Navigation path

Left navigation

Additional tools

Ittra mingħand il-President Barroso lill-President tal-Parlament Ewropew, is-Sur Martin Schulz

European Commission - MEMO/13/778   11/09/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG GA HR

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, 11 Settembru 2013

Ittra mingħand il-President Barroso lill-President tal-Parlament Ewropew, is-Sur Martin Schulz

Għażiż President Schulz,

Fid-diskors tiegħi ta' Illum dwar l-Istat tal-Unjoni, jien ippreżentajt l-opinjonijiet tiegħi dwar l-isfidi li għandna quddiemna hekk kif il-Parlament Ewropew qed iħejji għall-elezzjonijiet f'Mejju li ġej u hekk kif il-Kummissjoni tinsab dieħla fl-aħħar sena tal-mandat tagħha. Aħna diġà ksibna ħafna flimkien għaċ-ċittadini tal-Ewropa taħt kundizzjonijiet li kienu tassew ta' sfida. Il-Parlament Ewropew huwa msieħeb indispensabbli fil-proċess leġiżlattiv tal-UE u nemmen li nistgħu nkunu kburin bil-kisbiet komuni tagħna. Biex insemmu ftit minn dawn, il-ħidma li wettaqna flimkien fuq it-tisħiħ meħtieġ fil-qafas tal-governanza ekonomika tagħna, il-ftehim politiku dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, u t-tibdil komprensiv tas-superviżjoni u r-regolamentazzjoni finanzjarja se jkollhom impatt kbir fuq ir-reżiljenza tal-ekonomija Ewropea u se jtejbu l-prospetti għat-tkabbir fil-ġejjieni.

L-isfidi li għad fadal jitolbu li nintensifikaw il-ħidma tagħna ta' teħid ta’ deċiżjonijiet fix-xhur li ġejjin, u ntemmu x-xogħol leġiżlattiv li bdejna u li nkomplu għaddejjin bl-implimentazzjoni. Billi nwettqu azzjonijiet fit-territorju f'postijiet fejn hemm l-aktar potenzal għall-ixprunar u s-sostenn tal-irkupru ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, se ngħinu biex terġa’ tinbena l-fiduċja fil-kapaċità tal-Ewropa sabiex toħroġ iktar b’saħħitha mill-kriżi u fir-rwol imprezzabbli tal-UE bħala parti minn dik l-istrateġija tal-irkupru.

Din l-ittra telabora dwar l-inizjattivi ewlenin taħt konsiderazzjoni għall-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni tal-2104, skont il-Ftehim ta’ Qafas bejn iż-żewġ istituzzjonijiet tagħna. Ir-riflessjonijiet tagħna bbenefikaw mir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Lulju 2013, mill-interazzjoni frekwenti tiegħi miegħek u mal-Parlament flimkien mal-iskambji produttivi bejn il-Kummissarji u l-Kumitati parlamentari. Nistenna bil-ħerqa li nkomplu dawn l-iskambji hekk kif nimxu lejn l-iffinalizzar tal-Programm ta’ Ħidma x-xahar id-dieħel.

F’termini ta’ ħidmietna fl-2014, il-Parlament u l-Kummissjoni jaqblu li t-tkabbir u l-impjiegi għandhom jibqgħu l-ogħla prijorità. Jeħtieġ li nkomplu ninkoraġġixxu lill-Istati Membri biex ikomplu l-konsolidazzjoni fiskali differenzjata li tiffavorixxi t-tkabbir, biex ikomplu bir-riformi strutturali għall-kompetittività, biex jerġgħu jistabbilixxu s-self normali lill-ekonomija, biex isibu mezzi innovattivi biex joħolqu l-impjiegi u jgħinu lil dawk fil-bżonn u jisfruttaw il-potenzjal kreattiv tal-Ewropa, u biex jimmodernizzaw l-amministrazzjoni pubblika. U għandna nżommu għajnejna wkoll fuq l-isfidi - u l-opportunitajiet - fit-tul, bħall-politika dwar l-enerġija u l-klima, it-tisħiħ tal-kapaċità innovattiva tal-Ewropa u l-kontribut tagħna lejn l-istabbiltà fid-dinja aktar wiesgħa.

