Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Eġittu

Commission Européenne - MEMO/13/751   21/08/2013

Autres langues disponibles: EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, il-21 ta' Awwissu 2013

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Eġittu

Ir-relazzjonijiet politiċi

L-UE u l-Eġittu stabbilixxew relazzjonijiet diplomatiċi fl-1966 u huma marbuta bil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni li daħal fis-seħħ fl-2004. L-UE tfittex li tiżviluppa relazzjoni mill-qrib mal-Eġittu, bħala pajjiż ġar u sieħeb ewlieni f'reġjun strateġiku. L-aġenda tar-relazzjonijiet bejn l-UEu l-Eġittu hija stipulata fil-Pjan ta' Azzjoni UE-Eġittu skont il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV).

Mindu saru l-protesti tal-25 ta’ Jannar 2011, l-UE appoġġat b'mod konsistenti t-talba leġittima tal-popolazzjoni Eġizzjana għad-drittijiet ċivili, politiċi u soċjoekonomiċi tagħhom. Hija laqgħet l-ewwel elezzjonijiet demokratiċi presidenzjali tal-Eġittu li ħatru lil Mohamed Morsi tal-Partit tal-Libertà u l-Ġustizzja. Matul iż-żjara ta' dan tal-aħħar fi Brussell f'Settembru 2012, ġie miftiehem li tiġi organizzata t-Task Force UE-Eġittu, kopreseduta mir-Rappreżentant Għoli, il-Viċi President Catherine Ashton. Din it-Task Force ta’ livell għoli hija forma ġdida ta’ diplomazija Ewropea, bil-għan li jissaħħaħ l-impenn tal-UE lejn pajjiżi fi tranżizzjoni permezz tal-mobilizzazzjoni tal-assi kollha tal-UE u bil-ħidma kemm tas-setturi pubbliċi kif ukoll dawk privati.

Wara d-dikjarazzjoni kostituzzjonali ta’ Novembru 2012 u l-adozzjoni mgħaġġla tal-Kostituzzjoni mill-kamra superjuri tal-parlament iddominata mill-Iżlamisti, ix-xena politika tal-Eġittu nqasmet bejn l-Iżlamisti favur Morsi u l-oppożizzjoni sekulari u liberali, prinċipalment rappreżentata mill-Front għas-Salvazzjoni Nazzjonali. L-UE ħadet sehem f’taħdidiet bil-għan li tgħaqqad il-partiti flimkien. Madankollu, il-polarizzazzjoni politika żdiedet matul ir-Rebbiegħa tal-2013 u wara protesti immensi madwar il-pajjiż kollu kontra t-tmexxija tal-Partit tal-Libertà u l-Ġustizzja, il-President Morsi ġie sfurzat jirriżenja fit-3 ta’ Lulju 2013.

F’dawn l-aħħar ġimgħat, l-UE nediet sforzi kbar sabiex tippromwovi d-djalogu u soluzzjoni paċifika għall-kriżi Eġizzjana permezz tal-involviment kostanti tagħha mal-partijiet kollha — inkluż matul l-aħħar żjarat tar-Rappreżentant GĦoli, il-Viċi President Ashton fis-17 u bejn id-29 u t-30 ta’ Lulju, u l-azzjoni tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għan-Nofsinhar tal-Mediterran, Bernardino León. Huma t-tnejn tennew f’diversi okkażjonijiet li l-Eġittu għandu bżonn ta’ proċess ta’ tranżizzjoni kompletament inklużiv, li jinvolvi l-gruppi politiċi kollha, biex jasal għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti u gvern immexxi mill-poplu. Dawn l-elementi huma l-prekundizzjonijiet meħtieġa biex l-Eġittu jkun stabbli, prosperu u demokratiku.

Madankollu, f’Awwissu, seħħew avvenimenti traġiċi, li rriżultaw f’telf drammatiku ta’ ħajjiet u ħafna nies feruti. L-UE esprimiet tħassib serju u talbet lill-partijiet kollha biex iwaqqfu l-vjolenza. Kunsill tal-Affarijiet Barranin straordinarju ltaqa' fil-21 ta’ Awwissu biex jiddiskuti s-sitwazzjoni fl-Eġittu.

L-assistenza bilaterali tal-UE lejn l-Eġittu

1) It-Task Force UE-Eġittu ta' Novembru 2012: EUR 5 biljun li twiegħdu mill-UE

Matul it-Task Force UE-Eġittu f’Novembru 2012, kważi EUR 5 biljun kienu mwiegħda mill-UE u istituzzjonijiet finanzjarji assoċjati (il-BEI u l-BERŻ) bħala pakkett globali addizzjonali ta’ għajnuna fit-tul għall-appoġġ lill-Eġittu f’oqfsa differenti.

  1. Il-Kummissjoni Ewropea ħadet impenn li tipprovdi appoġġ finanzjarju addizzjonali lill-Eġittu bl-ammont globali ta’ kważi EUR 800 miljun fl-għamla ta’ għotjiet u self:

  • EUR 303 miljun fl-għamla ta’ għotjiet (EUR 90 miljun minn fondi skont il-programm SPRING, EUR 50 miljun bħala komponent ta’ għotja tal-operazzjoni għall-għajnuna makrofinanzjarja, EUR 163 miljun mill-Faċilità ta’ Investiment tal-Viċinat);

  • EUR 450 miljun fl-għamla ta’ self (għajnuna makrofinanzjarja konnessa mal-konklużjoni ta’ self Eġittu-FMI li għadha ma mmaterjalizzatx).

