Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, is-26 ta' Lulju 2013

L-istaġun tal-btajjel: Suġġerimenti utli għal sajf mingħajr inkwiet

Bil-ftuħ diġà tal-istaġun tal-vaganzi u b’miljuni ta’ Ewropej bil-ħsieb li jivvjaġġaw ġewwa u barra mill-Unjoni Ewropea, hemm ċerti konsiderazzjonijiet tal-ivvjaġġar li kull Ewropew għandu jkun konxju tagħhom. Dawn il-pariri jikkonċernaw l-assigurazzjoni tas-saħħa, is-soluzzjoni ta’ tilwim mal-operatur fuq is-safar jew is-safar b’annimali domestiċi u jipprovdu viżjoni utli dwar il-modi kif l-UE qiegħda taħdem biex tgħin u tassisti lill-vjaġġaturi tal-UE.

Se nivvjaġġa barra mill-Ewropa iżda pajjiżi ma għandux ambaxxata jew konsulat fid-destinazzjoni tiegħi. Lil min għandi nikkuntattja jekk ikolli bżonn l-għajnuna?

Bħala ċittadin ta’ Stat Membru tal-UE, int awtomatikament ċittadin tal-UE, u għalhekk intitolat għall-għajnuna konsulari jekk int barra mill-UE (anki jekk pajjiżek ma jkunx irrappreżentat). Tista’ tmur għand kwalunkwe konsulat jew ambaxxata ta’ Stat Membru ieħor tal-UE biex titlob l-għajnuna, pereżempju jekk tiġi arrestat, ikollok inċident serju jew titlef xi dokumenti importanti.

Inti intitolat ukoll għal għajnuna f’sitwazzjonijiet ta' kriżi: Meta jinqala’ l-bżonn, l-Istati Membri tal-UE jridu jgħinu liċ-ċittadini jevakwaw daqslikieku kienu ċ-ċittadini tagħhom stess.

Tista’ tiskopri jekk pajjiżek hux rappreżentat fil-pajjiż li qed iżżur fuq il-websajt tal-protezzjoni konsulari tal-Kummissjoni Ewropea:

http://ec.europa.eu/consularprotection

Lil min għandi nsejjaħ jekk it-tfal tiegħi jiġu nieqsa?

L-Unjoni Ewropea qablet fuq numru komuni tal-helpline (116 000) biex ikunu rrapportati tfal li jiġu nieqsa fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE. Sew jekk inti ġenitur li wildek ġie nieqes, sew jekk int tifel li ntlift jew ħrabt, u sew jekk int persuna li għandek informazzjoni dwar tfal nieqsa, int tista’ ċċempel dan l-istess numru. Dan se jqabbdek ma’ organizzazzjoni bl-esperjenza li kapaċi tipprovdi appoġġ u għajnuna prattika, kemm jekk psikoloġika, legali kif ukoll jekk amministrattiva.

Għal aktar informazzjoni:

http://www.hotline116000.eu/

Matul il-btajjel tiegħi, kelli problemi ma’ linja tal-ajru, kumpanija tal-kiri tal-karozzi jew operatur turistiku. Min jista’ jgħini?

Jekk ikolli kanċellazzjonijiet jew dewmien fit-titjiriet, fil-vjaġġi bit-trejn, bix-xarabank jew bid-dgħajjes …

Jekk tkun vittma ta' dewmien twil jew kanċellazzjoni, bil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri li tkopri t-trasport bl-ajru, bil-ferrovija, fuq l-ilma, bix-xarabank u bil-kowċ, mhux biss se tirċievi għajnuna adegwata iżda lanqas ikollok għalfejn tħallas għal xi kamra f'lukanda jekk ikun xi każ gravi. "Bħalissa l-UE hija l-ewwel żona fid-dinja b'sett sħiħ ta' drittijiet tal-passiġġieri għall-mezzi kollha ta' trasport" qal il-Viċi President Kallas waqt it-tnedija tal-kampanja ta' informazzjoni ġdida dwar id-drittijiet tal-passiġġieri. "Iżda jekk iċ-ċittadini Ewropej ma jkunux jafu kif jitolbu d-drittijiet tagħhom, dawn jitilfu l-valur tagħhom." Qabel ma ssiefer fittex informazzjoni dwar kif għandek titlob id-drittijiet tiegħek fl-ajruporti, fil-porti, fl-istazzjonijiet tax-xarabanks u tat-trejns fl-Ewropa, jew niżżel l-applikazzjoni għall-ismartphones.