Prijoritajiet ta’ politika u ppjanar għall-2014

Ħafna mill-enfasi s-sena d-dieħla neċessarjament se tkun fuq l-adozzjoni ta' proposti leġiżlattivi li issa jinsabu f’kodeċiżjoni u l-konsolidament tal-ħidma li diġà qed titwettaq. Din l-enfasi se tkun riflessa fil-Programm ta’ Ħidma tal-2014 tal-Kummissjoni. Se nqiegħdu l-enfasi fuq l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ proposti pendenti ewlenin (bħall-inizjattivi għall-impjiegi taż-żgħażagħ tagħna u l-proposti tagħna biex nagħtu spinta lis-self lill-SMEs), fejn l-Istati Membri jeħtieġu li jaċċelleraw l-implimentazzjoni, kif ukoll fuq il-ħidma biex niżguraw tnedija bla xkiel u bla dewmien tal-programmi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) l-ġdid u tax-xogħol tal-grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar ir-riżorsi proprji.

Bħal fl-2013, l-enfasi tat-tfassil tal-politika ekonomika tagħna se jkun fuq finanzi pubbliċi sodi, riformi strutturali u investiment immirat. Aħna se nkunu qed naħdmu biex nibnu fiduċja fil-kapaċità tal-Ewropa li tikber b’mod sostenibbli, li tipprovdi impjiegi u sistemi ta’ protezzjoni soċjali tajba għaċ-ċittadini tagħna u li tiżgura li l-UE tibqa’ kompetittiva fl-ekonomija globali. Se nkunu rridu nagħtu prijorità għolja għat-twaqqif tal-unjoni bankarja u se tkompli l-ħidma dwar il-governanza ekonomika, l-aċċess għall-finanzjament, il-mobilità tax-xogħol u l-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ. F’konformità mal-Pjan Dettaljat tal-Kummissjoni għal UEM Profonda u Ġenwina, jenħtieġ li nkomplu ħidmietna sabiex nibnu Unjoni Ekonomika u Monetarja sħiħa, b'livell għoli ta' responsabbiltà demokratika. Dwar dan tal-aħħar, il-Kummissjoni se toħroġ Komunikazzjoni dwar id-Dimensjoni Soċjali tal-UEM fit-2 ta’ Ottubru. Barra minn hekk, għandna nirduppjaw l-isforzi tagħna biex nilħqu l-miri tagħna tal-Ewropa 2020 permezz ta’ azzjoni sostnuta u kkordinata fuq livelli nazzjonali u Ewropej.

L-innovazzjoni u l-investiment huma vitali għall-kompetittività. Il-programmi l-ġodda tal-QFP huma mmirati lejn il-prijoritajiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u jinkludu firxa wiesgħa ta’ miżuri biex tingħata spinta lill-investiment, biex jiġi żviluppat il-kapital uman u jiġu pprijoritizzati riformi b’impatt dirett fuq it-tkabbir u l-impjiegi. Se tkompli l-ħidma li tinsab għadejja mal-Bank Ewropew tal-Investiment biex jiġi sostnut l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament bħala għodda essenzjali biex tirriġenera t-tkabbir. Se nkomplu niżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tar-regoli tas-suq intern f’oqsma kritiċi bħas-servizzi u l-enerġija, u t-twettiq tal-inizjattivi tal-Att dwar is-Suq Uniku (ASU) u se nimmiraw biex inlestu l-immodernizzar tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat. Il-proposti li għamilna illum għal suq uniku ġenwin fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet huma wkoll essenzjali għall-kompetittività u l-adozzjoni tagħhom se tkun prijorità għolja fix-xhur li ġejjin. Se nkomplu wkoll il-ħidma tagħna dwar l-impatt tal-prezzijiet tal-enerġija fuq il-kompetittività u modi kif nindirizzaw dan.

Il-kummerċ huwa wkoll qasam b’potenzjal ta’ tkabbir enormi fejn irridu nżommu r-ritmu tan-negozjati ma’ sħab ewlenin inklużi l-Istati Uniti.

