Navigation path

Left navigation

Additional tools

Lejn kwalità aħjar fit-trasport fuq il-passaġġi tal-ilma interni

European Commission - MEMO/13/771   10/09/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, l-10 ta' Settembru 2013

Lejn kwalità aħjar fit-trasport fuq il-passaġġi tal-ilma interni

Fatti u ċifri ewlenin

  • L-ikbar ħames portijiet tal-baħar fl-UE huma kollha konnessi ma’ passaġġi tal-ilma interni.

  • Kull sena, 140 biljun tunnellata ta' kilometri huma ttrasportati fuq passaġġi tal-ilma interni tal-UE.

  • Hemm aktar minn 230 port intern fin-netwerk tat-TEN-T, li minnhom madwar 75 jagħmlu parti min-netwerk ewlieni. Madwar 40 minn dawn il-portijiet jikkombinaw l-istatus tal-portijiet marittimi u interni.

  • L-emissjonijiet tas-CO2 u l-konsum tal-fjuwil ta' bastimenti kbar fuq il-passaġġi tal-ilma interni jammontaw biss għal terz minn dawk tat-trasport tat-triq.

  • Fl-2010, Rotterdam, l-akbar port fl-UE ttrasferixxa terz tal-merkanzija kollha permezz ta’ passaġġi tal-ilma interni.

  • Il-passaġġi tal-ilma interni navigabbli tal-Ewropa jammontaw għal 37 000 kilometru.

X’inhi l-kwistjoni?

It-trasport permezz tax-xmajjar u l-kanali huwa mod ta' trasport tal-oġġetti silenzjuż u effiċjenti ħafna fl-enerġija. Dan għandu rwol ewlieni fit-trasport ta' prodotti mill-portijiet l-aktar traffikużi tal-Ewropa lejn id-destinazzjoni finali tagħhom. Madanakollu, il-potenzjal ta’ dan il-mod ta’ trasport mhuwiex sfruttat għalkollox.

Ix-xmajjar tal-Ewropa għad għandhom kapaċità kbira biex jittrasportaw aktar prodotti biex b'hekk itaffu l-konġestjoni fit-toroq u fl-assi ferrovjarji f’uħud mill-iktar żoni popolati. Jista’ wkoll jagħmel aktar biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ ħsara li jniġġsu l-arja.

Barra minn hekk, partijiet sinifikanti tas-settur tan-navigazzjoni interna qed jiffaċċjaw diffikultajiet ekonomiċi. Id-domanda għadha baxxa, filwaqt li l-kapaċità kompliet tiżdied; dan qed isarraf fi żbilanċi bejn l-offerti u t-talbiet, il-pressjoni tal-prezzijiet, it-tnaqqis tal-użu tal-kapaċità, l-impjiegi u l-profittabilità mnaqqsa.

X’inhuma l-politiki kurrenti?

Mill-2006 'l hawn, il-programm ta’ azzjoni NAIADES I elenka iktar minn 30 azzjoni ta’ promozzjoni ta’ navigazzjoni interna. Ħafna minn dawn l-azzjonijiet ġew finalizzati u l-programm issa jeħtieġ li jiġi aġġornat. Hemm bżonn nerġgħu niffukaw il-politika fuq il-kwistjonijiet ewlenin tat-titjib tal-prestazzjoni ekonomika u ambjentali tas-settur.

X’qed nipproponu?

Il-Kummissjoni qed tipproponi programm ta’ azzjoni ġdid permezz ta'miżuri li se jtejbu l-kundizzjonijiet ta' qafas għas-settur tal-passaġġi fuq l-ilmijiet interni u se jsaħħu l-prestazzjoni ekonomika u ambjentali ta’ dan il-mezz ta’ trasport.

Il-programm NAIADES II se jiffaċilita bidliet strutturali fit-tul għas-settur tat-trasport fuq il-passaġġi tal-ilma interni. Dan jinkludi wkoll azzjonijiet f'medda qasira ta' żmien li qed jitwettqu bħalissa mill-Kummissjoni biex tindirizza s-sitwazzjoni ekonomika diffiċli tas-settur.