Liema dispożizzjonijiet speċifiċi japplikaw jekk jien persuna b’diżabilità?

Ġiet stabbilita leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-UE li tipproteġi lil persuni b’diżabilità u persuni b’mobilità mnaqqsa minn diskriminazzjoni fl-ivvjaġġar bl-ajru jew it-trejn, biex tippermettilhom li jkollhom l-istess aċċess għall-mobilità bħaċ-ċittadini l-oħra.

Tista’ tiċċekkja l-links li ġejjin għall-informazzjoni kollha:
bl-ajru:
http://ec.europa.eu/transport/passenger-rights/mt/03-air.html
bit-trejn: http://ec.europa.eu/transport/passenger-rights/mt/13-rail.html

Barra minn hekk, jekk qed tivvjaġġa bil-karozza u int intitolat li tuża l-faċilitajiet ta' parkeġġ għall-persuni b'diżabilità f'pajjiżek, il-mudell standard tal-UE għall-karti tal-parkeġġ b'diżabilità jippermettilek li tuża l-faċilitajiet ta' parkeġġ mogħtija lill-persuni b'diżabilità f'pajjiżi oħra tal-UE.

Aktar aktar informazzjoni: http://ec.europa.eu/justice/discrimination/disabilities/parking-card

Niżżel l-applikazzjoni! Drittijietek dejjem fuqek.

Jekk int tuża l-ismartphone tista’ tniżżel l-applikazzjoni l-ġdida dwar id-drittijiet tal-passiġġiera u għandek l-informazzjoni kollha l-ħin kollu.

Biex tniżżel l-applikazzjoni jekk jogħġbok segwi dan il-link:
http://ec.europa.eu/transport/passenger-rights/mt/mobile.html

Ibbukkjajt package holiday iżda l-operatur tiegħi falla. Nista’ nieħu rimborż?

Id-Direttiva dwar il-Vjaġġi Kollox Kompriż tipproteġi l-konsumaturi Ewropej li jmorru fuq btala u tkopri package holidays rranġati minn qabel li jikkombinaw tal-inqas tnejn minn dawn li ġejjin: (1) it-trasport, (2) l-akkomodazzjoni (3) servizzi turistiċi, bħalma huma ż-żjajjar f’postijiet ta’ interess turistiku (mibjugħin inklużi fil-prezz).

Id-Direttiva tipprovdi protezzjoni li tkopri: it-tagħrif li hemm fil-fuljetti, id-drittijiet li wieħed iħassar mingħajr ma jħallas penali, ir-responsabbiltà għas-servizzi (pereżempju, lukandi ta’ standard baxx iżżejjed) u l-protezzjoni fil-każ li operatur turistiku jfalli jew kumpanija tal-ajru tfalli.

Fil-futur, din il-protezzjoni se tiġi estiża għat-turisti li jibbukkjaw packages personalizzati onlajn (minn negozjant wieħed jew mingħand negozjanti differenti marbuta flimkien kummerċjalment), skont proposti ġodda mill-Kummissjoni Ewropea (IP/13/663). Madwar 120 miljun persuna se tikseb protezzjoni addizzjonali.

Fil-btajjel tiegħi ħadt gost ħafna tant li qed nitħajjar nixtri timeshare fl-istess kumpless. X’inhuma r-regoli?

Grazzi għal regoli ġodda tal-UE li issa huma fis-seħħ fl-Istati Membri kollha (IP/12/528), il-bejjiegħa tat-timeshares għandhom jipprovdu tagħrif dettaljat lill-klijenti f’ħin xieraq, qabel ma l-konsumatur jintrabat bi kwalunkwe kuntratt, inkluż il-prezz li jrid jitħallas, deskrizzjoni tal-prodott u l-perjodu eżatt u t-tul tas-soġġorn li l-konsumatur huwa intitolat għalih skont il-kuntratt. Din l-informazzjoni għandha tingħata fil-lingwa tal-klijent stess, jekk dan jagħżel hekk.

