Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Memo

Brussell, il-11 ta' Settembru 2013

Il-Kummissjoni tadotta proposti regolatorji għal Kontinent Konness

Illum il-Kummissjoni adottat proposti regolatorji ewlenin biex tlesti s-suq uniku tat-telekomunikazzjoni u toħloq Kontinent Konness.

Kontinent Konness ifisser: konnessjonijiet aktar veloċi. kummerċ aktar faċli. ħajja aktar sempliċi. tħejjija għall-ġejjieni.

Dan il-pakkett jgħid iva lis-suq uniku; iva lin-newtralità tal-internet; le lill-primjums tar-roaming; le lill-burokrazija

1. Ħarsa ġenerali

Għalfejn dan hu importanti għal tkabbir?

L-Ewropa tassew jeħtiġilha tuża għejun ġodda ta' tkabbir u innovazzjoni. . Billi daż-żmien kull settur ekonomiku jistrieħ fuq konnettività tajba biex ikun kompetittiv, is-soluzzjoni tinstab jekk it-teknoloġija diġitali u l-ICT (sors ta' nofs it-tkabbir fil-produttività tagħna) jintrabtu mas-suq uniku (li hu mitqlu deheb għalina). Ma nistgħux nibqgħu magħluqin fi 28 suq nazzjonali; u jekk dan jissokta, lill-ekonomija diġitali mhux se jirnexxielna nagħtuha l-materja prima li teħtieġ: il-konnettività u l-kobor.

Meta tiġi attivata, l-ekosistema diġitali tikber malajr (aktar mill-ekonomija taċ-Ċina) u toħloq l-impjiegi (f'ħames snin inħolqu 794,000 fl-ekonomika tal-applikazzjonijiet, meta l-ekonomija kienet f'riċessjoni); din tistimula l-innovazzjoni u l-attività tan-negozju fl-ekonomija kollha, għax iżżid il-produttività, l-effiċjenza u d-dħul. Din l-ekosistema diġitali jonqosha s-Suq Uniku tat-Telekomunikazzjoni, li jista' jżid b'mod permanenti l-PDG (bażi: l-2010) bi kważi 1% kull sena jekk jitwettaq.

Xi ngħidu dwar l-impjiegi u l-konsumatur?

L-effetti tal-kriżi ekonomika qed iħabbtu lill-Ewropej. Hemm bżonn tittieħed kull azzjoni possibbli biex jinħolqu l-impjiegi — u l-ebda settur ma joffri opportunitajiet aħjar għal żieda fl-impjiegi (speċjalment għaż-żgħażagħ) mis-settur diġitali. Hemm bżonn ukoll li ċ-ċittadini jkollhom aċċess sħiħ għall-internet, li tassew jistmawh, u li jitħarsu minn tariffi u prattiċi inġusti bħas-serq fil-wiċċ fejn jidħol ir-roaming u kuntratti mhux ċari.

Xi ngħidu dwar it-tmexxija industrijali u globali tal-UE?

Id-dinja kienet tħares lejn l-Ewropa bħala l-pjiuniera tal-industrija mobbli globali (il-GSM)fil-bidu tad-disgħinijiet, iżda ħafna drabi l-industrija tal-Ewropa ma jkollhiex suq domestiku li tista' tbiegħlu, (pereżempju, il-4G), il-konsumaturi tal-) ma jgawdux l-aħħar żviluppi jew inkella l-apparat tagħhom ma jkollux in-netwerks meħtieġa biex ikunu jistgħu jgawduh bis-sħiħ. Dawn il-problemi jolqtu lis-setturi kollha, u lill-Ewropa jnaqqrulha l-impjiegi li tassew teħtieġ. Il-kumpaniji tal-UE mhumiex atturi globali tal-internet. Lagos għandha l-mowbajl 4G iżda Brussell m'għandhiex.

L-Ewropa għadha żżomm l-industriji globali tal-ICT f'oqsma bħall-elettronika, ir-robotika, u t-tagħmir tat-telekomunikazzjoni. L-Ewropa kienet innovattiva fl-applikazzjonijiet tal-kura tas-saħħa, fit-teknoloġiji tal-bliet intelliġenti, fis-servizzi pubbliċi elettroniċi u fid-dejta miftuħa. Iżda suq frammentat mhux tajjeb għall-kompetizzjoni globali. Huwa biss b'suq uniku tat-telekomunikazzjoni li l-ekosistema diġitali kollha tista' ssir aktar dinamika u terġa' tikseb rwol globali ta' tmexxija.

Xi pproponiet il-Kummissjoni?

Il-Kummissjoni pproponiet bidliet leġiżlattivi għal mal-qafas regolatorju attwali li jwettaq fir-realtà żewġ prinċipji ewlenin tat-Trattat tal-UE: il-libertà li wieħed jipprovdi u jikkonsma servizzi (diġitali) kull fejn ikun fl-UE.

Il-proposta tagħmel dan billi tmexxi s-settur tat-telekominikazzjoni għalkollox fl-era tal-internet (b'inċentivi għal mudelli kummerċjali ġodda u aktar investiment) u tneħħi l-konġestjonijiet u l-ostakli biex it-28 suq nazzjonali tat-telekomunikazzjoni jsiru suq uniku (tibni fuq id-Direttiva Qafas tal-2009 dwar it-Telekomunikazzjoni, u aktar minn 26 sena ta' ħidma biex jinħoloq is-suq uniku). Il-proposta hi pakkett sħiħ li għandu jittieħed kollu kif inhu, biex ikun żgurat li kull grupp tal-partijiet interessati jkun benefiċjarju nett.

X'fiha l-proposta?

  • Simplifikazzjoni u anqas regolamentazzjoni għall-kumpaniji

  • Aktar koordinazzjoni tal-allokazzjoni tal-ispettru — sabiex ikollna aktar broadband bla wajers, aktar 4G, u jinħolqu kumpaniji tat-telefonija mobbli pan-UE b'netwerks integrati

  • Prodotti standardizzati għall-operaturi: iħeġġu aktar kompetizzjoni fost aktar kumpaniji

  • Il-protezzjoni tal-Internet Miftuħ: tiżgura n-newtralità tal-internet, l-innovazzjoni u d-drittijiet tal-konsumaturi.

  • Il-primjums tar-roaming jitneħħew mis-suq: approċċ b'inċentivi u sanzjonijiet biex jispiċċaw il-primjums tar-roaming sal-2016 jew qabel.

  • Il-protezzjoni tal-konsumaturi: kuntratti b'lingwaġġ sempliċi, b'informazzjoni aktar komparabbli, u aktar drittijiet lill-konsumaturi biex ibiddlu l-provditur jew il-kuntratt.

    X'ma fihiex il-proposta

  • Ma tipproponix regolatur uniku tat-telekomunikazzjoni

  • Ma tipproponix rati Ewrotariffi tat-terminazzjoni

  • Ma tipproponix bidla fid-definizzjoni ta' provditur tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika

  • Ma tipproponix liċenzja tal-ispettru pan-Ewropew

  • Ma tipproponix projbizzjoni tal-prodotti differenzjati tal-internet

Għalfejn dan hu importanti

In-netwerks tat-telekomunikazzjoni huma l-bażi tal-ekonomija diġitali usa'. Daż-żmien kull settur jistrieħ fuq il-konnettività. Dan ifisser li llum is-settur tat-telekomunikazzjoni qed iżomm lura lill-bqija tal-ekonomija.

