell Ewropew se tħaffef it-tkabbir ta' dawn is-swieq.

Kif se jiġu affettwati l-pubblikaturi edukattivi tradizzjonali?

Il-Kummissjoni Ewropea hija konxja mill-fatt li t-teknoloġiji diġitali qegħdin iħarbtu l-mudelli kummerċjali tal-passat, iżda tenfasizza l-bżonn li l-pubblikaturi jaħdmu mill-qrib mal-awtoritajiet, mal-istituzzjonijiet u mal-kumpaniji tal-ICT sabiex japprofittaw mill-opportunitajiet ġodda li dawn il-metodi ġodda ta' tagħlim iġibu magħhom.

Il-pubblikaturi qegħdin jinkwetaw li r-Riżorsi Edukattivi Miftuħa ma jaqblux mal-proċeduri stretti ta' kontrol tal-kwalità li kkaratterizzaw is-suq tal-istampar; il-Kummissjoni tkompli tappoġġa materjali ta' kwalità għolja, u tibqa' newtrali f'dak li jikkonċerna l-mudelli kummerċjali speċifiċi.

Dan xi jfisser għad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali?

L-istudji juru li aktar minn 50 % tal-għalliema ma jikkondividux il-materjal ta' tagħlim tagħhom, peress li huma kkonċernati dwar il-konsegwenzi legali. Dan jipprevjeni li t-tagħlim u l-prattiki ta' tagħlim ikunu kollaborattivi u personalizzati.

Ta' spiss ir-Riżorsi Edukattivi Miftuħa jkunu disponibbli taħt liċenzji li jippermettu l-użu liberu, l-użu mill-ġdid u l-kondiviżjoni. Filwaqt li dawn il-liċenzji miftuħa ma jqajmux dubji dwar il-qafas attwali tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, xorta jistgħu jirrappreżentaw sfida għall-mudelli kummerċjali tradizzjonali tal-pubblikaturi jew tal-universitajiet.

Niftħu l-Edukazzjoni se tiffaċilita l-esperimenti għall-ittestjar tal-impatt fuq il-mudelli kummerċjali, u se tinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki. Din tipproponi wkoll l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet tekniki li jipprovdu informazzjoni trasparenti dwar id-drittijiet tal-awtur u l-liċenzji miftuħa għall-utenti tar-riżorsi edukattivi diġitali. Pereżempju, l-inizjattiva tal-industrija Linked Content Coalition li għandha l-għan li tagħmel l-identifikazzjoni tas-sidien tad-drittijiet tal-awtur aktar faċli, biex b'hekk tiffaċilita l-użu legali tal-materjali bid-drittijiet tal-awtur.

Azzjonijiet skont Niftħu l-Edukazzjoni

Xiex?

Azzjoni għal ...

Ambjenti ta’ Tagħlim Miftuħ: opportunitajiet għall-innovazzjoni għall-organizzazzjonijiet, għall-għalliema u għal min jitgħallem

Appoġġ għall-istituzzjonijiet edukattivi fl-iżvilupp ta' mudelli kummerċjali u edukattivi ġodda u tnedija ta' riċerka fuq skala kbira u esperimenti tal-politika biex jiġu ttestjati approċċi pedagoġiċi innovattivi, l-iżvilupp tal-kurrikulu u l-valutazzjoni tal-ħiliet;

Il-Kummissjoni, permezz tal-Erasmus+ u Orizzont 2020

Appoġġ għall-iżvilupp professjonali tal-għalliema permezz ta' korsijiet online miftuħa, wara l-impenni li saru taħt il-Koalizzjoni Kbira għall-Impjiegi Diġitali, u bil-ħolqien ta' pjattaformi Ewropej ġodda u tkabbir ta' dawk li diġà jeżistu għall-komunitajiet ta' prattika tal-għalliema (eż. eTwinning, EPALE) sabiex jiġu stabbiliti prattiki ta' tagħlim kollaborattivi msejsa fuq il-pari madwar l-UE;

Il-Kummissjoni, permezz tal-Erasmus+ u Orizzont 2020

Esplorazzjoni u ttestjar, f’kooperazzjoni mal-partijiet interessati u mal-Istati Membri, tal-oqfsa tal-kompetenza diġitali u l-għodda għall-awtoevalwazzjoni ta’ min jitgħallem, tal-għalliema u tal-organizzazzjonijiet;

Il-Kummissjoni, permezz tal-Erasmus+ u Orizzont 2020

Esplorazzjoni dwar kif għodda stabbiliti u dawk ġodda għall-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħiliet, bħal "open badges", jistgħu jiġu adattati għall-ħtiġijiet ta' min jitgħallem. Jiġi żgurat li l-istrumenti għat-trasparenza u r-rikonoxximent għall-edukazzjoni formali jiġu adattati għal forom ġodda ta' tagħlim inkluża l-validazzjoni ta' ħiliet miksuba online b'konformità mal-għodda nazzjonali fil-kuntest tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-Validazzjoni tat-Tagħlim Mhux Formali u Informali;