Ir-regoli jiżguraw ukoll li l-klijenti jkunu jistgħu jirtiraw minn kuntratt fil-perjodu "cooling-off" ta’ 14-il jum kalendarju u li n-negozjanti ma jkunux jistgħu jitolbu lill-klijenti xi forma ta' ħlas bil-quddiem jew depożitu matul dak il-perjodu. Qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, in-negozjant jeħtieġlu li espliċitament jiġbed l-attenzjoni tal-konsumatur għall-eżistenza tad-dritt għall-irtirar, it-tul tal-perjodu ta’ rtirar u l-projbizzjoni fuq il-ħlas bil-quddiem tul il-perijodu ta’ rtirar.

Kontijiet tat-telefon eżorbitanti jħassru l-baġit tiegħi tal-btala. Kif nista’ nnaqqashom waqt li nkun qed nivvjaġġa?

L-UE qiegħdha wkoll tiffrankalek il-flus meta taqsam il-fruntieri. Miżuri ġodda li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Lulju ifissru li l-ispejjeż tar-roaming għal firxa ta' servizzi tal-mowbajl naqsu b'aktar minn 80 % mill-2007 s'issa u dawn jinkludu t-tnaqqis sa 91 % tar-roaming tad-dejta. "L-ivvjaġġar fl-UE, minn Lisbona sa Żagreb, huwa iktar faċli u irħas bit-tariffi l-ġodda tar-roaming fl-UE li bdew mill-1 ta' Lulju" ħabbret il-Viċi President Kroes. "U dan mhux kollox. Dan is-sajf, se nippreżentaw aktar soluzzjonijiet fuq terminu twil biex irażżnu t-tariffi tar-roaming. Irridu noħolqu Suq Uniku tat-Telekomunikazzjoni sabiex il-konnessjonijiet ma jintilfux meta jinqasmu l-fruntieri."

U dan xi jfisser għalik? Familja li tmur għal btala darba fis-sena f'pajjiż ieħor tal-UE se tiffranka madwar EUR 250. Persuna tan-negozju li tivvjaġġa fl-UE se tiffranka medja ta' aktar minn EUR 1150 fis-sena. Dan is-sajf, l-UE qiegħdha troddlok il-flus lura f'butek biex tonfoqhom f'affarijiet li huma tassew importanti.

X’għandi nkun naf jekk irrid intella’ l-annimal domestiku tiegħi (qattus, kelb jew nemes) għal btala fl-UE?

Ċittadin tal-UE li qed jivvjaġġa fl-UE: Huwa possibbli li tivvjaġġa fl-UE bl-annimal domestiku tiegħek: hemm bżonn biss li żżomm xi ftit punti f'moħħok. Fuq il-passaport tal-annimal domestiku tiegħek għandu jitniżżel tilqim kontra l-marda tar-rabja validu meta tkun qed tivvjaġġa bil-kelb tiegħek lejn pajjiż tal-UE ieħor. Madankollu, jekk tivvjaġġa lejn l-Irlanda, il-Finlandja, Malta jew ir-Renju Unit l-annimal domestiku tiegħek jeħtieġ ukoll li jgħaddi minn trattament kontra l-parassiti. Dawn ir-regoli huma applikabbli biss għall-klieb, il-qtates u l-inmsa domestiċi. Għal klieb jew qtates żgħar jew kwalunkwe tip ieħor ta’ annimal domestiku, huwa rakkomandabbli li tivverifika mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tal-UE li int qed tippjana li żżur biex issib il-kondizzjonijiet speċifiċi li dan jistabbilixxi għall-ivvjaġġar lejn dak il-pajjiż bl-annimal domestiku tiegħek.

Għal aktar informazzjoni:

http://ec.europa.eu/food/animal/liveanimals/pets/nat_rules_dogscatferret_en.htm

Ċittadin tal-UE li jirritorna lejn pajjiżu minn barra l-UE: Passaport għall-annimali domestiċi jintuża għall-annimali domestiċi li jivvjaġġaw fil-pajjiżi tal-UE jew jirritornaw lura lejn pajjiżhom minn barra l-UE. Skont id-destinazzjoni tal-btala tiegħek, l-annimal domestiku tiegħek jista’ jkun meħtieġ li, minbarra t-tilqim kontra l-marda tar-rabja, isirulu t-testijiet u jistenna għal tliet xhur qabel ma jidħol fl-UE.