Għall-biċċa l-kbira tal-Ewropej, in-netwerks jimxu bil-mod wisq, ma tistax tistrieħ fuqhom u mhux siguri; Il-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni spiss ikollhom djun kbar, u jsibuha diffiċli li jinvestu għall-aħjar. Għalhekk jeħtiġilna nibdlu s-settur b'tali mod li jippermetti aktar produttività, impjiegi u tkabbir.

Bħala punt tat-tluq, is-settur jeħtieġ suq uniku (spinta annwali ta' 0.9% lill-PDG). Din tkun l-akbar spinta makroekonomika unika għall-UE kollha li tista' ssir fis-snin li ġejjin.

Aktar minn erba' minn kull għaxar kumpaniji mhumiex sodisfatti bil-konnettività li għandhom. Is-servizzi qed isibuhom dgħajfin u l-veloċitajiet baxxi wisq. Dan ixekkel il-kompetittività tagħhom. Il-konsumaturi xebgħu wkoll minn tariffi inġusti, informazzjoni mhux ċara, u apparat li ma jaħdimx. Li nwasslu dan il-pakkett hu kwistjoni ta' kredibilità politika għall-UE.

U jekk nibqgħu nistennew, kulħadd ibati u ma jkollniex garanzija li politikament jista' jiġi negozjat approċċ b'saħħtu. Jeħtiġilna naġixxu issa biex niżguraw li l-ekonomiji l-oħra ma jaqbżunix, fejn tidħol il-ħila li wieħed jaċċessa l-kontenut u l-applikazzjonijiet online li jkun jixtieq, u nevitaw aktar dannu lill-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni b'aktar tnaqqis jew saħansitra falliment.

Imnejn tlaqna u kif wasalna

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa tal-2013 talab lill-Kummissjoni tippreżenta "miżuri konkreti biex jinkiseb is-suq uniku fl-ICT kmieni kemm jista' jkun" ħalli jkunu f'waqthom għall-Kunsill Ewropew ta' Ottubru. Dawn il-proposti tfasslu wara tliet snin ta' konsultazzjonijiet, avvenimenti pubbliċi u laqgħat privati — inklużi żewġ avvenimenti pubbliċi kbar f'Ġunju b'elf parteċipant.

2. Is-settur tat-telekomunikazzjoni tal-UE jinsab f'diffikultà

Kien hemm tkabbir qawwi fid-domanda (speċjalment tad-dejta), madankollu mill-aħħar riforma fir-regoli tal-UE dwar it-telekomunikazzjoni, (IP/11/622) dan it-tkabbir ma ssarrafx fi flus. Id-dħul qed jonqos f'termini reali (-2.2% fl-2011 u -1.1% fl-2012) u meta mqabbel mas-swieq tal-Istati Uniti, tal-Asja u oħrajn Mill-2011 il-kapitalizzazzjoni tas-suq naqset 22%. Barra minn hekk, ir-rata netta tal-investiment tal-monopolji tat-telekomunikazzjoni li l-Ewropa kellha fil-passat hi virtwalment żero, u l-kompetituri imxew ferm aktar 'il quddiem (sors: HSBC). Mill-2002, l-investiment bla wajers hu nofs ir-rata tal-Istati Uniti/il-Kanada.

Bosta operaturi jitħabtu ma' dejn għoli, sa tliet darbiet il-valur fis-suq tal-ishma tal-kumpanija (Telecom Italia) u 'l fuq minn EUR 30 biljun (Telefonica). Is-sottoprestazzjoni tat-telekomunikazzjoni qed iżomm lura l-bqija tal-ekonomija. B’mod partikolari, din tkun ta' dannu għal setturi bħall-manifatturi tat-tagħmir, l-intraprendituri tal-internet, il-karozzi, l-oġġetti intelliġenti, il-bejgħ bl-ingrossa, il-bejgħ bl-imnut u l-loġistika, il-kura tas-saħħa u l-industriji kreattivi.

X'wassal għal dan?

  • Ir-riforma fis-settur tat-telekomunikazzjoni saret bil-mod wisq (eż: ir-rispons għal Skype, ir-rivoluzzjoni tad-dejta, l-abbandun ta' sorsi ta' qligħ bħar-roaming)

  • Id-differenzi kulturali u regolatorji jfissru li l-Ewropa ma titqiesx bħala post fejn jibdew/jikbru n-negozji tal-internet globali (meta mqabbla ma' Silicon Valley

  • Il-frammentazzjoni fis-suq Ewropew u r-regolamentazzjoni skont il-linji nazzjonali jxekklu l-effiċjenzi u l-iskala

  • L-interess fuq żmien qasir tal-gvern nazzjonali li jimmassimizza d-dħul minn irkanti tal-ispettru tellef somom kbar minn ħafna kumpaniji tat-telekomunikazzjoni, u naqqar l-investimenti fil-bini tan-netwerks.

  • Il-kumpaniji ma jistgħux jiksbu "materja prima" kruċjali bħall-konnettività tal-internet jew l-aċċess għal frekwenzi armonizzati b'kundizzjonijiet kompetittivi u koerenti mingħand provditur wieħed f'bosta Stati Membri (għax ma jeżistix suq uniku għal dawn il-"materjali").

DIVERĠENZA FIS-SWIEQ EWROPEJ

  1. It-tariffi għal-liċenzja tal-operat ivarjaw minn EUR 0 għal EUR 3000

  2. Saħansitra xi pajjiżi jispeċifikaw liema tipa għandha tintuża fil-kuntratti lill-konsumatur

  3. It-tariffi amministrattivi biex tinżamm liċenzja jvarjaw minn EUR 5000 għal EUR 15000 Bejn il-pajjiżi tal-UE hemm 774% ta' dħul differenzjali għal kull minuta ta' telefonata.

  4. Il-prezz tad-drittijiet tal-ispettru jvarja b'sa fattur ta' 50 (banda ta' 2600GHz)

  5. Il-prezzijiet tal-aċċess għar-ram għall-operaturi li l-sidien tan-netwerk jistgħu jitolbu lill-kompetituri li jikru n-netwerk ivarjaw minn EUR 4 sa EUR 14 kull xahar (differenza ta' 333%)
  6. Virtwalment f'kull Stat Membru jeżisti approċċ differenti għar-regolamentazzjoni tas-swieq broadband għall-operaturi

  7. It-telefonati internazzjonali bil-mowbajl ivarjaw minn EUR 0.35 għal EUR 1.19 fil-minuta madwar l-UE.

3. Il-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli

Kontinent Konness se jipprovdi bażi għal impjiegi sostenibbli b'paga tajba

IL-PROBLEMI: Il-livelli tal-qgħad huma għoljin b'mod inaċċettabbli. L-Ewropa għaddejja minn tranżizzjoni diġitali. Hemm miljuni ta' opportunitajiet ta' impjieg diġitali — litteralment huma maħsuba miljun post tax-xogħol fl-2015 minħabba l-vojt fil-ħiliet — kif ukoll għadd ta' riformi meħtieġa li għadhom mhumiex lesti.

Illum il-kumpaniji li jistrieħu fuq l-ekonomija diġitali jsibuha diffiċli biex jespandu u jinvestu, u biex iħaddmu aktar nies. Minħabba nuqqas ta' investiment fin-netwerks, l-industriji assoċjati (minn dawk li jagħmlu l-applikazzjoni sal-manifatturi tal-apparat tat-telekomunikazzjoni) ma jilħqux il-potenzjal kollu u ma joħolqux id-domanda għal netwerks aħjar. Hemm bżonn li jispiċċa dan iċ-ċirku vizzjuż.

