Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Strasburgu, il-6 ta' Frar 2013

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd

L-għan ġenerali tal-proposti tal-Kummissjoni għal Politika Komuni tas-Sajd (PKS) moderna u aktar faċli huwa li s-sajd isir sostenibbli – ambjentalment, ekonomikament u soċjalment. Il-politika l-ġdida se treġġa’ lura l-istokkijiet tal-ħut għal livelli sostenibbli, billi ttemm is-sajd esaġerat u tistabbilixxi opportunitajiet tas-sajd ibbażati fuq parir xjentifiku. Din il-politika se tipprovdi liċ-ċittadini tal-UE bi provvista ta’ ikel stabbli, sikura u sana għall-perjodu fit-tul; qed timmira li tikseb prosperità ġdida għas-settur tas-sajd, ittemm id-dipendenza fuq is-sussidji u toħloq opportunitajiet ġodda għall-impjiegi u t-tkabbir f’żoni kostali.

Għaliex hija meħtieġa politika ġdida?

Jeħtieġ issir riforma urġenti tal-politika tas-sajd tal-Ewropa. Il-bastimenti qed jaqbdu iżjed ħut minn kemm jista’ jiġi riprodott b’mod sikur, u minħabba f’hekk qed jeżawrixxu l-istokkijiet individwali tal-ħut u qed jheddu l-ekosistema marittima. L-industrija tas-sajd qed tesperjenza anqas qbid u qed tiffaċċja futur inċert.

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni fl-2011 ipproponiet riforma ambizzjuża tal-politika. Din ir-riforma hija dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti għal futur aħjar kemm għall-ħut u kemm għas-sajd, kif ukoll għall-ambjent tal-baħar li jsostnihom. Ir-riforma se tikkontribwixxi għall-Istrateġija tal-Ewropa 2020 u l-politika se tiġi żviluppata bħala parti mill-ekonomija marittima usa' biex jiġu żgurati politiki aktar koerenti għall-ibħra u ż-żoni kostali tal-UE permezz ta’ ħidma immirata għal prestazzjoni ekonomika b’saħħitha tal-industrija, tkabbir inklussiv u koeżjoni mtejba fir-reġjuni kostali.

Is-sostenibbiltà tinsab fil-qalba tar-riforma proposta. Is-sostenibbiltà tas-sajd tfisser sajd f'livelli li ma jipperikolawx ir-riproduzzjoni tal-istokkijiet u li jipprovdu rendiment għoli fit-tul. Dan jitlob li jkun immaniġġjat il-volum tal-ħut li jinqabad permezz tas-sajd. Il-Kummissjoni qed tipproponi li sal-2015, l-istokkijiet jridu jiġu sfruttati sa livelli sostenibbli, definiti bħala l-akbar qabda li tista’ ssir b’mod sikur sena wara sena u li żżomm id-daqs tal-popolazzjoni tal-ħut fi produttività massima. Dan il-livell huwa magħruf bħala r-‘rendiment massimu sostenibbli’ (‘maximum sustainable yield’ (MSY)). Dan l-għan ġie stabbilit fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Ibħra, u ġie adottat fis-Summit Dinji tal-2002 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli bħala mira li d-dinja għandha tilħaq sal-2015.

L-istimi1 juru li kieku l-istokkijiet ġew sfruttati b'dan il-mod, id-daqs tal-istokkijiet kien jikber b'madwar 70%. Il-qabdiet inġenerali kienu jiżdiedu b’madwar 17%, id-dħul jiżdied b’24% għas-sajjieda (jew EUR 1.8 biljun) fis-sena u l-pagi għall-ekwipaġġ jistgħu jitilgħu b’25%.