Jekk inti resident ta’ Andorra, l-Islanda, il-Liechtenstein, Monako, in-Norveġja, San Marino, l-Isvizzera u l-Istat tal-Belt tal-Vatikan u għandek passaport għall-annimal domestiku tiegħek, inti intitolat li tivvjaġġa bl-annimal domestiku tiegħek fl-UE.

Għal aktar informazzjoni:

http://ec.europa.eu/food/animal/liveanimals/pets/index_en.htm

Nista’ nġib miegħi xi laħam jew ġobon mill-btajjel tiegħi barra?

Meta tirritorna lura f’pajjiżek minn ħafna mill-pajjiżi barra mill-UE, huwa illegali li ġġib lura xi laħam jew prodotti tal-ħalib, sew jekk dawn huma għalik u sew jekk dawn huma rigal għall-oħrajn.

Ftit pajjiżi ġirien huma esklużi. Pereżempju, jekk inti qed tirritorna mill-Gżejjer Faeroe, il-Groenlandja jew l-Islanda tista ddaħħal lura inqas minn 10 kilogrammi ta' ċerti prodotti ta oriġini mill-annimali. Hemm ukoll xi ftit eċċezzjonijiet oħra: waħda, pereżempju, tikkonċerna l-ħalib tat-trab tat-trabi, l-ikel tat-trabi u l-ikel speċjali jew l-ikel tal-annimali domestiċi meħtieġa għal raġunijiet mediċi. Dawn il-prodotti, madankollu, għandhom ikunu f’ippakkjar issiġillat u ma għandhomx ikunu jiżnu aktar minn żewġ kilos jew jeħtieġu refriġerazzjoni qabel jinfetħu.

Tista’ wkoll iġġib miegħek ċerti ħut u frott tal-baħar sakemm ma jaqbżux piż ta’ 20 kilo, ħlief mill-Gżejjer Faeroe jew l-Islanda fejn ma japplikaw l-ebda restrizzjonijiet ta’ piż. Prodotti tal-annimali oħrajn, bħall-għasel, għandhom ukoll restrizzjoni ta piż ta żewġ kilos.

Meta tittrasporta prodotti tal-annimali bejn il-pajjiżi fl-UE, dawn ir-regoli ma japplikawx. Lanqas ma japplikaw jekk inti ġej minn Andorra, il-Liechtenstein, in-Norveġja, San Marino jew l-Isvizzera.

Aktar restrizzjonijiet jistgħu japplikaw fil-każ ta’ mard tal-annimali infettiv fil-pajjiżi terzi.

Fil-każ ta’ dubju, huwa rakkomandat li tiċċekkja mas-servizz veterinarju fil-punt tad-dħul fl-UE (l-ajruport, il-port, it-triq, eċċ.).

Huwa importanti li niftakru illi dawn ir-regoli jeżistu sabiex tkun protetta s-saħħa tiegħek u s-saħħa tal-annimali tal-UE minn mard serju tal-annimali.

Għal aktar informazzjoni, iċċekkja l-websajt dwar l-ivvjaġġar Europa! http://europa.eu/youreurope/citizens/travel/index_mt.htm

Għal iktar mistoqsijiet komuni: http://europa.eu/youreurope/citizens/travel/faq/index_mt.htm#need-help

Jekk tixtieq tistaqsi mistoqsija oħra, tista’ tagħmel dan fuq dan l-indirizz: http://europa.eu/youreurope/citizens/help/index_mt.htm

X'inhuma d-drittijiet tiegħi jekk nissellef xi flus biex inħallas il-package holiday tiegħi?

Id-Direttiva dwar il-Kreditu lill-Konsumatur tagħtik ċertu drittijiet meta tixtri xi ħaġa bi kreditu.

Il-5 drittijiet l-aktar importanti li għandek iżżomm f'moħħok huma d-dritt għal reklamar trasparenti, id-dritt li tirċievi ċerta informazzjoni prekuntrattwali, li permezz tagħha tkun tista' tqabbel faċilment l-offerti, id-dritt li tirċievi kopja tal-ftehim hekk kif tkun iffirmajt, id-dritt li toħroġ mill-kuntratt fi żmien 14-il ġurnata f'każ li tbiddel fehmtek u fl-aħħar nett id-dritt li tħallas il-kreditu qabel iż-żmien u b'hekk jingħatalek kumpens ġust.