IS-SOLUZZJONIJIET OFFRUTI

  1. Is-settur diġitali, li fih forza tax-xogħol żagħżugħa ħafna, isir prijorità għall-impjiegi sabiex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa.

  2. Negozji ġodda li jiftħu jingħataw l-għajnuna billi sa mill-bidu nett jinfetħilhom l-akbar suq fid-dinja fejn ikunu jistgħu jbigħu. (pereżempju, wara tilwima politika, in-negozji Franċiżi tat-teknoloġija li għadhom jiftħu laħqu 24% tkabbir fl-impjiegi fl-2012).

  3. Appoġġ għall-bidliet tal-forza tax-xogħol fil-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni li jkun għadhom ma adattawx għal mudelli kummerċjali diġitali ġodda mmexxija mid-dejta.

  4. Ħidma mal-kumpanija fi Gran Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali, biex jitħarrġu individwi u titjieb l-ekosistema diġitali ġenerali.

L-IMPATTI U EŻEMPJI

  1. Inħolqu 794,000 impjieg fl-ekonomija tal-applikazzjonijiet, inklużi kważi 600,000 fl-ekonomija tal-applikazzjonijiet b'mod dirett fl-aħħar ħames snin. Dan hu r-riżultat meta jinħoloq ambjent mingħajr fruntieri.

  2. Dawk l-industriji jeħtieġu netwerks tajbin. Skont l-Analiżi Mason u Tech4i2 (l-2013) anki b'intervent "modest" biex tinbena infrastruttura tal-broadband veloċi, mistennija jinħolqu 447,000 impjieg ġdid fl-ewwel tliet snin u żewġ miljuni impjiegi ġodda billi:

  3. Għat-telekomunikazzjoni: Suq tassew uniku tat-telekomunikazzjoni se jgħin it-tkabbir u jegħleb ix-xejra ta' 10% tnaqqis fil-forza tax-xogħol diretta tat-telekomunikazzjoni li hu mistenni fil-ftit snin li ġejjin.

  4. Għal negozji oħra: Il-cloud computing jista' jaħdem biss fl-iskala tal-UE jew fi skala akbar, u d-domanda għalih għandu joħloq aktar investimenti f'netwerks aħjar. It-teknoloġija cloud hija l-applikazzjoni kruċjali għal broadband superveloċi. Inputs standardizzati, swieq akbar, inqas tagħwiġ fis-suq, (bħal servizzi mblukkati), u aktar ħiliet diġitali jagħmluha ferm eħfef għan-negozji, bħall-provdituri tat-teknoloġija cloud, biex joħolqu impjiegi ġodda.

Il-Viċi President, Neelie Kroes qalet, "Ma' kull jum li jgħaddi mingħajr suq uniku tat-tekomunikazzjoni, qed inkomplu nżidu l-qgħad, l-aktar fost iż-żgħażagħ."

4. Inqas burokrazija għall-kumpaniji

#1 Awtorizzazzjoni unika

IL-PROBLEMI Ma teżistix kumpanija tat-telekomunikazzjoni fissa jew mobbli li hi pan-UE. Fit-teorija, hu possibbli li wieħed jopera fl-Istati Membri kollha iżda dan ma jsirx għax is-sistema ma taħdimx. Wieħed irid jikkonforma ma' rekwiżiti tar-reġistrazzjoni differenti f'kull Stat Membru fejn jiġu pprovduti s-servizzi. L-operaturi jġarrbu spejjeż żejda u jaħlu l-ħin jittrattaw ma' regoli nazzjonali tal-infurzar li jkunu differenti u inkonsistenti, b'riżultati tas-suq differenti.

IS-SOLUZZJONIJIET OFFRUTI

  1. Nitgħallmu u nagħmlu bħal setturi oħra tas-suq uniku tal-UE, (bħas-servizzi bankarji) u l-operaturi jingħataw l-opportunità joperaw f'kull pajjiż, b'awtorizzazzjoni unika tal-UE, u l-opportunità jaħdmu ma' awtorità waħda dwar kwistjonijiet oħra tal-liċenzjar.

  2. Ċertezza legali pan-UE u d-dritt għal trattament regolatorju ugwali.

L-IMPATTI

  1. Aktar kumpaniji joperaw faċilment bejn il-fruntieri.

  2. Għan-negozji: Inqas ostakli għad-dħul għal kumpaniji ġodda, inqas spejjeż għall-provdiment tas-servizzi u opportunitajiet ġodda biex dawn jespandu fi Stati Membri oħra tal-UE.

  3. Għall-konsumaturi: Il-benefiċċju ta' offerti ġodda minn kompetituri ġodda fl-Istat Membru tagħhom.

  4. Għall-futur: Bażi reali għal suq uniku diġitali usa' fl-Ewropa.

Il-Viċi President, Neelie Kroes qalet, "Id-dritt li wieħed jopera kullimkien mhuwiexx reali la dan ma jistax jiġi infurzat. Dan jista' jsir l-aħjar b'awtorizzazzjoni unika għax din tkun garanzija. Dan hu ta' ġid għall-kumpaniji futuri kif ukoll għal dawk eżistenti."

#2 Kriterji Godda għar-Regolamentazzjoni tas-Swieq

IL-PROBLEMI Ir-regolaturi nazzjonali qed jirregolaw wisq jew ftit li xejn lil (sub)swieq tat-telekomunikazzjoni speċifiċi, swieq li huma jiddefinixxu b’mod differenti.

IS-SOLUZZJONIJIET OFFRUTI

It-tisħiħ, billi fir-Regolament jiddaħħal it-test magħruf sew tat-"3 kriterji" li l-Kummissjoni twettaq biex tagħżel is-swieq li għandhom jiġu regolati fir-"Rakkomandazzjoni dwar is-Swieq Rilevanti" tagħha, u li r-regolaturi nazzjonali għandhom japplikaw jekk jixtiequ jirregolaw swieq li ma jkunux f'dik ir-Rakkomandazzjoni. Dan issa se jkun infurzat bil-liġi.

  1. Għar-regolamentazzjoni, iridu jintlaħqu tliet kriterji:

  • Il-preżenza ta' ħafna ostakli mhux tranżitorji għad-dħul strutturali, legali jew regolatorji;

  • L-istruttura tas-suq ma xxaqlibx lejn kompetizzjoni effettiva fil-medda taż-żmien rilevanti, meta titqies il-qagħda tal-kompetizzjoni bbażata fuq l-infrastruttura u kompetizzjoni oħra li jkun hemm wara l-ostakli għad-dħul;

  • Il-liġi tal-kompetizzjoni waħidha mhix biżżejjed biex tindirizza sew in-nuqqas(ijiet) tas-suq konċernat.

  1. Ir-regolaturi nazzjonali jridu jqisu wkoll kull restrizzjoni kompetittiva [anki minn atturi "Over The Top" (OTTs)].

L-IMPATTI

  1. Għan-negozji: Regolamentazzjoni eħfef li tkun konsistenti mal-biċċa l-kbira tas-swieq l-oħra.

  2. Għall-konsumaturi: Aktar protezzjoni konsistenti meta kumpaniji stabbiliti jkollhom pożizzjoni dominanti.

  3. Għall-futur: Normalizzazzjoni tas-suq tat-telekomunikazzjoni (jiġifieri s-suq tat-telekomunikazzjoni jsir bħall-oħrajn, fejn il-kumpaniji jikkompetu u l-konsumaturi jkollhom l-għażla)

Il-Viċi President, Neelie Kroes qalet, "Irridu nneħħu l-burokrazija bħala parti min-normalizzazzjoni tas-suq tat-telekomunikazzjoni. L-operaturi m'għandhomx ikunu soġġetti għal kapriċċi jew inkonsistenzi nazzjonali."