Is-sajd sostenibbli għandu wkoll jeħles lis-settur tas-sajd mid-dipendenza fuq is-sostenn pubbliku. Dan għandu jagħmilha aktar faċli biex jinkisbu prezzijiet stabbli b'kundizzjonijiet trasparenti, li joffru benifiċċji viżibbli lill-konsumaturi. Industrija b'saħħitha, effiċjenti u ekonomikament vijabbli li topera b'kundizzjonijiet tas-suq għandu jkollha rwol iktar importanti u attiv fil-ġestjoni tal-istokkijiet.

Liema huma l-elementi ewlenin tal-proposti tal-Kummissjoni?

Il-ġestjoni multiannwali bbażata fuq l-ekosistema

Biex terġa’ tinbena ekonomija enerġetika tas-sajd fl-Ewropa, l-ambjent tal-baħar għandu jiġi protett b’mod aktar effettiv. Minn issa 'l quddiem, is-sajd fl-UE se jiġi ġestit permezz ta’ pjanijiet multiannwali u mmexxi mill-approċċ tal-ekosistema u l-prinċipju ta’ prekawzjoni biex ikun żgurat li l-impatti tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar ikunu limitati. L-industrija tas-sajd se jkollha bażi aħjar u aktar stabbli għall-ippjanar u l-investiment fit-tul. Dan għandu jissalvagwardja r-riżorsi u jimmassimizza r-riżultati pożittivi f’perjodu fit-tul.

Il-pjanijiet tal-ġestjoni multiannwali għandhom jinbidlu mill-pjanijiet attwali ta’ stokk uniku għal pjanijiet ibbażati fuq is-sajd – li jkopru aktar stokkijiet ta’ ħut f’anqas pjanijiet, bil-għan li sal-2015 jintlaħqu livelli sostenibbli. L-istokkijiet li mhumiex skont il-pjanijiet se jiġu ġestiti permezz tal-iffissar tal-opportunitajiet tas-sajd mill-Kunsill, u permezz ta’ miżuri tekniċi u ta’ konservazzjoni oħrajn li huma parti mis-sett ta' strumenti proposti.

Il-projbizzjoni tar-rimi fil-baħar

Ir-rimi, jiġifieri l-prassi li jintrema fil-baħar il-ħut mhux mixtieq, huwa stmat li jlaħħaq it-23% tal-qbid totali (sostanzjalment aktar f’ċertu sajd!). Din il-prassi inaċċettabbli se titneħħa bi skeda preċiża għall-implimentazzjoni u flimkien ma’ ċerti miżuri sostantivi. Is-sajjieda se jkunu obbligati jniżżlu fuq l-art l-ispeċijiet kollha kummerċjali li jaqbdu. Ħut ċkejken ħafna ma jkunx jista’ jinbiegħ għall-konsum mill-bniedem.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bastimenti tas-sajd tagħhom huma mgħammra biex tkun żgurata dokumentazzjoni sħiħa tal-attivitajiet tas-sajd u tal-ipproċessar kollha sabiex issir sorveljanza tal-konformità mal-obbligu li l-qabdiet kollha jitniżżlu l-art.

Din il-projbizzjoni se twassal għal dejta aktar affidabbli tal-istokkijiet tal-ħut, issostni ġestjoni aħjar u ttejjeb l-effiċjenza tar-riżorsi. Hija wkoll inċentiv għas-sajjieda biex jevitaw qbid ta’ ħut li ma jkunux jixtiequ permezz ta’ soluzzjonijiet tekniċi bħal irkaptu tas-sajd aktar selettiv.

Is-sajd isir iħalli profitt

Mill-2014, se tiġi introdotta sistema ta’ ishma trasferibbli tal-qbid magħrufa bħala 'konċessjonijiet' għal bastimenti itwal minn 12-il metru u għall-bastimenti kollha li jużaw irkaptu rmunkat. Sistema trasparenti tagħti d-dritt lil sidha li jkollu sehem mill-opportunità tas-sajd nazzjonali, u b'hekk ikun jista' jikri jew ibigħ il-konċessjonijiet tiegħu. Din is-sistema ġdida kienet ġiet proposta sabiex tagħti lill-industrija tas-sajd perspettiva fit-tul, aktar flessibbiltà u responsabbiltà akbar, filwaqt li fl-istess ħin tnaqqas il-kapaċità żejda. Madanakollu, kemm il-Kunsill kif ukoll il-Parlament qed iħarsu lejn miżuri alternattivi fir-rigward tal-ġestjoni tal-kwoti u l-flotot.