Il-Kummissjoni, permezz tal-Erasmus+ u Orizzont 2020

L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni

Koordinazzjoni u faċilitazzjoni tal-iskambju tal-esperjenzi u tar-riżultati miksuba fil-programmi nazzjonali bejn l-Istati Membri, u għoti ta' gwida politika mmirata lil gruppi ta' Stati Membri biex tgħinhom jidentifikaw miżuri ta’ suċċess biex jilħqu l-isfidi tagħhom fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (SCRs) skont is-Semestru Ewropew/Ewropa 2020;

Il-Kummissjoni, permezz tal-Erasmus+ u Orizzont 2020

Appoġġ għal tagħlim u ambjenti ta' tagħlim innovattivi, inkluż permezz tal-użu tal-Fondi Strutturali u tal-Investiment tal-UE (ESIFs);

L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni

Appoġġ lill-għalliema fil-kisba ta' livell għoli ta' kompetenzi diġitali u adozzjoni ta' prattiki ta' tagħlim innovattivi permezz ta' taħriġ flessibbli, skemi ta' inċentivi, kurrikulu eżaminat mill-ġdid għall-edukazzjoni inizjali tal-għalliema u mekkaniżmi ġodda għal evalwazzjoni professjonali;

L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni

Tisħiħ tal-ħiliet diġitali fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, anke fost il-gruppi żvantaġġati, u reviżjoni tal-valutazzjonijiet ta' min jitgħallem sabiex ikun żgurat li l-ħiliet kollha miksuba permezz tat-tagħlim diġitali jistgħu jiġu rikonoxxuti.

L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni

Riżorsi Edukattivi Miftuħa: opportunitajiet biex jintuża għarfien miftuħ għal kwalità u aċċess aħjar

Jiġi żgurat li l-materjal edukattiv kollu appoġġat mill-Erasmus+ ikun disponibbli għall-pubbliku taħt liċenzji miftuħa u jiġu promossi prattiki simili fil-programmi tal-UE;

Il-Kummissjoni

Jintużaw il-programmi l-ġodda Erasmus+ u Orizzont 2020 biex jinkoraġġixxu s-sħubijiet bejn l-awturi tal-kontenut edukattiv (eż. għalliema, pubblikaturi, kumpaniji tal-ICT) biex tiżdied il-provvista ta' OER ta' kwalità u materjal edukattiv diġitali ieħor f’lingwi differenti, biex jiġu żviluppati mudelli kummerċjali ġodda u jiġu żviluppati soluzzjonijiet tekniki li jipprovdu informazzjoni trasparenti dwar id-drittijiet tal-awtur u liċenzji miftuħa lill-utenti ta' riżorsi edukattivi diġitali;

Il-Kummissjoni

Jitnieda l-portal tal-Open Education Europa u jintrabat mar-repożitorji ta' OER eżistenti f’lingwi differenti u jiġbor flimkien lil min jitgħallem, lill-għalliema u lir-riċerkaturi, sabiex tittejjeb l-attrattività u l-viżibilità ta' OERs ta' kwalità prodotti fl-UE;

Il-Kummissjoni

Stimolu għalpolitiki ta' aċċess miftuħ għall-materjal edukattiv iffinanzjat minn fondi pubbliċi;

L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni

Jiġu inkoraġġiti l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni formali u tat-taħriġ biex jinkludu kontenut diġitali, inklużi OERs, fost il-materjal edukattiv rakkomandat għal min jitgħallem fil-levelli edukattivi kollha u ti inkoraġġita l-produzzjoni, anke permezz tal-akkwist pubbliku, ta' materjal edukattiv ta' kwalità tajba li d-drittijiet tal-awtur tiegħu jkunu jappartjenu lill-awtoritajiet pubbliċi.