#3 L-Artikolu 7, il-veto fuq ir-rimedji

IL-PROBLEMI Ir-regolaturi nazzjonali tat-telekomunikazzjoni japplikaw ir-regolamenti tal-UE b'mod inkonsistenti, jew jirregolaw bla bżonn u joħolqu l-inċertezza għall-kumpaniji tat-telkomunikazzjoni.

IS-SOLUZZJONIJIET OFFRUTI

  1. Tkun żgurata konsistenza bl-użu possibbli tas-setgħa tal-veto tal-Kummissjoni fuq deċiżjonijiet nazzjonali dwar ir-rimedji.

L-IMPATTI

  1. Għan-negozji: Bis-setgħa tal-veto, il-Kummissjoni se twaqqaf ir-regolamentazzjoni żejda.

  2. Għall-konsumaturi: Aktar konsistenza tgħin lill-provdituri Ewropej, tagħtihom il-kunfidenza biex joħorġu b'firxa usa' ta' offerti ġodda u eċitanti għall-konsumaturi.

  3. Għall-futur: Kruċjali biex tinkiseb in-normalizzazzjoni tas-suq tat-telekomunikazzjoni

Il-Viċi President, Neelie Kroes qalet, "L-għan huwa li ftit ftit is-settur tat-telekomunikazzjoni jsir settur ekonomiku 'normali' b'regoli ex ante limitati u r-responsabbiltà timxi għal regolament ex-post."

5. Prodotti eħfef għall-operaturi:

Kontinent Konness tfisser prodotti għall-operaturi għal netwerks fissi (l-ispettru hu l-element ewlieni għal komunikazzjoni mobbli)

IL-PROBLEMI Is-suq bejn in-negozji (madwar nofs is-suq tat-telekomunikazzjoni kollu tal-UE) ibati minn nuqqas ta' tfassil konsistenti tal-prodotti u l-konnettività, jiġifieri d-domanda potenzjali mhux qed tiġi sfruttata.

Parteċipanti ġodda għas-swieq tal-konsumatur tal-broadband qed jixxekklu bil-ħafna varjazzjoni fil-prodotti tal-aċċess regolat għan-network, u għalhekk ma jkunx possibbli li jintużaw mudelli kummerċjali u għażliet tekniċi komuni meta jkun hemm ħafna Stati Membri.

IS-SOLUZZJONIJIET OFFRUTI

  1. Meta operaturi dominanti b'saħħa sinifikanti fis-suq ikunu obbligati joffru aċċess virtwali għan-netwerks tagħhom lill-kompetituri, kemm ix-xerrej kif ukoll il-bejjiegħ għandhom isibu kundizzjonijiet u karatteristiċi armonizzati mal-UE kollha.

  2. Kriterji komuni għal konnettività ta' kwalità tas-servizz żgurata jkunu negozjati bejn l-operaturi fuq termini kummerċjali.

L-IMPATTI

  1. Għan-negozji tat-telekomunikazzjoni: Eħfef biex jespandu fi swieq Ewropej addizzjonali.

  2. Għal negozji oħra: Dan hu importanti għall-kumpaniji li mhumiex tat-telekomunikazzjoni, bħall-provdituri tal-eHealth, il-provdituri tas-servizzi tal-cloud computing, u l-kumpaniji tal-vidjokonferenzi — għax dan ifisser li jkunu żguri li jissodisfaw l-impenji tal-kuntratt u fil-livell tas-servizz.

Il-Viċi President, Neelie Kroes qalet, "Prodotti standardizzati Ewropej tal-aċċess virtwali, ta' Kwalità tas-Servizz żgurata, se jgħinu biex jitwessa' s-suq bejn in-negozji. Minflok iżidu magħhom, l-obbligi l-ġodda se jieħdu post l-obbligi nazzjonali."

6. L-ispettru u l-4G

Kontinent Konness ifisser spettru għall-broadband bla wajers

IL-PROBLEMI

  1. L-ispettru fl-Ewropa hu kobba mħabbla ta' regoli u prezzijiet u skedi — u minħabba f'hekk ma jkunx possibbli li jiġu implimentati strateġiji kummerċjali mobbli pan-Ewropej.

  2. Il-biċċa l-kbira tal-allokazzjoni tal-ispettru hi frammentata u l-pajjiżi mhux qed isegwu l-obbligi tagħhom biex jassenjaw l-ispettru.

  3. Minn 28 Stat Membru, ħamsa biss jassenjaw l-1025MHz kollha tal-ispettru armonizzat tal-UE għall-broadband mobbli, li suppost kellhom jiġu assenjati sa tmiem l-2012.

  4. Tnax-il Stat Membru biss ħarġu l-banda ta' 800MHz għall-operaturi; din il-banda hi tassew kritika għat-teknoloġiji 4G LTE u li twessa' l-kopertura tal-broadband f'żoni rurali.

IS-SOLUZZJONIJIET OFFRUTI

  1. Armonizzazzjoni tal-waqt meta jinħareġ l-ispettru u armonizzazzjoni ta' kemm idumu d-drittijiet.

  2. Tiddaħħal il-possibbiltà li jintuża l-veto tal-komitoloġija (il-COCOM, mhux tal-Kummissjoni biss) biex jiġu indirizzati problemi bħall-irkanti tal-ispettru li jkollhom prezz għoli wisq.

  3. Jiġi applikat sett ta' prinċipji u kriterji mmirati biex ikun żgurat li jinħoloq spazju mingħajr wajers tal-UE.

  4. Kumpensi xierqa meta jinħareġ l-ispettru fil-ħin, meta ssir kondiviżjoni tal-infrastruttura u l-ispettru, u għall-kummerċ tal-ispettru — pereżempju meta spettru li mhux jintuża, jibda jintuża għall-bżonn.

L-IMPATTI

  1. Għan-negozji: Dan hu siewi għall-operaturi mobbli kollha, l-aktar dawk li jridu jespandu.

  2. Għall-konsumaturi: Tifrix aktar malajr ta' broadband bla wajers l-aktar f'żoni rurali.

  3. Għall-futur: It-telefonati bil-mowbajl ma jibqgħux jaqgħu u l-paġni jitilgħu dejjem. B'użu effiċjenti u aċċess ikkoordinat tal-ispettru ikun jista' jsir aktar investiment fin-netwerk. Politiki ta' miżata għalja b'viżjoni qasira u li ma jkunux konsistenti mal-ġestjoni tajba tal-ispettru se jiġu limitati, u dan favur l-investiment kapitali fin-netwerks.

Il-Viċi President, Neelie Kroes qalet, "Neħtieġu approċċ ġdid għall-ispettru ħalli l-Ewropej igawdu l-aħħar żviluppi mobbli. Din hi kwistjoni sensittiva għall-gvernijiet nazzjonali, u allura qed naħdmu bil-għaqal u bi ħsieb. Hu fatt li d-domanda għad-dejta qed tiżdied u s-sistema attwali tal-ispettru ma tistax tlaħħaq. Jekk kollox jibqa' kif inhu, in-netwerks isibu konġestjonijiet jew jeħlu - u dan ifixkel liċ-ċittadini u lin-negozji - u l-kumpaniji tat-telefonija mobbli ma jkollhomx l-opportunità li joħolqu kumpanija pan-UE."