Appoġġ għas-sajd fuq skala żgħira

Fl-UE, il-flotta tas-sajd fuq skala żgħira tammonta għal 77% tat-total tal-flotta tal-UE fl-għadd ta’ bastimenti iżda għal 8% biss fit-total tal-UE f’tunnellati (id-daqs tal-bastiment) u 32% f’termini tal-qawwa tal-magna tal-UE. Is-sajd kostali fuq skala żgħira ta’ spiss ikollu rwol importanti fit-tessut soċjali u fl-identità kulturali ta’ diversi reġjuni kostali tal-Ewropa. Għaldaqstant dan jeħtieġ appoġġ speċifiku. Il-PKS riformata testendi d-dritt tal-Istati Membri biex jirrestrinġu s-sajd f’żona ta' 12-il mil nawtiku tal-kosta sal-2022. Is-sajd fuq skala żgħira jista’ jiġi eżentat ukoll mill-iskema ta’ konċessjonijiet trasferibbli tas-sajd. L-istrument finanzjarju futur għas-sajd se jinkludi miżuri ta’ benefiċċju għas-sajd fuq skala żgħira u se jgħin lill-ekonomiji lokali biex jadattaw għall-bidliet.

Tinħoloq akkwakultura sostenibbli

Qafas aħjar għall-akkwakultura se jżid il-produzzjoni u l-provvista tal-ikel tal-baħar fl-UE, inaqqas id-dipendenza fuq il-ħut importat u jagħti spinta liż-żoni kostali u rurali. Sal-2014, l-Istati Membri se jagħmlu abbozz ta’ pjanijiet strateġiċi nazzjonali biex jeliminaw l-ostakli amministrattivi u jżommu l-istandards ambjentali, soċjali u ekonomiċi għall-industrija tal-fish farms. Se jitwaqqaf Kunsill Konsultattiv ġdid għall-Akkwakultura biex jagħti l-pariri dwar kwistjonijiet marbuta mal-industrija. Teżisti dimensjoni ċara tal-UE fl-iżvilupp tal-akkwakultura: l-għażliet strateġiċi li jsiru fuq livell nazzjonali jista' jkollhom effett fuq tali żvilupp fi Stati Membri ġirien.

Jittejjeb l-għarfien xjentifiku

Informazzjoni affidabbli u aġġornata dwar l-istat tar-riżorsi tal-baħar hija essenzjali biex issostni deċiżjonijiet ta’ ġestjoni soda kif ukoll l-implimentazzjoni effettiva tal-PKS riformata. Il-proposta tistabbilixxi r-regoli u l-obbligi bażiċi għall-Istati Membri dwar il-ġbir tad-dejta, il-ġestjoni, id-disponibbiltà tad-dejta u d-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-Kummissjoni. L-Istati Membri se jiġu inkarigati bil-ġbir, iż-żamma u l-qsim tad-dejta xjentifika dwar l-istokkijiet tal-ħut u l-impatt tas-sajd fuq il-livell tal-baċir tal-baħar. Se jiġu stabbiliti programmi nazzjonali ta’ riċerka biex jikkoordinaw din l-attività.