F'dan l-isfond, il-Kummissjoni tqis li l-prijoritajiet ewlenin għall-bqija tal-2013 u għall-2014 huma dawn:

• Li niżguraw bidu bla xkiel għall-programmi kollha tal-QFP għall-perjodu 2014-2020, fejn il-baġit tal-UE jkun katalist għall-investiment, it-tkabbir u r-riforma;

• Li nħaffu l-pass tal-adozzjoni ta’ proposti ewlenin, b'mod partikolari dwar l-unjoni bankarja u r-regolamentazzjoni finanzjarja (bħall-proposti dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Banek u l-Irkupru ppreżentata fl-2012 u għal Mekkaniżmu ta’ Riżoluzzjoni Uniku ppreżentata f’Lulju), u dwar is-suq uniku (bil-proposti kollha tal-SMA II issa jinsabu fuq il-mejda), il-proposta dwar it-telekomunikazzjoni adottata llum u l-aġenda diġitali; hemm ukoll firxa wiesgħa ta’ proposti ta’ importanza ewlenija għaċ-ċittadini — li jkopru oqsma mill-politika komuni tas-sajd riformata sa suq intern fil-ferroviji sal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. F’dan il-kuntest nixtieq nenfasizza l-bżonn li tiġi konkluża malajr l-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk. Li ngħaddu dawn il-proposti f’liġi qabel tmiem il-leġiżlatura tagħkom jibgħat messaġġ qawwi ta’ kif l-UE hija ta’ importanza kruċjali għaċ-ċittadini.

• Li nsaħħu l-governanza ekonomika, inkluża d-dimensjoni soċjali, u nkomplu niżviluppaw il-proċess tas-Semestru Ewropew, b’enfasi partikolari fuq l-implimentazzjoni (b’mod partikolari “it-two-pack” u l-koordinazzjoni tal-azzjoni fil-livelli kollha);

• Li nkomplu l-ħidma dwar l-aġenda tal-kummerċ tagħna (l-aktar permezz ta’ negozjati tagħna fuq sħubija dwar il-Kummerċ u l-Investiment tranżatlantiku (TTIP) mal-Istati Uniti tal-Amerika u negozjati ma’ sħab ewlenin oħra bħall-Kanada u l-Ġappun), u nħejju l-pożizzjoni tal-UE dwar negozjati internazzjonali ewlenin, bħall-konferenza li jmiss tal-Partijiet dwar il-qafas għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-aġenda għall-iżvilupp ta' wara l-2015;

• Li nippromwovu ambjent li jiffavorixxi n-negozju, b'mod partikolari lill-SMEs, billi nkomplu nissimplifikaw u nirrazzjonalizzaw ir-regolamentazzjoni, partikolarment fil-kuntest tal-Programm dwar l-Idoneità u r-Riżultati Regolatorji (REFIT) li għadu għaddej u li huwa mmirat biex niżguraw li l-leġiżlazzjoni tal-UE kollha tkun adattata għall-għan tagħha.

L-UE għandha wkoll tibqa' impenjata b'mod sħiħ favur it-twettiq tal-objettivi globali tagħna, lesta li tirreaġixxi għal dak li jiġri fl-immedjat imma impenjata wkoll sabiex tapprofondixxi l-ħidma tagħna mal-pajjiżi kandidati, inkluża n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo. Il-bini ta' assoċjazzjoni politika u integrazzjoni ekonoika mal-ġirien tagħna tas-Sħubija tal-Lvant, u għajnuna lill-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar fil-proċess ta' tranżizzjoni tagħhom u l-bini ta' rabtiet aktar mill-qrib mal-imsieħba strateġiċi tagħna se jibqgħu prijorità ewlenija.

Inizjattivi ġodda

Barra minn hekk, il-Kummissjoni sejra tipproponi numru ffukat ta’ inizjattivi ġodda, immirati sabiex isaħħu l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea, kif ukoll sabiex jagħtu qafas għall-politika dwar il-klima u l-enerġija għal wara l-2020. Se niżviluppaw ukoll l-ideat li ppreżentajt illum dwar l-istat tad-dritt.