Kontinent Konness ifisser spettru għall-broadband bla wajers

IL-PROBLEMI

  1. L-Ewropa mhix kontinent li qed jiżviluppa, iżda l-livell tal-kopertura 4G li għandha ġġiegħlek taħseb mod ieħor.. L-4G/LTE jilħaq 26% biss tal-popolazzjoni Ewropea. Fl-Istati Uniti, kumpanija waħda biss (Verizon) tilħaq 90%!

  2. Fl-2012, l-Ewropa — l-ikbar ekonomija fid-dinja — kellha 6% tal-konnessjonijiet LTE fid-dinja, meta mqabbla mal-Istati uniti b'47%, il-Korea t’Isfel b'27%, u l-Ġappun bi 13%.

  3. Il-konġestjoni għadha possibbli bil-4G, anke jekk intlaħqet il-mira ta' 1200MHz spettru armonizzat għall-broadband mobbli fl-Ewropa. Neħtieġu sistemi oħra ta' backup biex intaffu d-domanda.

IS-SOLUZZJONIJIET OFFRUTI

  1. Żieda fil-kapaċità b'kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni inqas onerużi

  2. Żieda fil-kapaċità billi jitneħħew ir-restrizzjonijiet bla bżonn għat-tifrix, il-proċeduri kumplessi żżejjed għall-għoti tal-permessi għal mikrostazzjonijiet bażi, jew għat-tifrix tal-hotspots tal-internet bla wajers.

  3. Żieda fil-kapaċità bid-dritt ta' kondiviżjoni tal-aċċess għal punti tal-aċċess tal-WiFi.

  4. It-titjib operattiv bħall-użu komuni ta' infrastrutturi attivi u passivi, il-kondiviżjoni tal-ispettru u l-kummerċ tal-ispettru jagħmluha eħfef u irħas biex jinfirxu u jitranġaw in-netwerks bla wajers b'teknoloġiji ġodda.

  5. Prinċipji regolatorji komuni għall-awtorizzazzjonijiet tal-ispettru, kriterji komuni għad-disponibbiltà u għall-kundizzjonijiet tal-ispettru.

L-IMPATTI

  1. L-operaturi tan-netwerks mobbli se jkunu jistgħu jużaw punt tal-aċċess f'żona żgħira (4G jew WiFi) biex iżidu l-kapaċità tan-netwerks.

  2. L-operaturi tan-netwerks tal-linji fissi se jkunu jistgħu jipprovdu servizzi ta’ konnettività broadband ba wajers komplementari permezz ta' aċċess pubbliku għan-netwerks tal-WiFi, li jkunu jistgħu — skont il-kunsens — jitqiegħdu f'bini ta' konsumatur jew negozju.

  3. L-utenti finali se jkollhom iktar għażla għall-konnettività broadband bla wajers u allura tkun aktar faċli li jiġi offrut aċċess għall-internet ibbażat fuq il-WiFi lil ħaddieħor.

Il-Viċi President Neelie Kroes qalet, "L-operaturi jeħtieġ iwessgħu l-kapaċità tan-netwerks broadband bla wajers tagħhom b'modi kosteffiċjenti. Il-konsumaturi u n-negozji jridu jużaw il-linji fissi tagħhom b'mod mingħajr wajers: Dan jista' jsir b'ċelloli żgħar tal-WiFi jew tal-4G. M'aħniex qed nisfurzaw lill-utenti finali jaqsmu l-WiFi tagħhom, iżda qed nagħtuhom l-għażla."

7. Prezzijiet stabbli tal-aċċess għan-netwerk tar-ram

Kontinent konness ifisser prezzijiet stabbli tal-aċċess għan-netwerk tar-ram

IL-PROBLEMI

  1. Is-sidien tan-netwerks tar-ram jeħtieġu stabbiltà fid-dħul mill-kiri tan-netwerks tagħhom lill-kompetituri, biex ikunu jistgħu jinvestu f'netwerks aktar veloċi tal-"ġenerazzjoni li jmiss".

  2. Operaturi alternattivi m'għandhomx bażi konsistenti biżżejjed biex jippjanaw operazzjoni kummerċjali pan-UE li tkun ibbażata fuq prezzijiet tal-aċċess stabbli u konsistenti.

  3. Ir-regolaturi nazzjonali japplikaw sa sitt modi differenti biex jikkalkolaw il-prezzijiet tal-aċċess għar-ram għall-operaturi (pereżempju billi jagħżlu li japplikaw ħajja differenti tal-assi u metodi ta' deprezzament differenti).

  4. Minħabba f'hekk il-prezz tal-aċċess għar-ram ivarja minn EUR4 sa EUR14 fix-xahar għall-kiri fix-xahar tal-LLU (id-diżaggregazzjoni taċ-ċirkwiti lokali) tar-ram għall-operaturi.

IS-SOLUZZJONIJIET OFFRUTI

  1. L-istabbiltà tal-prezzijiet fit-tul u aktar prezzijiet allinjati fis-suq uniku.

  2. Ebda impożizzjoni ta’ regolamentazzjoni tal-prezzijiet fejn jidħol l-aċċess għal netwerks veloċi ħafna tal-ġenerazzjoni li jmiss meta jkun hemm restrizzjonijiet dimostrabbli kontra l-imġiba antikompetittiva fis-swieq tal-bejgħ bl-imnut, u obbligi msaħħa tan-nondiskriminazzjoni biex jiżguraw li l-kompetizzjoni tkun qawwija.

L-IMPATTI

  1. Għan-negozji tat-telekomunikazzjoni: Il-proprjetarji tan-networks tal-lum se jkollhom aktar ċertezza dwar id-dħul tagħhom u b'hekk ikunu jistgħu jippjanaw aktar titjib fin-netwerk. L-operaturi alternattivi tal-lum se jaqsmu r-riskju tat-titjib fin-netwerk meta ma tkunx imposta regolamentazzjoni tal-prezzijiet. Ebda sussidju artifiċjali għall-aċċess għan-netwerks tar-ram biex ma jaqbżux lit-tifrix tan-netwerks tal-ġenerazzjoni li jmiss.

  2. Għal negozji oħra: fi żmien qasir = negliġibbli, fit-tul = netwerks aktar veloċi

  3. Għall-konsumaturi: Ipprezzar ġust u kwalità aħjar u firxa tas-servizzi li jġib miegħu t-titjib fil-kundizzjonijiet għall-operaturi fil-livell tal-bejgħ bl-ingrossa.

  4. Għall-futur: L-Ewropa se tgawdi netwerks aħjar

Il-Viċi President Neelie Kroes qalet, "Għandna l-għan fi żmien sitt snin ikollna prezzijiet stabbli ħalli lill-industrija nagħtuha ċ-ċertezza. B'hekk ikun jista' jsir aktar investiment fin-netweks u jittieħdu deċiżjonijiet kummerċjali aktar razzjonali. Sabiex ikollna prezzijiet stabbli fi żmien medju, hu ovvju li jrid ikun hemm xi aġġustamenti fil-prezzijiet tal-bidu ħalli titjieb il-konverġenza tal-approċċi tal-ikkostar."