L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni

Kreattività u Innovazzjoni: sħubijiet għall-infrastrutturi, għal prodotti u servizzi ġodda, u għall-interoperabbiltà

Il-promozzjoni tal-iżvilupp ta' oqfsa u standards miftuħa għall-interoperabbiltà u l-portabbiltà ta' kontenut edukattiv diġitali, applikazzjonijiet u servizzi, inklużi OER, tesplora kooperazzjoni potenzjali ma’ organizzazzjonijiet u programmi Ewropej dwar l-istandarizzazzjoni, u l-iżvilupp ta' komponenti għal suq għat-teknoloġiji edukattivi effiċjenti li jinkludi l-koordinazzjoni ta' speċifikazzjonijiet kollettivi għal akkwist pubbliku ta' soluzzjonijiet innovattivi biex jinfirex l-użu ta' tagħmir, software u kontenut għall-but ta' kulħadd;

Il-Kummissjoni, permezz tal-Erasmus+ u Orizzont 2020

Il-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni dwar teknoloġiji ta' adattament għat-tagħlim, l-analitika tat-tagħlim u l-logħob diġitali għat-tagħlim, b'ħolqien ta' rabtiet ma' intraprendituri innovattivi;

Il-Kummissjoni, permezz tal-Erasmus+ u Orizzont 2020

Il-konnessjoni ta' kull skola, idealment inklużi l-klassijiet individwali, mal-broadband, l-iżvilupp tat-tagħmir tal-ICT tagħhom, u t-tiswir ta' repożitorji diġitali nazzjonali tat-tagħlim miftuħ li jkunu aċċessibbli bl-użu ta' fondi strutturali u tal-investiment sal-2020.

L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni

Sforz kollettiv biex jinħatfu l-opportunitajiet tar-rivoluzzjoni diġitali

Bidu għal pjattaforma miftuħa għall-partijiet interessati kollha (għalliema, min jitgħallem, familji, komunitajiet diġitali, sħab ekonomiċi u soċjali, eċċ.) biex jiġu rreġistrati u stabbiliti punti ta' referenza għall-istat diġitali tal-istituzzjonijiet edukattivi;

Il-Kummissjoni permezz tal-Erasmus+ u Orizzont 2020

It-twaqqif ta' Ċentru Ewropew tal-istituzzjonijiet Edukattivi Innovattivi, li jservi ta' vetrina u pilota għal prattiki organizzattivi u pedagoġiċi msejsa fuq l-ICT;

Il-Kummissjoni permezz tal-Erasmus+ u Orizzont 2020

Il-promozzjoni ta' netwerks ta' għalliema fuq bażi volontarja, komunitajiet diġitali u esperti tal-ICT fit-tnedija ta' inizjattivi (bħal korsijiet tal-kodifikazzjoni jew programmi lura-lejn-l-iskola) u l-istabbiliment ta' premjijiet għall-għalliema għall-użu pedagoġiku tajjeb tal-ICT għas-setturi edukattivi kollha. Premju għall-Eċċellenza Diġitali.

L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni

L-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea għal għarfien aħjar u aktar b’saħħtu dwar politiki bbażati fuq l-evidenza

Eżerċizzju komprensiv ta' xenarji prevedibbli għall-edukazzjoni fl-Ewropa fl-2030, b'konsultazzjoni mal-atturi rilevanti bħall-European Round Table of Industrialists (ERT), European Association of Distance Teaching Universities (EADTU), League of European Research Universities (LERU), European University Association (EUA) u n-netwerk Ewropew Schoolnet fuq il-bażi tax-xogħol imwettaq mill-JRC-IPTS u skont il-proġett kontinwu FUTURIUM . Fir-rigward tal-edukazzjoni ogħla, il-Kummissjoni se tissokta taħdem mal-Grupp ta' Livell Għoli għall-Immodernizzar tal-Edukazzjoni Ogħla biex tistabbilixxi rakkomandazzjonijiet dwar metodi ġodda ta' tagħlim;

Il-Kummissjoni

Żvilupp ta' għodda ta' kejl u indikaturi biex tiġi ssorveljata aktar mill-qrib l-integrazzjoni tal-ICT fit-tagħlim u fl-istituzzjonijiet ta' taħriġ, u appoġġ għal stħarriġiet kwantitattivi madwar l-Ewropa kollha;

Il-Kummissjoni

Valutazzjoni tal-Impatt speċifika fuq l-impatt ekonomiku u soċjali tal-inizjattiva tal-UE biex tistimula l-aċċess miftuħ għall-materjal edukattiv prodott permezz ta’ fondi pubbliċi;

Il-Kummissjoni

Flimkien ma' detenturi tad-drittijiet, ma' istituzzjonijiet ta' tagħlim u ma' partijiet interessati edukattivi oħra tesplora metodi biex tifhem u tevalwa l-prattiki attwali u l-bżonn li l-materjali edukattivi jkunu kondiviżi (inkludi riżorsi edukattivi miftuħa), inklużi dawk li jirriżultaw mid-drittijiet tal-awtur u sistemi ta' liċenzjar, il-multilingwiżmu, l-assigurazzjoni tal-kwalità, eċċ. kemm f’kuntesti nazzjonali kif ukoll f'dawk transkonfinali.

Il-Kummissjoni

Għal aktar informazzjoni

Ara wkoll IP/13/859

ICT in schools study

Advances in technology enhanced learning


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site