Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, id-9 ta’ Awwissu 2013

Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, f’isem l-Unjoni Ewropea fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Popli Indiġeni tad-Dinja

“Illum, hekk kif qed niċċelebraw il-Jum Internazzjonali tal-Popli Indiġeni tad-Dinja, intennu l-appoġġ tal-UE għalihom madwar id-dinja. Aħna ningħaqdu magħhom biex niċċelebraw il-wirt kulturali għani tagħhom, u nfaħħru lill-kontribut kbir li t-tradizzjonijiet u l-għarfien tagħhom taw lill-wirt kulturali dinji. L-UE dejjem kienet sostenitriċi kbira tad-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2007 dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni. Id-Dikjarazzjoni hija għodda ewlenija għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, iżda l-isfida tibqa’ fil-prattika. Sfortunatament, id-diskriminazzjoni kontra l-popli indiġeni u t-trattament mhux ugwali tagħhom ikomplu jeżistu madwar id-dinja. L-UE tfaħħar lil dawk li jiddefendu d-drittijiet tal-popli indiġeni, li f’ħafna pajjiżi huma esposti għal riskji partikolari u repressjoni akuta, kif muri f'bosta rapporti internazzjonali, inklużi r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem.

L-UE tfittex li tintegra d-drittijiet tal-bniedem fl-aspetti kollha tal-politiki esterni tagħha. L-UE ssemmi l-kwistjoni tad-drittijiet tal-popli indiġeni kulfejn ikun relevanti fid-djalogi politiċi tagħha ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet reġjonali, u fil-fora multilaterali bħalma huma n-Nazzjonijiet Uniti. Hi tagħti wkoll appoġġ finanzjarju lil proġetti tas-soċjetà ċivili, lid-delegati tal-persuni indiġeni fil-korpi tan-NU u lill-attivitajiet rilevanti tal-ILO. Din is-sena, l-UE nediet sejħa għal proposti permezz tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) bl-għan li tippromwovi d-drittijiet tal-popli indiġeni. L-UE hija impenjata wkoll biex tirrevedi u tkompli tiżviluppa l-politika tagħha fil-mixja lejn il-Konferenza Dinjija dwar il-Popli Indiġeni fl-2014.”


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website