Għal aktar informazzjoni:

http://ec.europa.eu/consumers/citizen/my_rights/consumer-credit/index_mt.htm

Waqt il-btala tiegħi, kelli problemi bix-xiri ta' oġġetti jew ta' servizzi. Meta nasal lura d-dar, lil min nista' nikkuntattja?

Jekk inti resident fl-UE, fin-Norveġja jew fl-Islanda, tista' tingħata għajnuna b'xejn la darba tasal lura d-dar. Ikkuntattja ċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur (ECC) f'pajjiżek jekk xtrajt oġġetti jew servizzi minn negozjanti bbażati f'pajjiż ieħor tal-UE, fin-Norveġja jew fl-Islanda. L-ECC jista' jagħtik informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħek bħala konsumatur dwar ix-xiri u l-ivvjaġġar tiegħek fl-UE - minn kiri ta' karozza, ibbukkjar ta' package holiday jew ta' titjira, sa xiri ta' oġġetti onlajn minn barra l-pajjiż.

Għal aktar informazzjoni: http://ec.europa.eu/consumers/ecc/contact_en.htm

Waqt il-btala tiegħi, kelli problemi bix-xiri tiegħi. Xrajt żarbun ġdid iżda tqatta' wara ġimgħa. Kif nista' nieħu l-flus lura? X'inhuma r-regoli?

Fi kwalunkwe pajjiż tal-UE li fih tagħmel ix-xiri tiegħek, għandek drittijiet bażiċi tal-konsumatur li bilfors iridu jiġu rispettati. Għandek sentejn garanzija - il-bejjiegħ irid isewwilek jew jibdillek l-oġġett difettuż mingħajr ħlas. Jekk dan ma jkunx possibbli, fi żmien raġonevoli jew mingħajr inkonvenjenzi, tista' titlob għal rimborż jew għal tnaqqis fil-prezz. Il-garanziji kummerċjali ma jieħdux post il-garanzija minima ta' sentejn iżda jistgħu jikkumplementawha.

Hi x'inhi n-nazzjonalità tiegħek, il-liġijiet tal-konsumatur Ewropew japplikaw għax-xiri ta' oġġetti jew servizzi li jsir fi kwalunkwe ħanut li jinsab fit-territorju tal-UE. Il-garanziji huma rregolati bil-liġi fil-livell Ewropew. Direttiva tal-UE tispeċifika l-livell minimu ta' protezzjoni tax-xerrejja. L-Istati Membri huma obbligati li jimplimentaw ir-rekwiżiti tal-UE fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tista' toffri wkoll livell ogħla ta' protezzjoni.

Għal aktar informazzjoni:

http://ec.europa.eu/consumers/ecc/consumer_topics/buying_goods_services_en.htm

http://europa.eu/youreurope/citizens/shopping/shopping-abroad/guarantees/index_mt.htm

X'jiġri jekk inkun barra l-pajjiż u jkolli bżonn nara tabib?

Tinsiex tieħu miegħek il-Karta tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea (EHIC) jekk tkun se tivvjaġġa f'pajjiż tal-UE, fl-Islanda, fil-Liechtenstein, fin-Norveġja jew fl-Isvizzera. Il-karta se tgħinek biex tiffranka l-ħin, l-inkwiet u l-flus jekk tkun ma tiflaħx jew tkorri waqt li tkun barra l-pajjiż. Il-karta hija disponibbli – bla ħlas – mill-fornituri tal-assigurazzjoni tas-saħħa nazzjonali tiegħek. Din tiżgura aċċess għal trattament urġenti bl-istess kundizzjonijiet u spejjeż bħal dawk tal-persuni assigurati f'dak il-pajjiż li qed iżżur.

Tista' tniżżel applikazzjoni għall-ismartphone tiegħek li se tagħtik informazzjoni ġenerali dwar il-karta, in-numri tat-telefon tal-emerġenza, it-trattamenti koperti u l-ispejjeż, kif jintalab ir-rimborż u l-punt tal-kuntatt f'każ li tintilef il-karta. L-applikazzjoni hija disponibbli f’24 lingwa u dalwaqt se tiġi adattata biex tqis l-adeżjoni riċenti tal-Kroazja fl-UE. L-applikazzjoni ma tieħux post l-EHIC.

Għal aktar informazzjoni:

http://europa.eu/youreurope/citizens/health/unforeseen-treatments/short-visit/index_mt.htm

Għal aktar informazzjoni


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website