Il-miżuri ta’ NAIADES II huma dawn li ġejjin:

It-titjib tal-kwalità tal-infrastruttura u t-trawwim tal-integrazzjoni tat-trasport fuq l-ilmijiet navigabbli interni fil-katina loġistika

Infrastruttura effiċjenti hija l-kundizzjoni bażika biex it-trasport fuq l-ilmijiet navigabbli interni jaħdem b’suċċess. In-navigazzjoni interna tista’ taqdi r-rwol sħiħ tagħha biss jekk il-passaġġi tal-ilma interni jinżammu sew, jiġu konnessi aħjar ma' mezzi oħra ta’ trasport, jekk il-konnessjonijiet nieqsa jimtlew u jekk jingħelbu l-ostakli.

Permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Kummissjoni se tipprovdi appoġġ biex ittejjeb l-istrumenti eżistenti u tibni mill-ġdid l-infrastruttura tal-passaġġi tal-ilma interni u se tgħin biex tgħolli l-livell tal-interkonnessjoni tagħha ma’ mezzi oħra ta’ trasport. L-implimentazzjoni tal-arterji TENT se tiżgura li l-arterji jiġu żviluppati billi jitqiesu l-mezzi kollha ta’ trasport b’mod koordinat.

Il-Kummissjoni se tirrevedi l-użu tas-Servizzi ta’ Informazzjoni tax-Xmajjar1 filwaqt li tikkunsidra l-bżonn li tittejjeb l-integrazzjoni tad-dejta tul il-mezzi tat-trasport.

Appoġġ għat-tħaddim bla xkiel tas-suq u r-ristrutturar tas-settur u l-indirizzar tal-ħtieġa għall-kwalifiki, il-ħiliet u l-impjiegi ta’ kwalità

Is-settur tal-passaġġi fuq l-ilma interni qed jopera f'ċirkostanzi ekonomiċi diffiċli. Il-frammentazzjoni fis-settur hija għolja bi 80 % tal-flotta mħaddma minn operaturi-sidien. Dan jagħmilha diffiċli biex titqabbel il-provvista mad-domanda u jostakola l-kapaċità ta' investiment mill-ġdid u innovazzjoni fis-settur. Huwa stmat li l-impjiegi fis-settur naqsu b'10%. L-istruttura tal-età għall-ħaddiema se twassal għal żieda fil-fluss tal-ħruġ ta’ ħaddiema fl-għaxar snin li ġejjin. F’ċerti oqsma tas-suq, 50 % tal-ħaddiema għandhom iktar minn 50 sena.

Il-Kummissjoni involviet ruħha f’diskussjoni mas-settur u l-Istati Membri kkonċernati dwar miżuri xierqa biex tingħeleb is-sitwazzjoni diffiċli u tiġi sostnuta r-ristrutturazzjoni tas-settur. Il-Kummissjoni tħares ukoll lejn x’jista’ jsir min-naħa tar-regolamentazzjoni biex tittejjeb is-sitwazzjoni. Hija se terġa’ teżamina l-ħtiġijiet tekniċi għall-bastimenti u tinkoraġġixxi l-użu bikri ta’ Gass Naturali Likwidu (LNG) bħala fjuwil alternattiv.

Il-Kummissjoni se tipproponi miżuri biex jitnaqqsu l-ostakli għall-aċċess u l-mobilità tax-xogħol, jiġu vvalorizzati l-kwalifiki u l-karrieri fis-settur, u jittejjeb il-livell tal-opportunitajiet ugwali.

L-ekoloġizzazzjoni tas-settur billi jitnaqqsu l-emissjonijiet u l-ixprunar tal-innovazzjoni

Meta mqabbel ma’ mezzi oħra ta'trasport fuq l-art, it-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni huwa effiċjenti fl-enerġija, sikur u silenzjuż, u kważi mingħajr l-ebda konġestjoni. Madankollu, il-progress fit-tnaqqis tas-sustanzi li jniġġsu l-arja ma laħaqx il-livell ta’ din ix-xejra favorevoli. L-użu ta’ fjuwils alternattivi bħal-LNG jista' jgħin lis-settur biex ilaħħaq ma’ mezzi oħra ta’ trasport.