Tmexxija diċentralizzata

Il-proposta tal-Kummissjoni se tqarreb aktar id-deċiżjonijiet lejn iż-żoni tas-sajd, u se tikkjarifika r-rwoli u l-obbligi ta’ kull attur. Se ttemm il-mikroġestjoni minn Brussell sabiex il-leġiżlaturi tal-UE jiddefinixxu biss il-qafas ġenerali, il-prinċipji u l-istandards bażiċi, il-miri globali, l-indikaturi tal-prestazzjoni u l-iskedi taż-żmien. L-Istati Membri mbagħad se jiddeċiedu l-miżuri proprji ta' implimentazzjoni, u se jikkoperaw fuq livell reġjonali. Il-proposta tinkludi d-dispożizzjonijiet biex ikun żgurat li l-Istati Membri konċernati jadottaw il-miżuri li huma kompatibbli u effettivi. Huwa stabbilit mekkaniżmu ta' rkupru għal azzjoni mill-Kummissjoni f'każijiet fejn l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jaqblu, jew fejn il-miri ma jkunux qed jintlaħqu.

Politika ġdida tas-suq – setgħa lis-settur u konsumaturi informati aħjar

Proposta għal Politika ġdida tas-Suq hija parti minn pakkett propost biex ikun żgurat li l-organizzazzjoni tas-swieq komuni għall-prodotti tas-sajd tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-PKS il-ġdida. Il-proposta għandha l-mira li ssaħħaħ il-kompetittività tal-lndustrija tal-UE, ittejjeb it-trasparenza tas-swieq, u tiżgura l-istess opportunitajiet għall-prodotti kollha kummerċjalizzati fl-Unjoni.

Tinkludi wkoll modernizzazzjoni tal-iskema ta’ intervent peress li s-sistema attwali tal-infiq tal-flejjes pubbliċi biex jinqered il-ħut mhix ġustifikabbli aktar. Il-proposta se tinbidel b’mekkaniżmu ta’ ħżin simplifikat li bih l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jkunu jistgħu jixtru prodotti tas-sajd meta l-prezzijiet jinżlu taħt ċertu livell, u jaħżnu l-prodotti ħalli jkunu jistgħu jqegħduhom fis-suq fi stadju ulterjuri. Din is-sistema se tistabbilizza s-suq.

L-organizzazzjonijiet tal-produtturi se jkollhom ukoll rwol akbar b’ġestjoni, monitoraġġ u kontroll kollettivi. Kummerċjalizzazzjoni aħjar tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura tal-UE se tgħin biex jonqos l-iskart u se tipprovdi lil produtturi bir-rispons tas-suq.

Standards ġodda ta’ kummerċjalizzazzjoni dwar it-tikkettar, il-kwalità u t-traċċabbiltà se jagħtu informazzjoni aktar ċara lill-konsumaturi u tgħinhom isostnu s-sajd sostenibbli. Ċerta informazzjoni fit-tikkettar se tkun obbligatorja, pereżempju biex issir differenza bejn il-prodotti tas-sajd u dawk tal-akkwakultura; dettalji oħra jistgħu jingħataw fuq bażi volontarja.

Strument finanzjarju modern u adattat

Se tingħata għajnuna finanzjarja tal-UE biex issostni l-għanijiet sostenibbli tal-PKS il-ġdida. L-għajnuna finanzjarja tingħata bil-kundizzjoni li jkun hemm konformità mar-regoli, u dan il-prinċipju se japplika kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-operaturi.

Għall-Istati Membri, in-nuqqas ta’ konformità jista’ jirriżulta f’interruzzjoni, sospensjoni jew korrezzjoni finanzjarja lill-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni. Għall-operaturi, ksur serju jista’ jwassal biex ikun projbit l-aċċess għall-għajnuna finanzjarja jew għal tnaqqis finanzjarju. Barra minn hekk, il-proposta tintroduċi l-obbligu għall-Istati Membri, meta jagħtu għajnuna finanzjarja, li jqisu l-imġiba (b'mod partikolari n-nuqqas ta' ksur serju) tal-operaturi fil-passat riċenti.