8. Daqshekk primjums tas-sejħiet bir-roaming u intra-UE

Kontinent konness ifisser li jintemmu l-primjums tas-sejħiet bir-roaming u intra-UE

IL-PROBLEMI

  1. Il-primjums għoljin tas-sejħiet bir-roaming u intra-UE jdejqu ferm lin-negozji u lill-klijenti l-oħra; dawn jgħawġu s-suq mingħajr ebda post razzjonali f'suq uniku — lill-utenti jgħallmuhom jitbiegħdu mill-mowbajl tagħhom minflok jużawh.

IS-SOLUZZJONIJIET OFFRUTI

  1. Jinħoloq spazju tal-komunikazzjoni tassew Ewropew billi tixxejjen u titneħħa d-differenza fit-tariffi li jintalbu għal sejħiet domestiċi bir-roaming u intra-UE.

IR-ROAMING:

  1. L-operaturi se jitilfu d-dritt li jitolbu ħlas għas-sejħiet li jirċievi l-utent meta jkun qed jivvjaġġa fl-UE, u barra minn hekk ikollhom jagħżlu bejn l-inċentiv u l-morr.

  2. L-inċentiv kważi jeħlishom mir-regolamentazzjoni Ewropea, jekk iwessgħu il-pjanijiet/pakketti domestiċi tagħhom biex sa Lulju 2016, il-klijenti fl-Unjoni meta jkunu qed jivvjaġġaw mal-Unjoni, ikunu jistgħu jużaw il-mowbajl u l-ismartphone tagħhom b'rati domestiċi. Se jkun hemm glidepath minn Lulju 2014 biex l-operaturi jkunu jistgħu jadattaw l-għadd ta' pjanijiet li joffru jew l-għadd ta' pajjiżi li jkopru b'rati domestiċi.

  3. Il-morr huwa li jkunu soġġetti għar-regolamenti tar-roaming tal-2012 li jġeelhom joffru lill-klijenti tagħhom il-possibbiltà li jużaw is-servizz tar-roaming ma' kompetituri ġodda (provdituri alternattivi tar-roaming). Il-kijenti jkollhom id-dritt li jħallu l-operatur domestiku tagħhom meta jivvjaġġaw u jieħdu servizzi tar-roaming irħas mingħand kumpanija lokali jew kumpanija rivali f'pajjiżhom, mingħajr ma jibdlu s-SIMcard tagħhom.

IS-SEJĦIET FISSI EWROPEJ:

  1. Għas-sejħiet minn linja fissa lejn Stati Membri oħrajn tal-UE, l-operaturi ma jistgħux jitolbu ħlas aktar minn dak ta' sejħa domestika ta' distanza twila . Kull spiża oħra trid tiġi ġustifikata b'mod oġġettiv.

IL-KOMUNIKAZZJONI MOBBLI EWROPEA:

  1. Għall-komunikazzjoni mobbli lejn Stati Membri oħra tal-UE, l-operaturi ma jistgħux jitolbu ħlas aktar mill-ewrotariffi għall-komunikazzjoni regolata tal-vuċi u tal-SMS bir-roaming. Kull spiża oħra trid tiġi ġustifikata b'mod oġġettiv.

L-IMPATTI

  1. Il-konsumaturi: Ebda biża', aktar konvenjenza, prezzijiet raġonevoli.
    B'dan igawdi min jivvjaġġa u min jibqa' dejjem f'daru; min juża ferm il-mowbajl u min juża biss il-linja fissa. Kemm il-konsumaturi kif ukoll in-negozji.

  2. Għan-negozji tat-telekomunikazzjoni: Impatt dirett ta' tnaqqis ta' madwar 0,5% fid-dħul għax titneħħa d-differenzjazzjoni tal-prezzijiet bejn is-sejħiet nazzjonali u s-sejħiet intra-UE, ikkumpensata minn volum tal-konsum ogħla fi żmien medju. Ir-reġim tar-roaming propost mhux obbligatorju u mistenni jkun ta' benefiċċju għall-operaturi fi żmien medju.

  3. Għal negozji oħra: Minbarra EUR1100 kull sena li vjaġġatur tan-negozju moderat diġà qed jiffranka matul sena (meta mqabbel mal-prezzijiet tal-2009), dan se jiffranka iżjed. It-tneħħija tat-tariffi tar-roaming se tippromwovi l-użu transkonfinali tat-tagħmir konness u s-servizzi konnessi (eż. soluzzjonijiet M2M), u jsaħħaħ l-evoluzzjoni ta’ applikazzjonijiet mobbli tad-dejta, biex b’hekk isir kontribut għal ambjent tan-negozju iktar favorevoli.

  4. Għall-futur: Prova li tista' ssir riforma reali fit-telekomunikazzjoni, u li l-UE tista' tagħmel titjib tanġibbli dirett f'ħajjet iċ-ċittadini.

Il-Viċi President Neelie Kroes qalet, "Il-proposta tagħna dwar ir-roaming tibni fuq ir-regoli eżistenti billi toffri inċentiv lill-operaturi biex ftit ftit idaħħlu offerti għall-konsumaturi fi fihom tapplika r-rata tas-servizz domestiku kemm għas-servizzi domestiċi kif ukoll għas-servizzi bir-roaming. (Roam-like-at-Home). Din itemm id-differenzi mhux ġustifikati fil-prezzijiet bejn il-prezz tas-sejħiet nazzjonali u l-prezz tas-sejħiet 'internazzjonali' (intra-UE).

Il-konsumaturi tal-UE ma għandhomx iħallsu aktar biex iċemplu barra l-pajjiż jew meta jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom.

Ir-regoli tar-roaming attwali tfasslu biex jonqsu l-problemi tas-swieq nazzjonali iżda ma joħolqux suq tassew uniku. Ir-regoli attwali kienu saru qabel ħarġet fid-dieher l-urġenza ekonomika li jinħoloq suq uniku tat-telekomunikazzjoni.

Ir-regoli attwali jipprovdu lqugħ ta' sikurezza u l-kastig li jikkomplementaw l-opportunitajiet il-ġodda u l-'inċentivi' li fih dan il-pakkett.

Il-prezzijiet domestiċi mobbli naqsu b'mod konsistenti flimkien mal-aħħar tliet tnaqqsiet fil-limiti tal-prezz tar-roaming mobbli. M'hemmx evidenza li turi li jekk jitneħħew il-primjums tar-roaming, dawn il-prezzijiet se jiżdiedu."

9. Naċċettaw in-newtralità tal-internet!

Kontinent konness ifisser internet miftuħ

IL-PROBLEMI

  1. Illum ma jeżistux regoli ċari dwar in-newtralità tal-internet fil-livell tal-UE, u allura 96% tal-Ewropej m'għandhomx protezzjoni legali għad-dritt tagħhom li jkollhom aċċess għall-internet miftuħ kollu.

  2. Bir-regoli attwali tal-UE, ir-regolaturi nazzjonali m'għandhomx is-setgħa jintervjenu kontra l-imblukkar u t-trażżin.

  3. Xi Stati Membri tal-UE (NL, SI) adottaw xi liġijiet u pajjiżi oħrajn qed jixtarru xi miżuri, iżda mingħajr azzjoni tal-UE dan jaf jibqa' jifframmenta s-suq Ewropew, u jikkumplika b'mod sinifikanti l-ġestjoni integrata tan-netwerks multiterritorjali.

  4. L-imblukkar u t-trażżin tal-P2P u l-VoIP huma l-aktar eżempju komuni ta' ġestjoni tat-traffiku inaċċettabbli min-naħa tal-operaturi: dawn ir-restrizzjonijiet jaffettaw madwar 21% tal-abbonati tal-aċċess fiss għall-internet u madwar 36% tal-abbonamenti għat-telefonija mobbli.