Il-Kummissjoni se tirrevedi l-limiti ta’ emmissjonijiet għal magni ġodda u tesplora iktar il-limiti tal-emissjonijiet għal dawk eżistenti. Se temenda wkoll ir-regoli li jippermettu l-użu tal-LNG bħala fjuwil fin-navigazzjoni interna.

It-trasport fuq il-passaġġi tal-ilma interni, joħloq servizzi ġodda u jiżviluppa swieq ġodda b'mod regolari. Madankollu, ir-rata ta’ innovazzjoni ġenerali hija baxxa u teħtieġ spinta qawwija. Il-Kummissjoni ssejjaħ lis-settur biex dan jiżviluppa pjan direzzjonali għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni.

Il-Kummissjoni se tipprovdi appoġġ għal approċċ aktar ekoloġiku u innovazzjoni mill-programmi Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u ressqet proposta bħala parti mill-pakkett NAIADES II sabiex is-settur ikun fond ta’ riżerva biex jappoġġja l-investiment fit-tnaqqis tal-emissjonijiet. L-azzjoni ta' appoġġ min-naħa tal-Kummissjoni tista’ tkun ikkumplimentata minn programmi ddedikati fil-livell tal-Istat Membru.

Approċċ ġdid lejn il-governanza

In-NAIADES II se jindirizza s-sovrappożizzjoni tal-oqfsa legali u l-kompetenzi fis-settur tal-passaġġi fuq l-ilma interni. Dan jinvolvi miżuri istituzzjonali u leġiżlattivi u jimmira li jkun hemm aktar kooperazzjoni mmirata ma’ korpi internazzjonali oħra biex jindirizzaw regoli dduplikati.

L-ewwel passi ġew stabbiliti permezz ta’ arranġament amministrattiv bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u mill-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Rhine u proposta ġdida għal Direttiva adottata bħala parti mill-pakkett NAIADES II, li jissostitwixxi d-Direttiva 2006/87/KE dwar ir-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni u li tippermetti li jippromulgaw standards uniformi.

X'inhuma l-benefiċċji?

L-ekonomija Ewropea kollha se tibbenefika billi l-ilmijiet interni se jiġu sfruttati aħjar.

L-operaturi ta’ passaġġi tal-ilma interni se jibbenefikaw minn qafas ġuridiku aktar ċar, minn titjib ta' kondizzjonijiet ta’ tħaddim, minn kondizzjonijiet strutturali li jistimulaw l-innovazzjoni u minn possibbiltà ikbar biex jintużaw il-baġits mogħtija mis-settur lill-fond tar-riżerva. Fl-istess waqt, l-industrija u l-utenti tan-navigazzjoni interna se jibbenefikaw minn servizzi ta’ navigazzjoni interna ta’ kwalità.

Iċ-ċittadini Ewropej se jgawdu minn benefiċċji ambjentali u marbuta mas-saħħa billi n-navigazzjoni interna se ssir aktar attraenti mil-lat ekonomiku u ambjentali tagħha.

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/transport/modes/inland/promotion/naiades_en.htm

Infografika dwar il-portijiet tal-UE: http://ec.europa.eu/transport/modes/maritime/infographics_en.htm

1 :

Is-Servizzi ta’ Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS) u l-proġetti relatati tagħha jinvolvu l-infrastruttura għall-ġestjoni tat-traffiku fuq in-netwerk tal-passaġġi tal-ilma interni. Speċifikament, dan jinkludi l-istabbiliment ta’ sistema tat-traffiku u tat-trasport interoperabbli u intelliġenti biex tottimizza l-kapaċità u s-sikurezza eżistenti u ttejjeb l-interoperabbiltà ma’ mezzi oħra ta’ trasport.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website