Tittieħed responsabbiltà internazzjonali

Skont il-FAO, kważi 85% tal-istokkijiet tal-ħut fid-dinja li informazzjoni dwarhom hija disponibbli huma rrapportati li huma sfruttati bis-sħiħ jew li huma sfruttati b’mod esaġerat. Minħabba li l-UE hija l-akbar importatur fid-dinja tal-prodotti tas-sajd f’termini ta’ valur, din trid taġixxi kemm fit-territorju tagħha kif ukoll barra minnu. Il-politika tas-sajd estern għandha tkun parti integrali mill-PKS. F’organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, għaldaqstant, l-UE se tħaddan il-prinċipji tas-sostenibbiltà u l-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut u l-bijodiversità tal-baħar. Se tistabbilixxi alleanzi ma’ sħab ewlenin u tieħu azzjonijiet magħhom biex tiġġieled is-sajd illegali u tnaqqas il-kapaċità żejda.

L-UE se tippromwovi s-sostenibbiltà, tmexxija tajba u l-prinċipji tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fi ftehimiet bilaterali dwar is-sajd ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE. Ftehimiet ta’ Sajd Sostenibbli (SFAs) se jieħdu post il-Ftehimiet ta’ Sħubija tas-Sajd eżistenti (FPAs) u se jiżguraw li l-isfruttar tar-riżorsi tas-sajd isir skont pariri xjentifiċi sodi biss li huma mmirati għar-riżorsi żejda li dak il-pajjiż sieħeb ma jistax jew ma jkunx irid jistad għalihom hu stess. Skont l-SFAs, il-pajjiżi sħab għandhom jiġu kkumpensati talli jkunu taw aċċess għar-riżorsi tas-sajd tagħom u għandha tingħata għajnuna finanzjarja lill-pajjiżi sħab għall-implimentazzjoni ta' politika tas-sajd sostenibbli.

Se jkun hemm regoli ġodda dwar il-Kontroll u l-Infurzar?

Il-proposta hija konsistenti mal-iskema l-ġdida ta’ kontroll tal-UE mill-20102 u tintegra l-elementi bażiċi tal-iskema tal-kontroll u l-infurzar mal-konformità mar-regoli tal-PKS. Fid-dawl tal-introduzzjoni tal-obbligu li jniżżlu l-ħut fuq l-art u biex jiġi evitat ir-rimi fil-baħar, il-Kummissjoni qed tipproponi obbligi tal-monitoraġġ u l-kontroll b’mod partikolari b’rabta mas-sajd kompletament dokumentat, kif ukoll proġetti pilota dwar teknoloġiji ġodda ta’ kontroll tas-sajd li jikkontribwixxu għal sajd sostenibbli.

Meta se tidħol fis-seħħ ir-riforma?

Il-proposta tal-Kummissjoni qed tiġi diskussa fil-Kunsill tal-Ministri tas-Sajd u fil-Parlament Ewropew. Filwaqt li għadu ma ntlaħaq l-ebda ftehim finali, dwar ċerti miżuri importanti ż-żewġ istituzzjonijiet esprimew l-appoġġ tagħhom għal dan l-approċċ. Dan l-appoġġ jinkludi l-introduzzjoni tal-MSY bħala mira għall-konservazzjoni tar-riżorsi, il-projbizzjoni fuq ir-rimi fil-baħar, l-idea ta’ tmexxija reġjonalizzata, it-tisħiħ tal-ġbir tad-dejta u l-pariri xjentifiċi, u li fil-PKS jiddaħħlu kapitli dwar l-akkwakultura u dwar id-dimensjoni esterna.

Ir-regoli l-ġodda se jidħlu fis-seħħ ladarba l-Kunsill tal-Ministri u l-Parlament Ewropew ikunu vvotaw dwar il-proposti. L-implimentatazzjoni se tkun waħda progressiva għaliex is-settur jeħtieġlu jadatta ħalli jkun jista’ jagħti r-riżultati.

Għal iktar informazzjoni:

IP/13/96

Riforma tas-sit elettroniku tal-PKS:

http://ec.europa.eu/fisheries/reform/proposals/index_mt.htm

1 :

Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-Politika Komuni tas-Sajd

2 :

Ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 u Nru 1224/2009


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site