  1. Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) ħabbar self potenzjali sa EUR 1 biljun fis-sena, jiġifieri sa EUR 2 biljun għall-2012-13;

  2. Il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) ħabbar pjanijiet biex jitjiebu l-volumi ta’ self għal EUR 1 biljun fis-sena, jiġifieri sa EUR 2 biljun għall-2012-13.

Dawn il-EUR 5 biljun jiġu flimkien mal-għajnuna għall-kooperazzjoni tradizzjonali mmexxija mill-Kummissjoni Ewropea.

2) Għajnuna għal Kooperazzjoni Regolari

Għall-perjodu finanzjarju 2007-2013, l-UE għamlet disponibbli aktar minn EUR  biljun għall-Eġittu bl-Istrument tal-Politika Ewropea ta' Viċinat u Sħubija (European Neighbourhood Partnership Instrument, ENPI), li huwa l-istrument finanzjarju prinċipali li jipprovdi programmi ta' għajnuna lir-reġjun. Bħalissa, il-programmi li qed jiġu implimentati jammontaw għal madwar EUR 892 miljun. Sfortunatament, il-livelli ta’ finanazjament ta' programmi li għaddejjin bħalissa naqsu: Pereżempju fl-2013, EUR 16-il miljun biss tħallsu sa issa, minħabba l-instabbiltà kontinwa fil-pajjiż u n-nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet miftiehma.

L-appoġġ baġitarju settorjali (jiġifieri fondi mwassla permezz tal-baġit tal-gvern biex jappoġġaw ir-riforma f’settur speċifiku) huwa l-akbar mezz ta’ għajnuna — aktar minn nofs il-programmi li għaddejjin bħalissa— il-parti li jifdal jiġu implimentati permezz ta’ proġetti. Mill-2012, l-ebda programmi ta’ appoġġ baġitarju ġodda ma ġew approvati għall-Eġittu minħabba n-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ riforma.

Minbarra l-ENPI, l-għajnuna tal-UE hija pprovduta permezz ta’ għodda finanzjarji oħra bħall-Facilità ta' Investiment tal-Viċinat (Neighbourhood Investment Facility, NIF), l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (European Instrument for Democracy and Human Rights, EIDHR), jew programmi tematiċi skont l-Istrument ta’ Żvilupp u Kooperazzjoni (Development and Cooperation Instrument, DCI). L-appoġġ għal organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u atturi mhux statali permezz ta' dawn l-istrumenti finanzjarji oħra (barra l-ENPI) jammonta għal madwar EUR 23 miljun.

Eżempji ta' proġetti

L-appoġġ ipprovdut sa issa mill-Kummissjoni Ewropea — u b’mod partikolari skont programmi ta’ appoġġ baġitarju settorjali — ippermetta l-provvediment u l-estensjoni ta’ servizzi soċjali bażiċi (is-saħħa, l-edukazzjoni, eċċ.) biex tintlaħaq l-ifqar popolazzjoni u dik l-aktar vulnerabbli. Pereżempju, l-appoġġ tal-UE għas-settur tal-edukazzjoni kkontribwixxa għal (i) aċċess iktar ekwu għall-edukazzjoni bit-titjib tad-disponibbiltà tal-appoġġ ta’ rimedju; (ii) inklużjoni tat-tfal b'diżabbiltà fl-iskejjel tradizzjonali b'taħriġ u infrastruttura xierqa; u (iii) żieda fl-involviment tal-komunità.

Barra minn hekk, l-appoġġ għas-soċjetà ċivili u b’mod partikolari n-nisa ġew imsaħħa, bil-proġetti favur id-drittijiet tan-nisa jirrappreżentaw madwar 25 % tal-għajnuna kontinwa tal-UE għas-soċjetà ċivili fl-Eġittu. L-attivitajiet appoġġati jinkludu l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa f’kampanji elettorali u l-ġlieda kontra kull vjolazzjoni u abbuż tan-nisa.

Ir-relazzjonijiet kummerċjali UE — Eġittu

L-UE u l-Eġittu huma sħab kummerċjali maġġuri fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Mediterran. Id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fl-2004 tejjeb il-kundizzjonijiet għall-kummerċ bejn l-UE u l-Eġittu. Mill-2004, il-kummerċ bilaterali bejn l-UE u l-Eġittu żdied b'aktar mid-doppju u laħaq l-ogħla livell li qatt kien fl-2012 (minn EUR 11.5 biljun fl-2004 għal EUR 23.8 biljun fl-2012).

L-importazzjonijiet tal-merkanzija fl-UE mill-Eġittu huma dominati mill-enerġija, segwiti mis-sustanzi kimiċi u t-tessuti u l-ħwejjeġ. L-esportazzjonijiet tal-UE lejn l-Eġittu jikkonsistu essenzjalment f’makkinarju u kimiċi.

L-esportazzjonijiet ta’ servizzi mill-UE lejn l-Eġittu huma dominati mis-servizzi tan-negozju, filwaqt li l-importazzjonijiet tal-UE mill-Eġittu jikkonsistu essenzjalment f'servizzi tal-ivvjaġġar u t-trasport.

Għal iżjed informazzjoni:

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Eġittu

L-Assistenza finanzjarja lejn l-Eġittu

Ir-Relazzjonijiet Kummerċjali bejn l-UE u l-Eġittu


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site