Eżempji ta’ inizjattivi ġodda li qed jiġu kkunsidrati jinkludu:

• Il-Komunikazzjoni dwar id-dimensjoni soċjali tal-UEM

• Reviżjoni tal-qafas ta’ superviżjoni finanzjarja u riforma tal-istruttura tal-banek tal-UE wara r-rapport Liikanen

• Segwitu dwar l-iffinanzjar fit-tul tal-ekonomija Ewropea

• Tisħiħ tal-bażi industrijali tal-Ewropa permezz tar-riforma tas-suq intern għall-prodotti industrijali u inizjattivi ulterjuri favur it-tisħiħ tal-kompetittività tal-industrija Ewropea.

• Tlestija tal-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat sabiex jissaħħaħ is-suq intern u jiġi promoss infiq pubbliku aħjar

• Approċċ komprensiv lejn żona Ewropea tal-ħiliet u l-kwalifiki

• Segwitu għall-istrateġija dwar il-VAT biex jitnaqqsu l-ispejjeż għan-negozji tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT

• Reviżjoni tar-Regolament tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali

• Tlestija tax-xogħol sabiex jiġu llinkjati s-servizzi pubbliċi nazzjonali tal-impjiegi biex jindirizzaw l-iżbilanċi fil-provvista tax-xogħol

• Qafas ta' kwalità dwar ir-ristrutturar.

• Qafas ġdid dwar l-enerġija u l-klima għall-2030

• Riżultati ta’ rieżami tal-politika dwar l-iskart

• Komunikazzjoni dwar l-inizjattivi futuri fil-qasam tal-politiki tal-ġustizzja u l-affarijiet interni.

• Is-sistema tal-viża għal vjaġġaturi bona fide

• Il-pakketti tat-Tkabbir u l-Viċinat għall-2014

• Tkomplija tat-twaqqif tal-aġenda għal segwitu ambizzjuż għall-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju u r-rabta ta' dan mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli

• Il-kontribut tal-UE għas-sigurtà marittima globali

Xogħol esploratorju se jitwettaq fl-2014 f’oqsma li jinkludu:

• Liberalizzazzjoni tal-aċċess għas-swieq u l-immobilizzar tal-finanzi

• Zieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-mobilità, inkluż għall-professjonijiet regolati

• Tlestija taż-Żona Ewropea tar-Riċerka

• Teknoloġiji ekoloġiċi inkluż il-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza tal-enerġija

• L-għoti ta' aktar setgħa lill-konsumaturi fis-suq intern tal-enerġija

• Evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

• Is-segwitu għall-komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni dwar id-difiża

• Il-futur tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp wara l-2020

Se nirriflettu wkoll fuq l-esperjenza tal-Istrateġija Ewropa 2020 s’issa u nikkunsidraw jekk neħtiġux adattamenti biex ninkoraġġixxu r-riformi meħtieġa biex inħaffu t-tkabbir u noħolqu impjiegi ġodda.

L-evalwazzjonijiet u l-analiżijiet imwettqa taħt il-programm REFIT se jagħtu lok għal ideat ġodda f’oqsma ta’ politika oħrajn tal-UE.

Inħarsu lejn il-ġejjieni u nsaħħu r-responsabilità demokratika

Ħidmietna tal-preżent għandha wkoll tippermettilna li nħaresu lejn dak li huwa essenzjali għall-futur tal-Ewropa, b’mod partikolari biex niżviluppaw pjanijiet dwar integrazzjoni aktar profonda sostnut Il-preżentazzjoni ta' ideat aktar fit-tul għall-futur tal-Unjoni Ewropea, b'żieda mal-prinċipji stabbiliti fil-Pjan Dettaljat preċedenti tagħna, se tippermetti dibattitu Ewropew reali qabel l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.

Nistenna bil-ħerqa l-laqgħa tal-Kulleġġ tal-Kummissarji mal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati fit-2 ta’ Ottubru u l-laqgħa tiegħi fit-3 ta’ Ottubru mal-Konferenza tal-Presidenti li se jipprovdu l-input tal-Parlament Ewropew qabel il-Kummissjoni tiffinalizza l-Programm ta’ Ħidma tagħha għall-2014.

José Manuel BARROSO


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website