  5. Dan joħloq problemi għal: il-konsumaturi li ma jistgħux igawdu l-internet kollu; il-provdituri tal-kontenut u tal-applikazzjonijiet li m'għandhomx aċċess garantit għall-konsumaturi, u jinżammu lura milli ninnovaw fit-tul; l-operaturi li jsibu approċċi differenti fejn jidħlu l-prattiki tal-ġestjoni tat-traffiku fi Stati Membri differenti u li ma jitħeġġux joħolqu mudelli kummerċjali ġodda, iżda sempliċement iħarsu s-sorsi passati/attwali tad-dħul fit-territorju u tradizzjonali bħalma huma s-sejħiet bil-vuċi.

IS-SOLUZZJONIJIET OFFRUTI

  1. Din il-proposta se ttemm l-imblukkar u t-trażżin diskriminatorji u se tagħti protezzjoni effettiva tal-internet miftuħ. Din tistabbilixxi regoli ċari għall-ġestjoni tat-traffiku fuq l-internet, li jridu jkunu nondiskriminatorji, proporzjonati u trasparenti.

  2. Madankollu, il-kumpaniji għandhom jitħallew ivarjaw l-offerti tagħhom (pereżempju fejn tidħol il-veloċità) u jikkompetu għal kwaità aħjar tas-servizz. Dan ma fih xejn li mhux tas-soltu — is-servizzi postali (il-posta express) u l-linji tal-ajru (l-economy class u l-business class) ilhom jagħmlu dan għal għexieren ta' snin. Iżda dan hu suġġett għal prekundizzjoni vitali: li ma tiddgħajjefx il-kwalità tal-internet miftuħ.

  3. Biex jissodisfaw id-domanda tal-utenti finali għal kwalità aħjar tas-servizz, il-provdituri tal-kontenut jistgħu jagħmlu ftehimiet mal-provdituri tal-internet biex jiżguraw ċerta kwalità ta-servizz ("servizzi speċjalizzati"). B'dawn l-offerti, l-operaturi tat-telekomunikazzjoni jkunu jistgħu jiġġeneraw flussi oħra ta' dħul mingħand atturi OTT, mingħand provdituri tal-kontenut u mingħand il-konsumaturi, li lesti jħallsu għal servizzi aħjar jew aktar veloċi. B'dan id-dħul, min-naħa l-oħra, l-operaturi se jkunu jistgħu jiffinanzjaw investimenti għal titjib u twessigħ tan-netwerks.

  4. Is-servizzi speċjalizzati m'għandhomx ibaxxu l-kwalità tal-internet 'normali'. Ir-regolaturi nazzjonali se jissorveljaw il-kwalità tas-servizz u jistgħu jimponu rekwiżiti minimi tal-kwalità, bil-koordinazzjoni tal-Kummissjoni.

L-IMPATTI

  1. Għan-negozji: Bażi soda għall-innovaturi li ma jibqgħux jaraw l-applikazzjonijiet tagħhom imblukkati u li se jkunu jistgħu jagħżlu li jħallsu għal kwalità garantita tas-servizz (eżempju: il-kumpaniji tal-vidjokonferenzi, tal-cloud computing, tal-eHealth).

  2. L-operaturi Ewropej jistgħu jiżviluppaw mudelli kummerċjali ġodda fuq skala pan-Ewropea.

  3. Għall-konsumaturi: Jingħataw drittijiet ġodda Ikunu jistgħu jaċċessaw il-kontenut u l-applikazzjonijiet kollha li jridu, fuq kull tagħmir li jridu (fil-limiti tal-volumi jew il-veloċitajiet tad-dejta li hemm fil-kuntratt u soġġetti għal-liġijiet eżistenti). Igawdu wkoll firxa usa' ta' servizzi offruti ta' kwalità għolja. Ikollhom aċċess għal internet miftuħ li hu vitali għal-libertà tal-espressjoni u d-dibattiti, kif ukoll il-punt tad-dħul għal negozji ġodda onlajn innovattivi.

  4. Għall-futur: Bażi reali biex jingħataw u jitgawdew is-servizzi minn kullimkien fl-UE. B'dan, il-kumpaniji innovattivi jkunu jistgħu jniedu servizzi mingħajr biża' ta' imblukkar jew trażżin u jfasslu servizzi ġodda li jeħtieġu garanzija ta' kwalità tas-servizz. L-operaturi jkollhom aċċess għal flussi oħra ta' dħul biex jiffinanzjaw investimenti għal titjib u twessigħ tan-netwerks.

Il-Viċi President Neelie Kroes qalet, "Illum m'għandniex protezzjoni tan-newtralità tal-internet fl-Ewropa. Din il-proposta se tiżgura din il-protezzjoni. Il-proposta se ttejjeb ir-riżultat għall-utenti finali, il-provdituri tal-kontenut u l-provdituri tas-servizz tal-internet."

10. Drittijiet ġodda għall-konsumaturi

Kontinent konness ifisser drittijiet ġodda għall-konsumaturi: #1 Kwalità tas-Servizz

IL-PROBLEMI

  1. Illum ħafna drabi l-operaturi mhumiex trasparenti biżżejjed dwar il-prattiki tagħhom tal-ġestjoni tat-traffiku u dwar il-kwalità tas-servizz li qed jipprovdu bħalissa.
  2. 94% tal-konsumaturi jidhrilhom li l-ISPs ma jagħtux informazzjoni ċara fuq il-websajt tagħhom dwar l-imblukkar jew it-trażżin ta' applikazzjonijiet jew servizzi speċifiċi.

  3. Jeżistu diskrepanzi kbar bejn il-veloċitajiet riklamati u l-veloċitajiet attwali fin-netwerks fissi. Bħala medja, il-konsumaturi tal-UE jirċievu biss 74% tal-veloċità nominali riklamata li jkunu ħallsu għaliha.

IS-SOLUZZJONIJIET OFFRUTI

  1. L-operaturi mitluba jipprovdu informazzjoni (pubblika u kuntrattwali) dwar il-veloċitajiet medji li fil-fatt jipprovdu lill-klijenti tagħhom waqt il-ħin normali u waqt il-ħin meta jintuża l-aktar, dwar il-limitazzjonijiet fil-volum tad-dejta u dwar il-prattiki tal-ġestjoni tat-traffiku.

  2. Ir-regolaturi nazzjonali mitluba jissorveljaw il-kwalità tas-servizz u jistgħu jimponu rekwiżiti minimi tal-kwalità, bil-koordinazzjoni tal-Kummissjoni.

  3. Il-konsumaturi jistgħu jwaqqfu l-kuntratt tagħhom jew jitolbu għad-danni jekk ikun hemm differenza sinifikanti u mhux temporanja bejn dak li twiegħed lilhom u s-servizz li fil-fatt qed jingħataw (eżempju: il-veloċità).

L-IMPATTI

  1. Għan-negozji: Aktar possibbiltajiet għal kompetizzjoni tal-prezz u tal-kwalità għax il-konsumaturi jkunu aktar konxji mis-servizzi li qed jirċievu u jsibuha eħfef biex ibiddlu l-provditur jekk ma jkunux sodisfatti u jfittxu tip differenti ta' servizz.

  2. Għall-konsumaturi: Protezzjoni minn offerti qarrieqa u fehim sew tas-servizz li huma intitolati jistennew u d-dritt li jieqfu jekk ma jkunux sodisfatti bih.

  3. Għall-futur: Konsumaturi informati aħjar ikunu jistgħu jagħżlu aħjar il-provditur tas-servizz u l-aktar offerti adattati għalihom u jiksbu s-servizzi li qed iħallsu għalihom.

Il-Viċi President Neelie Kroes qalet, "Dawn il-miżuri se jagħtu trasparenza reali u bihom il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħtu kunsens informat. Qabel jiffirma u jħallas, wieħed jeħtieġlu jkun jaf x'se jikseb u x'mhux se jikseb. Dawn ir-rekwiżiti stabbiliti għall-UE kollha huma meħtieġa biex jaħdem l-ispazju uniku Ewropew tal-konsumatur."

Kontinent konness ifisser drittijiet ġodda għall-konsumaturi: #2 Kuntratti aħjar u aktar trasparenza

IL-PROBLEMI

Illum il-kuntratti huma diffiċli biex jinftiehmu, ma jkunx fihom informazzjoni importanti għall-konsumaturi, u huma diffiċli biex tinfurzahom jew toħroġ minnhom. Il-konsumaturi ta' spiss jinqabdu f'kuntratti tal-internet u tat-telefonija. L-ostakoli biex wieħed jaqleb jinkludu t-tul ta' żmien biex isir il-bdil, it-telf tal-indirizzi tal-email, miżati għoljin tat-terminazzjoni u perjodi tal-avviż twal.

Kważi nofs (44%) dawk li wieġbu sabu xi tip ta' problema meta ġew biex jaqilbu (l-istudju: "The Functioning of the Market for Internet Access and Provision from a Consumer Perspective" ).

IS-SOLUZZJONIJIET OFFRUTI

  1. L-informazzjoni addizzjonali li għandha tiddaħħal fil-kuntratti tinkludi:

  • il-limitazzjonijiet fil-volum tad-dejta,

  • il-veloċitajiet tad-dejta proprji,

  • kif tista' ssegwi l-konsum u

  • spjegazzjoni dwar l-impatt prattiku tal-karatteristiċi tas-servizz dwar l-użu tal-kontenut, l-applikazzjonijiet u s-servizzi.

  1. Il-perjodi tal-kuntratt: Ma jistax ikun hemm impenn inizjali li jaqbeż l-24 xahar, u għandha tingħata l-għażla ta' 12-il xahar biss.

  2. Il-bdil ta' kuntratt: trid tingħata twissija mill-inqas xahar bil-quddiem, b'alternattiva ta' oppożizzjoni għal estensjoni taċita tal-kuntratt; meta kuntratt jinqaleb, il-kuntratt jista' jitwaqqaf mingħajr spejjeż b'perjodu tal-avviż ta' xahar.

  3. It-terminazzjoni ta' kuntratt: il-konsumatur jikseb id-dritt li jwaqqaf kuntratt wara 6 xhur mingħajr penali b'perjodu tal-avviż ta' xahar; rimborż jingħata biss għall-valur residwu tat-tagħmir sussidjat/ promozzjonijiet, jekk ikun hemm. Kull restrizzjoni fuq l-użu tat-tagħmir terminali fuq netwerks oħra għandha titneħħa mingħajr ħlas meta jitħallas kumpens xieraq tas-sussidji u/jew il-promozzjoni.

Il-bdil:

  • Id-dritt espliċitu lejn jsir fl-iqsar żmien possibbli. Miżati diretti lil utenti finali, jekk ikun hemm, m'għandhomx ikunu ta' diżinċentiv biex jibdlu l-provditur;

  • Projbizzjoni espliċita li l-utenti jaqilbu għal provditur ieħor kontra r-rieda tagħhom;

  • Wara l-bdil, jitneħħa b'mod awtomatiku kull kuntratt antik mal-provdituri ta' qabel, mingħajr il-bżonn li l-utenti finali jikkuntattjaw lill-provditur ta' qabel;

  • Id-dritt li l-abbonati mħallsin minn qabel jiksbu rifużjoni ta' kull kreditu li jkun fadal meta jaqilbu;

  • Il-provdiment ta' servizz ta' direzzjonar tal-emails għall-klijenti mill-ISP ta' qabel għall-ISP il-ġdid (meta l-ISP ta' qabel ikun provda indirizz tal-email);

  • L-indirizz tal-email tal-bidu ma jiġi allokat lill-ebda utent finali ieħor għallinqas qabel jgħaddu sentejn.

IT-TRASPARENZA:

  • Għoti tal-informazzjoni dwar il-volumi, it-tariffi u l-kwalità tas-servizz provdut, il-prestazzjoni proprja tas-servizz;

  • Disponibbiltà obbligatorja tal-għodod għat-tqabbil provduti mir-regolatur nazzjonali jew partijiet terzi akkreditati biex l-utenti jkunu jistgħu ikunu jafu l-prestazzjoni proprja tal-aċċess għan-networks u tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika u l-ispiża ta' pakketti ta' użu alternattivi;

  • Kumpens lill-utent finali f'każ ta' abbuż jew dewmien waqt il-bdil;

  • Estensjoni tas-salvagwardji tat-trasparenza tar-regolament tar-roaming (il-mekkaniżmu tat-twissija, il-limitu tal-qtugħ) għal komunikazzjoni domestika;

  • mekkaniżmu kontra kontijiet li jaħsdu biex jevita qtajja'.

L-IMPATTI

  1. Għan-negozji: Aktar possibbiltajiet għall-kompetizzjoni għax il-konsumaturi jkunu aktar konxji mis-servizzi li qed jirċievu u jsibuha eħfef biex ibiddlu l-provditur. Dan joħloq opportunitajiet ġodda għax jipprovdi offerti attraenti li jissodisfaw id-domanda tal-konsumaturi.

  2. Għall-konsumaturi: Jistgħu jżommu lill-provdituri tas-servizz responsabbli għal parametri tas-servizzi offruti; u jistgħu jinfurzaw aħjar id-drittijiet tagħhom jekk dawn ma jiġux rispettati. Saret eħfef għalihom li jibdlu l-provditur tagħhom. Huma jistgħu jikkontrollaw il-konsum tagħhom u jitħarsu minn kontijiet li jaħsdu.

  3. Għall-futur: Konsumaturi infurmati aħjar li jsibuha eħfef biex jinfurzaw id-drittijiet tagħhom. Konsumaturi sodisfatti huma aktar probabbli li jżidu l-konsum tagħhom. Kwalità aħjar tas-servizz bis-saħħa ta' aktar bdil u kompetizzjoni.

Il-Viċi President Neelie Kroes qalet, "Dawn il-miżuri se jagħtu s-setgħa lill-konsumaturi biex jitolbu dak li qed iħallsu għalih. Dawn jgħinuhom iħallu l-provditur meta ma jkunux qed jirċievu dak li qed iħallsu għalih, jew sempliċiment meta jkunu jridu tip ta' servizz differenti. Il-konsumaturi jkollhom l-istess drittijiet irrispettivament minn fejn ikunu fl-Ewropa, jew minn min ikun il-provditur."

"Id-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar it-trasparenza u l-bdil se jsaħħu sostanzjalment id-drittijiet tal-konsumatur u jħeġġu l-kompetizzjoni bejn il-provdituri. Dawn ir-rekwiżiti stabbiliti għall-UE kollha huma meħtieġa biex jaħdem l-ispazju uniku Ewropew tal-konsumatur."


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website